Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, is-26 ta' Ġunju 2013

Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) u l-agrikoltura fl-Ewropa – mistoqsijiet frekwenti

L-agrikoltura fl-Ewropa – ħarsa ġenerali

Kemm hi rurali l-UE?

Aktar minn 77% tat-territorju tal-UE huwa kklassifikat bħala rurali (47 % art tar-raba' u 30 % foresti) u f'din iż-żona tgħix nofs il-popolazzjoni (komunitajiet agrikoli u residenti oħra).

Kemm hemm bdiewa fl-UE?

Fl-UE hemm 12-il miljun bidwi full-time. Flimkien, l-agrikoltura u l-industrija agroalimentari - li għall-forniment tagħha tiddependi ħafna mis-settur agrikolu - jirrappreżentaw 6% tal-PDG tal-UE, 15-il miljun intrapriża u 46 miljun impjegat.

X'tipi ta' agrikoltura jeżistu fl-UE?

Teżisti varjetà wiesgħa ta' tipi ta' agrikoltura. Dawn it-tipi jinkludu l-agrikoltura intensiva, u dik organika. Din id-diversità saħansitra saret akbar bil-wasla tal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant bħala membri ġodda tal-UE.

L-azjendi agrikoli tal-familja, spiss mgħoddija minn ġidd għal ġidd, huma tipiċi.

L-Ewropa għandha 12-il miljun bidwi u d-daqs medju ta' azjenda agrikola hu ta' madwar 15-il ettaru (bħala paragun, l-Istati Uniti għandhom kważi 2 miljun bidwi u daqs medju ta' 180 ettaru/azjenda).

L-UE tappoġġa "mudell partikolari ta' agrikoltura Ewropea"?

Iva. Il-Politika Agrikola Komuni tal-UE tfasslet biex tappoġġa agrikoltura li tipprovdi s-sikurezza fl-ikel (fil-kuntest tat-tibdil fil-klima) u tippromwovi żvilupp sostenibbli u bilanċjat taż-żoni rurali fl-Ewropa kollha, inklużi dawk fejn il-kundizzjonijiet għall-produzzjoni huma diffiċli.

Għalhekk din l-agrikoltura għandha diversi funzjonijiet xi twettaq: Trid tindirizza t-tħassib taċ-ċittadini dwar l-ikel (id-disponibbiltà, il-prezz, il-varjetà, il-kwalità u s-sikurezza), tissalvagwardja l-ambjent u tippermetti li l-bdiewa jkollhom ħajja diċenti.

Fl-istess ħin, il-komunitajiet rurali u l-pajsaġġi għandhom jiġu kkonservati, għax dawn jikkostitwixxu element prezzjuż tal-patrimonju Ewropew.

Mill-2014, wara l-ftehim politiku ta' Ġunju 2013, il-Politika Agrikola Komuni se tqis aktar id-diversità tal-agrikoltura fl-Ewropa.

Fejn nista' nsib statistika dwar l-agrikoltura tal-UE?

Fit-taqsima tagħna Statistika u fuq is-sit tal-EUROSTAT.

Fatti bażiċi dwar il-PAK

X’inhi l-PAK?

Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) tippermetti l-bdiewa Ewropej jindirizzaw il-ħtiġijiet ta' 500 miljun Ewropew. L-għanijiet ewlenin tagħha huma li jiġi żgurat standard ta' għajxien ġust għall-bdiewa u li tiggarantixxi provvista tal-ikel stabbli u sikura bi prezzijiet għall-but ta' kulħadd.

Il-PAK evolviet ħafna minn mindu bdiet fl-1962, u għadha qed tevolvi sal-lum. Ir-riforma ta' Ġunju 2013 tiffissa tliet prijoritajiet:

  1. li tiżgura produzzjoni vijabbli tal-ikel

  2. li tiżgura l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali;

  3. li tiffavorixxi l-iżvilupp bilanċjat taż-żoni rurali fl-UE.

Min imexxi l-PAK?

Il-Kummissjoni Ewropea tikkollabora ma' firxa ta' partijiet interessati (l-aktar permezz tal-ħafna gruppi konsultattivi) fit-tħejjija tal-proposti tagħha. Fir-rigward tal-atti leġiżlattivi, il-proposti tal-Kummissjoni jiġu trażmessi għall-approvazzjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Agrikoltura tas-27 Stat Membru tal-Unjoni u tal-Parlement Ewropew.

It-tmexxija ta' kuljum tal-PAK hi r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Il-Qorti tal-Awdituri tal-UE għandha wkoll rwol ewlieni biex tara li l-flus qed jintefqu sewwa.

Kif jintuża il-baġit?

Il-baġit tal-PAK jintefaq fi tliet modi differenti:

  1. Għajnuna għad-dħul tal-bdiewa u għall-ħarsien tal-prattiki agrikoli sostenibbli: ħlas ta' pagamenti diretti lill-bdiewa, sakemm dawn jirrispettaw standards Ewropej stretti għas-sikurezza tal-ikel, il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa u l-benessri tal-annimali. Dawn il-pagamenti huma għal kollox iffinanzjati mill-UE, u jammontaw għal madwar 70 % tal-baġit tal-PAK. Ir-riforma ta' Ġunju 2013 tipprevedi li 30 % tal-pagamenti diretti jkunu marbuta mal-konformità, min-naħa tal-bdiewa Ewropej, mal-prattiki agrikoli sostenibbli, il-benefiċċji għall-kwalità tal-artijiet, il-bijodiversità u l-ambjent b'mod ġenerali, pereżempju, id-diversifikazzjoni tal-uċuħ, iż-żamma tal-mergħat permanenti jew il-konservazzjoni ta' żoni ekoloġiċi tal-azjendi agrikoli.

  2. Il-miżuri ta' appoġġ għas-suq: attivati, pereżempju, meta l-kundizzjonijiet klimatiċi avversi jiddistabbilizzaw is-swieq. Dawn il-pagamenti jammontaw għal inqas minn 10 % tal-baġit tal-PAK.

  3. Il-miżuri ta' żvilupp rurali: miżuri maħsuba biex jgħinu lill-bdiewa jimmordernizzaw l-azjendi agrikoli tagħhom u biex isiru aktar kompetittivi, fl-istess ħin li jiġi protett l-ambjent, biex jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tal-attivitajiet agrikoli u mhux agrikoli u għall-ħajja tal-komunitajiet rurali. Dawn il-pagamenti huma parzjalment iffinanzjati mill-Istati Membri, u ġeneralment ikunu pluriennali u jammontaw għal madwar 20 % tal-baġit tal-PAK.

