Navigation path

Left navigation

Additional tools

Mistoqsijiet Frekwenti: L-Ajru Uniku: Il-Kummissjoni taġixxi biex tiżblokka l-konġestjoni fl-ispazju tal-ajru Ewropew

European Commission - MEMO/13/525   11/06/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, il-11 ta’ Ġunju 2013

Mistoqsijiet Frekwenti: L-Ajru Uniku: Il-Kummissjoni taġixxi biex tiżblokka l-konġestjoni fl-ispazju tal-ajru Ewropew

X'inhu l-Ajru Uniku Ewropew?

L-Ajru Uniku Ewropew (Single European Sky, SES) huwa inizjattiva emblematika Ewropea li għandha tirriforma l-arkitettura tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru Ewropew, sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet ta’ kapaċità u sikurezza fil-futur. Abbażi tal-inizjattivi li ttieħdu fl-aħħar snin tad-disgħinijiet, ġew adottati l-pakkett tal-Ajru Uniku I (SES I - Single Sky I) fl-2004 u l-pakkett tal-Ajru Uniku II (SES II - Single Sky II) fl-2009.

Permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-SES:

  • Is-sikurezza se tittejjeb b’għaxar darbiet;

  • Il-kapaċità tal-ispazju tal-ajru se titripla;

  • L-ispejjeż tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru se jitnaqqsu b'50 %;

  • L-impatt fuq l-ambjent ta' kull titjira se jitnaqqas b’10 %.

Kif jaħdem dan kollu?

L-idea ċentrali tal-pakkett SES hija li jkun hemm bidla fit-tfassil tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru mil-livell nazzjonali għal-livell tal-UE biex jibbenfika minn effiċjenzi qawwija u jegħleb l-ostakoli amministrattivi u tekniċi maħluqa mill-approċċi nazzjonali. Dan jitlob l-intervent fil-livell tal-UE.

Allura, kif jaħdem dan kollu?

1. FABs: Taħt il-proposti differenti tal-pakkett SES, l-organizzazzjonijiet nazzjonali għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru jaħdmu flimkien fi blokok ta' spazju tal-ajru reġjonali (Blokok ta' Spazju tal-Ajru Funzjonali, Functional Airspace Blocks (FABs)) biex tinkiseb iktar effiċjenza, jitnaqqsu l-ispejjeż u l-emissjonijiet. Ara l-mappa ta' hawn taħt.

2. Miri: Hemm miri ewlenin vinkolanti għall-prestazzjoni li jridu jiġu sodisfatti fuq livell nazzjonali jew fuq livell tal-FAB għas-sikurezza, il-kapaċità, l-effiċjenza tal-ispejjeż u l-prestazzjoni ambjentali. Dawn il-miri ta' prestazzjoni jixprunaw il-proċess kollu tar-riforma, filwaqt li partijiet oħra tal-inizjattiva jippermettu l-kisba tagħhom. L-organizzazzjonijiet għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru jridu jikkooperaw u jadattaw ruħhom biex jiġu sodisfatti l-miri u biex jipprovdu servizzi aħjar b'inqas spejjeż. Il-miri lokali huma stabbiliti mill-Istati Membri, skont miri fil-livell tal-UE li huma maqbula mal-Kummissjoni Ewropea.

3. Maniġer tan-Netwerk: Il-Maniġer tan-Netwerk (l-Eurocontrol) jgħin il-proċess billi jara li ċerti ħidmiet jitwettqu b'mod l-aktar effiċjenti ċentralment, bħad-disinn tar-rotot jew il-koordinazzjoni tal-frekwenzi tar-radju. Dan huwa responsabbli wkoll mill-koordinazzjoni tal-flussi tat-traffiku tal-ajru bejn il-fornituri nazzjonali tas-servizz.

4. Teknoloġiji ġodda: Dan kollu jiddependi minn kemm tirnexxi l-fażi ta’ implimentazzjoni tal-programm SESAR - l-element teknoloġiku tal-Ajru Uniku Ewropew. Il-proġett SESAR għandu l-għan li jimmodernizza t-tagħmir u l-proċeduri attwali, li - minħabba d-diffikultà li jkun hemm bidliet fit-teknoloġija meta trid tinżamm l-interoperabbiltà globali - f'ħafna każijiet huma qodma għexieren ta' snin.

X’inhi l-problema?

Għalkemm l-Istati Membri kollha jibqgħu impenjati fil-pakkett SES, l-implimentazzjoni xorta għadha 'l bogħod mill-aspettattivi oriġinali.

