Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Is-saħħa: Pass kbir’ il quddiem fit-trattament ta’ theddid serju transkonfinali għas-saħħa — dikjarazzjoni minn Tonio Borg, il-Kummissarju responsabbli mis-Saħħa

Commission Européenne - MEMO/13/644   03/07/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Strasbourg, l-3 ta’ Lulju 2013

Is-saħħa: Pass kbir’ il quddiem fit-trattament ta’ theddid serju transkonfinali għas-saħħa — dikjarazzjoni minn Tonio Borg, il-Kummissarju responsabbli mis-Saħħa

Illum, il-Parlament Ewropew ivvota favur id-Deċiżjoni dwar Theddid Serju Transkonfinali għas-Saħħa. Filwaqt li laqa' l-vot, Tonio Borg, il-Kummissarju tal-UE għas-Saħħa, qal:

“Il-vot tal-lum jitniżżel bħala pass importanti għas-sigurtà tas-saħħa fl-UE, u jiena nifraħ u nirringrazzja lir-Relatur, is-Sur Pargneaux, lir-relaturi alternattivi u l-Membri kollha tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel għax-xogħol kollu li għamlu. Nestendi r-ringrazzjament tiegħi lill-Presidenza Daniża, dik Ċiprijotta u dik Irlandiża tal-Kunsill li ħadmu bis-sħiħ mal-Parlament Ewropew u mal-Kummissjoni biex jaqblu fuq liġi tal-UE li tgħin tipproteġi liċ-ċittadini tagħna minn firxa wiesgħa ta’ theddid transkonfinali għas-saħħa.

Ħafna minna — ċittadini, professjonisti tas-saħħa, u dawk li jfasslu l-politika, insegwu b'attenzjoni t-theddid għas-saħħa emerġenti — kemm jekk tkun razza ġdida tal-influwenza avjarja A (H7N9), kif ukoll jekk ikun koronavajrus tas-sindrome respiratorja tal-Lvant Nofsani (MERS-CoV) jew marda li tittieħed mill-ikel bħat-tifqigħa tal-e.Coli. Barra minn hekk, theddid li jinfirex aktar bil-mod bħar-reżistenza għall-mikrobi jew il-possibbiltà li wieħed jieħu infezzjoni waqt il-kura tas-saħħa jirrappreżenta wkoll riskju għas-saħħa taċ-ċittadini. Hemm bżonn li ċ-ċittadini tal-UE jserrħu rashom li teżisti sistema li tirreaġixxi b'mod robust u kkoordinat biex tipproteġihom meta jkun hemm riskji u kriżi.

Dan hu preċiżament l-għan tad-Deċiżjoni li ġiet adottata llum. In-nies fl-Ewropa se jkunu protetti aħjar minn firxa wiesgħa ta’ theddid għas-saħħa permezz ta’ ppjanar tat-tħejjija u koordinazzjoni msaħħa fil-livell tal-UE għal theddid serju transkonfinali kkawżat minn mard li jittieħed, u avvenimenti kimiċi, bijoloġiċi u ambjentali. Waħda mill-kisbiet ewlenin tad-Deċiżjoni hija li tistabbilixxi l-bażi legali għall-koordinazzjoni ta’ akkwist konġunt fuq bażi volontarja ta’ vaċċini u mediċini fil-livell tal-UE. L-ewwel se nibdew bl-akkwist ta' vaċċini pandemiċi: l-Istati Membri li jipparteċipaw f’dan il-proċess se jkunu jistgħu jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom b’vaċċini b'kundizzjonijiet aħjar milli fil-passat.

Id-Deċiżjoni tagħti wkoll spinta 'l quddiem lill-awtorità tal-Unjoni Ewropea f’każ ta’ emerġenza tas-saħħa: Dan jippermetti lill-UE li tiddikjara emerġenza tas-saħħa fit-territorju tagħha biex tagħti bidu għall-miżuri skont il-leġiżlazzjoni farmaċewtika tagħha sabiex il-vaċċini u l-mediċini jkunu jistgħu jiġu pprovduti aktar malajr. Il-mandat ċar għall-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa li matul kriżi jikkoordina r-rispons għal riskji u kriżi, inkluża l-komunikazzjoni, ifisser li l-koordinazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta' emerġenza għas-saħħa pubblika se tkompli tittejjeb.”

MEMO/13/645


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site