Dawn it-tliet oqsma huma relatati mill-qrib u għandhom ikunu amministrati b'mod koerenti. Pereżempju, il-pagamenti diretti jiggarantixxu lill-bdiewa dħul stabbli bħala premju għas-servizzi ambjentali li joffru fl-interess pubbliku. Bl-istess mod, il-miżuri ta' żvilupp rurali jiffaċilitaw il-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli filwaqt li jippromwovu d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet fiż-żoni rurali.

Min jiddeċiedi d-daqs tal-baġit tal-PAK?

Il-baġit jiġi deċiż kull sena mill-Kunsill tal-UE u mill-Parlament Ewropew. Bl-iskop li jiġi kkontrollat l-infiq fit-tul, dan inkiteb f'qafas finanzjarju pluriennali. L-ammonti ta' flus għall-PAK jifformaw parti mill-kolonna 2 tal-qafas pluriennali (imsejjaħ "Tkabbir sostenibbli - riżorsi naturali"). F'din il-kolonna 2, il-qafas pluriennali jiffissa limitu massimu għall-ewwel pilastru tal-PAK (għajnuniet diretti u miżuri tas-suq). Barra minn hekk, il-miżuri ta' żvilupp rurali tat-tieni pilastru tal-PAK jiġu ffinanzjati fl-ammont totali tal-kolonna 2. Il-qafas finanzjarju attwali jkopri l-perjodu 2007-2013 u dak li jmiss se jkun il-2014-2020.

Il-bdiewa huma trattati kollha ndaqs?

B'konsegwenza tal-iżvilupp tal-Politika Agrikola Komuni u tal-użu ta' "referenzi storiċi", il-livell tal-għajnuniet jista' jvarja bejn azjenda agrikola għal oħra, bejn Stat Membru u ieħor u bejn reġjun għal ieħor. Għalhekk, wieħed mill-għanijiet ewlenin tar-riforma tal-PAK li ġiet adottata fl-2013 huwa li tnaqqas id-differenzi fil-livelli ta' għajnuna fil-perjodu 2014-2020 bejn l-Istati Membri, bejn ir-reġjuni u bejn l-azjendi agrikoli. Dan ifisser, fi kliem ieħor, li l-PAK tkun aktar imparzjali.

Fil-każ ta' Stat Membru jew ta' reġjun li kien jifforma parti mill-UE qabel l-2004, is-sitwazzjoni attwali hija ġustifikata permezz tal-fatt li, għall-bidu, l-ammont ta' għajnuna mogħtija kien jiddependi mill-għajnuna li l-azjenda agrikola tkun irċeviet fil-perjodu ta' referenza 2000-2002, mill-erja tal-wiċċ ikkultivat u mill-mudell ta' għajnuna adottat minn kull Stat Membru. B'riżultat ta' dan, bidwi jista' jirċievi għajnuna ta' EUR 50 għal kull ettaru u l-bidwi ġar tiegħu jirċievi EUR 1,000 għal kull ettaru għal ġonta raba' b'karatteristiċi agronomiċi identiċi għalkollox.

Wara r-riforma tal-PAK tal-2003, l-Istati Membri l-"qodma" setgħu jaqsmu din l-għajnuna diretta bejn il-bdiewa fuq bażi individwali, reġjonali, jew kombinazzjoni tat-tnejn. Il-mudelli reġjonali u ibridi jistgħu jintużaw biex isewwu l-inġustizzja li saret. Minn fost dawn il-15-il Stat Membru, il-Ġermanja hija l-unika pajjiż li rrinunċjat integralment għar-referenzi storiċi.

Fil-każ tal-Istati Membri li ssieħbu fl-UE mill-2004, dawn il-pagamenti diretti huma bbażati fuq ammont fiss għal kull ettaru li huwa identiku għall-bdiewa kollha tal-Istati Membri.

Fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea, se jsir ukoll sforz ta' konverġenza biex jitnaqqsu d-differenzi bejn il-livelli tal-għajnuniet diretti li jgawddu minnhom il-bdiewa fl-Istati Membri differenti. Fil-kuntest tad-deċiżjonijiet ta' Ġunju 2013, it-tqassim tal-baġit tal-PAK se jiżgura li ebda Stat Membru ma jirċievi inqas minn 75% tal-medja Komunitarju min issa sal-20191. Fi ħdan l-istess Stat Membru jew reġjun, id-differenzi bejn il-livell ta' appoġġ se jitnaqqsu minn azjenda għall-oħra : l-għajnuna għal kull ettaru ma tistax tkun inqas minn 60% tal-medja tal-għajnuniet imħa;;sa minn issa sal-2019 fl-istess żona amminstrattiva jew agronomika. L-Istati membri jistgħu jagħtu għajnuniet ta' valur ogħla għall-"ewwel ettari" ta' azjenda b'tali mod li jgħinu lill-istrutturi żgħar u medji. Għall-Istati Membri ġodda, il-mekkaniżmu SAPS (pagament uniku skont l-erja) jista' jiġi estiż sal-2020.

Għalhekk, ġie deċiż li matul il-perjodu 2014-2020, l-Istati Membri li l-medja tal-livell tal-għajnuna li jirċievu għal kull ettaru hija inqas mill-medja komunitarja tiżdidilhom l-għajnuna b'mod gradwali sabiex joqorbu l-medja, u li sal-2020 l-ebda Stat Membru ma jibqa' taħt il-75 % tal-medja.

Il-PAK tinkoraġġixxi l-modernizzazzjoni tal-agrikoltura Ewropea?

Iva. Hemm ħafna inċentivi li jinkoraġġixxu l-modernizzazzjoni, jgħinu lill-bdiewa jtejbu l-azjendi agrikoli tagħhom, jipproċessaw u jbigħu l-prodott tagħhom u jipproduċu ikel ta' kwalità ogħla bl-użu ta' metodi ta' produzzjoni sostenibbli li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Mill-2014, se jkunu jistgħu jiġu applikati miżuri ġodda fil-qafas tal-PAK bl-għan li jiffaċilitaw l-investimenti kollettivi, jgħinu fl-iżvilupp tal-azjendi agrikoli żgħar u jippromwovu l-iskambju tal-għarfien agronomiku bejn il-bdiewa permezz ta' Partnerjat Ewropew għall-innovazzjoni fis-settur agrikolu.

