Navigation path

Left navigation

Additional tools

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

MEMO

Brussell, is-6 ta’ Frar 2013

Dikjarazzjoni Konġunta fil-Ġurnata Internazzjonali kontra l-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili

Fl-okkażżjoni tal-Ġurnata Internazzjonali ta’ Tolleranza Żero kontra l-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili (is-6 ta’ Frar 2013), ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, il-Viċi President tal-Kummissjoni Catherine Ashton, il-Viċi President, il-Kummissarju għall-Ġustizzja Viviane Reding, il-Kummissarju għall-Iżvilupp Andris Piebalgs, il-Kummissarju responsabbli għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons għall-Kriżijiet Kristalina Georgieva, il-Kummissarju għall-Affarijiet Barranin Cecilia Malmström u l-Kummissarju għall-Politika tas-Saħħa Tonio Borg għamlu d-dikjarazzjoni li ġejja:

Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), kull sena miljuni ta’ nisa u bniet fl-UE u madwar id-dinja huma suġġetti għall-prattika brutali ta’ mutilazzjoni ġenitali femminili u ħafna iktar jinsabu f’riskju. Is-6 ta’ Frar hija l-Ġurnata Internazzjonali ta’ Tolleranza Żero għal Mutilazzjoni Ġenitali Femminili - ġurnata meta nqajmu kuxjenza globali dwar din il-kwistjoni u nerġgħu naffermaw l-impenn tagħna li neqirdu din il-prattika li tagħmel tant ħsara u li tikser id-drittijiet tal-bniet u n-nisa għall-integrità fiżika u mentali.

Il-mutilazzjoni ġenitali femminili tikser id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tan-nisa u l-bniet. L-ogħla prijorità tagħna għandha tkun il-prevenzjoni – li ngħinu niżguraw li ebda tifla ma terġa’ jkollha tesperjenza dan il-ksur trawmatiku tad-drittijiet tagħha.

Jeħtieġ li nikkumplimentaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti li tipprojbixxi l-prattika billi nqajmu kuxjenza dwar l-effetti detrimentali tal-mutilazzjoni ġenitali femminili fuq is-saħħa psikoloġika u fiżika tan-nisa u l-bniet u billi nipprovdu servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi.

Din hija r-raġuni għalfejn l-Unjoni Ewropea qed tieħu azzjoni kemm fl-Unjoni stess kif ukoll lil hinn minnha.

Lil hinn mill-Unjoni, proġett konġunt bejn l-UE u l-UNICEF għen eluf ta’ familji, komunitajiet u pajjiżi biex ibiddlu l-attitudnijiet dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili u prattiki oħra fl-Afrika li jagħmlu ħsara.

Aħna nfaħħru lill-Unjoni Afrikana u l-Istati Membri tagħha għat-tmexxija tagħha fl-adozzjoni ta’ Riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li tgħin sabiex tkun indirizzata l-mutilazzjoni ġenitali femminili. Dan huwa pass importanti ’l quddiem fil-ġlieda dinjija kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet. L-UE hija impenjata li jkollha eżitu b’saħħtu u orjentat biex jieħu azzjoni dwar il-Vjolenza kontra n-Nisa fil-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li jmiss dwar l-Istatus tan-Nisa.

Fl-UE, id-direttiva l-ġdida dwar il-vittmi se tiżgura li l-vittmi ta’ vjolenza kontra n-nisa, inklużi vittmi ta’ din il-prattika li tagħmel ħsara, jirċievu l-appoġġ speċjalizzat u l-attenzjoni li jeħtieġu.

Qed tingħata attenzjoni partikolari lil dan il-grupp fil-leġiżlazzjoni tagħna dwar l-ażil. Nisa li jinsabu f’riskju ta’ mutilazzjoni ġenitali femminili, jew ġenituri li jibżgħu mill-persukuzzjoni minħabba li jirrifjutaw li t-tfal tagħhom jgħaddu minn din il-prattika jistgħu jingħataw protezzjoni internazzjonali fl-UE.

Fis-6 ta’ Marzu, se norganizzaw diskussjoni roundtable flimkien ma’ attivisti u parlamentari ewlenin biex niddiskutu l-passi li jmiss. Se nikkonsultaw lill-gvernijiet, l-NGOs u lil dawk li esperjenzaw direttament il-mutilazzjoni ġenitali femminili. Se nagħmlu fondi disponibbli wkoll għal attivitajiet li jqajmu kuxjenza ta’ din il-prattika.

Il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet mhijiex kulturali. Hija kriminali. Il-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjonijiet Esterni jibqgħu impenjati b'mod sħiħ biex jiġġieldu l-forom kollha ta' vjolenza abbażi ta' ġeneru kemm fl-UE kif ukoll fir-relazzjonijiet esterni tagħna."


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website