Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2013

Ir-riforma tal-PAK – spjega tal-elementi ewlenin

Il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew (PE) illum laħqu abbozz ta’ ftehim politiku dwar ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni — suġġett għall-approvazzjoni formali mill-Kunsill u l-PE bħala Ftehim tal-ewwel qari ladarba t-testi jiġu fformalizzati fil-lingwi kollha. Il-ftehim, ibbażat fuq il-proposti tal-Kummissjoni minn Ottubru 2011 (ara IP/11/1181 u MEMO/11/685) jikkonċerna erba' regolamenti bażiċi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-Politika Agrikola Komuni - i) dwar il-Pagamenti Diretti, ii) l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq Unika (OKS), iii) l-Iżvilupp Rurali u, iv) Regolament Orizzontali għall-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-PAK. Għadd ta' kwistjonijiet se jiġu indirizzati separatament fi ħdan in-negozjati tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-2014-2020 - partikolarment dwar it-trasferiment tal-fondi bejn il-Pagamenti Diretti (l-ewwel Pilastru) u l-Iżvilupp Rurali (it-tieni Pilastru), l-allokazzjoni tal-pakketti nazzjonali għall-Pagamenti Diretti u l-Iżvilupp Rurali, u r-rati ta' kofinanzjament u l-kwistjoni tal-limitar u d-degressività.

L-elementi ewlenin tal-proposti huma dawn:

1. Pagamenti diretti

Sabiex nimxu lejn distribuzzjoni aktar ġusta tal-appoġġ, is-sistema tal-PAK tal-Pagamenti Diretti se titbiegħed minn waħda fejn l-allokazzjonijiet għall-Istat Membru — u għall-bidwi fl-Istat Membru — ikunu bbażati fuq referenzi storiċi. Dan se jfisser konverġenza ċara u ġenwina tal-pagamenti mhux biss bejn l-Istati membri, imma anki fi ħdan l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ Pagament Ekoloġiku — fejn 30 % mill-pakkett nazzjonali disponibbli huwa marbut ma' ċerti prattiki ta’ biedja sostenibbli — tfisser li sehem sinifikanti mis-sussidju se jintrabat fil-ġejjieni mal-ippremjar tal-bdiewa talli jipprovdu prodotti pubbliċi ambjentali. Il-pagamenti kollha se jibqgħu soġġetti għall-osservanza ta' ċerti regoli ambjentali, fost oħrajn oħra

L-Iskema ta’ Pagament Bażiku (SPB): L-Istati Membri se jiddedikaw 70 % tal-pakkett nazzjonali tagħhom tal-Pagamenti Diretti lill-Iskema l-ġdida ta’ Pagament Bażiku — nieqes kwalunkwe ammont impenjat għaż-żidiet għalll-Bdiewa Żgħażagħ, u għażliet oħra bħaż-żidiet għaż-Żoni Anqas Vantaġġati, l-Iskema għall-Bdiewa Żgħar, il-Pagament Ridistributtiv u bħala pagamenti “akkoppjati”. Għall-UE-12, l-iskadenza għall-Iskema ta’ Pagament Uniku skont l-Erja (SPUE), li hija aktar sempliċi u b'rata waħda fissa, se tiġi estiża sal-2020.

Konverġenza Interna: Dawk l-Istati Membri li bħalissa jżommu l-allokazzjonijiet bbażati fuq referenzi storiċi jridu jimxu lejn allokazzjonijiet aktar simili ta' pagament għal kull ettaru. Jistgħu jagħżlu minn alternattivi differenti: li jieħdu approċċ nazzjonali, jew approċċ reġjonali (skont kriterji amminstrattivi jew agronomiċi); li jiksbu rata reġjonali/nazzjonali sal-2019, jew li jiżguraw li dawk l-azjendi agrikoli li qed jiksbu inqas minn 90% tar-rata medja reġjonali/nazzjonali jaraw żieda gradwali - bil-garanzija addizzjonali li kull bidwi jilħaq pagament minimu ta' 60% tal-medja nazzjonali/reġjonali sal-2019. L-ammonti disponibbli lill-bdiewa li jiriċevu iżjed mill-medja reġjonali/nazzjonali se jiġiu aġġustati proporzjonalment, bl-għażla għall-Istati Membri li jillimtaw "it-telf" għal 30%.