Hemm frodi fil-PAK?

Skont id-dejta tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) fil-perjodu 2006-2010, il-każijiet ta' frodi ammontaw għal medja ta' 0.02 % tal-baġit tal-PAK. F'dawn l-aħħar snin, l-Unjoni Ewropea saħħet il-kontrolli baġitarji tagħha.

Qatt ħadd jara jekk il-PAK hix tilħaq l-għanijiet tagħha?

Iva. L-effikaċja tal-PAK tiġi evalwata mill-qrib. Qabel ma tagħmel kwalunkwe proposti leġiżlattivi, il-Kummissjoni dejjem tikkonsulta lill-partijiet interessati u ċ-ċittadini, u twettaq analiżi tal-impatt. Ta' spiss twettaq ukoll studji indipendenti dwar il-prestazzjoni tal-istrumenti differenti tal-PAK u dwar kif jistgħu jittejbu.

X'inhu l-punt tal-pagamenti diretti?

Il-pagamenti diretti jgħinu jiżguraw li l-agrikoltura tkun tista' tkompli fl-UE kollha, billi jipprovdu dħul minimu stabbli għall-bdiewa. B'hekk, isostnu l-vijabbiltà fit-tul tal-azjendi agrikoli u jipproteġuhom kontra l-varjazzjonijiet fil-prezzijiet. Fuq livell tal-UE, il-pagamenti diretti jammontaw għal medja ta' 30 % tad-dħul agrikolu. Iżda f'dawn l-aħħar snin, fil-perjodi ta' kriżi, kien hemm fejn il-pagamenti diretti ammontaw għal aktar minn 60 % tad-dħul agrikolu, bħal fil-każ tal-Iżvezja, l-Irlanda jew id-Danimarka matul il-kriżi tal-2008/2009.

Barra minn hekk, il-pagamenti diretti jippremjaw ukoll lill-bdiewa għal aspetti ta' ħidmiethom li, għalkemm mhumiex relatati mas-swieq, huma servizzi pubbliċi vitali għall-Ewropej kollha. Ir-riforma adottata f'Ġunju 2013 tipprevedi li 30 % tal-għajnuniet diretti lill-bdiewa jintrabtu mal-ħarsien ta' prattiki agrikoli effikaċi għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, il-kwalità tal-artijiet u l-ambjent inġenerali. Dan ifisser, pereżempju, id-diversifikazzjoni tal-uċuħ, iż-żamma tal-mergħat permanenti jew il-konservazzjoni ta' żoni ekoloġiċi tal-azjendi agrikoli.

Barra minn hekk, il-konġunt tal-għajnuniet diretti jingħata lill-bdiewa bil-kundizzjoni li dawn jirrispettaw standards stretti relatati mal-ambjent, is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-pjanti u l-annimali u l-benessri tal-annimali, u b'mod ġenerali, li jżommu r-raba f'kundizzjoni produttiva tajba. Dan il-kunċett jissejjaħ «kundizzjonalità'». Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ma' dawn ir-regoli, il-pagamenti jistgħu jiġu sospiżi u l-bidwi jiġi suġġett għal sanzjonijiet.

Is-swieq agrikoli fl-UE – kif jaħdmu?

Filwaqt li jiġi żgurat li l-bdiewa jipproduċu dak li s-suq jeżiġi, il-PAK tipprovdi wkoll mekkaniżmi ("xbieki ta' sikurezza") biex tiġi evitata kriżi ekonomika, tas-saħħa jew relatata mat-temp milli teqred meded sħaħ ta' produzzjoni. Dawn il-mekkaniżmi jinkludu x-xiri b'intervent pubbliku (xiri li jsir minn aġenziji ta' interventi nazzjonali biex jirtiraw produzzjoni żejda mis-suq) u l-għajnuna għal ħażna privata (biex jistabbilizzaw is-swieq).

Fl-ambitu tad-deċiżjonijiet ta' Ġunju 2013, dawn il-mekkaniżmi ġew immodernizzati. Il-kriżijiet qed iseħħu aktar ta' spiss u qed ikunu dejjem aktar gravi, u għalhekk inħolqot riżerva speċifika sabiex tilqa' għall-kriżijiet li jaffettwaw il-prestazzjoni normali tas-swieq, kif ukoll mekkaniżmu ta' emerġenza aktar b'saħħtu. Barra minn hekk, iddaħħlu fis-seħħ miżuri li jiffavorixxu l-ħolqien ta' fondi reċiproċi u ta' mekkaniżmi ta' assigurazzjoni u ta' għajnuna lill-bdiewa biex jantiċipaw aħjar il-kriżijiet.

Fl-aħħar nett, iddaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi ġodda biex jinkoraġġixxu lill-bdiewa jingħaqdu f'organizzazzjonijiet professjonali u interprofessjonali. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni qed tissorvelja wkoll ir-relazzjonijiet fil-katina alimentari, u biħsiebha tinkoraġġixxi l-partijiet differenti biex itejbu t-trasparenza tal-prezzijiet u l-prattiki kummerċjali.

Il-PAK tgħin liż-żgħażagħ biex isiru bdiewa?

L-ammont ta' bdiewa fl-Ewropa qiegħed ikompli jonqos, minħabba d-diffikultà tax-xogħol u l-investimenti kbar meħtieġa għall-ġestjoni tal-azjenda agrikola. Attwalment, fl-Ewropa, 4.5 miljun bidwi għandhom aktar minn 65 sena (30 % tal-bdiewa) u 6 % biss għandhom inqas minn 35 sena. Jeħtieġ li dan is-settur tax-xogħol jingħata dehra aktar attraenti u li ż-żgħażagħ jingħataw għajnuna biex jinvestu fih.

Biex dan iseħħ, u biex tippromwovi r-rinnovament ġenerazzjonali fis-settur agrikolu, il-PAK qed tipprevedi mekkaniżmi ta' għajnuna tal-bidu ta' azjendi. Ir-riforma tal-2013 tintroduċi tip ġdid ta' għajnuna għall-bdiewa żgħażagħ: bonus ta' 25 % tal-ammont tal-pagamenti diretti għall-bdiewa żgħażagħ matul l-ewwel ħames snin tal-attività.

Żvilupp rurali

X'inhu l-iżvilupp rurali?

