Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, is-17 ta' Lulju 2013

Kull ewro jgħodd - Mistoqsijiet li Jsiru Frekwentament dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

X'inhuwa l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew?

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jkun uffiċċju ta' prosekuzzjoni diċentralizzat tal-Unjoni Ewropea bil-kompetenza esklussiva għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq quddiem il qorti ta' reati kontra l-baġit tal-UE. Se jkollu setgħat ta' investigazzjoni uniformi mal-Unjoni kollha fuq il-bażi ta' u integrati fis-sistemi tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se juża l-kapaċitajiet u l-kompetenzi tal-Istati Membri. Prosekuturi ta' esperjenza se jiġu ddelegati mis-sistemi nazzjonali għall-Uffiċċju Ewropew. Bħala regola, se jkunu l-prosekuturi delegati Ewropej li se jwettqu l-operazzjonijiet għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew mill-postijiet tagħhom fl-Istati Membri u skont il-liġi ta' dak l-Istat Membru. L-integrazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fis-sistemi ġudizzjarji nazzjonali għandha ħafna vantaġġi. Il-prosekuturi delegati ikollhom għarfien profond tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, l-ilsien lokali, l-integrazzjoni fl-istruttura ta' prosekuzzjoni lokali u l-prassi tal-ittrattar tal-każijiet fil-qrati lokali. Barra minn hekk, il-ġbir tar-riżorsi ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni tal-Istati Membri se jiżgura teħid ta' deċiżjoni bla xkiel.

X'inhija l-bażi legali għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew?

It-Trattat ta' Lisbona jagħmel enfażi partikolari fuq il-ġlieda serja kontra reati finanzjarji u ekonomiċi ma' dimensjoni transfruntiera. Il-bażi legali u r-regoli għall-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew huma stipulati fl-Artikolu 86 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jiddikjara:

"Sabiex jiġġieled ir-reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kunsill, li jaġixxi permezz ta' regolament skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali, jista' jistabbilixxi Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew mill-Eurojust."

Fid-diskors tiegħu tal-2012 dwar l-Istat tal-Unjoni (DISKORS/12/596), il-President Barroso ħabbar li l-Kummissjoni kienet biħsiebha tippreżenta proposti biex tistabbilixxi Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, kif previst mit-Trattati u bħala parti mill-impenn tal-Kummissjoni biex tħares il-baġit tal-UE.

Il-Kummissjoni Ewropea trid tiżgura li l-baġit tal-Unjoni Ewropea jiġi mħarres b'mod effettiv kontra l-kriminali bl-istess mod li jitħarsu l-finanzi nazzjonali F'Lulju 2012, il-Kummissjoni pproponiet lill-Istati Membri kollha biex jiddefinixxu frodi għad-detriment tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea b'mod simili fil-kodiċi kriminali nazzjonali tagħhom u li kollha għandhom jipprovdu sanzjonijiet kriminali deterrenti simili (IP/12/767, MEMO/12/544). L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jgħin biex il-prosekuzzjoni fl-Istati Membri ssir aktar konsistenti, effettiva u effiċjenti.

L-Istati Membri kollha se jkunu parti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew?

Le. Skont it-Trattati tal-UE, ir-Renju Unit u l-Irlanda għandhom l-hekk imsejħa "esklużjoni fakultattiva" mill-politiki ġudizzjarji u tal-affarijiet interni li jfisser li mhumiex se jieħdu sehem - sakemm ma jiddeċidux li jagħmlu dan b'mod volontarju jew b'mod espliċitu (inklużjoni fakultattiva). Id-Danimarka mhijiex se tieħu sehem ukoll fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew iżda ma għandhiex il-possibbiltà ta' inklużjoni fakultattiva.

Għaliex għandna bżonn ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew?

