Navigation path

Left navigation

Additional tools

Dikjarazzjoni Konġunta fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra x-Xogħol tat-Tfal

European Commission - MEMO/13/543   12/06/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, it-12 ta’ Ġunju 2013

Dikjarazzjoni Konġunta fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra x-Xogħol tat-Tfal

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra x-Xogħol tat-Tfal (it-12 ta’ Ġunju), ir-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/il-Viċi President tal-Kummissjoni Catherine Ashton, il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE, il-Kummissarju għall-Iżvilupp Andris Piebalgs, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, László Andor u l-Kummissarju għall-Affarijiet Interni Cecilia Malmström għamlu l-istqarrija li ġejja:

“Madwar id-dinja, 15.5 miljun tifel u tifla huma involuti f’xogħol domestiku bi ħlas jew bla ħlas barra minn darhom stess, skont l-istimi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO). Dawn it-tfal qed jiġu miċħuda minn tfulithom. Agħar minn hekk, aktar minn nofs dawn it-tfal huma involuti f’forom ta’ xogħol perikoluż, xi drabi f’sitwazzjonijiet abbużivi ta’ traffikar tat-tfal — b’ħajjithom ikunu mhedda ta’ kuljum.

Sejrin inkomplu naħdmu kontra l-forom kollha ta’ xogħol tat-tfal. Appellajna lill-Istati Membri kollha biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-ILO 189 dwar ix-xogħol deċenti għall-ħaddiema domestiċi, li se tidħol fis-seħħ fil-5 ta’ Settembru 2013 u li se testendi l-protezzjoni tax-xogħol għal miljuni ta’ ħaddiema, il-biċċa l-kbira nisa u tfal. Aħna qed naħdmu kontra x-xogħol tat-tfal fid-djalogi tagħna dwar id-drittijiet tal-bniedem u fil-fora internazzjonali. L-assistenza hija pprovduta permezz ta’ proġetti li jagħtu aċċess ekwu għall-edukazzjoni bażika u l-iżvilupp tal-ħiliet.

Bħal dan iż-żmien is-sena l-oħra, il-Kunsill kien approva l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni, li tinkludi azzjonijiet biex jiġi eliminat ix-xogħol tat-tfal globalment. L-Unjoni Ewropea se tieħu wkoll rwol attiv fit-Tielet Konferenza Dinjija dwar l-agħar forom ta’ xogħol tat-tfal, li għandha ssir fi Brasilia mit-8 sal-10 ta’ Ottubru 2013. Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra x-Xogħol tat-tfal, bħal f'kull jum tas-sena, l-UE tibqa’ impenjata bis-sħiħ biex tintlaħaq il-mira li jiġu eliminati l-agħar forom ta’ tħaddim tat-tfal sal-2016.”


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website