Dan ifisser li l-Ewropa qed tiffaċċa problemi ta':

Konġestjoni: L-Ewropa qed tiffaċċa mument kritiku tal-kapaċità peress li huwa mistenni li l-għadd ta' titjiriet jiżdied b'50 % matul l-10 u l-20 sena li ġejjin. Illum, madwar 9 miljun titjira taqsam l-ispazju tal-ajru Ewropew.

Spejjeż: L-ineffiċjenzi fil-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew joħolqu spejjeż żejda għal-linji tal-ajru u għall-klijenti tagħhom li jammontaw għal madwar EUR 5 biljun fis-sena.

Tniġġis: L-impatt ambjentali tal-profili subottimali tat-titjiriet jibqa' sinifikanti. Fl-UE, is-sustanzi li jniġġsu l-arja (NOx) żdiedu minn 1.8 % għal 5.8 % tal-emissjonijiet totali tas-27 Stat Membru tal-UE bejn is-sena 1990 u s-sena 2010.

Dewmien u rotot itwal: Dawn il-problemi jtawlu d-distanza ta’ titjira b’medja ta’ 42 kilometru u b'hekk jiġi kkonsmat aktar fjuwil, jiġu ġġenerati aktar emissjonijiet, jitħallsu aktar tariffi għall-utenti u jinħoloq aktar dewmien.

Naqgħu lura aktar minn Sħabna: L-Istati Uniti tikkontrolla l-istess ammont ta' spazju tal-ajru, b’aktar traffiku, iżda bi kważi nofs l-ispejjeż.

Fi żmien meta l-linji tal-ajru Ewropej qed jiffaċċaw kompetizzjoni iebsa globalment, huwa diffiċli li wieħed ma jagħtix każ tal-gwadanji potenzjali mhux sfruttati tal-pakkett SES, li jammontaw għal EUR 5 biljun fis-sena1. Aktar mal-Ajru Uniku Ewropew jiġi implimentat malajr, aktar isiru gwadanji malajr. Hemm bżonn li nħeffu t-tkabbir tal-inizjattivi inizjali u nrawmu oħrajn ġodda fejn dawn ikunu utli.

Għaliex l-Ajru Uniku Ewropew ma għandux is-suċċess mistenni?

Minn meta beda l-proċess ta' riforma tal-Ajru Uniku Ewropew, saru diversi inizjattivi ta' titjib. It-tkabbir kostanti tal-ispejjeż tal-ATM (Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru, (air traffic management)) twaqqaf - iżda għadu ma ntlaħaqx it-tnaqqis mistenni tal-ispejjeż. L-ewwel evidenzi qed jidhru mill-fatt li qed jonqsu dawk l-inġenji tal-ajru li jiġu mġiegħla jtiru distanzi żejda minħabba r-restrizzjonijiet tal-ATM ("estensjoni tar-rotta") - u li kienu jżidu l-emissjonijiet u l-ispejjeż tal-fjuwil. Barra minn hekk, ġie stabbilit il-Maniġer tan-Netwerk u f'qasir żmien irnexxielu jiġbor madwar il-mejda tal-ippjanar il-partijiet kollha kkonċernati biex jistabbilixxu dak li eventwalment se jsir netwerk Ewropew reali tar-rotot. Il-qafas regolatorju ra l-ewwel titjib hekk kif ġew implimentati l-ewwel regoli tal-pakkett SES u tal-EASA, anke jekk qed iseħħ ħafna iktar tard u b'inqas kompletezza minn dik mistennija.

Iżda l-esperjenza turi li l-Istati Membri, li huma sidien uniċi jew b'maġġoranza tal-fornituri tas-servizz, għandhom tendenza kbira li jiffukaw fuq flussi kostanti ta' dħul fis-sistema ffinanzjata mill-utenttas-servizzi għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru, u għalhekk jistgħu jsibuha bi tqila li japprovaw il-bidla fundamentali lejn spazju tal-ajru operattiv li huwa aktar integrat.

Attwalment, il-proċessi eżistenti tal-pakkett SES għat-teħid tad-deċiżjonijiet jippermettu li l-progress jiġi blokkat faċilment mill-interessi partikulari ta' nazzjon.

Għal din ir-raġuni, l-inizjattiva Ajru Uniku 2+ tipproponi pakkett ta' miżuri biex jissaħħu d-dettalji fundamentali - l-istrutturi u l-proċessi għat-teħid tad-deċiżjonijiet - fi ħdan ir-riforma tal-Ajru Uniku biex jippermettu l-iffissar ta' miri aktar ambizzjużi - flimkien ma' aktar flessibbiltà fejn hija verament meħtieġa - u biex japplikaw miżuri aktar stretti ta' infurzar.

