Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, it-8 ta’ Lulju 2013

Il-programm tal-Erasmus fl-2011-12: iċ-ċifri spjegati

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippubblikat ċifri1 ġodda dwar in-numru ta’ studenti, għalliema u staff ieħor fl-edukazzjoni għolja li bbenefikaw mill-programm Erasmus fis-sena akkademika 2011-12 (IP/13/657). 252 827 student Ewropew u 46 527 membru tal-istaff fl-edukazzjoni għolja rċevew finanzjament tal-Erasmus biex imorru barra minn pajjiżhom għal studji, kollakamenti ta’ impjiegi, tagħlim jew taħriġ.

L-Erasmus jippermetti lill-istudenti fl-edukazzjoni għolja li jqattgħu bejn tliet xhur u 12-il xahar f’pajjiz Ewropew ieħor — jew għal studji jew għal kollakament f’kumpanija jew xi organizzazzjoni oħra. Kwalunkwe student reġistrat f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja parteċipanti f’wieħed mit-33 pajjiż tal-Erasmus jista' jibbenefika (l-Istati Membri tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżvizzera u t-Turkija). L-istudenti fl-edukazzjoni vokazzjonali għolja ta’ ċiklu qasir jistgħu jieħdu vantaġġ ukoll mill-appoġġ tal-programm.

Rekord ġdid: Aktar minn 250 000 student tal-Erasmus f’sena

Mill-bidu tal-programm, in-numru ta’ studenti li bbenefikaw minn għotja finanzjarja tal-Erasmus kompla jikber. Dan qabeż il-200 000 għall-ewwel darba fl-2009-10 u l-252 827 student li marru barra minn pajjiżhom biex jistudjaw jew jitħarrġu fl-2011-12 jirrappreżentaw rekord ġdid u żieda annwali ta’ 9 % b’paragun mas-sena preċedenti (iż-żieda ekwivalenti sena b'sena fl-2010-11 kienet 8.5 %).

Ċart 1: In-numru ta’ studenti tal-Erasmus kull sena 1987/88-2011/12

Ċart 2: Il-mobilità tal-istudenti tal-Erasmus — bidla relattiva fin-numru skont il-pajjiż li bagħathom bejn l-2010-11 u 2011-12

Kif jidher fiċ-Ċart 2, in-numru ta’ studenti tal-Erasmus żdied kważi fil-pajjiżi kollha. L-ogħla żieda ta’ studenti li siefru ‘l hinn minn pajjiżhom kienet innutata fil-Kroazja (+ 62 %), li ssiebħu fil-programm fl-2009-10. Din kienet segwita mid-Danimarka (+ 20 %), is-Slovenja u t-Turkija (+ 17 % kull wieħed). Ħdax-il pajjiż esperjenzaw tkabbir ogħla mill-medja ta’ 8.3 %.

Tliet pajjiżi, Ċipru, l-Iżlanda u r-Rumanija, raw tnaqqis fin-numru ta’ studenti tal-Erasmus (bejn -0.6 % u -2.7 %) meta mqabbel mas-sena preċedenti.

Iċ-champions tal-Erasmus

Spanja bagħtet l-aktar studenti tal-Erasmus kemm għal studji kif ukoll għal kollakamenti (39 545), segwita mill-Ġermanja (33 363) u Franza (33 269).

Spanja kienet ukoll l-aktar pajjiż destinatarju popolari b’39 300 student li żaruha, segwita minn Franza (28 964) u l-Ġermanja (27 872). Ir-Renju Unit ospita kważi d-doppju (25 760) tan-numru ta’ studenti li bagħat barra mill-pajjiż (13 662).

3 189 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja bagħtu studenti fuq skambji, żieda ta’ 5 % fuq is-sena preċedenti.