Illum, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni mhumiex imħarsa biżżejjed. Dan ġara minħabba diversi fatturi:

L-ewwel, il-korpi eżistenti tal-UE – l-OLAF (l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi), Eurojust (l-Aġenzija Ewropea għall-kooperazzjoni fil-ġustizzja kriminali) u l-Europol (l-Uffiċċju tal-Pulizija Ewropew) – ma għandhomx kompetenza biex iwettqu investigazzjonijiet kriminali jew biex jagħmlu prosekuzzjoni ta' każijiet ta' frodi. L-OLAF jista' jirreferi r-riżultati tal-investigazzjonijiet amministrattivi tiegħu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biss, li wara jiddeċiedu b'mod indipendenti jekk ma jibdewx jew le proċedimenti kriminali fuq il-bażi tar-riżultati tal-OLAF.

It-tieni, l-isforzi għall-infurzar tal-liġi nazzjonali huma frammentati madwar l-Istati Membri, li mhux dejjem jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jittrattaw reati kontra l-baġit tal-UE. Illum, każ wieħed biss minn kull ħamsa li jiġu trasferiti mill-OLAF lill-awtoritajiet nazzjonali ta' prosekuzzjoni jwassal għal kundanna. Barra minn hekk, ir-rati ta' kundanna jvarjaw ħafna fost l-Istati Membri.

It-tielet, il-konsegwenza tal-għadd żgħir ta' prosekuzzjonijiet li jkunu ta' suċċess hija li proporzjon żgħir ħafna biss tal-ammont totali li ntilef minħabba frodi li jsir fl-Istati Membri jiġi rkuprat mill-kriminali. Persuni li jwettqu frodi li jimmiraw l-baġit tal-UE jafu li għandhom possibbiltà tajba li jżommu l-qligħ tar-reati tagħhom, dan billi jserrħu fuq nuqqas ta' sforzi konsistenti għall-infurzar tal-liġi fl-UE.

X'inhuwa l-ammont ta' flus li jintilef mill-baġit tal-UE minħabba frodi?

F'kull sena f'dawn l-aħħar tliet snin twettqu medja ta' madwar EUR 500 miljun ta' frodi suspettat fl-Istati Membri, iżda l-ammont reali tal-frodi huwa stmat li huwa sinifikatament ogħla. Iċ-ċifri dwar frodi rrapportat jinkludu frodi li ma jkunx instab, għalhekk iċ-ċifra totali x'aktarx hija ħafna ogħla.

Għaliex il-frodi ma jistax jiġi miġġieled b'mod effettiv mill-Istati Membri?

Bħalissa, l-awtoritajiet nazzjonali biss jistgħu jinvestigaw u jagħmlu prosekuzzjoni tal-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Imma s-setgħat tagħhom jieqfu mal-fruntieri nazzjonali. Bosta drabi r-reati kontra l-interessi finanzjarji tal-UE huma kumplessi. Dawn jinvolvu bosta atturi, skemi ta' frodi kkomplikati u elaborati, bosta pajjiżi u bosta ġurisdizzjonijiet nazzjonali. Barra minn hekk, investigazzjonijiet li jkunu ta' suċċess dwar frodi jeħtieġu fehim fil-fond tal-qafas rilevanti legali u amministrattiv.

Kooperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri hija diffiċli minħabba s-sistemi differenti tal-liġi kriminali, ġurisdizzjoni mhux ċara, proċeduri ta' għajnuna legali diffiċli ħafna u li jieħdu wisq ħin, problemi tal-ilsien, nuqqas ta' riżorsi u prijoritajiet differenti.

Dan jista' jirriżulta li l-frodi kontra l-baġit tal-UE jitqies b'mod nazzjonali bħala li jieħu ħafna ħin u juża għadd kbir ta' persunal. Bħala riżultat, tali frodi jista' jkun li ma jiġix trattat jew każijiet jistgħu jitwaqqgħu hekk kif jibdew jidhru xi diffikultajiet. F'ċerti każijiet, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiddeċiedu biex jinvestigaw biss il-parti nazzjonali "tagħhom" tar-reat, u ma jqisux implikazzjonijiet ħafna usa' ta' skema ta' frodi internazzjonali.

Hemm xi eżempju ta' kif l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jista' jtejjeb is-sitwazzjoni ta' bħalissa?

