Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Istati Membri japprovaw negozjati dwar il-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u l-Istati Uniti

European Commission - MEMO/13/564   15/06/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Memo

Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2013

L-Istati Membri japprovaw negozjati dwar il-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u l-Istati Uniti

Id-Deċiżjoni tal-lum tal-Kunsill dwar id-direttivi ta' negozjati (“mandat”) tagħti l-approvazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea biex tidħol f’negozjati kummerċjali bilaterali formali mal-Istati Uniti tal-Amerika. Filwaqt li japprovaw l-idea ta’ taħdidiet bilaterali, l-Istati Membri jistabbilixxu l-objettivi li l-Kummissjoni għandha ssegwi fin-negozjati f’isem l-UE.

X’inhu l-objettiv tal-UE f’dawn in-negozjati?

L-għan huwa li jiżdiedu l-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u l-Istati Uniti billi jiġi utilizzat il-potenzjal mhux sfruttat ta' suq tassew tranżatlantiku. Il-ftehim hu mistenni li joħloq l-impjiegi u t-tkabbir billi jipprovdi aċċess aħjar għas-suq tal-Istati Uniti, jikseb kompatibilità regolatorja akbar bejn l-UE u l-Istati Uniti, u jwitti t-triq biex jiġu stabbiliti standards globali. Jekk jintlaħaq ftehim ambizzjuż bħal dan, huwa mistenni li kull sena l-familji Ewropej medji jiksbu ammont ulterjuri ta’ EUR 545 u l-ekonomija tagħna tingħata spinta ta' 0.5 % sa 1 % tal-PDG jew ta' EUR 119 biljun fis-sena, ladarba jkun implimentat fl-intier tiegħu.

F’termini aktar konkreti, l-għan se jkun li jiġu eliminati d-dazji u restrizzjonijiet oħra għall-kummerċ ta' oġġetti. Li jiġu lliberati s-servizzi kummerċjali, li jiġu pprovduti l-ogħla livelli possibbli ta’ protezzjoni, ċertezza u kundizzjonijiet indaqs għall-investituri Ewropej fl-Istati Uniti, u li jiżdied l-aċċess għas-swieq Amerikan tal-akkwist pubbliku huma wkoll objettivi tal-ftehim. It-tneħħija ta’ restrizzjonijiet regolatorji mhux meħtieġa fuq il-kummerċ hija kwistjoni ta' importanza ewlenija għall-UE, kif huma l-kisba ta' protezzjoni iktar b’saħħitha tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Ewropej, l-iffaċilitar tal-formalitajiet doganali u l-indirizzar tar-regoli tal-kompetizzjoni.

L-iżvilupp sostenibbli se jkun objettiv prevalenti. Għandna l-għan li niżguraw li l-ftehim jirrispetta l-ftehimiet u l-istandards internazzjonali dwar l-ambjent u l-ħaddiema, u li jippromwovi livelli għoljin ta’ protezzjoni għall-ambjent, il-ħaddiema u l-konsumaturi. M’aħniex se ninkoraġġixxu l-kummerċ jew l-investiment billi nbaxxu xi standards minn dawn.

X’inhu l-gwadann ekonomiku mistenni?

Sħubija tranżatlantika ambizzjuża u komprensiva tal-kummerċ u l-investiment tista’ ġġib gwadann ekonomiku sinifikanti għall-UE (EUR 119 biljun fis-sena) u għall-Istati Uniti (EUR 95 biljun fis-sena) ladarba l-ftehim ikun implimentat kollu kemm hu.

Il-benefiċċji għall-UE u għall-Istati Uniti ma jkunux għad-detriment tal-bqija tad-dinja. Għall-kuntrarju, il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti hija mistennija li jkollha impatt pożittiv fuq il-kummerċ u d-dħul dinji, li potenzjalment iżid il-PDG fil-bqija tad-dinja bi kważi EUR 100 biljun. Xi tnaqqis li jinkiseb fil-kost sabiex isir il-kummerċ se jkun ta' benefiċċju wkoll għal imsieħba oħra għaliex l-UE u l-Istati Uniti ser ikunu jistgħu jaħdmu flimkien favur regoli kummerċjali aħjar u biex tonqos id-diverġenza regolatorja ta' bejniethom fil-ġejjieni. L-importanza ekonomika tal-UE u tal-Istati Uniti se tfisser li l-imsieħba tagħhom se jkollhom inċentiv biex jimxu lejn l-istandards tranżatlantiċi l-ġodda. Dan għandu l-potenzjal li jifrex dejjem aktar il-gwadanji fuq l-ekonomija globali li hija dejjem aktar interdipendenti, speċjalment minħabba l-kumplessità dejjem akbar tal-katini tal-valur globali.