Fil-kuntest tal-PAK, l-iżvilupp rurali, huwa maħsub biex jipproteġi l-vitalità tal-kampanja billi jappoġġa programmi ta' investiment, immodernizzar u ta' appoġġ għall-attivitajiet agrikoli u mhux agrikoli fiż-żoni rurali.

Min imexxi l-iżvilupp rurali?

L-Istati Membri jagħżlu l-miżuri adatti għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom u jmexxu l-programmi tagħhom huma stess. L-UE tħallas parti mill-ispejjeż ("kofinanzjament").

Kemm jiswa l-iżvilupp rurali? Minn fejn jiġu l-flus?

Il-baġit tal-PAK għall-2014-20 għat-28 Stat Membru jammonta għal EUR 95 biljun (prezzijiet kurrenti).

Dawn il-flus jiġu mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

Kif jintużaw il-flus?

Mill-2014, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) se jiddaħħal fil-qafas strateġiku komuni l-ġdid, flimkien mal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta' Koeżjoni (FK) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), biex jinkisbu l-għanijiet (tkabbir ekonomiku sostenibbli, intelliġenti u inklużiv) tal-istrateġija Ewropa 2020.

Il-fondi mogħtija għall-iżvilupp rurali jistgħu jintużaw kemm għal attivitajiet agrikoli u kemm għal dawk mhux agrikoli, fir-rigward ta' dawn is-sitt prijoritajiet:

  1. it-trawwim tat-trasferiment tal-għarfien u l-innovazzjoni;

  2. it-titjib tal-kompetittività;

  3. il-promozzjoni tal-organizzazzjoni tal-katina alimentari u tal-ġestjoni tar-riskju;

  4. ir-restawr, l-ippreservar u t-titjib tal-ekosistemi;

  5. il-promozzjoni tal-effikaċja tar-riżorsi u t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx tal-karbonju;

  6. il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp ekonomiku taż-żoni rurali.

L-Istati Membri jew ir-reġjuni jistgħu jfasslu subprogrammi b'rati ogħla ta' appoġġ biex jindirizzaw, pereżempju, il-ħtiġijiet ta' ċerti setturi ffaċċati b'sitwazzjonijiet speċifiċi, tal-bdiewa żgħażagħ, l-azjendi agrikoli żgħar, taż-żoni muntanjużi u tal-ktajjen tal-provvista qosra.

Il-programmi tal-iżvilupp rurali jistgħu jiġu adattati għal reġjuni differenti?

Kull pajjiż ifassal l-istrateġija nazzjonali tiegħu għall-iżvilupp rurali. Iżda jistgħu jitfasslu programmi speċifiċi li jiġu applikati fuq livell reġjonali.

X'inhi d-differenza bejn il-miżuri tal-PAK għall-iżvilupp rurali u dawk tal-politika reġjonali?

Il-politika reġjonali hija mmirata biex tgħin lill-ifqar reġjuni fl-UE, filwaqt li l-programmi tal-iżvilupp rurali japplikaw għaż-żoni rurali kollha fil-pajjiżi tal-UE.

Il-miżuri għall-iżvilupp rurali ma jgħinux lill-bdiewa biss, iżda jgħinu wkoll lil partijiet interessati oħra tal-ekonomija rurali: sidien ta' foresti, ħaddiema agrikoli, SMEs, assoċjazzjonijiet lokali, eċċ

X'inhu "Leader"?

"Leader" huwa programm biex isaħħaħ l-ekonomija rurali billi jinkoraġġixxi lill-partijiet interessati lokali jieħdu azzjoni fil-livell lokali (bottom-up), minflok ma jiġu imposti azzjonijiet fuqhom( (top-down). Skont ir-regoli tal-lum, il-pajjiżi tal-UE jridu jonfqu tal-anqas 5% tal-baġit tal-iżvilupp rurali fuq proġetti Leader.

L-iżvilupp rurali jista' jgħin fil-ħarsien tal-ambjent?

Kull programm tal-iżvilupp rurali għandu jinkludi azzjoni biex iħares u jtejjeb ir-riżorsi naturali u l-pajsaġġi tal-UE fiż-żoni rurali.

Il-flus tal-iżvilupp rurali jingħataw għall-finanzjament ta' miżuri ta' protezzjoni u ta' konservazzjoni tal-pajsaġġi naturali, kif ukoll tal-miżuri tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, jiġifieri:

  1. il-konservazzjoni tal-kwalità tal-ilma;

  2. il-ġestjoni sostenibbli tal-artijiet;

  3. it-tħawwil ta' siġar biex jiġu evitati l-erożjoni u l-għargħar.

Il-PAK – Għaliex?

Għaliex għandna bżonn politika agrikola "komuni" fil-livell tal-UE?

L-agrikoltura hija settur li jikseb l-appoġġ kważi eżklussivament fuq il-livell Ewropew, b'differenza mill-bqija tas-setturi l-oħra li huma suġġetti għall-politiki nazzjonali. Huwa importanti li jkun hemm politika pubblika għal settur li jiżgura s-sigurtà alimentari tagħna, u li għandu rwol importanti fl-użu tar-riżorsi naturali u fl-iżvilupp ekonomiku taż-żoni rurali.

Il-pajjiżi kollha tal-UE jaqsmu dawn l-għanijiet. L-ebda wieħed minnhom ma jista' jintlaħaq mingħajr l-appoġġ finanzjarju għas-settur agrikolu u ż-żoni rurali.

Għalhekk, jeħtieġ li jittieħdu miżuri fuq livell Ewropew biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti u jiġi ffissat sett komuni ta' għanijiet, prinċipji u regoli. Politika kollettiva tal-UE tiżgura wkoll użu aħjar tar-riżorsi tal-baġit milli jipprovdi l-użu tad-diversi politiki nazzjonali flimkien.

Minbarra l-ġestjoni tas-suq uniku tal-UE, għanijiet oħra li jridu jiġu indirizzati fil-livell transnazzjonali, bħall-koeżjoni bejn il-pajjiżi u r-reġjuni, il-problemi ambjentali transkonfinali, u l-isfidi ambjentali u globali bħat-tibdil fil-klima, il-ġestjoni tal-ilma, il-bijodiversità, is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti u s-saħħa pubblika kif ukoll l-interessi tal-konsumatur.

Għalfejn il-bdiewa jeħtieġu l-għajnuniet pubbliċi?