F'każ partikolari, l-OLAF ittrasferixxa informazzjoni lill-awtoritajiet Ġermaniżi u Bulgari rigward ċittadini Ġermaniżi u Bulgari li (allegatament) ħadmu flimkien biex jiddefrodaw il-fond tal-UE għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali. Billi l-proċedimenti Ġermaniżi wasslu għal kundanna, il-proċedimenti fil-Bulgarija spiċċaw billi s-suspettat inħeles. Għalhekk is-sistema ta' bħalissa wasslet għal riżultati differenti f'każ transfruntiera wieħed. Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew seta' għamel differenza billi jiżgura konsistenza tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni fil-Bulgarija u fil-Ġermanja.

Eżempju ieħor jirrigwarda l-kutrabandu mir-Repubblika Ċeka fil-Ġermanja. Il-qorti kriminali tal-Ġermanja użat reġistri mill-interċettar tal-konverżazzjonijiet tat-telefown miksuba mill-pulizija Ċeka bħala prova biex tikkundanna s-suspettat. Minkejja li l-prova nkisbet b'mod legali skont il-liġi Ċeka, l-avukat tad-difiża argumenta li mingħajr ordni tal-qorti li tawtorizza l-interċettar tal-konverżazzjonijiet tat-telefown, il-prova għandha tkun inammissibbli fil-qorti Ġermaniża.

Bl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-possibbiltà li tali ostakli, minħabba liġijiet proċedurali nazzjonali differenti jfixklu, se tkun ħafna inqas. Skont ir-regoli l-ġodda, l-interċettar tal-konverżazzjonijiet tat-telefown mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-qorti ma setax isir. Barra minn hekk, ir-Regolament jiddikjara li prova miksuba legalment fi Stat Membru hija ammissibbli fil-qrati kollha tal-Istati Membri, sakemm din il-prova tkun inġabret filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet proċedurali skont l-Artikolu 47 (id-dritt għal rimedju effettiv) u l-Artikolu 48 (il-preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritt għad-difiża) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

X'se jinbidel taħt l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew?

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jkollu kompetenza esklussiva għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq quddiem il-qorti ta' reati li jaffettwaw il-baġit tal-UE. Każijiet kumplessi b'dimensjoni transfruntiera għaldaqstant se jiġu kkoordinati u ttrattati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Dan se jegħleb id-diffikultajiet li jinqalgħu mis-setgħat limitati tal-awtoritajiet nazzjonali li jiefqu mal-fruntieri tat-territorju tagħhom.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jiggarantixxi ċiklu ta' infurzar indaqs li jkopri l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-proċess fil-qorti. Permezz tal-Prosekuturi Delegati Ewropej se jkollu setgħat ta' investigazzjoni transfruntiera fl-Istati Membri kollha. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew mhuwiex se jkollu jiddependi fuq għodda intergovernattivi, li bosta drabi huma diffiċli u li jieħdu l-ħin, tal-għajnuna legali bejn l-Istati Membri (bħall-ftehimiet dwar l-Għajnuna Legali Reċiproka jew ir-Rikonoxximent Reċiproku). L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jibbenefika minn regoli ċari li jiggvernaw l-investigazzjonijiet tiegħu u l-ammissibbiltà tal-prova miġbura u ppreżentata fil-qrati, indipendentament f'liema Stat Membru tal-UE jkunu bbażati.

Kif il-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Prosekuturi Delegati Ewropej se jaħdmu flimkien?

Il-Prosekuturi Delegati Ewropej se jiffurmaw parti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Bħala regola, se jkunu l-Prosekuturi Delegati Ewropej li jwettqu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni fl-Istat Membru tagħhom, billi jużaw il-persunal nazzjonali u japplikaw il-liġi nazzjonali. L-azzjonijiet tagħhom se jiġu kkoordinati mill-uffiċċju ċentrali mmexxi mill-Prosekutur Pubbliku Ewropew li se jiżgura koerenza u effiċjenza madwar l-Istati Membri kollha (ara l-grafika fl-ANNESS).