Studju ekonomiku li wettaqna aħna (MEMO/13/211) juri li l-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-Istati Uniti jiżdiedu bi 28 %, ekwivalenti għal EUR 187 biljun addizzjonali f'esportazzjonijiet ta’ oġġetti u servizzi mill-UE. Il-kummerċ tal-UE u tal-Istati Uniti mal-bqija tad-dinja jiżdied ukoll b’aktar minn EUR 33 biljun. B’mod ġenerali, il-kummerċ bilaterali addizzjonali bejn iż-żewġ blokki, flimkien mal-kummerċ miżjud tagħhom ma’ msieħba oħra, ikun jirrappreżenta żieda ta’ 6 % f'esportazzjonijiet totali tal-UE u 8 % f'esportazzjonijiet tal-Istati Uniti. Dan ifisser EUR 220 biljun u EUR 240 biljun addizzjonali f'bejgħ ta' oġġetti u servizzi għall-produtturi bbażati fl-UE u fl-Istati Uniti, rispettivament.

L-UE se jkollha tissagrifika l-istandards għoljin tagħha sabiex iġġib dan il-ftehim kummerċjali?

Le, assolutament le. In-negozjati tal-kummerċ u l-investiment tagħna jsiru dejjem bl-objettiv prinċipali li jġibu benefiċċji għas-soċjetajiet, iċ-ċittadini u l-kumpaniji tagħna b’mod sostenibbli. Dan se jkun ukoll il-każ fin-negozjati mal-Istati Uniti.

Għalhekk, il-gwadanji ekonomiċi li l-ftehim jista’ joffri għandhom jirrispettaw l-istandards għoljin tagħna fl-oqsma tal-ambjent, is-saħħa u s-sikurezza, il-privatezza, u d-drittijiet tal-konsumaturi u tal-ħaddiema. Il-livelli għolja ta’ protezzjoni tagħna mhumiex se jiġu nnegozjati. Il-progress f’termini tat-tisħiħ tal-kummerċ u l-investiment mhux ser isir għad-detriment tal-valuri fundamentali tagħna u jrid isir mingħajr ħsara għad-dritt tagħna li nirregolamentaw bil-mod li l-UE tqis li huwa xieraq.

X’inhuma l-elementi ewlenin tal-mandat?

Id-direttivi tan-negozjati jistabbilixxu f’termini ġenerali ħafna s-suġġetti u l-objettivi li jridu jinkisbu fin-negozjati. Essenzjalment hemm tliet elementi prinċipali fil-mandat: l-aċċess għas-suq, il-konverġenza regolatorja u r-regoli tal-kummerċ fl-indirizzar ta’ sfidi globali.

1) Aċċess għas-suq

Tariffi: L-għan tal-ftehim huwa li noqorbu kemm jista' jkun lejn it-tneħħija tad-dazji kollha fuq il-kummerċ tranżatlantiku ta' prodotti industrijali u agrikoli, bi trattament speċjali tal-iktar prodotti sensittivi. B'mod ġenerali, l-ostakli tariffarji tranżatlantiċi bħalissa huma relattivament baxxi, b'medja ta' 5.2 % għall-UE u 3.5 % għall-Istati Uniti (stimi tal-WTO). Madankollu, minħabba l-kobor tal-kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti, it-tariffi għadhom jimponu spejjeż li mhumiex negliġibbli.

Regoli tal-oriġini: Il-mira se tkun li nirrikonċiljaw l-approċċi tal-UE u tal-Istati Uniti dwar ir-regoli tal-oriġini biex niffaċilitaw il-kummerċ, filwaqt li nqisu l-interessi tal-produtturi tal-UE.

Miżuri tal-ħarsien tal-kummerċ: L-UE trid tistabbilixxi djalogu regolari dwar miżuri antidumping u antisussidji mal-Istati Uniti, mingħajr ħsara għad-drittijiet tagħha li tuża dawn il-miżuri fil-qafas tar-regoli rilevanti tal-WTO.