L-Istati Membri għandhom ukoll id-dritt jużaw pagament ridistributtiv għall-ewwel ettari li bih jistgħu jieħdu sa 30% tal-pakkett nazzjonali u jqassmuh lill-bdiewa għall-ewwel 30 ettaru tagħhom (jew sad-daqs medju tal-azjenda agrikola jekk ikun iktar minn 30 ettaru). Dan se jkollu effett ta’ ridistribuzzjoni sinifikanti. Alternattiva possibbli oħra hija li jiġi applikat pagament massimu għal kull ettaru.

Bdiewa Żgħażagħ: Sabiex jitħeġġeġ tiġdid ġenerazzjonali, il-Pagament Bażiku għal Bdiewa Żgħażagħ parteċipanti ġodda (dawk taħt l-40 sena) għandu jiżdied b'25 % aktar għall-ewwel 5 snin tal-installazzjoni. Dan għandu jiġi ffinanzjat sa 2% tal-pakkett nazzjonali u għandu jkun obbligatorju għall-Istati Membri kollha. Dan minbarra miżuri oħra għal bdiewa żgħażagħ taħt programmi għall-Iżvilupp Rurali.

Skema għall-Bdiewa Żgħar: Fakultattivament għall-Istati Membri, kull bidwi li jikklejmja l-appoġġ jista' jiddeċiedi li jipparteċipa fl-Iskema għall-Bdiewa Żgħar u b'hekk jiriċevi pagament annwali ffissat mill-Istat Membru ta' bejn 500 € and 1 250 €, ikun xi jkun id-daqs tal-azjenda agrikola. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu minn metodi differenti għall-kalkolu tal-pagament annwali, inkluż għażla fejn il-bdiewa jirċievu sempliċiment l-ammont li kieku normalment jiriċievu. Dan se jikkostitwixxi simplifikazzjoni enormi għall-bdiewa kkonċernati u għall-amministrazzjonijiet nazzjonali. Il-parteċipanti se jiffaċċaw rekwiżiti ta’ kundizzjonalità anqas stretti, u se jkunu eżenti mill-ekoloġizzazzjoni L-ispiża totali fl-Iskema għall-Bdiewa Żgħar ma tistax tkun ta' aktar minn 10% tal-pakkett nazzjonali, għajr meta Stat membru jagħżel li jiżgura li l-bidewa żgħar jirċievu dak li jkun dovut lilhom mingħajr l-iskema. Se jkun hemm ukoll fondi għall-Iżvilupp Rurali għal pariri lil bdiewa żgħar dwar għotjiet għall-iżvilupp ekonomiku u r-ristrutturar fir-reġjuni b'ħafna azjendi agrikoli żgħar bħal dawn.

L-għażla "akkoppjata": Sabiex jindirizzaw l-effetti potenzjalment ħżiena tal-konverġenza esterna għal setturi speċifiċi f'ċerti reġjuni u sabiex jitqiesu l-kundizzjonijiet eżistenti, l-Istati Membri se jkollhom l-għażla li jipprovdu ammonti limitati ta' pagamenti “akkoppjati”, jiġifieri pagament marbut ma' prodott speċifiku. Dan se jkun limitat għal x% tal-pakkett nazzjonali jekk Stat Membru bħalissa jipprovdi 0-5 % ta’ appoġġ akkoppjat, jew sa 13% jekk il-livell kurrenti ta’ appoġġ akkoppjat ikun ogħla minn 5 %.. Il-Kummissjoni għandha l-flessibbiltà tapprova rata ogħla fejn ikun ġustifikat. Brra minn hekk, hemm il-possibbiltà li jiġi pprovdut appoġġ "akkoppjat" ta' 2% għall-uċuħ tal-proteina.

Żoni b'Limitazzjonijiet Naturali (ANC)/ Żoni Inqas Vantaġġati (LFA): L-Istati Membri (jew ir-reġjuni) jistgħu jagħtu pagament addizzjonali għal żoni li għandhom limitazzjonijiet naturali (kif definit skont ir-regoli tal-Iżvilupp Rurali) sa 5% tal-pakkett nazzjonali. Dan huwa fakultattiv u ma jaffettwax l-għażliet ANC/LFA disponibbli taħt l-Iżvilupp Rurali.