Ċart 3: Il-mobilità tal-istudenti tal-Erasmus — il-medja fix-xahar tal-livelli tal-għotjiet tal-UE

Il-medja fix-xahar tal-għotjiet tal-UE baqgħet madwar l-istess livell (EUR 252) bħas-sena preċedenti (EUR 250). Iċ-ċart ta’ hawn fuq turi l-medja fix-xahar tal-għotja għall-studenti mibgħuta. Il-Kummissjoni tiffissa limitu għall-għotja ta’ kull xahar għall-istudenti, ibbażata fuq l-ispejjeż tal-ħajja f’kull pajjiż ospitant; Iżda l-livell preċiż tal-għotja f’kull każ huwa stabbilit mill-aġenziji nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jamministraw il-programm.

Fl-2011-12, 336 student bi bżonnijiet speċjali jew diżabilità rċevew finanzjament addizzjonali biex jieħdu sehem fl-iskambji tal-Erasmus filwaqt li fl-2010-11 kien hemm 254 student.

Żieda ta' 7.5 % fl-istudji tal-Erasmus

L-Erasmus joffri lill-istudenti l-possibbiltà li jsegwu parti mill-kors (fil-livell ta’ Baċellerat, ta' Masters jew ta’ Dottorat, inkluż ċikli qosra) u jistudjaw f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja f’pajjiż ieħor għal perjodi li jvarjaw minn tliet xhur sa 12-il xahar.

Fl-2011-12, minn total ta’ 252 827 student tal-Erasmus, 204 744 marru jistudjaw barra pajjiżhom, żieda ta’ 7.5 % fuq l-2010-11. In-numru ta' studenti li qed iħallu pajjiżhom biex jistudjaw naqas f’sitt pajjiżi (il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, l-Iżlanda, Liechtenstein u r-Rumanija), filwaqt li 11-il pajjiż irreġistraw żieda ogħla mill-medja. L-Iżvizzera, li ssieħbet fil-programm fl-2011-12, bagħtet 2 514-il student biex jistudjaw.

Spanja bagħtet l-aktar studenti għall-istudju (34 103), segwita mill-Ġermanja (27 593) u Franza (25 924). Spanja baqgħet l-iktar destinazzjoni popolari għall-istudji barra l-pajjiż, u laqgħet 30 580 student tal-Erasmus, segwita minn Franza (23 173), u l-Ġermanja (19 120).

Il-Lussemburgu, il-Liechtenstein u Spanja bagħtu l-aktar studenti meta mqabbel mad-daqs tal-popolazzjoni studenteska tagħhom.

Bħala medja, l-istudenti marru barra pajjiżhom biex jistudjaw għal 6.3 xhur u l-għotja medja kienet ta’ EUR 234 (imqabbla ma’ EUR 226 fis-sena preċedenti).

Ix-xjenzi soċjali, l-istudji kummerċjali u l-liġi kienu l-aktar oqsma popolari fost l-istudenti tal-Erasmus (41,4 %), segwiti mill-istudji umanistiċi u l-arti (21.9 %), imbagħad l-inġinerija, il-manifattura u l-kostruzzjoni (15.1 %).

18 % żieda fil-kollokament tal-impjiegi tal-Erasmus (traineeships)

Mill-2007, l-Erasmus offra l-opportunità lill-istudenti biex isiefru ħalli jiksbu esperjenza ta' xogħol f’kumpaniji jew organizzazzjonijiet oħra. Fl-2011-12 wieħed mill kull ħames studenti tal-Erasmus — 48 083 minn 252 827 — għażlu din l-alternattiva, żieda ta’ 18 % fuq is-sena preċedenti. It-tul medju ta’ kollokament kien ta’ 4.3 xhur u kull xahar l-istudenti rċevew għotja mill-UE ta’ EUR 361 bħala medja (‘l isfel minn EUR 366 fl-2010-11).

Bħal fis-snin riċenti, Franza kienet il-pajjiż li l-aktar bagħat studenti fuq kollakament tal-Erasmus (7 345), segwita mill-Ġermanja (5 770) u Spanja (5 442). Spanja kienet l-iktar destinazzjoni popolari għall-kollokamenti tal-Erasmus li ospitat 7 807 studenti, segwita mir-Renju Unit (7 736) u l-Ġermanja (6 655).

Istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja tista' toħloq konsorzju għall-kollakamenti biex issostni l-kollakamenti barra l-pajjiż. Dawn il-konsorzji huma magħmulin minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u organizzazzjonijiet oħra, bħalma huma kumpaniji jew assoċjazzjonijiet. Ġew iffinanzjati 93 konsorzju ta' kollakament fi 12-il pajjiż (BG, CZ, DE, GR, ES, FR, IT, NL, AT, PL, PT, FI). Dawn il-konsorzji organizzaw aktar minn 15 % tal-kollokamenti f’postijiet ta’ xogħol barra mill-pajjiż taħt l-Erasmus fl-2011-12.

L-ikbar grupp ta’ studenti fuq kollokamenti tal-Erasmus ġew mill-isfond tax-xjenzi soċjali, il-kummerċ u l-liġi (31.9 %), segwiti mill-inġinerija, il-manifattura u l-kostruzzjoni (17.1 %), u mill-istudenti tal-istudji umanistiċi u l-arti (16.9 %).

Kemm hemm studenti tal-edukazzjoni għolja (baċċellerat u masters) fil-pajjiżi parteċipanti tal-Erasmus? Kemm minnhom qattgħu parti mill-perjodu jew il-perjodu kollu tal-istudji tagħhom barra minn pajjiżhom fl-2011-12?

Mill-popolazzjoni totali studenteska ta’ aktar minn 24 miljun fit-33 pajjiż parteċipant, madwar 1 % minnhom irċevew għotjiet studenteski tal-Erasmus fl-2011/12.

Jekk wieħed jassumi li t-tul ta’ żmien medju ta’ studju f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja huwa ta’ 4-5 snin (baċċellerat u masters), wieħed jista' jassumi li madwar 4.5 % tal-istudenti kollha Ewropej jirċievu għotjiet tal-Erasmus f’xi stadju matul l-istudji tal-edukazzjoni għolja tagħhom. Minn dawn, 68 % huma ta’ livell ta’ baċellerat, 28 % ta’ livell ta’ masters, 1 % fil-livell ta’ dottorat, u 3 % fi studji ta’ ċiklu qasir.

Madwar 10 % tal-popolazzjoni totali tal-istudenti qattgħu jew qegħdin iqattgħu parti mill-istudji jew l-istudji kollha tagħhom barra minn pajjiżhom bl-għajnuna ta’ Erasmus jew mezzi oħra pubbliċi u privati.

Fil-laqgħa ta' Bucharest (ir-Rumanija) fis-26-27 ta' April 2012 (IP/12/394), il-Ministri tal-edukazzjoni għolja minn 47 pajjiż Ewropew adottaw l-Istrateġija tal-Mobilità ta' Bologna li tiddikjara li, sal-2020, 20% tal-gradwati Ewropej fl-edukazzjoni għolja għandhom ikunu segwew parti mill-istudji tagħhom barra minn pajjiżhom. L-Unjoni Ewropea adottat l-istess punt ta’ referenza f’Novembru 2011.

Korsijiet intensivi tal-Lingwa tal-Erasmus (EILC)

L-Erasmus joffri korsijiet speċjalizzati fil-lingwi anqas użati u li huma l-inqas mgħallma fl-UE, sabiex jgħin lill-istudenti jippreparaw għall-istudji tagħhom jew il-pjazzamenti f’impjiegi barra minn pajjiżhom. Il-korsijiet huma organizzati fil-pajjiżi fejn dawn il-lingwi huma użati uffiċjalment. Dawn il-korsijiet mhumiex offruti għall-ilsna l-aktar mgħallma bħalma huma l-Ingliż, il-Ġermaniż, il-Franċiż u l-Ispanjol (il-Kastiljan).

Sa mit-tnedija tagħhom, in-numru ta’ EILCS appoġġati mill-Erasmus kiber b’mod sinifikanti. Xi 435 kors (żieda mit-392 tas-sena preċedenti: + 11%) kienu organizzati fl-2011-12 f'26 pajjiż għal total ta' 6 631 student tal-Erasmus (+13 %).

