Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Iċ-Ċinturin Blu: Il-Kummissjoni tiffaċilita l-formalitajiet doganali għall-bastimenti

Commission Européenne - MEMO/13/658   08/07/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, 8 ta’ Lulju 2013

Iċ-Ċinturin Blu: Il-Kummissjoni tiffaċilita l-formalitajiet doganali għall-bastimenti

X’inhi l-problema?

L-Unjoni Ewropea tiddependi ħafna fuq it-trasport marittimu għall-kummerċ tagħha mal-bqija tad-dinja u għall-kummerċ fi ħdan is-suq intern tagħha. Madankollu, fl-UE t-trasport marittimu mhux qed jiġi sfruttat bis-sħiħ prinċipalment minħabba ir-rekwiżiti amministrattivi konsiderevoli. Tabilħaqq, għalkemm diġà ġew introdotti proċeduri amministrattivi simplifikati għat-trasport marittimu fil-leġiżlazzjoni tal-UE, il-bastimenti li jbaħħru bejn il-portijiet tal-UE għadhom qed jaffaċċjaw għadd sinifikanti ta’ proċeduri kumplessi. Dawn il-proċeduri jinkludu l-ispejjeż u d-dewmien li jistgħu jagħmlu t-trasport marittmu inqas attraenti għat-trasport tal-merkanzija fis-suq intern tal-UE.

It-tnaqqis tal-burokrazija kien meqjus bħala element ewlieni għall-promozzjoni ta' aktar użu tat-trasport bil-baħar għal distanzi qosra u għall-kummerċ bil-baħar bejn il-portijiet tal-UE. Barra minn hekk, it-tnaqqis tal-għadd ta’ kontrolli tal-merkanzija — speċjalment tal-merkanzija li ma tkunx iċċekkjata jekk tivvjaġġa fuq l-art — jippermetti lill-awtoritajiet biex jiffokaw fuq żoni ta’ riskju ogħla.

X’inhuma r-regoli attwali?

L-ibħra territorjali huma kkunsidrati bħala l-fruntieri esterni tal-UE. Għaldaqstant teknikament, bastimenti li jbaħħru minn port għall-ieħor tal-UE jkunu qed jitilqu mit-territorju doganali tal-UE. B'riżultat ta' dan, tkun meħtieġa l-approvazzjoni doganali meta l-bastiment iħalli l-port tat-tluq u għal darb’ oħra meta l-bastiment jasal fil-port tad-destinazzjoni (sakemm il-bastiment ma jkunx qed jivvjaġġa taħt skema ta' Servizz tat-Trasport Marittimu Regolari(RSS)). L-oġġetti kollha ttrasportati abbord jitqiesu bħala merkanzija mhux tal-Unjoni u jeħtiġilhom jgħaddu minn kontrolli doganali. Dan ifisser li huma għandhom jiġu identifikati jew bħala merkanzija tal-Unjoni u jitqiegħdu lura fis-Suq Intern, jew bħala merkanzija mhux tal-Unjoni vera li tkun suġġetta għal formalitajiet doganali normali.

X’qed nipproponu?

Il-Kummissjoni se tipproponi pakkett “Ċintorin Blu” b’żewġ miżuri ewlenin li jnaqqsu l-piż amministrattiv mhux neċessarju għall-industrija marittima u jestendu aktar il-benefiċċji tas-Suq Uniku għat-trasport marittimu, filwaqt li fl-istess ħin ikomplu jiggarantixxu t-trasport sikur u sigur tal-merkanzija lejn l-UE, minnha u fi ħdanha.

L-ewwel parti tal-pakkett tikkonsisti minn simplifikazzjoni oħra tal-proċedura tal-applikazzjoni għas-“servizz marittimu regolari”, skema ta' faċilitazzjoni doganali għall-bastimenti li jġorru primarjament merkanzija tal-UE, u jsalpaw lejn l-istess portijiet Ewropej fuq bażi regolari.