Din l-istruttura diċentralizzata tagħmel il-kompetenza nazzjonali direttament aċċessibbli għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, bħall-għarfien fil-fond tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, l-għarfien tal-ilsien lokali, l-integrazzjoni fl-istruttura tal-prosekuzzjoni lokali, il-prassi fl-ittrattar tal-każijiet tal-qorti lokali, eċċ.

Il-Prosekuturi Delegati Ewropej jistgħu jissokktaw il-funzjonijiet tagħhom bħala prosekuturi nazzjonali ("kariga doppja"). Madankollu, meta jaġixxu taħt il-mandat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-Prosekuturi Delegati se jkunu kompletament indipendenti mill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom ta' prosekuzzjoni.

"Kulleġġ" ta' għaxra – li jgħaqqad il-Prosekutur Pubbliku Ewropew, id-deputati u l-prosekuturi nazzjonali – se jiżgura integrazzjoni indaqs bejn l-UE u l-livell nazzjonali, speċjalment billi jaqbel dwar ir-regoli interni ta' proċedura, inklużi dwar regoli ġenerali dwar l-allokazzjoni tal-każijiet. Din is-sitwazzjoni, li toriġina minn punti mqajma fil-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri tinkludi l-inizjattiva reċenti Franko-Ġermaniża li ssejjaħ għall-istabbiliment ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, se tiżgura wkoll il-koordinazzjoni meħtieġa fil-prosekuzzjoni biex jiġi evitat ir-riskju ta' "inkriminazzjoni doppja" (il-prinċipju ne bis in idem) li jista' jitqajjem jekk reati marbutin flimkien ma jingħatawx każ jew ma jitqisux globalment.

Il-qrati nazzjonali se jkunu kapaċi li janalizzaw l-azzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew?

Iva. L-azzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jistgħu jiġu kkontestati fil-qorti nazzjonali kompetenti.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kompetenti se jkunu responsabbli għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-miżuri investigattivi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fejn il-liġi nazzjonali u l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun teħtieġ li jsir dan.

Il-qrati nazzjonali huma l-qrati kompetenti wkoll. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jeżerċita l-funzjonijiet ta' Prosekutur fil-qrati kompetenti tal-Istati Membri.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tista', bħal dejjem, tiġi involuta permezz tal-proċedura ta' referenza preliminari.

Liema setgħat se jkollu l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew skont ir-Regolament?

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jkollu s-setgħa li jitlob jew li jordna miżuri investigattivi. L-għodda għad-dispożizzjoni tiegħu ġew definiti b'mod ċar fir-Regolament u jinkludu kemm miżuri investigattivi intrusivi u dawk "inqas intrusivi".

Eżempji ta' miżuri intrusivi li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jista' japplika huma li jfittex fl-uffiċini, fil-proprjetà u fis-sistemi tal-kompjuter, jissekwestra oġġetti, interċettar ta' konverżazzjonijiet bit-telefown u l-iffriżar ta' tranżazzjonijiet finanzjarji.

Miżuri inqas intrusivi jistgħu jinkludu mistoqsijiet lill-persuna suspettata u lix-xhieda, il-ħatra ta' esperti fejn ikun hemm il-bżonn ta' għarfien speċjalizzat, jew miżuri biex isegwu u jikkontrollaw persuna biex jiġi stabbilit fejn tkun.

L-eżekuzzjoni tal-miżuri investigattivi hija soġġetta għal-liġi nazzjonali. B'mod partikolari, il-miżura individwali għandha tiġi awtorizzata mill-qorti ġudizzjarja nazzjonali kompetenti jew awtorità oħra jekk il-liġi nazzjonali jew jekk ir-Regolament jirrikjedi li jsir dan.

Sabiex tiġi ggarantita l-effiċjenza tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-provi miġbura legalment fi Stat Membru wieħed ikunu ammissibbli fil-proċeduri tal-qrati tal-Istati Membri kollha.

Kif se tiġi żgurata l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew?