Ekoloġizzazzjoni: Minbarra l-Iskema ta' Pagament Bażiku?SAPS, kull azjenda se tirċievi pagament għal kull ettaru sabiex tosserva ċerti prattiki agrikoli li huma ta' benefiċċju għall-klima u l-ambjent. Għal dan il-pagament l-Istati Membri se jużaw 30 % mill-pakkett nazzjonali. Dan huwa obbligatorju u n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti tal-Ekoloġizzazzjoni iwassal għal sanzjonijiet li jmorru lil hinn mill-pagament tal-Ekoloġizzazzjoni jiġifieri, wara transizzjoni, it-trasgressuri persistenti wkoll jitilfu sa 125 % ta’ pagament tal-Ekoloġizzazzjoni tagħhom.

It-3 miżuri bażiċi previsti huma:

  1. iż-żamma tal-mergħa permanenti; u

  2. id-diversifikazzjoni tal-għelejjel (bidwi jrid jikkultiva mill-inqas żewġ għelejjel meta l-art tiegħu taqbeż l-10 ettari u mill-inqas tliet għelejjel meta taqbeż 30 ettaru) L-ewlenija forst l-għelejjel tista' tkopri sa mhux aktar minn 75% tal-art, u ż-żewġ għelejjel ewlenin sa massimu ta' 95% tal-art maħduma.

  3. iż-żamma ta' “erja ta' interess ekoloġiku” ta’ mill-inqas 5 % tal-art li tindħadem tal-azjendagħal azjendi b'aktar minn 15-il ettaru (minbarra mergħat permanenti) – jiġifieri marġni tal-għelieqi, arbuxxelli, siġar, artijiet mserrħa, karatteristiċi tal-pajsaġġ, bijotopi, strixxi marġinali, żoni msaġġra. Iċ-ċifra titla' għal 7% wara rapport tal-Kummissjoni fl-2017 u proposta leġiżlattiva.

Ekwivalenza tal-ekoloġizzazzjoni: Sabiex ikun evitat li jkunu penalizzati dawk li diġà jindirizzaw kwistjonijiet ambjentali u ta' sostenibbiltà, il-ftehim jipprevedi sistema ta’ "ekwivalenza tal-Ekoloġizzazzjoni” l-applikazzjoni ta' prattiki tajbin għall-ambjent li diġà jeżistujistgħu jitqiesu bħala li jissostitwixxudawn ir-rekwiżiti bażiċi. Pereżempju, il-produtturi organiċi m'għandhom l-ebda rekwiżit addizzjonali għaliex jidher li dawn qed jipprovdu benefiċċju ekoloġiku ċar. Għal oħrajn, skemi agro-ambjentali jistgħu jinkorporaw miżuri li huma meqjusa bħala ekwivalenti. Ir-Regolament il-ġdid fih lista ta’ dawn il-miżuri ekwivalenti. Biex jiġi evitat “finanzjament doppju” ta’ miżuri bħal dawn, il-pagamenti permezz ta' programmi tal-Iżvilupp Rurali għandhom jikkunsidraw rekwiżiti ekoloġiċi bażiċi [ara t-Taqsima dwar l-Iżvilupp Rurali taħt].

Dixxiplina Finanzjarja: Suġġett għall-approvazzjoni tal-QFP u minkejja deċiżjoni separata għall-baġit tas-sena 2014, intlaħaq ftehim li kwalunkwe tnaqqis tad-Dixxiplina Finanzjarja fil-ġejjieni f'pagamenti diretti annwali (jiġfieri, meta li l-istimi tal-pagament huma ogħla mill-baġit disponibbli għall-ewwel Pilastru) għandhom japplikaw limitu ta’ €2 000. Fi kliem ieħor, it-tnaqqis MA japplikax għall-ewwel €2 000 ta' Pagamenti Dirett ta' kull bidwi. Dan se jservi biex jitma' lir-Riżerva għall-Kriżijiet fejn meħtieġ [ara r-regolament orizzontali].