Madankollu, il-maġġoranza l-kbira tat-traffiku tal-kontejners tkun magħmula minn merkanzija mħallta, jiġifieri kemm minn merkanzija tal-Unjoni kif ukoll minn merkanzija mhux tal-Unjoni li jgħaddu regolarment minn portijiet li mhumiex tal-UE (eż. fil-Baħar Baltiku, fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed), li għalihom il-kunċett ta’ “servizz marittimu regolari” ma jistax jiġi applikat. Għalhekk, se tiġi introdotta għodda ġdida addizzjonali, l-hekk imsejħa eManifest - manifest tal-merkanzija armonizzat elettroniku bbażat fuq il-formoli FAL eżistenti, . Dan se jippermetti li jagħtu prova tal-istatus tal-merkanzija tal-UE jew mhux tal-UE, anki meta merkanzija tħalli t-territorju doganali tal-UE. Din is-simplifikazzjoni twieġeb l-aspettattiva fit-tul tal-kummerċ marittimu li jkun hemm manifest armonizzat tal-UE u tippermetti l-konformità mar-rekwiżiti kif ukoll l-iffaċilitar u t-tħaffif tal-proċeduri doganali għal merkanzija tal-UE fl-istess ħin.

X'inhuma l-benefiċċji?

Permezz ta' dawn l-inizjattivi, iċ-Ċintorin Blu se jsir realtà u jistimola "tkabbir Blu" effettiv. L-għanijiet ewlenin huma li:

  1. tittejjeb il-kompetittività tas-settur permezz tat-tnaqqis fil-piż amministrattiv u l-ispejjeż,

  2. tiżdied l-attrattività tat-trasport marittimu,

  3. jiġu stimulati l-impjiegi,

  4. jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport marittimu.

Dan hu ta’ benefiċċju kemm għall-industrija kif ukoll finalment għall-konsumatur, li se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn trasport marittimu aktar effiċjenti u irħas, kif ukoll lill-portijiet u l-industriji tat-trasport marittimu li se jsiru aktar attraenti. Huwa wkoll ta’ benefiċċju għall-awtoritajiet doganali minħabba l-proċedura armonizzata madwar l-UE u t-titjib fil-kwalità tad-dejta li wieħed jirċievi.

Kif se jaħdem fil-prattika ċ-Ċintorin Blu? Eżempji prattiċi:

1. Jiġu ffaċilitati l-formalitajiet doganali tat-trasport marittimu intra-UE

Ejja ngħidu li jien operatur mir-Renju Unit, li jixtieq joffri servizz marittimu regolari bejn Felixstowe fir-Renju Unit, Rotterdam fl-Olanda u Kopenħagen fid-Danimarka u fil-futur forsi fi Gdansk fil-Polonja. X’għandi nagħmel?

  1. Nikkuntattja lill-awtoritajiet doganali tar-Renju Unit biex nitlob awtorizzazzjoni.

  2. Nindika li dan is-servizz se jitħaddem bejn Felixstowe, Rotterdam u Kopenħagen.

  3. Nindika wkoll li għandi mnejn inżid lil Gdansk fil-ġejjieni.

  4. Ir-Renju Unit jikkuntatta l-Istati Membri kollha relevanti, jiġifieri l-Olanda, id-Danimarka u l-Polonja biex jitolob il-permess tagħhom. L-Istati Membri jkollhom sa 15-il jum (minflok il-45 jum li għandhom bħalissa!) biex iwieġbu.

  5. Wara li tirċievi tweġibiet pożittivi, ir-Renju Unit jagħti l-awtorizzazzjoni finali. Dan ifisser li għal kwalunkwe merkanzija tal-Unjoni abbord, m’hemmx bżonn ta' superviżjoni doganali.

Ir-riżultat: Jien se nkun nista' noffri s-servizz fi żmien relattivament qasir. Aktar tard, jekk inkun nixtieq li nimmodifika servizz biex jinkludi l-port ta’ Gdansk, nista’ tagħmel dan b'mod faċli ħafna, mingħajr ma jkolli nibda proċedura ta’ awtorizzazzjoni ġdida għal darb’ oħra.

2. Jiġu ffaċilitati l-formalitajiet doganali għal vapuri li jidħlu f’portijiet ta’ pajjiżi terzi

Illum, bastiment li jivvjaġġa minn Antwerp għal Rotterdam qed jitqies daqs li kieku ħareġ mit-territorju doganali tal-UE. B'konsegwenza ta' dan, mal-wasla f’Rotterdam, il-merkanzija kollha abbord qed titiqes bħala merkanzija mhux tal-Unjoni, u jkollha tgħaddi mill-proċeduri doganali kollha meħtieġa. Mal-eManifest, l-operaturi ser ikunu kapaċi jippruvaw l-istatus tal-Unjoni tal-merkanzija abbord, anke jekk il-bastiment ikun ħalla t-territorju doganali tal-UE biex jiċċaqalaq minn port wieħed tal-UE għal ieħor jew jekk il-bastiment ikun daħal f’port ta’ pajjiż terz waqt il-vjaġġ bejn port u ieħor.