L-aktar destinazzjonijiet popolari għal EILCS kienu l-Italja, il-Portugall, il-Belġju (il-Komunità Fjamminga), it-Turkija u l-Iżvezja. L-akbar sehem ta’ studenti ġodda li pparteċipaw f’xi kors tal-lingwa kien fis-Slovenja fejn ħadu sehem 19.1 % tal-istudenti kollha tal-Erasmus li marru jistudjaw f’dan il-pajjiż, segwita mill-Kroazja (12.7 %). L-Iżlanda, ir-Rumanija, il-Greċja u l-Estonja kellhom rati ta’ parteċipazzjoni ta' bejn l-10 u l-11 %.

Mobilità tal-membri tal-istaff permezz tal-Erasmus (opportunitajiet għall-membri tal-istaff biex jgħallmu u jitħarrġu)

L-Erasmus jagħti wkoll l-opportunità lill-għalliema fl-edukazzjoni għolja u dawk impjegati f’kumpaniji li jsiefru biex jgħallmu, għal perjodu li jista' jvarja minn jum sa sitt ġimgħat. Bl-istess mod, kwalunkwe membru tal-istaff akkademiku jew mhux akkademiku f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja jista’ jirċievi taħriġ barra l-pajjiż għal perjodu li jvarja minn ħamest ijiem sa sitt ġimgħat.

Fis-sena akkademika l-2011-12, l-Erasmus appoġġa 46 527 għalliem u membru tal-istaff li ma jgħallimx minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja biex jgħallmu jew jirċievu taħriġ barra mill-pajjiż. Dan jirrappreżenta żieda annwali ta’ 8.6 %.

L-aktar pajjiż li bagħat kien il-Polonja (6 312), segwit minn Spanja
(4 654) u l-Ġermanja (3 937). L-aqwa destinazzjoni għall-mobilità tal-istaff kienet Spanja (4 554), segwita mill-Ġermanja (4 491) u l-Italja (3 876).

Fl-2011-2012, 50.5 % tal-membri tal-istaff li pparteċipaw fl-Erasmus kienu rġiel. Sittax-il membru tal-istaff bi bżonnijiet speċjali rċevew finanzjament addizzjonali biex jipparteċipaw fl-iskambji tal-Erasmus (f'kuntrast mat-13 tas-sena preċedenti). It-tul medju ta’ dawn il-perjodi ta’ mobilità kien ta’ 5.7 ijiem u l-għotja medja — apparti s-salarju regolari tagħhom — kienet ta’ EUR 713 (żieda minn EUR 662 fl-2010-11).

Total 2 336 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja ipparteċipaw fl-attivitajiet ta' mobilità tal-istudenti, żieda ta’ 3.6 % fuq is-sena preċedenti.

L-opportunitajiet għall-għalliema qed ikabbru l-popolarità

L-Erasmus jagħti l-opportunità lill-għalliema tal-edukazzjoni għolja u l-membri tal-istaff tal-kumpaniji biex iqattgħu perjodu ta’ tagħlim ta’ bejn jum — jew mill-inqas ħames sigħat ta’ tagħlim — u sitt ġimgħat f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja f’pajjiż ieħor. In-numru tal-għalliema appoġġati mill-Erasmus b’dan il-mod żdied b'mod konsistenti, b’aktar minn 300 000 skambju tal-istaff iffinanzjati sa mill-introduzzjoni tiegħu fl-1997-98. Mill-46 527 skambju tal-istaff appoġġati fl-2011-12, 33 323 kienu opportunitajiet għall-għalliema (+ 5.4 % fuq is-sena preċedenti).

L-aktar pajjiż li bagħat kien il-Polonja bi 3 994 opportunità għall-għalliema appoġġati, segwita minn Spanja (3 256) u l-Ġermanja (3 110). L-aktar destinazzjonijiet popolari għall-opportunitajiet għall-għalliema kienu Spanja (3 258), il-Ġermanja (3 149) u l-Italja (2 903).

L-aktar għalliema mobbli ġew minn dawn l-oqsma ta’ studju: l-istudji umanistiċi u l-arti (32 %); ix-xjenzi soċjali, il-kummerċ u l-liġi (22 %); l-inġinerija, il-manifattura u l-kostruzzjoni (14 %). Bħala medja l-għalliema qattgħu 5.5 ijiem barra minn pajjiżhom biex jgħallmu: Ġie osservat tnaqqis żgħir imma kostanti mill-2000-01, meta l-medja kienet ta’ 6.9 ijiem. L-għotja medja għal kull opportunità għall-għalliema — apparti s-salarju regolari tagħhom — kienet ta’ EUR 686, li tirrappreżenta żieda ta' 6.3 % fuq is-sena preċedenti (EUR 645).