“Bdiewa attivi”: Sabiex issolvi għadd ta’ lakuni legali li ppermettew lil għadd limitat ta’ kumpaniji jitolbu Pagmaenti Diretti, minkejja li l-attività kummerċjali primarja tagħhom mhijiex agrikola, ir-riforma tissikka r-regola dwar il-bdiewa attivi. Lista negattiva ġdida ta' attivitajiet kummerċjali professjonali li għandhom jiġu esklużi mill-Pagamenti Diretti (li jkopru ajruporti, servizzi ferrovjarji, servizzi pubbliċi tal-ilma, servizzi immobiljari u żoni permanenti għall-isport u r-rikreazzjoni) se tkun obbligatorja għall-Istati Membri, sakemm in-negozji individwali kkonċernati ma jurux li għandhom attività ġenwina ta' biedja. L-Istati Membri se jkollhom il-possibbiltà jestendu l-lista negattiva biex jinkludu aktar attivitajiet kummerċjali.

Ettari eliġibbli – Ir-regoli jipprevedu l-istabbiliment tal-2015 bħala sena ta' referenza ġdida għall-erja tal-art, iżda se jkun hemm rabta mal-benefiċjarji tas-sistema tal-pagamenti diretti fl-2013 sabiex tiġi evitata l-ispekulazzjoni. L-Istati Membri li għandhom mnejn jaraw żieda kbira fl-erja eliġibbli ddikjaratahuma permessi jillimitaw l-għadd ta’ drittijiet għal pagament li ser jiġu allokati fl-2015 għal jew 135 % jew 145 % tal-għadd ta’ ettari ddikjarati fl-2009.

2. Mekkaniżmi tal-ġestjoni tas-suq

Bil-kwoti tal-ħalib li se jiskadu fl-2015, ir-riforma tipprevedi t-tmiem tar-reġim tal-kwoti taz-zokkor fit-30 ta' Settembru 2017, li jikkonferma l-indikazzjoni tar-riforma taz-zokkor tal-2005 li tagħti data għat-tmiem tar-reġim tal-kwoti filwaqt li tippermetti għal ħin addizzjonali biex is-settur jaġġusta. Dan se jiżgura kompetittività mtejba għall-produtturi tal-UE fuq is-suq domestiku u fis-suq dinji bl-istess mod (billil-esportazzjonijiet tal-UE huma limitati mir-regoli tad-WTO taħt il-kwoti). Dan se jipprovdi wkoll lis-settur b'perspettiva fit-tul. Provvista wiesgħa bi prezzijiet raġonevoli fis-swieq tal-UE tal-provvista jgawdu minnha wkoll l-utenti finali u intermedji taz-zokkor. Sabiex jipprovdu aktar sigurtà, se jinżammu d-dispożizzjonijiet standard għal ftehimiet bejn il-fabbriki taz-zokkor u il-kultivaturi. Għall-perjodu wara l-kwoti, iz-zokkor abjad se jkun eliġibbli għal għajnuna għall-ħżin privat. bosta mill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw se jkomplu jgawdu minn aċċess illimitat bla dazju għas-suq tal-UE.

Fir-rigward tal-produzzjoni tal-inbid, il-ftehim jirrispetta d-deċiżjoni tar-riforma tal-2006 biex tintemm is-sistema tad-drittijiet għat-tħawwil tad-dwieli sa tmiem l-2015, bl-introduzzjoni ta' sistema ta' awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil ta' dwieli ġodda mill-2016 – kif rakkomandat mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Inbid Diċembru li għadda (ara IP/13/1378) – bit-tkabbir limitat għal 1% fis-sena.

Emendi oħra għalr-regoli tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq Unika (OKS) għandhom l-għan li jtejbu l-orjentazzjoni tas-suq tal-agrikoltura tal-UE fid-dawl tal-kompetizzjoni akbar fis-swieq dinjin, filwaqt li jipprovdu xibka ta' sigurtà effettiva għall-bdiewa fil-kuntest tal-inċertezzi esterni (flimkien mal-pagamenti diretti u l-alternattivi għall-ġestjoni tar-riskju taħt l-iżvilupp rurali). L-iskemi eżistenti tal-intervent pubbliku u tal-għajnuna għall-ħżin privat huma riveduti biex ikunu aktar risponsivi u effiċjenti, perżempju b'aġġustamenti tekniċi għaċ-ċanġa u l-prodotti tal-ħalib. Għall-prodotti tal-ħalib, dawn il-bidliet - il-perjodu tax-xiri estiż b'xahar, offerti awtomatiċi għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat, żieda fil-limitu tal-butir għal 50,000 tunnellata, u ħżin privat possibbli għat-trab tal-ħalib xkumat u ċertu ġobon DPO/IĠP - jiġi flimien mal-"Pakkett tal-Ħalib" li ġie inkorporat fir-Regolament u li jsaħħaħ is-setgħa tan-negozjar tal-bdiewa.