X’qed nipproponu?

Il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġu aġġornati l-erba' Regolamenti li joħolqu l-Ajru Uniku Ewropew (SES) u li jiġu emendati r-regoli li jirregolaw l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA). L-elementi ewlenin tal-proposti, magħrufa bħala SES2+, jinkludu:

Sikurezza u Sorveljanza Aħjar

Is-sikurezza tibqa' l-ewwel prijorità għall-avjazzjoni. L-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali (NSAs) inħolqu fl-2004 biex jissorveljaw is-sikurezza u l-prestazzjoni tal-organizzazzjoni għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru kif ukoll biex jiżguraw li jimplimentaw ir-regoli maqbula b'mod komuni. Minkejja l-progress konsiderevoli li sar fil-bidu, verifiki riċenti tal-Istati Membri wrew li għad hemm nuqqasijiet serji fl-indipendenza ta' dawn l-awtoritajiet. F'ħafna każijiet l-organizzazzjonijiet għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru jeżerċitaw kontroll dirett fuq l-awtorità għandha l-irwol li tissorveljhom. Il-pakkett SES2+ għandu l-għan li jgħin din is-sitwazzjoni b'diversi modi.

L-ewwel nett, din teħtieġ separazzjoni istituzzjonali sħiħa tal-awtoritajiet mill-entitajiet li jissorveljaw biex ikun żgurat l-indipendenza vera tal-ġestjoni. It-tieni nett, din tipprovdi mezz stabbli ta' finanzjament biex ikun żgurat l-indipendenza finanzjarja. Fl-aħħar nett, din tipprovdi wkoll għall-kooperazzjoni, it-taħriġ u n-netwerking tal-awtoritajiet kif ukoll għal skambji ta' esperti fil-livell tal-UE biex ikun żgurat li dawn għandhom il-ħiliet u l-mezzi neċessarji biex jagħmlu xogħolhom b'mod effiċjenti. Dan se jkollu effett pożittiv ħafna kemm fuq is-sorveljanza kif ukoll fuq is-sikurezza.

Dwar il-miri ta' prestazzjoni

Ir-riforma tas-sistema ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru Ewropew hija mmexxija minn erba' miri ewlenin ta' prestazzjoni: is-sikurezza, il-kosteffiċjenza, il-kapaċità u l-ambjent. Dawn il-miri jinsabu fil-qalba tal-proċess ta' riforma peress li jeħtieġu li l-organizzazzjonijiet għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru jbiddlu u jipprovdu servizzi aħjar b'inqas spejjeż.

F'dawn l-aħħar snin, il-miri ta' prestazzjoni ma laħqux il-livell globali ta' ambizzjoni. Dan seħħ minħabba li skont is-sistema attwali, l-Istati Membri jieħdu d-deċiżjoni finali dwar il-miri u dwar l-adozzjoni ta' miżuri korrettivi f'każ li l-miri ma jintlaħqux.

Il-proposta tal-Kummissjoni se ssaħħaħ l-iskema ta' prestazzjoni billi tagħmel l-iffissar tal-miri aktar indipendenti, trasparenti u infurzabbli. Se ssaħħaħ ukoll ir-rwol tal-Kummissjoni li tiffissa miri ambizzjużi. Il-proċess tal-iffissar tal-miri se jkun iqsar u bbażat iktar fuq l-evidenza biex ikun jista' jibbenefika minn dejta aktar aġġornata u minn tbassir tat-traffiku aktar preċiż. Fl-istess ħin, se jżid l-indipendenza tal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni - bħala l-konsulent tekniku ewlieni - u jippermetti li jingħataw sanzjonijiet meta ma jiġux sodisfatti l-miri.

Barra minn hekk, il-miri nazzjonali se jkunu aktar adattati biex ikunu - kif neċessarju - jistgħu jiġu mmirati lejn il-blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali, il-livell nazzjonali, il-fornitur individwali tas-servizz jew anke l-ajruporti individwali. Hekk kif is-sistemi attwali jistabbilixxu mira unika u uniformi għall-fornituri kollha, dan l-adattament se jippermetti li l-Istati jikkunsidraw il-fatt li xi fornituri tas-servizz diġà għamlu xi titjib filwaqt li oħrajn jista' jkun li għadhom lura.