Servizzi: Iż-żewġ naħat iridu jiftħu s-setturi tas-servizzi tagħhom tal-anqas bl-istess mod kif għamlu sal-lum fi ftehimiet kummerċjali oħra. Fl-istess ħin, iż-żewġ naħat se jfittxu li jiftħu s-swieq tas-servizzi tagħhom f'setturi ġodda, bħal fis-settur tat-trasport. L-UE trid ukoll tiżgura li l-kwalifiki professjonali Ewropej ikunu jistgħu jiġu rikonoxxuti fuq in-naħa l-oħra tal-Atlantiku u li l-kumpaniji tal-UE u s-sussidjarji tagħhom ikunu jistgħu joperaw fl-Istati Uniti bl-istess kundizzjonijiet bħall-kumpaniji domestiċi Amerikani. Il-kapitlu dwar is-servizzi kif ukoll dak dwar l-investiment għandhom jindirizzaw il-livell subfederali tal-gvern.

Investiment: L-għan huwa li jintlaħqu l-ogħla livelli ta' liberalizzazzjoni u ta' protezzjoni tal-investiment li ż-żewġ naħat innegozjaw sal-lum fi ftehimiet kummerċjali oħra. L-UE se tkompli tibni fuq l-esperjenza u l-aħjar prattiċi tal-Istati Membri rigward il-ftehimiet bilaterali ta’ investiment tagħhom. L-UE tixtieq tinkludi fil-ftehim garanziji ta’ protezzjoni kontra l-esproprjazzjoni u regola tat-trasferiment ħieles tal-fondi, ta’ trattament ġust u ekwu, u ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-UE li jinvestu fl-Istati Uniti. Il-protezzjoni tal-investiment, inkluża s-soluzzjoni tat-tilwim bejn investitur u Stat, hija koperta mid-direttiva ta' negozjati. Salvagwardji rilevanti huma inklużi biex jiġi evitat kull abbuż mis-sistema u biex jiġi ssalvagwardjat id-dritt tar-regolamentazzjoni.

Akkwist pubbliku: Il-kumpaniji Ewropej li n-negozju tagħhom jiddependi fuq l-akkwist pubbliku jirrappreżentaw 25 % tal-PDG tal-UE u 31 miljun impjieg. Għaldaqstant, għandhom jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' negozju billi jinfetaħ l-aċċess għas-swieq tal-akkwisti tal-gvern fil-livelli kollha tal-gvern mingħajr diskriminazzjoni għall-kumpaniji Ewropej. Dan ifisser ukoll li l-UE timmira li żżid it-trasparenza fil-proċeduri tal-offerti u li telimina r-rekwiżiti ta’ kontenut lokali.

2) Kwistjonijiet Regolatorji u Ostakli mhux Tariffarji: lejn suq tranżatlantiku iktar integrat

Il-qasam regolatorju huwa fejn hemm l-ogħla benefiċċju ekonomiku potenzjali f'dawn in-negozjati dwar il-kummerċ u l-investiment.

Fir-relazzjoni kummerċjali tranżatlantika tal-lum, l-iktar ostaklu kummerċjali sinifikanti mhuwiex it-tariffa mħallsa fid-dwana, iżda l-hekk imsejħa ostakli għall-kummerċ "wara l-fruntiera", bħal pereżempju, standards tas-sikurezza jew ambjentali differenti għall-karozzi. Bħalissa, il-produtturi li jridu jbigħu l-prodotti tagħhom fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, ħafna drabi jeħtieġ li jħallsu u jikkonformaw ma' proċeduri darbtejn sabiex il-prodotti tagħhom jiġu approvati. L-għan ta' dan il-ftehim tal-kummerċ huwa li jnaqqas l-ispejjeż u d-dewmien bla bżonn għall-kumpaniji, filwaqt li jinżammu livelli għoljin ta' saħħa, ta' sikurezza u ta' protezzjoni tal-konsumatur u tal-ambjent.

F'dak l-ispirtu, iż-żewġ naħat għandhom l-għan li jinnegozjaw ftehim ambizzjuż dwar l-ostakli sanitarji u fitosanitarji (standards tas-saħħa u l-iġjene, pereżempju għall-prodotti tal-ikel) kif ukoll dwar dawk tekniċi għall-kummerċ.

Barra minn hekk, in-negozjaturi se jaħdmu fuq il-kompatibilità regolatorja f'setturi speċifiċi, bħas-setturi tal-kimika, tal-karozzi, tal-informatika, tal-prodotti farmaċewtiċi, u setturi oħra tas-saħħa bħall-apparat mediku.