Barra minn hekk, iddaħħlu klawżoli ta' salvagwardja ġodda għas-setturi kollha li jippermetti lill-Kummissjoni tieħu miżuri ta' emerġenza b'reazzjoni għal disturbi ġenerali tas-suq – bħall-miżuri li ttieħdu matul il-kriżi tal-e-coli f’Mejju-Lulju 2011. Dawn il-miżuri se jiġu ffinanzjati minn Riżerva ta' Kriżi ffinanzjata billi kull sena jitnaqqsu l-pagamenti diretti. Fondi mhux użati għal miżuri ta' kriżi jingħataw lura lill-bdiewa fis-sena ta’ wara. F’każ ta’ żbilanċ serju fis-suq, il-Kummissjoni tista’ wkoll tawtorizza organizzazzjonijiet tal-produtturi jew organizzazzjonijiet interprofessjonali, fl-osservanza ta' salvagwardji speċifiċi, biex kollettivament jieħdu ċerti miżuri temporanji (pereżempju l-irtirar mis-suq jew mill-ħżin min-naħa tal-operaturi privati) biex jistabbilizzaw is-settur konċernat.

L-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel u l-Iskema tal-Ħalib għall-Iskejjel għandhom jiġu estiżi, u l-baġit annwali għall-iskema tal-frott għall-iskejjel se jiżdied minn EUR 90 għal EUR 150 fis-sena.

Sabiex ittejjeb il-pożizzjoni tan-negozjar tal-bdiewa fil-katina alimentari, il-Kummissjoni qed tfittex organizzazzjoni aħjar tas-setturi b'xi derogi limitati għal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE. Ir-regoli relatati mar-rikonoxximent tal-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi (POs) u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali issa jkopru s-setturi kollha – b'iktar għażliet għall-istabbiliment ta' tali organizzazzjonijiet li issa ġew ittrasferiti għall-fondi għall-Iżvilupp Rurali (ara taħt). Barra minn hekk, il-possibbiltà li l-bdiewa kollettivament jinnegozjaw kuntratti għall-provvista taż-żejt taż-żebbuġa, iċ-ċangaiċ-ċereali u ċerti uċuħ oħra li jinħadmuhuwa previst taħt ċerti kundizzjonijiet u salvagwardji. Il-Kummissjoni se tipprovdi linji gwida dwar kwistjonijiet potenzjali marbutin mal-liġi tal-kompetizzjoni.

Fl-interess tas-simplifikazzjoni u l-orjentazzjoni tas-suq, għadd ta’ skemi minuri jew mhux użati huma aboliti (għajnuna għall-użu tal-ħalib xkumat u t-trab tal-ħalib xkumat fl-għalf tal-annimali u l-kaseina, l-għajnuna akkoppjata għad-dud tal-ħarir!)