Għall-kuntrarju ta' kif jaħsbu ċerti pajjiżi, l-agrikoltura ma ġġibx ħafna flus. L-investimenti tal-bdiewa f'ħin u fi flus jiddependu dejjem fuq il-kundizzjonijiet ekonomiċi, tas-saħħa u tat-temp li m'għandhomx kontroll fuqhom. Il-biedja teħtieġ investimenti kbar, kemm umani u kemm finanzjarji, li jagħtu l-frott xhur jew saħansitra snin wara u jibqgħu dejjem vulnerabbli.

L-appoġġ finanzjarju lill-bdiewa jiżgura li l-ikel ikompli jiġi prodott fl-UE kollha u jħallas għall-provvista tal-beni pubbliċi li m'għandhomx valur tas-suq: il-protezzjoni ambjentali, il-benessri tal-annimali, ikel sikur u ta' kwalità għolja, eċċ.

Dawn il-"beni pubbliċi" huma aktar importanti mill-istandards Ewropej fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea, li huma fost l-aktar stretti fid-dinja. Minħabba f'hekk, il-produzzjoni tal-ikel fl-Ewropa tiswa aktar milli fil-pajjiżi li għandhom standards inqas stretti.

Mingħajr l-appoġġ pubbliku, l-azjendi agrikoli Ewropej ma jkunux kapaċi jikkompetu ma' dawk ta' pajjiżi oħra filwaqt li jibqgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-konsumaturi Ewropej. Barra minn hekk, hekk kif it-tibdil fil-klima qed jinħass dejjem iktar, l-ispiża tal-biedja sostenibbli tista' biss tkompli tiżdied.

Il-PAK – Kemm jiswina dan kollu?

Kemm tiswa l-PAK għal dak li jħallas it-taxxa?

Il-PAK tiswa madwar 30 euro-ċenteżmi għal kull ċittadin tal-UE kuljum. Fl-2011 dan kien jammonta għal 43% tal-baġit annwali tal-UE, jiġifieri EUR 58 biljun. Dan il-perċentwali ilu jonqos sa mill-1984, meta kien 72 %, anke jekk minn meta seħħ it-tkabbir tal-UE fl-1992 l-għadd tal-azjendi agrikoli rdoppja.

Fil-fatt, l-ispejjeż tal-PAK jirrappreżentaw inqas minn 1 % tal-ispejjeż pubbliċi totali tal-Istati Membri kollha. L-ispejjeż pubbliċi għas-settur agrikolu huma komuni għall-UE kollha; dan mhuwiex il-każ f'ebda settur ekonomiku ieħor. B'paragun, l-Istati Membri jonfqu tliet darbiet aktar fuq id-difiża.

Għaliex kważi 40 % tal-baġit tal-UE hu ddedikat għall-agrikoltura u mhux għal setturi oħra?

L-agrikoltura hija l-unika settur iffinanzjat għal kollox mill-baġit tal-UE, li jfisser li l-infiq fuq livell Ewropew jieħu post l-infiq nazzjonali. Oqsma oħra, bħar-riċerka, l-edukazzjoni, it-trasport, id-difiża, il-pensjonijiet u l-kura tas-saħħa, jew mhumiex inklużi fil-baġit tal-UE jew huma parti żgħira ħafna minnu. Dawn huma ffinanzjati - għal kollox jew parzjalment - mill-baġits nazzjonali u jiġu implimentati mill-Istati Membri stess.

Min-naħa tagħha, il-PAK tiżgura li ċ-ċittadini Ewropej ikollhom provvista abbondanti u sikura ta' ikel ta' kwalità għolja, kif ukoll ambjent f'saħħtu u pajsaġġi eċċezzjonali.

Kif tiġi ffinanzjata l-PAK?

Il-PAK tiġi ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. L-ispejjeż tal-PAK għall-iżvilupp rurali jiġu ffinanzjati b'mod konġunt mill-Istati Membri u mill-UE.

Il-parti l-kbira tal-baġit tal-Unjoni nnifsu tiġi ffinanzjata mir-"riżorsi proprji" tiegħu: dazji doganali, tariffi, VAT u riżorsi abbażi tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tal-Istati Membri.

Min huma l-benefiċjari tal-pagamenti u kemm jirċievu?

Sa mill-2009, kull Stat Membru jrid jippubblika l-lista ta' benefiċjari tal-pagamenti tal-PAK, sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabbiltà. Madankollu, wara appell imressaq minn bdiewa Ġermaniżi mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, l-obbligu li tiġi ppubblikata l-informazzjoni personali kollha dwar il-benefiċjarji tal-għajnuniet ġie sospiż f'Novembru 2010 fuq bażi ta' ksur tal-privatezza. Speċifikament, il-Qorti ordnat li l-ismijiet tal-benefiċjarji ma għadhomx jiġu ppubblikati. Konsegwentement, il-Kummissjoni, li tibqa' impenjata li tħares il-prinċipju tat-trasparenza, ipproponiet regoli ġodda li jqisu l-argumenti tal-Qorti. Ir-riforma ta' Ġunju 2013 terġa' ddaħħal l-obbligu ta' trasparenza, filwaqt li tibqa' tqis il-prinċipji ta' proporzjonalità imposti mill-Qorti. B'mod partikolari, l-azjendi agrikoli ż-żgħar - dawk li jirċievu ammonti limitati ħafna mhumiex effettwati minn din il-miżura.

Bħala persuna li tħallas it-taxxa, nista' nibbenefika mill-PAK, minkejja li minhix bidwi?

Diġà qiegħed tibbenefika. Meta l-UE tgħin lill-azjendi agrikoli tagħha, tibbenefika s-soċjetà kollha b'mod ġenerali. Tikseb provvista sikura ta' ikel bi prezzijiet tajbin. Il-familji Ewropej jiddedikaw medja ta' 15% tal-baġit tagħhom għall-ikel, li huwa n-nofs ta' dak li kien jintefaq fl-1960.

Billi nappoġġaw il-prattiki agrikoli sostenibbli, permezz tal-PAK, inkunu qed ngħinu fil-konservazzjoni tal-ambjent tagħna, kif ukoll biex inħarsu r-rikkezza u d-diversità tal-pajsaġġi rurali u tal-ikel tagħna.

Ir-riforma tal-PAK

X'inkiseb bl-aħħar riformi?