Il-ħtieġa għal konverġenza regolatorja mhijiex limitata għall-kummerċ tal-oġġetti. Fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, pereżempju, in-negozjati għandhom jikkunsidraw il-ħolqien ta’ oqfsa komuni għal kooperazzjoni prudenzjali. Il-partijiet interessati fuq iż-żewġ naħat ipprovdew gwida dwar fejn jinsabu l-iktar ostakli sinifikanti.

Peress li mhux id-diverġenzi regolatorji kollha jistgħu jiġu eliminati f'daqqa, iż-żewġ naħat jipprevedu qafas għal "ftehim ħaj" li jippermetti li progressivament maż-żmien ikun hemm konverġenza regolatorja dejjem akbar b'miri u skadenzi definiti. Dan se jagħmilha possibbli mhux biss li jitneħħew l-ostakli eżistenti, iżda wkoll li jiġi evitat il-ħolqien ta’ oħrajn ġodda fil-ġejjieni.

3) Nindirizzaw l-Isfidi u l-Opportunitajiet Kummerċjali Globali Kondiviżi fis-seklu 21

Fid-dawl tad-daqs u tal-impatt tas-sħubija tranżatlantika dwar il-flussi kummerċjali globali, in-negozjaturi se jindirizzaw oqsma li jmorru lil hinn mill-kummerċ bilaterali u se jikkontribwixxu wkoll għat-tisħiħ tas-sistema multilaterali tal-kummerċ.

Id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali: Kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti huma impenjati li jżommu u jippromwovu livell għoli ta' protezzjoni tal-proprjetà intellettwali. Minħabba l-effiċjenza tas-sistemi rispettivi tagħhom, l-intenzjoni mhix li jsir sforz lejn l-armonizzazzjoni, iżda li jkunu identifikati għadd ta' kwistjonijiet speċifiċi fejn se jkunu indirizzati d-diverġenzi. F'dak li jirrigwarda l-UE, l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (IĠ) huma ta’ importanza partikolari f’dan il-kuntest. Matul in-negozjati għalhekk, aħna biħsiebna nippreżentaw ideat speċifiċi biex niżguraw protezzjoni adegwata tal-IĠ.

Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli: Iż-żewġ naħat għandhom l-intenzjoni li jaħdmu flimkien fuq l-aspetti soċjali u ambjentali tal-kummerċ u tal-iżvilupp sostenibbli, abbażi ta' dak li kull naħa diġà nnegozjat fi ftehimiet kummerċjali eżistenti.

Sfidi u Opportunitajiet Rilevanti Globali Oħra: Sabiex dan ikun ftehim verament "tas-seklu 21", b'kunsiderazzjoni għall-koinċidenzi tal-ekonomiji, iż-żewġ naħat għandhom jindirizzaw il-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni ta' aspetti kummerċjali tad-dwana u tal-iffaċilitar tal-kummerċ, tal-kompetizzjoni u tal-impriżi tal-istat, tal-materja prima u tal-enerġija, tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju u tat-trasparenza. Dan għandu jinkludi, pereżempju, impenn li ssir konsultazzjoni ma’ partijiet interessati qabel l-introduzzjoni ta’ miżuri li jkollhom impatt fuq il-kummerċ u l-investiment.

X’kompromess instab dwar is-servizzi awdjoviżivi?

Ma kienx hemm esklużjoni tas-servizzi awdjoviżivi. Dan l-aħħar, il-Kummissjoni Ewropea stiednet lill-partijiet interessati biex jikkummentaw dwar il-futur tal-media diġitali (IP/13/358). Billi l-leġiżlazzjoni tal-UE f’dan il-qasam għadha trid tiġi żviluppata, ġie miftiehem li s-servizzi awdjoviżivi bħalissa mhumiex parti mill-mandat, iżda li l-Kummissjoni għandha l-possibbiltà li tiġi lura għand il-Kunsill b'direttivi ta’ negozjati addizzjonali fi stadju iktar tard.

Skont it-test tal-mandat, "Il-Kummissjoni sejra, fl-ispirtu tat-trasparenza, tirrapporta regolarment lill-Kumitat tal-Politika tal-Kummerċ dwar il-kors tan-negozjati. Il-Kummissjoni, skont it-Trattati, tista' tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill dwar direttivi tan-negozjati addizzjonali possibbli dwar kwalunkwe kwistjoni, bl-istess proċeduri għall-adozzjoni, inklużi r-regoli tal-votazzjoni, bħal dan il-mandat".