3. Żvilupp Rurali

Il-politika tal-iżvilupp rurali se żżomm il-kunċett attwali u ta' suċess li bih twaqqfet: L-Istati Membri jew ir-reġjuni ser ikomplu jfasslu l-programmi multiannwali tagħhom stess fuq il-bażi tal-menu ta’ miżuri disponibbli fil-livell tal-UE — bi tweġiba għall-ħtiġijiet taż-żoni rurali tagħhom. Dawn il-programmi se jkunu kofinanzjati mill-pakketti nazzjonali - fejn l-ammonti u r-rati tal-kofinanzjament se jiġu ttrattati fil-kuntest tal-QFP. Ir-regoli l-ġodda għat-Tieni Pilastru jipprovdu approċċ aktar flessibbli milli fil-preżent. Il-miżuri mhux se jibqgħu jiġu kklassifikati fil-livell tal-UE f’ “assi” flimkien ma’ rekwiżiti minimi ta’ nfiq għal kull assi. Minflok, se jkun f’idejn l-Istati Membri/ir-reġjuni jiddeċiedu liema miżuri jużaw (u kif) sabiex jintlaħqu miri stabbiliti fid-dawl ta' sitt “prijoritajiet” wiesgħa u “l-oqsma ta' fokus” aktar dettaljati tagħhom (subprijoritajiet), abbażi ta’ analiżi soda. Is-sitt prijoritajiet se jkopru: It-trawwim tat-trasferiment tal-għarfien u l-innovazzjoni; It-titjib tal-kompetittività tat-tipi kollha tal-agrikolatura u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti; Il-promozzjoni tal-organizzazzjoni tal-katina alimentari, inkluż l-ipprioċessar u l-kummerċjalizzazzjoni, u l-ġestjoni tar-riskju; Ir-restawr, l-ippreservar u t-titjib tal-ekosistemi; Il-promozzjoni tal-effiċjenza fir-riżorsi u t-tranżizzjoni għal ekonomija b’użu baxx tal-karbonju; Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp ekonomiku fiż-żoni rurali; L-Istati Membri għandhom jonfqu talanqas 30 % tal-fondi tagħhom għall-iżvilupp rurali mill-baġit tal-UE fuq ċerti miżuri relatati mal-ġestjoni tal-art u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u mill-inqas 5% fuq l-approċċ LEADER.

Il-politika tal-iżvilupp rurali se topera wkoll f’kordinazzjoni eqreb ma’ politiki oħra permezz ta’ Qafas Strateġiku Komuni fil-livell tal-UE u permezz ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija fil-livell nazzjonali li jkopru s-sostenn kollu mill-fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej (ESI) (il-FAEŻR, il-FEŻR, il-FSE, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FEMS) fl-Istat Membru kkonċernat.

Fil-perjodu l-ġdid, l-Istati Membri/ir-reġjuni wkoll ser ikollhom il-possibbiltà jfasslu sottoprogrammi tematiċi li jagħtu attenzjoni speċjalment dettaljata lill-kwistjonijiet bħall-bdiewa żgħażagħ, l-azjendi agrikoli żgħar, iż-żoni muntanjużi, in-nisa f’żoni rurali, il-mitigazzjoni/adattament tat-tibdil fil-klima u l-ktajjen qosra tal-provvista . Rati ogħla ta’ appoġġ se jkunu disponibbli fi ħdan is-sottoprogrammi f’xi każijiet.

Menu razzjonalizzat ta’ miżuri se jibni fuq il-punti sodi tal-miżuri disponibbli fil-perjodu kurrenti. Fost affarijiet oħra, ser ikopri:

  1. L-innovazzjoni: Din it-tema ewlenija (u aktar speċifikament is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Produttività u s-Sostenibbiltà fl-Agrikoltura - l-"EIP") se tkun moqdija minn diversi miżuri tal-Iżvilupp Rurali bħat-"trasferiment tal-għarfien" il-"kooperazzjoni",u "l-investimentin fl-assi fiżiċi"; Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni se tippromwovi l-effiċjenza tar-riżorsi, il-produttività b’emissjonijiet baxxi u dħulija għall-ambjnet/reżiljenti tal-agrikoltura u l-forestrija. Dan għandu jintlaħaq, fost l-oħrajn, permezz ta' kooperazzjoni akbar bejn l-agrikoltura u r-riċerka sabiex jitħaffef it-trasferiment teknoloġiku lejn il-bdiewa;

  2. L-għarfien –“agrikoltura bbażata fuq l-għarfien”: Miżuri msaħħa għas-Servizzi Konsultattivi tal-Biedja (marbuta wkoll mal-mitigazzjoni u l-adattament għat-Tibdil fil-klima, l-isfidi ambjentali u l-iżvilupp ekonomiku u t-taħriġ);

  3. Ristrutturar/Investiment/Modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli: Għotjiet li għadhom disponibbli — kultant b’rati ogħla ta’ appoġġ meta marbuta mal-EIP jew proġetti konġunti;

  4. Bdiewa żgħażagħ - Taħlita ta' miżuri tista' tinkludi għotjiet għall-bidutan-negozju (sa EUR 70 000), servizzi ta' taħriġ u konsulenza;