Xi 422 opportunità għall-għalliema twettqu minn membri tal-istaff ta' kumpaniji li kienu mistiedna biex jgħallmu f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja f’pajjiżi Ewropej oħra (+ 19 % fuq is-sena preċedenti).

Tkabbir sinifikanti fit-taħriġ tal-istaff

Mill-introduzzjoni tiegħu fl-2007, l-appoġġ għat-taħriġ tal-istaff ra żieda qawwija fil-popolarità. Mill-46 527 skambju tal-istaff appoġġati fl-2011-12, 13 204 kienu għat-taħriġ tal-istaff (+18 % fuq is-sena preċedenti). Dawn l-iskambji huma kemm għall-istaff akkademiku u kif ukoll għall-istaff mhux akkademiku, inklużi dawk li jaħdmu fl-amministrazzjoni u s-servizzi ta’ appoġġ.

Fl-2011-12, 3 336 membru tal-istaff tal-edukazzjoni għolja tħarrġu f’kumpaniji barra minn pajjiżhom (+ 13.2 % fuq is-sena preċedenti).

Il-Polonja bagħtet l-ogħla numru ta’ membri tal-istaff għat-taħriġ (2 318), segwita minn Spanja
(1 398) u l-Ġermnja (827). Il-Ġermanja kienet l-iktar destinazzjoni popolari (1 342), segwita minn Spanja (1 296) u r-Renju Unit (1 214).

Il-perjodi ta’ taħriġ tal-istaff damu 6.1 ġurnata bħala medja. Aktar nisa milli rġiel ipparteċipaw fit-taħriġ tal-istaff (69.5 %), filwaqt li n-nisa rrappreżentaw 42.9 % tal-opportunitajiet għall-għalliema.

Numri akbar għall-programmi intensivi tal-Erasmus

L-Erasmus joffri lill-għalliema u l-istudenti l-opportunità li jattendu programmi ta’ studji tematiċi, li jdumu minn għaxart ijiem sa sitt ġimgħat. L-UE tiffinanzja l-organizzazzjoni ta’ dawn l-hekk imsejħa programmi intensivi, inklużi l-ivvjaġġar u l-benefiċċji għall-parteċipanti.

Il-pajjiżi li organizzaw l-ogħla numru ta’ dawn il-programmi kienu l-Italja, b’60 kors (13 % tat-total), segwita mill-Ġermanja (43) u Franza (35). L-aktar oqsma ta' studju popolari kienu x-xjenzi soċjali, il-kummerċ u l-liġi (26 %); l-inġinerija, il-manifattura u l-kostruzzjoni (18 %). Programmi intensivi fil-matematika u l-informatika, u fl-istudji umanistiċi u l-arti kellhom sehem ta' 15 % kull wieħed. It-tul medju tal-programmi intensivi kien 11.5 jum.

Ġew organizzati 462 programm intensiv tal-Erasmus fl-2011-12 (żieda mill-404 tas-sena preċedenti), żieda ta’ 14 %. Ħadu sehem 16 806 studenti (studenti internazzjonali kif ukoll nazzjonali) u 5 663 għalliem.

Proġetti ta’ kooperazzjoni universitarja tal-Erasmus

Il-programm Erasmus jippromwovi wkoll l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja Ewropea permezz ta’ finanzjament ta' proġetti konġunti. Dawn il-proġetti, li jdumu għaddejjin bejn sena u tliet snin, għandhom l-għan li jħeġġu riformi tal-politika permezz tal-kooperazzjoni transnazzjonali fost l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u partijiet interessati oħra. L-applikazzjonijiet jiġu ppreżentati darba fis-sena kalendarja u madwar EUR 20 miljun jiġu allokati annwalment lil dawn il-proġetti.