X’inhu r-rwol tal-Istati Membri u tal-Parlament Ewropew f’dawn in-negozjati? U s-Soċjetà Ċivili?

Il-Kunsill illum ipprovda linji gwida lill-Kummissjoni biex tinnegozja f’isem l-UE. Ladarba n-negozjati jitlestew, se jkun meħtieġ li kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill japprovaw ir-riżultat tan-negozjati qabel ma l-ftehim isir vinkolanti fuq l-UE.

Madankollu, dan ma jfissirx li l-Istati Membri u l-Parlament m'għandhom l-ebda leħen matul in-negozjati: Il-Kummissjoni se tibqa’ f’kuntatt regolari mal-Istati Membri fil-Kunsill, u se żżomm lill-Parlament Ewropew infurmat dwar il-progress fin-negozjati, filwaqt li żżomm f'moħħha li dawn se jkollhom l-aħħar kelma dwar il-ftehim globali.

Il-Kummissjoni se tikkomunika wkoll b’mod trasparenti ma’ rappreżentanti tas-Soċjetà Ċivili dwar dan il-ftehim kummerċjali. Madankollu, dan se jkun ukoll ibbilanċjat b’ċertu livell ta’ kunfidenzjalità fin-negozjati dwar il-kummerċ, li hija meħtieġa sabiex ma jiġux preġudikati l-għanijiet tal-UE f’dan il-ftehim - li fl-aħħar mill-aħħar huma li jinħolqu l-impjiegi għall-Ewropej.

It-test tal-mandat huwa disponibbli pubblikament?

Il-mandat tan-negozjati dwar is-Sħubija Tranżatlantika tal-Kummerċ u l-Investiment jibqa' dokument ristrett, u dan huwa meħtieġ sabiex jiġu mħarsa l-interessi tal-UE u sabiex il-possibilitajiet ta' riżultat sodisfaċenti jibqgħu għolja. Meta jidħol f’logħba, ħadd ma jibda billi jiżvela l-istrateġija kollha tiegħu lill-parti l-oħra mill-bidu nett: dan huwa wkoll il-każ għall-UE. Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea hija miftuħa ħafna għall-ħtieġa li tagħmel il-proċess tan-negozjati trasparenti kemm jista' jkun għaċ-ċittadini Ewropej (factsheet).

Meta se jibdew in-negozjati?

Il-Kummissjoni issa għandha l-approvazzjoni tal-Istati Membri u hija lesta biex tibda n-negozjati malli l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti tkun lesta. F’termini prattiċi, dan ifisser li t-tnedija tan-negozjati formali probabbilment se sseħħ qabel is-Sajf.

Kif nista’ nżomm ruħi infurmat dwar in-negozjati?

L-informazzjoni relatata man-negozjati hija aġġornata regolarment fuq is- sit tal-Internet tal-Kummissjoni. Hemm tista’ ssib l-aħħar diskorsi mill-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ, l-aktar stediniet riċenti għal avvenimenti tal-partijiet interessati, u l-aħħar studji tal-impatt. Biex tibqa’ aġġornat f’ħin reali, tista’ wkoll issegwina fuq Twitter @EU_TTIP_team.

Fejn nista’ nsib aktar tagħrif dwar suġġetti speċifiċi?

Il-Mistoqsijiet Frekwenti dwar il-Ftehim Tranżatlantiku tal-Kummerċ u l-Investiment, iwieġbu għal mistoqsijiet dwar in-negozjati rigward il-protezzjoni tal-konsumatur, l-ambjent u s-saħħa, l-OĠM, l-ormoni, l-industrija tal-films, is-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat, il-privatezza tad-dejta, iċ-Ċiklu ta’ Doha għall-Iżvilupp u ħafna aktar.

Fis-sit tal-internet tad-DĠ Kummerċ inħolqot paġna speċifika dwar in-negozjati tat-TTIP u din se tiġi aġġornata regolarment.

Għal aktar tagħrif

Il-konferenza stampa tal-Kummissarju De Gucht dwar il-mandat tat-TTIP

Is-sit tal-Internet tan-negozjati tat-TTIP

Mistoqsijiet frekwenti dwar il-Ftehim Tranżatlantiku tal-Kummerċ u l-Investiment

Ir-rapport finali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Impjiegi u t-Tkabbir (PDF), 11 ta' Frar 2013

Ir-relazzjoni kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti

Laqgħat ta' Djalogu tas-Soċjetà Ċivili


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website