L-aktar riformi sostanzjali tal-PAK bdew fl-1992 u intensifikaw fl-2003, meta r-rabta bejn is-sussidji u l-produzzjoni nqatgħet. Dan ifisser li l-bdiewa, biex jiksbu s-sussidji, ma kellhomx għalfejn jaħdmu r-raba biex jipproduċu ikel li ma kienx hemm suq għalih. Minflok, issa jistgħu jipproduċu dak li jridu s-suq u l-konsumaturi, ifittxu swieq ġodda li jħallu l-qligħ u jisfruttaw niċeċ ġodda fis-suq.

Il-bdiewa issa jirċievu appoġġ għad-dħul, bil-kundizzjoni li jieħdu ħsieb l-għelieqi tagħhom u jissodisfaw l-istandards tas-sikurezza tal-ikel, l-istandards ambjentali u tal-benessri tal-annimali. Jekk ma jagħmlux dan, jitnaqqsulhom il-pagamenti.

Il-PAK il-ġdida tagħti aktar importanza għar-realtà ta' dinja miftuħa u, skont id-WTO, 90% tal-pagamenti ma jxekklux il-kummerċ.

Il-PAK toffri lill-konsumaturi għażla wiesgħa ta' ikel ta' kwalità għolja.

Il-Kummissjoni qiegħda kontinwament timmodernizza u tissimplifika l-PAK.

Issa li l-ħlasijiet lill-bdiewa m'għadhomx marbuta mal-produzzjoni, il-bdiewa jistgħu jkomplu jgawdu ċerta sigurtà finanzjarja, filwaqt li jkunu iktar liberi li jirrispondu għas-sinjali tas-suq.

L-istrumenti tas-suq tal-PAK (bħall-intervent pubbliku) ġew adattati biex jiffunzjonaw bħala xibka ta' sikurezza mingħajr ma jimblukkaw is-sinjali normali tas-suq. Il-miżuri għall-iżvilupp rurali jgħinu lill-azjendi agrikoli jirristrutturaw l-azjendi tagħhom u jikkonservaw l-ambjent, u b'hekk jiffavorixxu l-prosperità taż-żoni rurali.

X'se jkunu d-direzzjonijiet ewlenin tal-PAK wara l-2013?

Fl-2013 ġiet adottata riforma ġdida tal-PAK, li għandha tidħol fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2014. L-elementi kollha tar-riforma se jkunu applikabbli mill-1 ta' Jannar 2014, bl-eċċezzjoni tal-istruttura l-ġdida ta' pagamenti diretti li teżiġi li jitqies iċ-ċiklu annwali tal-pagamenti diretti: id-dikjarazzjonijiet PAK annwali tal-azjendi agrikoli jibdew jittieħdu fir-rebbiegħa. Abbażi ta' dawn id-dikjarazzjonijiet, il-ħlas skont l-istruttura l-ġdida ta' pagamenti diretti jibdew jingħataw fl-2015 bi, pereżempju, il-pagamenti ekoloġiċi u l-għajnuniet addizzjonali għall-bdiewa żgħażagħ.

Ir-riforma l-ġdida tikkonċerna liċ-ċittadini kollha tal-UE. Sabiex tħejji din ir-riforma, il-Kummissjoni fetħet djalogu mas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati kollha. Il-linji ġenerali tar-riforma tal-PAK li ġiet adottata f'Ġunju 2013 ġew definiti wkoll wara dibattitu pubbliku wiesa' li sar bejn April u Lulju 2010 (fejn kien hemm kważi 6,000 kontribuzzjoni individwali u kollettivi), segwit minn dibattitu politiku intens mal-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew Wara, fit-12 ta' Ottubru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposti leġiżlattivi tagħha.

X'se jinbidel bir-riforma l-ġdida:

  1. Il-pagamenti diretti lill-bdiewa se jirriflettu aħjar il-ħtieġa li d-dħul tagħhom ikun appoġġat b'mod ġust u li se jagħmlu tajjeb għas-servizz pubbliku li joffru (pereżempju billi jipproteġu l-ambjent). Se jipprovdu wkoll aktar appoġġ lir-reġjuni fejn il-kundizzjonijiet huma aktar diffiċli, u jgħinu liż-żgħażagħ jibdew karriera fis-settur agrikolu.

  2. Il-mekkaniżmi tal-ġestjoni tas-suq se jkunu aktar sempliċi, aktar effikaċi u aktar flessibbli.

  3. Il-politika tal-iżvilupp rurali se tiffoka biex iżżid il-kompetittività u tippromwovi l-innovazzjoni.

Se jiġu introdotti għażliet ġodda biex jgħinu lill-azjendi agrikioli jiffaċċjaw il-volatilità tal-prezzijiet u tad-dħul.

Il-prezzijiet tal-ikel

Għalfejn għandna nappoġġaw lis-settur tal-agrikoltura meta l-prezzijiet tal-ikel huma għoljin?

Il-prezzijiet tal-prodotti meta jitilqu mir-razzett jagħmlu parti relattivament żgħira biss tal-prezz li jħallas il-konsumatur għall-ikel. Il-prezz taċ-ċereali jirrappreżenta 5 % biss tal-prezz ta' ħobża. Jekk il-prezz għall-konsumaturi jogħla, ma jfissirx li d-dħul għall-bdiewa jiżdied bilfors. Dan, minħabba l-fatt li l-bdiewa wkoll jiffaċċjaw żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom. Aktar u aktar, l-azjendi agrikoli huma vulnerabbli ħafna għall-varjazzjonijiet tas-suq, li qed isiru dejjem iktar frekwenti u estremi, u għall-volatilità tal-prezzijiet. F'dawn l-aħħar snin, il-kont tal-enerġija tal-azjendi agrikoli tela' b'223 %, u l-prezz tal-fertilizzant b'163 %. Il-prezzijiet agrikoli għolew b'medja ta' 50 %.

Il-prezz tal-ikel għola minħabba l-bijofjuwils?

Id-diversi studji disponibbli juru li l-produzzjoni tal-bijofjuwils fl-UE m'għandhiex effett kbir fuq iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel. 1 % biss taċ-ċereali tal-UE jmorru għall-produzzjoni tal-etanol. Madwar żewġ terzi tal-produzzjoni taż-żejt tal-kolza jmorru għall-produzzjoni tal-bijodiżil, iżda l-produzzjoni tal-kolza tal-UE tirrappreżenta biss 2 % tad-domanda dinjija. Madankollu, jeħtieġ li jsir investiment fil-bijofjuwils tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni.