Immaġina vjaġġ ta' bastiment kif ġej: Shanghai (iċ-Ċina) — Antwerp (il-Belġju) — Marsilja (Franza) — Tanġiers (il-Marokk) — Limassol (Ċipru)

Bil-faċilitazzjoni taċ-Ċinturin Blu huwa possibbli x-xenarju li ġej:

Bastiment li salpa minn Shanghai jasal f’Antwerp. 100 % tal-merkanzija abbord tasal minn barra l-UE u titqies bħala merkanzija mhux tal-Unjoni fuq l-eManifest. Mal-wasla f’Antwerp, il-prodotti kollha huma soġġetti għal valutazzjoni tar-riskju doganali meħtieġa. Parti mill-merkanzija tinħatt f’Antwerp u tiġi approvata mid-dwana għad-dħul u ċ-ċirkolazzjoni ħielsa ġewwa t-territorju doganali tal-UE. Il-vapur mbagħad jgħabbi merkanzija oħra ġejja mill-UE, destinata għal Marsilja u Limassol rispettivament. Fl-eManifest huwa ddikjarat li l-vapur illum qed iġorr x% ta’ merkanzija tal-Unjoni (mgħobbija f’Antwerp) u y% tal-merkanzija mhux tal-Unjoni (ġejja miċ-Ċina).

Il-vapur mbagħad isalpa lejn Franza. Mal-wasla f’Marsilja, il-merkanzija tal-Unjoni destinata għal Marsilja tista’ tkun rilaxxata malajr mid-dwana, skont l-istatus tagħha indikat fl-eManifest. Il-merkanzija kolllha li mhix ġejja mill-Unjoni biss tgħaddi mill-proċeduri doganali xierqa.

Il-bastiment ikompli l-vjaġġ tiegħu. Fi triqtu lejn Limassol, jagħmel waqfa fit-Tanġiers biex jgħabbi iktar merkanzija. L-eManifest jiġi aġġornat. Il-merkanzija kollha li ġejja miċ-Ċina u merkanzija oħra li tgħabbiet f'Tanġier issa huma kkunsidrati bħala merkanzija li mhijiex ġejja mill-Unjoni. Il-merkanzija destinata għal Limassol għadha meqjusa bħala merkanzija tal-Unjoni. Meta l-bastiment jasal f’Limassol, il-merkanzija tal-Unjoni, li inizjalment tgħabbiet f’Antwerp, tista’ tiġi rilaxxata malajr mid-dwana, abbażi tal-istatus tal-Unjoni tagħha kif baqa' indikat fl-eManifest. Għal darb’ oħra, il-merkanzija mhux tal-Unjoni biss hija soġġetta għal kontrolli mid-dwana.

Fatti u ċifri

  1. Fl-UE, xogħol wieħed abbord bastiment tfisser disa' impjiegi fuq l-art.

  2. Żieda ta’ miljun tunnellata bastiment tas-sajd għaddej minn port se jwassal għal 300 impjieg ieħor.

  3. Sal-2030 se jkun hemm 15 % iktar impjiegi fis-settur tal-portijiet.

  4. 74 % tal-oġġetti importati u esportati mill-Unjoni jgħaddu mill-portijiet marittimi.

  5. 37 % tal-oġġetti importati u esportati mill-Unjoni jgħaddu mill-portijiet marittimi.

  6. L-UE għandha tliet portijiet fost il-15 l-akbar portijiet fid-dinja: Rotterdam huwa l-11, Ħamburg l-14, u Antwerp il-15 l-akbar port.

  7. F’20 sena, l-għadd ta' kontejners fid-dinja aktar minn ikkwadruplika.

Aktar fatti u ċifri ewlenin hawnhekk:

http://ec.europa.eu/transport/modes/maritime/infographics_en.htm

Għal aktar tagħrif:

Infografika dwar il-portijiet tal-UE:

http://ec.europa.eu/transport/modes/maritime/infographics_en.htm

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) – www.emsa.europa.eu


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site