L-ewwel, ir-Regolament jistipula li la se jfittex u lanqas se jieħu struzzjonijiet minn kwalunkwe entità barra l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Din id-dispożizzjoni timplika li l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni u l-Istati Membri jirrispettaw l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u ma jfittxux li jinfluwenzawh fl-eżerċizzji tal-ħidmiet tiegħu. It-tieni, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jkun strutturalment independenti għax mhuwiex se jkun integrat f'istituzzjoni jew servizz oħrajn tal-UE. It-tielet, il-ħatra tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tinvolvi l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ħatra mill-Kunsill bil-kunsens tal-Parlament Ewropew) kif ukoll dawk li kienu membri tal-Qorti tal-Ġustizzja, membri tal-qorti suprema nazzjonali, tas-servizzi tal-prosekuzzjoni pubblika nazzjonali u/jew avukati ta' kompetenza rikonoxxuta li għadhom jgħinu biex titfassal lista tal-kandidati. Il-mandat tiegħu huwa limitat għal tmien snin u mhuwiex rinnovabbli biex b'hekk jiġi żgurat li l-Prosekutur Pubbliku Ewropew ma joperax bil-ħsibijiet li jerġa' jinħatar. Il-Prosekutur Pubbliku Ewropew jista' jitkeċċa mill-Qorti tal-Ġustizzja, wara applikazzjoni mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni.

Rigward il-Prosekuturi Delegati Ewropej nazzjonali, ir-Regolament jiddikjara li l-ħidma tagħhom fuq każijiet għall-Prosekutur Pubbliku Ewropew se tibqa' tieħu preċedenza fuq il-każijiet nazzjonali. Hemm ukoll referenza espliċita fir-Regolament lil-prosekuturi delegati għandhom ikunu kompletament indipendenti mill-awtoritajiet nazzjonali ta' prosekuzzjoni . Il-kunflitt ta' interessi jiġi deċiż mill-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Il-Prosekuturi Delegati Ewropej ma jistgħux jitkeċċew bħala prosekuturi nazzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mingħajr il-kunsens tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, meta jkunu qed jaħdmu f'ismu.

X'jiġri rigward id-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati?

Huwa importanti li jissaħħu s-salvagwardji legali li jħarsu l-individwi u lill-kumpaniji affettwati mill-investigazzjonijiet jew mill-prosekuzzjonijiet fl-Unjoni Ewropea. Il-proposta tinkludi sett b'saħħtu u komprensiv ta' salvagwardji proċedurali, li se jiżguraw li d-drittijiet tas-suspettati u tal-persuni l-oħrajn involuti fl-investigazzjonijiet tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jiġu mħarsa kemm mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u mid-drittijiet ta' difiża nazzjonali.

Il-proposta tikkjarifika li l-persuna suspettata jkollha d-drittijiet kollha mogħtija mil-leġiżlazzjoni tal-UE u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dawn id-drittijiet huma elenkati b'mod espliċitu, u jinkludu d-drittijiet għal:

  • interpretazzjoni u traduzzjoni,

  • informazzjoni u aċċess għall-materjali tal-każ,

  • aċċess għal avukat u li l-persuna tikkomunika ma' u li persuni terzi jiġu infurmati fil-każ ta' detenzjoni,

  • il-persuna tibqa' siekta u titqies innoċenti,

  • għajnuna legali,

  • tkun ippreżentata l-prova, jinħatru esperti u jinstemgħu x-xhieda.

Barra minn hekk, il-persuna suspettata għandha d-drittijiet tad-difiża mogħtija mil-liġi nazzjonali li tirregola l-proċedura.

Għaliex il-proposta tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew qed tiġi ppreżentata b'riforma mill-Eurojust?

Skont l-Artikolu 86(1) TFUE, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jinħoloq mill-Eurojust. Il-pakkett tal-proposti leġiżlattivi tal-lum għandu l-għan li jistabbilixxi rabtiet b'saħħithom u sinerġiji bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet permezz kooperazzjoni effettiva u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni, għarfien u riżorsi.