Il-PAK u l-ambjent

X'inhu l-impatt tal-agrikoltura fuq l-ambjent?

L-agrikoltura tista' tgħin biex jinħoloq u jinżamm ambjent sostenibbli, iżda tista' tkun ukoll ta' riskju għall-ambjent. Il-Politika Agrikola Komuni għandha rwol importanti biex jintlaħaq bilanċ bejn dawn iż-żewġ estremi, u dan ir-rwol se jsir kruċjali fis-snin li ġejjin.

Il-PAK kif tista' tgħin għall-protezzjoni tal-ambjent?

Bir-riforma tal-PAK li ġiet adottata f'Ġunju 2013, kull Stat Membru, kull territorju, kull bidwi qed jikkontribwixxi għall-isfida tas-sostenibbiltà u tat-tibdil fil-klima, b'miżuri sempliċi u b'impatt konkret. Se jiġi investiti aktar minn 100 biljun euro bejn l-2014 u l-2020 biex jgħinu lill-agrikoltura tilqa' għall-isfida tal-kwalità tal-ħamrija, tal-ilma, tal-biodiversità u tat-tibdil fil-klima:

  • "Ekoloġizzazzjoni" : 30% tal-pagamenti diretti se jkunu marbutin mal-osservanza ta' tliet prattiki agrikoli tajbin għall-ambjnet: id-diversifikazzjoni tal-koltivazzjoni, iż-żamma tal-mergħat permanenti u l-preżervazzjoni ta' 5%, imbagħad 7% taż-żoni ta' interess ekoloġiku mill-2018, jew miżuri meqjusa b'xi mod ekwivalenti fit-termini ta' benefiċċju għall-ambjent.

  • Mill-inqas 30% tal-baġit għall-programmi ta' żvilupp rurali għandu jkollhom jiġu allokati lil miżuri agro-ambjentali, appoġġ għall-agrikoltura bijoloġika jew proġetti marbuta ma' investimenti jew miżuri ta' innovazzjoni favorevoli għall-ambjent.

  • Il-miżuri agro-ambjentali se jissaħħu. Iridu jkunu kumplimentari għall-prattiki appoġġati fil-qafas tal-ekoloġizzazzjoni. Dawn il-programmi jridu jkunu aktar ambizzjużi u għalhekk aktar effikaċi f'termini ta' ħarsien tal-ambjent (garanzija li ma jkunx hemm finanzjament doppju).

L-Unjoni Ewropea x'tagħmel għall-agrikoltura organika?

L-agrikoltura organika tħares iċ-ċikli naturali tal-pjanti u l-annimali. Tipproteġihom permezz ta' regoli ta' produzzjoni stretti li tistabbilixxi bil-leġiżlazzjoni Ewropea. Din l-agrikoltura hija protetta wkoll minn regoli dwar it-tikkettar u t-traċċabilità biex ikunu garantiti l-kwalità u l-awtentiċità tal-prodotti organiċi, jiġu minn fejn jiġu fid-dinja.

F'dan il-kuntest, l-UE żviluppat logo Ewropew speċifiku għall-prodotti organiċi li jikkonformaw mal-istandards ta' produzzjoni organika tal-UE. L-azjendi agrikoli u l-produtturi tal-ikel organiku għandhom jgħaddu minn proċess strett ta' ċertifikazzjoni qabel ma jkunu jistgħu jużaw il-logo.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu joffru appoġġ speċifiku fil-programmi għall-iżvilupp rurali tagħhom għal azjendi agrikoli konvenzjonali li jixtiequ jagħmlu l-bidla għall-agrikoltura organika. Din il-possibbiltà se tkun aktar viżibbli wara l-2013: ir-riforma tipprevedi għajnuna speċifika għall-agrikoltura organika, u l-possibbiltà li l-għajnuna tingħata kemm għall-bidla lejn l-agrikoltura organika kif ukoll għaż-żamma ta' din il-prattika.

Il-PAK tkopri l-forestrija?

Il-PAK ma tkoprix il-forestrija kummerċjali, iżda tirrikonoxxi l-impatt pożittiv tal-ġestjoni tajba tal-foresti fuq il-pajsaġġ naturali u l-bijodiversità. Għalhekk tappoġġa l-azjendi agrikoli li jixtiequ jsaġġru mill-ġdid parti mill-art agrikola tagħhom.

Il-PAK u l-kummerċ

L-Ewropa hi miftuħa għall-importazzjonijiet ta' prodotti tal-ikel?

F'dawn l-aħħar għoxrin sena, l-UE għamlet sforzi kbar biex tiftaħ is-swieq tagħha. Aktar minn żewġ terzi tal-importazzjonijiet tagħha jiġu minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, li huwa aktar milli fil-każ tal-Istati Uniti, l-Awstralja, il-Ġappun, il-Kanada u n-New Zealand flimkien. Il-ftehimiet bilaterali li jsiru ma' ħafna pajjiżi terzi jippermettu dazji doganali baxxi fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti agrikoli Fl-UE, filwaqt li l-ifqar 50 pajjiż fid-dinja jistgħu jesportaw kwantitajiet bla limitu lejn l-UE mingħajr dazju.

Għandna noħolqu ostakli ġodda għall-importazzjoni biex nipproteġu lill-azjendi agrikoli u l-ikel tagħna?

Jekk noħolqu ostakli ġodda, l-imsieħba kummerċjali tagħna jagħmlu l-istess. L-Ewropa għandha vantaġġ kompetittiv għax tipprovdi ikel ipproċessat ta' livell għoli. Is-swieq fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi ċ-Ċina u l-Indja, joffru opportunitajiet enormi għall-espansjoni f'dan ir-rigward.

L-aqwa mod kif tkun żgurata s-sikurezza tal-ikel hu billi jinżammu relazzjonijiet kummerċjali bbilanċjati bejn iż-żewġ naħat. U l-aqwa mod kif nipproteġu lill-azjendi agrikoli tagħna hu billi nħalluhom liberi li jikkompetu fis-suq dinji billi nipprovduhom bi dħul fiss. Dan hu eżattament dak li qed tagħmel il-PAK.

Il-PAK u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw

20 sena ilu L-UE kienet tonfoq €10 biljuni fis-sena fuq sussidji għall-esportazzjoni. Fl-2011 dawn is-sussidji naqsu għal madwar €160 miljun. Is-sussidji fuq l-esportazzjoni huma maħsuba mhux biss għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżda wkoll għall-baċir Mediterranju u l-bqija tal-Ewropa. Proporzjon żgħir ħafna tal-prodotti sussidjati jaslu l-Afrika.