Ħafna mill-proġetti ffinanzjati taħt din il-parti tal-Programm Erasmus wasslu għal żviluppi ewlenin tal-politika. Pereżempju, is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS), oriġinarjament kienet proġett tal-Erasmus qabel ma ssawret f’għodda ewlenija li trawwem il-mobilità. (L-ECTS talloka punti ta' kreditu għal kull parti ta' programm ta' studju, bbażati fuq l-ammont ta' xogħol tal-istudent u l-eżiti ta' tagħlim speċifiċi). Din tagħmilha aktar faċli għall-istudenti biex jakkumulaw il-krediti li jiksbu taħt programmi differenti u tissimplifika r-rikonoxximent tal-istudju barra l-pajjiż fl-istituzzjoni tal-pajjiż nattiv tagħhom).

In-numru ta’ applikazzjonijiet għall-proġetti ta’ kooperazzjoni universitarja kiber sena wara sena. Fl-2012 ġew ippreżentati madwar 250 applikazzjoni (żieda mill-197 tal-2011). Minn dawn, 57 intgħażlu għall-finanzjament, li bħala medja jirrappreżentaw rata ta’ suċċess ta’ 22.8 %. Ir-Renju Unit ippreżenta l-ogħla numru ta’ proposti (35), segwit mill-Belġju (25) u l-Finlandja (24). Il-Belġju kien l-aktar li rnexxa f’termini ta’ applikazzjonijiet approvati bi 11-il proġett aċċettat.

Kemm tonfoq l-UE fuq il-programm Erasmus?

Fil-perjodu baġitarju attwali (2007-13) l-UE allokat EUR 3.1 biljuni għall-programm Erasmus. Fl-2011-12, il-baġit totali kien ta’ madwar EUR 494 miljun, li minnu madwar EUR 473 miljun ġew użati biex jappoġġjaw il-mobilità tal-istudenti u l-istaff.

Ħafna mill-baġit tal-Erasmus jitmexxa mill-aġenziji nazzjonali fil-pajjiżi parteċipanti. L-Erasmus jappoġġa wkoll proġetti u netwerks multilaterali li jgħoddu għal madwar EUR 20 miljun fis-sena (madwar 4 % tal-baġit). Dawn huma ġestiti b'mod ċentrali mill-Aġenzija Eżekuttiva tal- Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) fi Brussell.

It-tabella ta’ hawn taħt turi t-total ta’ fondi tal-Erasmus minfuqa fuq il-mobililtà sena b’sena.

Tabella 1: Fondi deċentralizzati tal-Erasmus allokati lill-aġenziji nazzjonali

Sena

Baġit annwali tal-Erasmus iddedikat

lill-mobilità tal-istudenti u l-istaff f’miljuni ta’ EUR

Bidla, sena b’sena

1988

13,00

1989

26,84

106,46 %

1990

32,88

22,50 %

1991

43,86

33,39 %

1992

62,88

43,37 %

1993

67,88

7,95 %

1994

72,78

7,22 %

1995

73,46

0,93 %

1996

74,3

1,14%

1997

70,00

-5,79 %

1998

100,27

43,24 %

1999

100,27

0,00 %

2000

111,79

11,49 %

2001

116,19

3,94 %

2002

121,9

4,91 %

2003

142,53

16,92 %

2004

168,00

17,87 %

2005

200,96

19,62 %

2006

245,75

22,29 %

2007

372,25

51,48 %

2008

416,36

11,85 %

2009

415,37

-0,24 %

2010

434,83

4,68 %

2011

473,91

8,99 %

2012

547,26

15,48 %

2013

547,14

-0,02 %

Kif jiġu allokati l-fondi tal-Erasmus fil-livell nazzjonali?

Il-baġit tal-Erasmus jinqasam bejn il-pajjiżi parteċipanti fuq il-bażi tal-fatturi li ġejjin:

  • Popolazzjoni: in-numru ta' studenti, gradwati u għalliema fl-edukazzjoni għolja (il-livelli 5-6 tal-International standard classification of education, ISCED). Id-dejta ngħatat mill-Eurostat.