  5. Bdiewa żgħar: Għajnuna gћall-bidu lin-negozji [start-up] sa EUR 15 000 għal kull azjenda agrikola żgħira;

  6. L-Għodda għall-Ġestjoni tar-riskju: Assigurazzjoni u fondi mutwi – assigurazzjoni għall-għelejjel u għat-temp, għall-mard tal-annimali [bħalissa disponibbli skont l-Artikolu 68 tal-ewwel Pilastru] - estiżi biex jinkludu l-għażla tal-istabilizzazzjoni tal-introjtu (li tippermetti ħlas (sa 70 % tat-telf) minn fond mutwu jekk l-introjtu jonqos bi 30 %);

  7. Gruppi ta’ produtturi/organizzazzjonijiet: Appoġġ għat-twaqqif ta' gruppi organizzazzjonijiet fuq il-bażi ta’ pjan ta’ negozju u limitat għal gruppi definiti bħala SMEs;

  8. Il-pagamenti agroambjentali - tal-klima: Kuntratti konġunti, rabta ma' taħriġ/informazzjoni adegwati, aktar flessibilità meta jiġu estiżi l-kuntratti inizjali;

  9. Biedja organika: Miżura ġdida separata għal iktar viżibbiltà;

  10. Forestrija: Appoġġ imsaħħaħ / razzjonalizzat bis-saħħa ta' għotjiet u pagamenti

  11. Żoni muntanjużi: Għal żoni muntanjużi u art agrikola li jinsabu 'l fuq minn 62º N, l-ammonti ta' għajnuna jistgħu jkunu sa 450 EUR/ettaru (żieda minn 250 EUR/ettaru);

  12. Żoni li jiffaċċjaw limitazzjonijiet naturali u oħrajn speċifiċi: Delimitazzjoni ġdida għal Żoni b'Limitazzjonijiet Naturali (ANC) - b'seħħ minn mhux aktar tard mill-2018 - skont 8 kriterji biofiżiċi; L-Istati Membri jżommu l-flessibbiltà biex jiddefinixxu sa 10 % tal-erja agrikola tagħhom għal limitazzjonijiet speċifiċi biex jippreservaw jew itejbu l-ambjent;

  13. Kooperazzjoni Possibbiltajiet estiżi b'appoġġ għall-kooperazzjoni teknoloġika, ambjentali u kummerċjali, (eż. proġetti pilota, skemi ambjentali konġunti, katini qosra tal-provvista, żvilupp ta' swieq lokali);

  14. Attivitajiet mhux agrikoli: Għotjiet għall-bidu u għall-iżvilupp ta' negozji mikro u żgħar

  15. Servizzi bażiċi u tiġdid tal-irħula: Investimenti f’infrastruttura broadband u fl-enerġija rinnovabbli jistgħu jmorru lil hinn minn livell ta' skala żgħira, rilokazzjoni ta' attivitajiet /konverżjoni ta' bini issa koperti

  16. LEADER: Enfasi akbar fuq il-ħolqien ta’ kuxjenza u appoġġ ieħor ta’ tħejjija għall-istrateġiji; il-promozzjoni tal-flessibilità għall-operar ma’ fondi oħrajn f'żoni lokali, jiġifieri l-kooperazzjoni rurali-urbana ; N.B. Leader issa se jintuża bħala approċċ komuni għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità mill-Fondi ESI li ġejjin: il-FEŻR, il-FSE, l-EMFF u l-FAEŻR;

4. Regolamentazzjoni Orizzontali

Kontrolli : Ir-rekwiżiti tal-kontroll jitnaqqsu fir-reġjuni fejn il-kontrolli preċedenti juru riżultati tajbin, jiġifieri r-regoli jkunu qed jiġu osservati kif xieraq. Madankollu, se jkun hemm bżonn li jiżdiedu l-kontrolli f'reġjuni fejn hemm il- problemi.

Servizz ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli: Il-lista ta’ kwistjonijiet li dwarhom l-Istati Membri se jkunu obbligati joffru pariri lill-bdiewa żdiedet biex ikopri, lil hinn mill-kundizzjonalità, il-pagamenti ekoloġiċi diretti, il-kundizzjonijiet għaż-żamma tal-art eliġibbli għall-pagamenti diretti, id-Direttivi Kwadru dwar l-Ilma u dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi, kif ukoll ċerti miżuri għall-iżvilupp rurali.