Mill-2014, ġie miftihem li l-mekkaniżmi tas-sussidji fuq l-esportazzjoni ma jibqgħux applikabbli, għajr f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jibbenefikaw tassew mill-konċessjonijiet kummerċjali tal-Unjoni Ewropea?

L-UE għandha ftehimiet dwar tariffi preferenzjali ma' ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw. Tipprovdi aktar għall-għajnuna kummerċjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw milli għall-bqija tad-dinja – kważi €1 biljun fis-sena fl-aħħar tliet snin.

L-Unjoni tassorbi 71 % tal-esportazzjonijiet agrikoli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw (li kienu jiswew madwar €59 biljun fl-2008-10), li huwa aktar milli fil-każ tal-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun u l-Awstralja flimkien. L-importazzjonijiet tal-UE mill-Afrika biss jammontaw għal aktar minn €12-il biljun (15 % tat-total tal-importazzjonijiet tal-UE). Madwar terz tal-esportazzjonijiet mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma destinati għall-UE.

X'inhi l-istrateġija tal-UE għall-kummerċ mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw?

L-UE hi favur regoli ta' kummerċ multilaterali li jgawdi minnu kulħadd, u speċjalment il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Hu għalhekk li temmen li l-pajjiżi industrijalizzati għandhom inaqqsu d-dazji doganali tagħhom iktar malajr u aktar drastikament mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Il-kwalità u s-sikurezza tal-ikel

L-ikel tagħna hu sikur?

L-UE tejbet ħafna s-sikurezza tal-ikel wara d-disgħinijiet, bl-introduzzjoni ta' miżuri ta' iġjene, regoli dwar is-saħħa tal-annimali u l-pjanti u kontrolli dwar ir-residwi tal-pestiċidi u l-addittivi fl-ikel. Il-leġiżlazzjoni dwar l-ikel fl-Ewropa hija waħda mill-aktar stretti fid-dinja.

L-UE kif tiżgura l-kwalità tal-ikel?

Il-kwalità tal-ikel tiġi żgurata permezz tal-leġiżlazzjoni fir-rigward tat-tikkettar, il-kummerċjalizzazzjoni u l-kwalità: protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, informazzjoni nutrizzjonali obbligatorja fuq l-ippakkjar, tikketti tal-kwalità, standards fir-rigward tal-benessri tal-annimali, eċċ.

Minbarra r-regoli dwar l-iġjene li jiżguraw is-sikurezza tal-prodotti, l-Ewropa żviluppat:

  1. standards tal-kummerċjalizzazzjoni li applikabbli għall-prodotti mibjugħa fl-UE;

  2. termini mhux obbligatorji biex jindikaw il-kwalità tal-prodott fuq it-tikketta;

  3. sistemi Ewropej ta' kwalità sabiex jidentifikaw il-prodotti li għandhom kwalità speċifika:

  • "Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini" (DPO) jew "Indikazzjoni Ġeografika Protetta" (IĠP) għall-kwalità relatata mal-oriġini ġeografika

  • "Speċjalità Tradizzjonali Garantita" (STG):

  1. logo speċjali tal-UE għall-prodotti organiċi li jissodisfaw standards ta' produzzjoni stretti;

  2. linji gwida biex jottimizzaw il-prestazzjoni tas-sistemi ta' ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-ikel li jiggarantixxu ż-żamma ta' ċerti karatteristiċi tal-prodott jew tal-proċessi tal-produzzjoni tiegħu.

Is-saħħa u l-benessri tal-annimali

Kif inhuma trattati l-annimali?

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benesseri tal-annimali tat-trobbija tirrikonoxxi li l-annimali m'għandhomx jgħaddu minn tbatija mhux neċessarja. Il-leġiżlazzjoni tirrikonoxxi ħames libertajiet għall-annimali:

  1. il-libertà li jixorbu u jieklu kemm ikun meħtieġ;

  2. il-libertà li jgħixu komdi;

  3. il-libertà li jgħixu mingħajr uġigħ, korriment jew mard;

  4. il-libertà li jesprimu mġiba naturali;

  5. il-libertà li jgħixu mingħajr biża' u stress.

L-Uffiċċju Alimentari u Veterenarju tal-Kummissjoni jagħmel spezzjonijiet biex jivverifika li l-Istati Membri japplikaw il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-benessri tal-annimali b'mod korrett.

Il-PAK tagħti wkoll għajnuna lill-azjendi agrikoli biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-benesseri tal-annimali fl-azjendi tagħhom lil hinn mill-istandards minimi:

  1. l-għajnuna kollha mħallsa lill-azjendi agrikoli taħt il-PAK hija soġġetta għal konformità ma standards minimi tal-benessri tal-annimali. L-azjendi agrikoli li ma jikkonformawx ma' dawn l-istandards jistgħu jitilfu s-sussidji kollha jew parti minnhom.

  2. Il-bdiewa li jinvestu fit-titjib tas-sistemi tat-trobbija tal-annimali (pereżempju l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom), jikkwalifikaw għal għajnuniet supplimentari.

L-ogħla standards tal-benesseri tal-annimali huma imposti fuq it-trobbija organika tal-bhejjem. Dan ifisser li l-produzzjoni tal-ikel fl-Ewropa tiswa aktar milli f'pajjiżi oħra li ma japplikawx dawn l-istandards tant stretti. Mingħajr l-appoġġ pubbliku, ikun diffiċli għall-azjendi agrikoli Ewropej biex jirnexxu fit-tul f'dan l-ambjent ta' globalizzazzjoni.

It-tħassib dwar il-benesseri tal-annimali jmur lil hinn mill-fruntieri tal-UE, li tagħmel ħilitha biex trawwem aktar kuxjenza dwar il-valur miżjud ta' dan l-aspett fil-kummerċ internazzjonali.

L-UE kif tipproteġi s-saħħa tal-annimali?

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-mard tal-annimali hija vinkolanti għall-Istati Membri u maż-żmien ġiet imtejba ħafna bis-saħħa tal-esperjenza u l-kompetenzi miksuba.

MEMO/13/621

IP/13/613

1 :

Dan il-punt ikollu jiġi approvat fid-diskussjonijiet tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website