B'mod partikolari, kemm l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Eurojust jeħtieġu li jiġu involuti fil-każijiet fejn is-suspettati huma involuti fir-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u forom oħrajn ta' reati. Dan jimplika li se jkun hemm il-bżonn għal kooperazzjoni kontinwa mill-qrib. Dispożizzjonijiet rispettivi ġew inklużi kemm fir-Regolament tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u r-Regolament tal-Eurojust. Barra minn hekk, f'każijiet fejn il-kompetenza tidħol f'xulxin f'każijiet ibridi, l-Eurojust jista' jipprovdi għajnuna fit-teħid ta' deċiżjoni rigward kwistjoni ta' ġurisdizzjoni.

L-Eurojust se jipprovdi servizzi ta' appoġġ amministrattiv lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, bħal persunal, finanzi u IT. Pereżempju, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jkun jista' juża l-infrastruttura tal-IT tal-Eurojust, inkluża s-Sistema tiegħu għall-Amministrazzjoni tal-Każ, fajls ta' ħidma temporanji u indiċi, għall-każijiet proprji tiegħu. Id-dettalji ta' dan l-arranġament se jiġu stabbiliti fi ftehim bejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Eurojust.

X'se jkun ir-rwol tal-Eurojust ladarba jiġi stabbilit il-Prosekutur Pubbliku Ewropew?

L-Eurojust se jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni u ta' prosekuzzjoni biex jikkooperaw u jikkoordinaw f'madwar 1,500 każ transkonfinali fis-sena. Huwa għen biex tinbena fiduċja reċiproka u biex tingħaqad il-firxa wiesgħa ta' sistemi u tradizzjonijiet legali. Madankollu, l-Eurojust ma għandux kompetenza li jwettaq investigazzjonijiet kriminali jew jagħmel prosekuzzjoni ta' każijiet ta' frodi.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jkollu kompetenza esklussiva għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq quddiem il-qorti ta' reati li jaffettwaw il-baġit tal-UE. L-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jżid ukoll il-leġittimità demokratika tal-Eurojust: il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali fil-ġejjieni se jkunu aktar involuti fl-evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-Eurojust.

L-Eurojust riformat se jappoġġa lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fil-ġlieda kontra l-frodi tal-baġit tal-UE. L-Eurojust se jipprovdi servizzi ta' appoġġ amministrattiv lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, bħal persunal, finanzi u IT. Pereżempju, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jkun jista' juża l-infrastruttura tal-IT tal-Eurojust, inkluża s-Sistema tiegħu għall-Amministrazzjoni tal-Każ, fajls ta' ħidma temporanji u indiċi, għall-każijiet proprji tiegħu. Id-dettalji ta' dan l-arranġament se jiġu stabbiliti fi ftehim bejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Eurojust.

X'se jinbidel aktar bil-proposta biex jiġi rriformat l-Eurojust?

Il-proposta tal-lum għandha l-għan li ttejjeb aktar it-tħaddim ġenerali tal-Eurojust. Għal dan il-għan, ir-riforma tindirizza l-amministrazzjoni interna tal-Eurojust. Tiddistingwi b'mod ċar il-ħidmiet operattivi tal-Kulleġġ tal-Eurojust (il-Kulleġġ huwa magħmul minn Membri Nazzjonali – wieħed minn kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea) u l-ħidmiet amministrattivi. Għaldaqstant se tippermetti lill-Kulleġġ u lill-Membri Nazzjonali biex jiffukaw fuq il-ħidmiet operattivi tagħhom, jiġifieri biex jikkoordinaw u jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali fil-ġlied kontra reati serji bħal traffikar tad-droga, ħasil tal-flus, frodi, korruzzjoni, ċiberkriminalità, terroriżmu u kriminalità organizzata. Kumitat Eżekuttiv ġdid, li se jinkludi l-Kummissjoni, se jgħin lill-Kulleġġ fil-ħidmiet amministrattivi tiegħu.