Kundizzjonalità: Il-pagamenti diretti kollha, ċerti pagamenti tal-iżvilupp rurali u ċerti pagamenti għad-dwieli se jkomplu jkunu marbuta ma' għadd ta' rekwiżiti statutorji dwar l-ambjent, it-tibdil fil-klima, il-kundizzjoni agrikola tal-art u standards tas-saħħa tal-bndemin, tal-annimali u tal-pjanti u l-benessri tal-annimali. Il-lista ġiet issimplifikata biex teskludi regoli fejn m’hemmx obbligi ċari u kontrollabbli fuq il-bdiewa. Qed jiġi propost ukoll li d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi jiġu inkorporati fir-regoli tal-kundizzjonalità ladarba jkun stabbilit li ġew applikati kif jixraq fl-Istati Membri kollha u li l-obbligi għall-bdiewa jkunu ġew identifikati b'mod ċar.

Riżerva għall-kriżijiet: Riżerva għall-kriżijiet se tinħoloq kull sena għal ammont ta' EUR 400 miljun (fi prezzijiet tal-2011) bl-applikazzjoni tad-dixxiplina finanzjarja. jekk l-ammont ma jintużax għal kriżi, jingħata lura lill-bdiewa bħala pagamenti diretti s-sena ta' wara.

Trasparenza: L-Istati Membri se jkunu obbligati jipprovdu trasparenza sħiħa tal-benefiċjarji kollha — bl-eċċezzjoni ta’ dawk l-istabbilimenti li huma eliġibbli għall-Iskema għall-Bdiewa żgħar f’dak l-Istat Membru.

Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-PAK: Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport qabel tmiem l-2018 – u wara, kull 4 snin – dwar l-impatt tal-PAK fuq it-3 prijoritajiet ewlenin – il-produzzjoni vijabbli tal-ikel, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, u l-iżvilupp bilanċjat tat-territorju.

5. Elementi ulterjuri

Allinjament: F'termini ta' implimentazzjoni futura, għadd ta' kwistjonijiet partikolarment relatati mar-regolament dwar l-OKS unika ġew nominati bħala soġġetti għall-approvazzjoni taħt l-Artikolu 43(3) u oħrajn taħt l-Artikolu 43(2).

Arranġamenti ta’ tranżizzjoni L-għan huwa li r-Regolamenti l-ġodda kollha jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2014 — u l-Kummissjoni issa tista’ tibda l-ħidma fuq ir-regoli implimentattivi għal dawn ir-Regolamenti tal-Kunsill. Madankollu, minħabba l-preparazzjoni meħtieġa, huwa diġà ċar li l-Aġenziji tal-Pagamenti tal-Istati Membri ma għandhomx biżżejjed żmien biex ikollhomfis-seħħ fil-bidu tas-sena d-dieħla l-amministrazzjoni u l-kontrolli neċessarji fuq is-sistema l-ġdida tal-pagamenti diretti (meta l-formoli IACS jintbagħtu lil bdiewa). B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni għamlet proposta separata li għandu jkun hemm sena ta' transizzjoni għall-pagamenti diretti fl-2014. Fi kliem ieħor, l-elementi ġodda bħall-Ekoloġizzazzjoni u l-Bdiewa Żgħażagħ se japplikaw biss mill-2015’il quddiem. Bl-istess mod, l-Istati Membri huma mħeġġa jaħdmu fuq il-programmi multi-annwali tal-iżvilupp rurali tagħhom, li għandhom jiġu approvat kmieni s-sena d-dieħla. Madankollu, għal ċerti elementi annwali, bħall-pagamenti agroambjentali, ir-regoli ta' transiazzjoni għandhom japplikaw sabiex ma jkunx hemm interruzzjoni f’dan it-tip ta’ skema.

Għal aktar tagħrif:

Dokumenti u informazzjoni dwar il-proposta tar-riforma tal-PAK huma disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/agriculture/cap-post-2013/index_en.htm

IP/13/613

MEMO/13/631


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website