Dwar is-servizzi ta' appoġġ

Attwalment, is-servizzi ta' appoġġ huma dawk li jgħollu l-aktar l-ispiża fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.

Bħalissa, is-servizzi tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru kważi dejjem jiġu provduti minn monopolji kbar ta' fornituri tas-servizz. Dan huwa naturali għall-fornituri ċentrali tas-servizz (il-kontroll tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi ta' informazzjoni dwar it-titjira) għaliex huwa effettivament impossibbli pereżempju, li jkollok żewġ torrijiet ta' kontroll li jikkompetu fl-istess ajruport u għalhekk dawn huma monopolji naturali li l-effiċċjenza tagħhom tiddependi minn regolazzjoni ekonomika attenta - jiġifieri, l-iskema ta' prestazzjoni.

Min-naħa l-oħra, is-servizzi ta' appoġġ (is-servizzi ta' informazzjoni meteoroloġika, ta' komunikazzjoni, ta' navigazzjoni, ta' sorveljanza u ta' ajrunawtika) huma differenti u jistgħu jiġu provduti wkoll taħt kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni fis-suq. Aktar studji wrew li l-akbar potenzjal għat-titjib - meta jitqabbel mal-prestazzjoni f'partijiet oħra tad-dinja - huwa fis-servizzi ta' appoġġ.

Il-Kummissjoni qed tipproponi s-separazzjoni tas-servizzi ta' appoġġ, li mbagħad jistgħu jkunu suġġetti għal offerta kompetittiva, taħt regoli normali ta' akkwist pubbliku li jiżguraw it-trasparenza tal-proċess tal-għażla u jiffukaw fuq il-kwalità u l-ispejjeż minflok fuq in-nazzjonalità. Is-sjieda u l-istruttura tal-fornituri tas-servizz ta' appoġġ se jitħallew miftuħin għall-għażla. Stimi konservattivi juru li mill-introduzzjoni ta' regoli normali ta' akkwist pubbliku huwa mistenni li jkun hemm 20 % tal-iffrankar . Minbarra l-fatt li se ttejjeb l-effiċjenza, din se tiftaħ il-bieb għal applikanti ġodda tas-suq u tħeġġeġ l-investiment u l-innovazzjoni fi prodotti ġodda.

Attenzjoni akbar fuq il-klijenti

Ħafna mill-organizzazzjonijiet għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru jikkonsultaw il-klijenti tagħhom - l-utenti tal-ispazju tal-ajru - bħala sempliċiment formalità, jew jiffukaw biss fuq il-linja nazzjonali tagħhom. Il-pakkett SES2+ ifittex li jintroduċi attenzjoni akbar fuq il-klijent billi jintroduċi wħud mill-aħjar prattiki tal-industrija fil-leġiżlazzjoni rigward il-konsultazzjoni kif ukoll il-possibbiltà għad-diversi gruppi tal-utenti tal-ispazju tal-ajru, li japprovaw il-pjanijiet ta' investiment tal-fornituri.

Din se tiżgura li l-utenti - li għalihom teżisti s-sistema - jinstemgħu b'mod adegwat u li dawn min-naħa tagħhom jistgħu jiżguraw l-introduzzjoni sinkronizzata ta' tagħmir ġdid u ta' investimenti ewlenin oħra kemm fuq l-art kif ukoll fl-ajruplani.

Aktar flessibbiltà biex tippermetti s-Sħubiji Industrijali fi ħdan l-FABs

Il-Blokok ta' Spazju tal-Ajru Funzjonali (FABs) huma maħsuba biex jieħdu post il-geġwiġija ta' 27 blokka nazzjonali ta' spazju tal-ajru funzjonali b'netwerk ta' blokok akbar u reġjonali biex tinkiseb aktar effiċjenza u jitnaqqsu l-ispejjeż u l-emissjonijiet.

Tradizzjonalment, il-Blokok ta' Spazju tal-Ajru Funzjonali (FABs) kienu forma pjuttost preskrittiva ta' kooperazzjoni bejn l-Istati u l-fornituri tas-servizz, li jimmiraw għal entitajiet akbar ta' forniment tas-servizz. Madankollu, m'hemmx soluzzjoni waħda għal kulħadd u ta' spiss l-FABs saru esperti fl-immarkar tal-kaxxi amminnistrattivi aktar milli fl-iżviluppi ta' sinerġiji.