Il-proposta se tipprovdi qafas legali uniku u modernizzat għal Aġenzija ġdida għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) li hija s-suċċessur legali tal-Eurojust kif stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI. Filwaqt li jinżammu dawk l-elementi li wrew li huma effiċjenti fl-amministrazzjoni u fl-operat tal-Eurojust, dan ir-Regolament il-ġdid jissemplifika t-tħaddim u l-istruttura tal-Eurojust skont it-Trattat ta' Lisbona billi:

  • iżid l-effiċjenza tal-Eurojust billi jipprovdih bi struttura ġdida ta' governanza;

  • itejjeb l-effikaċja operattiva tal-Eurojust billi jiddefinixxi b’mod konsistenti l-istatus u s-setgħat tal-Membri Nazzjonali;

  • jipprovdi għal rwol għall-Parlament Ewropew u għall-Parlamenti nazzjonali fl-evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-Eurojust skont it-Trattat ta' Lisbona, filwaqt li jżomm l-indipendenza operattiva tal-Eurojust;

  • iġib il-qafas lagali tal-Eurojust f'konformità mal-approċċ komuni għall-aġenziji tal-UE, filwaqt li jirrispetta bi sħiħ ir-rwol speċjali rigward il-koordinazzjoni tal-investigazzjonijiet kriminali li għaddejjin bħalissa;

  • jiżgura li l-Eurojust jista' jopera mill-qrib mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, ladarba dan tal-aħħar jiġi stabbilit.

X'se jkun r-rwol tal-OLAF ladarba l-Prosekutur Pubbliku Ewropew jiġi stabbilit?

Kif stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar il-governanza tal-OLAF, adottata llum, ir-rwol tal-OLAF se jinbidel bl-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

Se jibqa' responsabbli għall-investigazzjonijiet amministrattivi fl-oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Dawn jinkludu irregolaritajiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, u mġiba ħażina jew reati serji li twettqu mill-persunal tal-UE mingħajr impatt finanzjarju.

L-OLAF mhuwiex se jibqa' jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi fil-frodi tal-UE jew reati oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE. Dan huwa għax tali reati se jkunu taħt kompetenza esklussiva tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ladarba jiġi stabbilit. Jekk l-OLAF għandu suspetti ta' tali offiżi kriminali, se jkun obbligat li jirrappporta dan lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew malajr kemm jista' jkun. Minkejja li mhuwiex se jibqa' jwettaq investigazzjonijiet f'dan il-qasam, l-OLAF se jkompli jipprovdi għajnuna lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew meta jiġi mitlub (bħalma diġà qed jagħmel mal-prosekuturi nazzjonali). Din il-bidla se tiffaċilita proċess ta' investigazzjoni aktar mgħaġġel u se tgħin biex jiġu evitati investigazzjonijiet amministrattivi u kriminali doppji fl-istess fatti. B'dan il-mod tiżdied il-possibbiltà ta' prosekuzzjoni ta' suċċess.

Il-Kummissjoni se taħdem fuq proposti biex temenda r-Regolament tal-OLAF, biex jirrifletti l-bidliet fir-rwol tiegħu, u biex isaħħaħ aktar wkoll il-governanza tal-OLAF fl-investigazzjonijiet tiegħu, fid-dawl ta' x'inhuwa mbassar għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. F'dan ir-rigward huma previsti żewġ inizjattivi ewlenin. L-ewwel, se jiġi stabbilit Kontrollur Indipendenti tal-Garanziji Proċedurali biex tissaħħaħ l-analiżi legali tal-miżuri investigattivi tal-OLAF. It-tieni, salvagwardja proċedurali speċifika fil-forma ta' awtorizzazzjoni mill-Kontrollur għal miżuri investigattivi aktar intrussivi (tfittix fl-uffiċini, sekwestru ta' dokumenti eċċ.) li x'aktarx l-OLAF se jkollu jwettaq fl-istituzzjonijiet tal-UE.

Kemm il-każ se jittratta l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew?