  • L-ispejjeż tal-ħajja u d-distanza bejn l-ibliet kapitali: Użati bħala fatturi korrettivi, applikati lill-fattur tal-popolazzjoni.

  • Indikatur tal-prestazzjoni fl-imgħoddi: Ikkalkulat abbażi tan-numru ta’ studenti u staff li siefru fuq programmi fil-passat (bl-użu tal-aħħar dejta disponibbli).

Kif tiġi ddeterminata l-għotja ta’ kull xahar tal-UE?

L-għotjiet tal-Erasmus huma maħsuba biex ikopru parti mill-ispejjeż addizzjonali tal-għajxien barra mill-pajjiż u l-ivvjaġġar. L-istudenti tal-Erasmus ma jħallsux miżati għat-tagħlim fl-istituzzjoni ospitanti tagħhom barra minn pajjiżhom.

F'kull pajjiż, l-aġenziji nazzjonali jallokaw il-fondi għad-dispożizzjoni tagħhom lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja. Aġenzija nazzjonali tista' tiddeċiedi li tagħti għotjiet akbar lil numru iżgħar ta' studenti (kif inhu l-każ, pereżempju, tal-Bulgarija, Ċipru u t-Turkija) jew li tagħti għotjiet iżgħar lil numru akbar ta' studenti (kif inhu l-każ, pereżempju, ta' Franza u l-Italja), iżda trid tirrispetta limitu stabbilit għall-għotjiet stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea għal kull pajjiż ta' destinazzjoni (ara Lifelong Learning Programme Guide).

L-aġenzija nazzjonali talloka l-fondi lill-istituzzjonijiet applikanti abbażi ta’ fatturi bħalma huma l-ammonti mitluba jew il-prestazzjoni fil-passat. L-istituzzjoni tista’ mbagħad tiddeċiedi x'għotja eżatta tħallas kull xahar lill-istudenti (u r-rata ta’ kuljum jew fil-ġimgħa fil-każ tal-istaff) fi ħdan firxa stabbilita mill-aġenzija nazzjonali, li tvarja minn pajjiż għall-ieħor.

L-għotja ta’ kull xahar tiddependi fuq il-pajjiż destinatarju u t-tip ta’ mobilità. Pereżempju, kien hemm tendenza li jingħataw għotjiet ogħla għall-kollokamenti tal-impjiegi milli għall-istudji barra l-pajjiż.

Diversi sorsi oħra ta' kofinanzjament minn sorsi nazzjonali, reġjonali u lokali jistgħu jikkomplementaw l-għotja mill-Erasmus mogħtija mill-Unjoni Ewropea.

L-aġenziji nazzjonali jew l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jistgħu jżidu l-għotja tax-xahar għall-istudenti minn familji bi dħul baxx.

Fl-2011-12, l-għotja medja tal-UE ta’ kull xahar għall-mobilità tal-istudenti varjat
minn EUR 123 għall-istudenti Spanjoli għal EUR 641 għall-istudenti mil-Latvja. Fil-pajjiżi parteċipanti kollha, il-medja tal-għotja tax-xahar kienet ta’ EUR 252.

Kif jistgħu l-studenti u l-istaff japplikaw għall-għotjiet tal-Erasmus?

Il-programm Erasmus huwa miftuħ għal kull student li qed jistudja f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li ffirmat il-Karta Universitarja tal-Erasmus f’pajjiż parteċipanti. Il-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa — kważi 5 000 — iffirmaw il-Karta Universitarja tal-Erasmus.

L-ewwel pass fl-applikazzjoni għal perjodu ta’ studju tal-Erasmus jew għal għotja marbuta mal-kollokament f’impjieg hu li tikkuntattja l-uffiċċju tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-istituzzjoni lokali tiegħek u timla ftehim ta’ tagħlim għal studji tal-Erasmus jew ftehim ta’ taħriġ għal kollokament tal-Erasmus. Dawn id-dokumenti jistabbilixxu l-programm li għandu jiġi segwit mill-istudenti matul il-perjodu tal-istudju jew il-kollokament tagħhom u jridu jiġu approvati mill-istituzzjoni li tibgħat u dik l-istituzzjoni li tospita jew mill-kumpanija ospitanti, kif ukoll mill-istudent. Dan jissimplifika, u anki jiżgura, ir-rikonoxximent akkademiku sħiħ mill-istituzzjoni lokali għax-xogħol li jitlesta b’mod sodisfaċenti matul il-perjodu tal-Erasmus.