Bil-pakkett SES2+, il-FABs se jinbidlu fi sħubiji industrijali aktar flessibbli, li jippermettu wkoll il-parteċipazzjoni f’aktar minn FAB wieħed dejjem jekk jipprovdu t-titjib neċessarju fil-prestazzjoni. Dan se jiżgura li l-punt fokali tal-FABs tkun il-prestazzjoni u li se jintużaw bħala għodod kummerċjali minn isfel għal fuq minflok ikunu biss kostruzzjonijiet politiċi.

Tisħiħ tal-Maniġer tan-Netwerk

Il-Maniġer tan-Netwerk (immexxi mill-Eurocontrol) qiegħed diġa’ juri l-kapaċitajiet tajbin tiegħu, iżda jista’ jissaħħaħ aktar bl-esperjenza miksuba. Dan għandu jkun aktar bħala “fornitur tas-servizz tal-fornituri tas-servizz” li jiffoka fuq sinerġiji fil-livell tan-netwerk u f’kooperazzjoni industrijali. Filwaqt li attwalment l-ambitu tal-Maniġer tan-Netwerk jibqa’ pjuttost limitat, il-proposti jiftħu l-bieb għall-introduzzjoni ta’ firxa usa’ ta' servizzi ġodda, li jistgħu jaslu sa 10, bħan-netwerks ta’ informazzjoni, il-monitoraġġ ta’ sistemi tekniċi u t-tfassil tal-ispazju tal-ajru. Dawn jistgħu jiġu provduti mill-Maniġer tan-Netwerk lil organizzazzjonijiet lokali jew reġjonali għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru biex iġibu l-ekonomiji ta' skala. Dan se jiżgura li t-teknoloġiji u s-servizzi l-ġodda jiġu implimentati jew provduti bl-aħjar mod u li l-geġwiġija ta’ sistemi nazzjonali tal-ATMs tista’ tiġi integrata f’netwerk koerenti. Is-servizzi jistgħu jiġu provduti ċentralment jew jiġu esternalizzati mill-Maniġer tan-Netwerk.

L-EASA, il-Eurocontrol u l-pajsaġġ istituzzjonali

Fl-aħħar nett, irridu niżguraw li d-diversi organizzazzjonijiet fil-livell tal-UE ma jagħmlux xogħol doppju, iżda jikkumplementaw l-attivitajiet ta’ xulxin bl-aħjar mod u li l-makkinarju regolatorju huwa tajjeb biex jiżguraw regoli ta’ kwalità għolja matul l-istadji li jmiss ta’ żvilupp tal-pakketti SES u SESAR.

Dan huwa żgurat mit-tlett organizzazzjonijiet fil-livell Ewropew li jiffukaw fuq il-qawwiet relattivi tagħhom. Uħud minn dawn l-iżviluppi mhux qed jiġu indirizzati fil-pakkett SES2+, bħal pereżempju fid-diskussjonijiet li bdew dwar ir-riforma tal-konvenzjoni dwar il-Eurocontrol, iżda xorta waħda huma importanti. Il-Eurocontrol għandu jiffoka dejjem aktar fuq attivitajiet operattivi hekk kif inhu deskritt iktar ‘il fuq fil-biċċa li tikkonċerna l-Maniġer tan-Netwerk, billi juża l-passat u l-għarfien operazzjonali konsiderevoli tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) għandha tiffoka fuq il-koordinazzjoni tal-abbozz ta’ regoli tekniċi u li tiżgura li dawn jiġu kkonsultati b’mod xieraq u li jkunu ta’ konsistenza u ta’ kwalità għolja. Għandha wkoll tkompli twettaq d-dmirijiet tagħha ta’ sorveljanza u flimkien mal-pakkett SES2+, issaħħaħ l-appoġġ tagħha lill-awtoritajiet tal-Istati Membri. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għandha tiffoka fuq ir-regolazzjoni ekonomika (l-iskema ta’ prestazzjoni, l-ispejjeż, il-FABs eċċ) u fuq l-istrateġija politika.

Dan se jiżgura li l-ebda riżorsa ma tinħela u li jiġu evitati t-tip ta’ diffikulatjiet ta’ implimentazzjoni li ltqajna magħhom fil-passat.

Xi jmiss?

F'Lulju 2013 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jibdew jiddiskutu l-proposta tal-Kummissjoni.

Għal aktar informazzjoni ara:

MEMO/12/774

1 :

Skont estimi dokumentati f’rapporti mill-Korp tar-Reviżjoni tal-Prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew u mill-Kummissjoni għar-Reviżjoni tal-Prestazzjoni.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website