L-għadd totali huwa stmat għal madwar 2,500 każ fis-sena. Din iċ-ċifra hija bbażata fuq medja ta' 1,500 każ trattat dwar frodi u rrapportati kull sena lill-UE mill-korpi tal-investigazzjoni amministrattivi mill-Istati Membri, medja ta' 300 każ dwar suspett ta' frodi mill-OLAF, madwar 500 każ fis-sena ta' frodi tat-Taxxa tal-Valur Miżjud (VAT) li bħalissa qed jiġu trattati mill-Istati Membri u madwar 200 każ immexxija mill-awtoritajiet tal-investigazzjoni kriminali nazzjonali. Huwa mistenni li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jattira aktar informazzjoni dwar frodi possibbli aktar mill-Istati Membri jew mill-OLAF. Għalhekk l-ammont ta' każijiet jista' jkun ogħla milli stmat.

L-Uffiċċju tal-Prosekuturi Pubbliċi Ewropew se jibda jarresta n-nies madwar l-Ewropa?

Le. L-awtoritajiet nazzjonali biss se jkunu kapaċi li jarrestaw lin-nies għall-offiżi fil-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Se jkun permess biss li jagħmel talba lill-awtoritajiet ġudizzjarji biex jarrestaw suspettat jekk iqis li dan huwa assolutament meħtieġ għall-investigazzjoni tiegħu u jekk miżuri inqas intrusivi ma jistgħux jiksbu l-istess għan. Tali talbiet se jiġu vvalutati u awtorizzati fuq il-bażi tal-liġi nazzjonali mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kompetenti.

X'inhuma l-passi li jmiss?

Biex issir liġi, il-proposta tal-Kummissjoni issa teħtieġ li tiġi adottata mill-Istati Membri fil-Kunsill (jaġixxu b'mod unanimu), wara li tikseb kunsens mill-Parlament Ewropew.

Jekk ma tintlaħaqx l-unanimità fil-Kunsill, it-Trattati jipprevedu li grupp ta' mill-inqas disa' Stati Membri jistgħu jidħlu f'kooperazzjoni msaħħa (l-Artikolu 86 TFUE).

L-istadji ewlenin tal-Artikolu 86 fil-proċedura ta' kooperazzjoni msaħħa huma:

  • Il-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-proposta leġiżlattiva tagħha lill-Kunsill tal-Ministri. L-Istati Membri li jkunu hemm iridu jaqblu (taħt il-konklużjoni tal-Presidenza) li l-unanimità ma tistax tinkiseb fuq il-proposta in kwistjoni;

  • F'dan il-każ il-kwistjoni hija riferita lill-Kunsill Ewropew b'minimu ta' disa' Stati Membri li jixtiequ jibdew kooperazzjoni msaħħa;

  • Il-Kunsill Ewropew jiddiskuti t-talba għal perjodu massimu ta' erba' xhur;

  • Jekk jintlaħaq kunsens, il-Kunsill Ewropew jibgħat l-abbozz tal-proposta lura lill-Kunsill għall-adozzjoni. Jekk ma jintlaħaqx kunsens, minimu ta' disa' Stati Membri jistgħu jiddeċiedu li jibqgħu għaddejjin bil-kooperazzjoni msaħħa. Bl-avviż ta' dawn l-Istati Membri biex jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa, l-awtorizzazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jissoktaw, għandha titqies bħala mogħtija;

  • In-negozjati dwar il-proposta li fiha l-kooperazzjoni msaħħa hija stabbilita se jitwettqu fil-Kunsill. L-Istati Membri kollha jistgħu jieħdu sehem f'dawn id-deliberazzjonijiet, iżda dawk biss li qed jieħdu sehem fil-kooperazzjoni msaħħa jistgħu jivvutaw. L-Istati Membri jistgħu jitolbu biex jingħaqdu mal-kooperazzjoni msaħħa fi kwalunkwe ħin.

Għal aktar informazzjoni

Stqarrija għall-istampa: IP/13/709

Pakkett għall-ġurnalisti:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/criminal/news/130717_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea – Politika dwar il-liġi kriminali:

http://ec.europa.eu/justice/criminal/criminal-law-policy

IIl-paġna fuq l-internet ta' Viviane Reding, Viċi President u Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/reding

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

ANNESS: Kif se jaħdem il-Prosekutur Pubbliku Ewropew


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site