L-istudji tal-Erasmus: Dawk li jixtiequ jwettqu parti mill-istudji tagħhom barra mill-pajjiż iridu jkunu mill-inqas fit-tieni sena tagħhom f’istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja.

Kollokamenti tal-impjiegi tal-Erasmus: L-istudenti jistgħu jipparteċipaw f'kollokament ta' impjieg tal-Erasmus sa mill-ewwel sena tal-istudji tal-edukazzjoni għolja.

It-tul ta’ żmien: Il-perjodi mwettqa barra l-pajjiż — kemm għal studju kif ukoll għal kollokament — jistgħu jdumu minn tliet xhur sa 12-il xahar kull wieħed, jew total kombinat ta’ 24 xahar. Għal studenti f'edukazzjoni vokazzjonali għolja ta’ ċiklu qasir, il-perjodu ta’ żmien minimu għall-kollokament huwa ta’ xahrejn.

L-Erasmus għall-istaff: L-għalliema huma mitluba jippreżentaw programm ta’ tagħlim lill-istituzzjoni jew lill-intrapriża ta’ pajjiżhom, li għandu jsir ftehim dwaru mal-istituzzjoni ospitanti. Il-membri tal-istaff li jixtiequ japplikaw għal għotja ta' taħriġ tal-Erasmus għandhom jaraw li hemm qbil dwar il-programm tagħhom bejn l-istituzzjoni lokali tagħhom u l-istituzzjoni jew l-intrapriża ospitanti.

Kif università tikkwalifika biex tipparteċipa fil-programm Erasmus?

Università jew istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja oħra għandha taderixxi għal numru ta’ prinċipji u obbligi oħra stabbiliti fil-Karta Universitarja tal-Erasmus qabel tkun tista’ tipparteċipa fi proġetti ta’ mobilità jew ta’ kooperazzjoni tal-Erasmus. L-enfasi qiegħda fuq li tiġi żgurata kwalità għolja. L-istituzzjoni ospitanti ma għandha żżomm l-ebda miżati għat-tagħlim tal-istudenti tal-Erasmus li tospita, u għandu jingħata r-rikonoxximent sħiħ tal-korsijiet jew il-kollokamenti, mitmuma b’mod sodisfaċenti, lill-istudenti malli jaslu lura fl-istituzzjoni lokali tagħhom.

Għaliex il-programm tlaqqam Erasmus?

Il-programm Erasmus huwa msemmi wara l-filisofu, t-teologu u l-umanista Desiderius Erasmus ta’ Rotterdam (1466-1536). Erasmus, li għex tul il-perjodu tar-Riforma, huwa magħruf sew bħala opponent tad-dommatiżmu.

Erasmus għex u ħadem f’bosta nħawi tal-Ewropa, fi tfittxija għall-għarfien, l-esperjenza u l-intuwizzjoni li l-kuntatti ma’ pajjiżi oħra jistgħu jġibu magħhom.

ERASMUS tista' tinqara bħala akronnimu għal "EuRopean Community Action Scheme for the Mobility of University Students", bħal fl-ewwel deċiżjoni li stabbiliet il-programm (Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/327/KEE tal-15 ta' Ġunju 1987 li tadotta l-Iskema ta' Azzjoni tal-Komunità Ewropea għall-Mobilità tal-Istudenti ta' l-Università).

Għal aktar informazzjoni:

Ara wkoll IP/13/657

Aktar dwar l-Erasmus programme

Erasmus statistics

1 :

L-istatistika hawn taħt hi dwar il-programm Erasmus biss. Din ma tinkludix programmi Ewropej oħra dwar l-edukazzjoni għolja, bħalma huma l-programmi Tempus u Erasmus Mundus, li jsegwu għanijiet differenti ta’ kooperazzjoni ma’ partijiet differenti tad-dinja.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website