Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, l-4 ta' Ġunju 2013

Rimarki tal-Kummissarju tal-Kummerċ Karel De Gucht dwar id-deċiżjoni biex jiġu imposti miżuri ta' anti-dumping fuq l-importazzjoni ta' pannelli solari miċ-Ċina

Sinjuri, insellmilkom.

Nixtieq ninfurmakom li l-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet unanimament li timponi tariffi provviżorji fuq il-pannelli solari importati miċ-Ċina sabiex tilqa' għad-dumping li qed isir ta' dawn il-prodotti fuq is-suq Ewropew.

Din id-deċiżjoni ttieħdet wara investigazzjoni legali dettaljata matul dawn l-aħħar disa' xhur. Il-konklużjoni ntlaħqet wara li ġew miflija l-fatti kollha u wara konsultazzjonijiet ma' dawk kollha involuti f'dan il-każ, li huma ħafna.

It-tariffi daħlu fis-seħħ fis-6 ta' Ġunju għas-sitt xhur li ġejjin - sakemm tintemm l-investigazzjoni sħiħa fil-bidu ta' Diċembru ta' din is-sena. F'dak il-mument tkun trid tittieħed deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu imposti dazji permanenti għal perjodu li jista' jkun sa ħames snin.

Se jkun hemm żewġ fażijiet: mis-6 ta' Ġunju, se tiġi imposta tariffa ta' 11.8% fuq l-importazzjonijiet kollha ta' pannelli solari Ċiniżi. Xahrejn wara, mis-6 ta' Awwissu, it-tariffa medja tkun ta' 47.6%. B'kollox, id-dazji se jvarjaw minn 37.3% sa 67.9%, f'dak l-istadju. Dawk il-kumpaniji Ċiniżi li kkooperaw se jkollhom tariffi aktar baxxi. Dawk li ma kkooperawx se jkollhom tariffi ogħla.

Din ir-reazzjoni ggradata tippermetti li jkun hemm tranżazzjoni bla skossi biex is-swieq tagħna jkunu jistgħu jadattaw irwieħhom - u hija offerta ta' darba lin-naħa Ċiniża, li tipprovdi inċentiv ċar ħafna għan-negozjati. Hija tipprovdi tieqa ta' opportunità għal negozjati, iżda l-ballun issa jinsab f'saqajn iċ-Ċina. Huwa ċar li jekk iċ-Ċina ma tipprovdix soluzzjoni sa Awwissu, jibdew japplikaw it-tariffi ogħla.

Fi ftit kliem, l-azzjoni tagħna llum hija miżura ta' emerġenza biex nagħtu n-nifs lil settur kummerċjali fl-Ewropa li qed isofri ħafna b'dan id-dumping. Ir-reazzjoni tagħna hija waħda bilanċjata, legali u ġustifikata, konformi ma' regoli kummerċjali internazzjonali u mfassla biex is-sitwazzjoni ma ssirx waħda fatali.

Dan mhux protezzjoniżmu. Pjuttost, din hija kwistjoni tat-tħaris ta' regoli kummerċjali internazzjonali li jkunu japplikaw ukoll għal kumpaniji Ċiniżi - daqs kemm japplikaw għalina. Kif tafu, anki l-Istati Uniti bħalissa qed japplikaw dazji fuq esportazzjonijiet Ċiniżi.

Bl-azzjoni tal-lum, il-Kummissjoni qed taġixxi fir-rwol tagħha ta' difensur indipendenti tal-industrija Ewropea quddiem prattiċi inġusti ta' kummerċ minn barra.

Ippermettuli nkun ċar ħafna: l-għan sinċier tiegħi sa mill-bidu kien li jkun hemm soluzzjoni amikevoli. Dan huwa illustrat mill-politika ta' "bieb miftuħ" li wettaqt matul l-aħħar sena mal-imsieħba Ċiniżi tagħna fuq talba tagħhom - b'diversi laqgħat jew fil-livell tiegħi jew inkella fil-livell tas-servizzi tiegħi. Nispera li d-deċiżjoni tal-lum issa toħloq l-ispazju biex diskussjonijiet bħal dawn jimxu 'l quddiem b'mod formali.

Issa, ippermettuli nispjega l-fatti li minħabba fihom din id-deċiżjoni kellha tittieħed f'dan l-istadju tal-investigazzjoni.

Il-mistoqsija sempliċi li ntlabna nwieġbu hi jekk kumpaniji Ċiniżi humiex qed jagħmlu dumping ta' pannelli solari li jispiċċaw biex jinbiegħu bi prezz aktar baxx milli jiswa biex jiġu prodotti.

It-tweġiba hija sempliċi: Iva - il-kumpaniji Ċiniżi qed jagħmlu dumping tal-pannelli solari fl-Ewropa fejn jinbiegħu bi prezz orħos milli jmisshom. L-istima tagħna tal-prezz tal-bejgħ ġust ta' pannell solari Ċiniż attwalment ikun 88% ogħla mill-prezz kurrenti li bih qed jinbiegħu fis-suq Ewropew.

Issa, il-mistoqsija li jmiss li rridu nwieġbu hija dwar jekk dan id-dumping huma ta' ħsara għall-kumpaniji Ewropej.

Għal darb'oħra, it-tweġiba hija sempliċi. Huwa ċar li d-dumping ta' dawn il-pannelli solari Ċiniżi qiegħed b'mod ċar jagħmel ħsara lill-industrija Ewropea tal-pannelli solari. Dan iqiegħed fil-periklu 25,000 impjieg. Barra minn dan, id-dumping huwa ta' theddida għall-istess sopravivenza tal-istess settur billi jagħmel ħsara fl-investiment preżenti u futur - speċjalment fil-qasam kritiku tar-Riċerka u l-Iżvilupp.

Is-sajf li għadda, il-Kummissjoni rċeviet ilment formali u validu minn grupp ta' manifatturi Ewropej tal-pannelli solari - li obbigana biex inniedu investigazzjoni kif mitlub mil-liġi tal-UE.

Dak li skoprejna abbażi tal-evidenza miġbura permezz ta' żjarat fuq il-post hija li l-esportaturi Ċiniżi qegħdin jifqgħu lis-suq Ewropew b'pannelli solari minħabba kapaċità eċċessiva fis-suq tagħhom stess.

Huma qabdu 80% tas-sehem mis-suq Ewropew, f'kuntest ta' kapaċità eċċessiva massiva, ekwivalenti għal 150% tal-konsum dinji totali. Fi kliem ieħor, qiegħda tipproduċi llum id-darba u nofs l-ammont ta' pannelli li huma meħtieġa fid-dinja. Sempliċement qed jipproduċu wisq.

Il-miżuri provviżorji tal-lum għandhom l-għan li ma jħallux li l-effetti ħżiena jinfirxu għal fuq is-suq tagħna u biex jerġgħu jistabbilixxu livell ekwu għal kulħadd u kompetizzjoni ġusta. Iżda l-aktar ħaġa importanti hi li l-azzjoni tal-lum tiftaħ il-bieb biex ninnegozjaw soluzzjoni amikevoli permezz ta' "impenji dwar prezz" fi żmien qasir.

Fil-qofol tagħha, is-sistema terġa' tkun stabbli jekk kumpaniji Ċiniżi kellhom jaqblu li jerġgħu jistabbilixxu l-ipprezzar ġust li jkun jirrifletti l-valur reali fis-suq ta' dawn il-pannelli solari.

Ippermettuli nkun ċar ħafna: Jiena rrid soluzzjoni amikevoli mal-imsieħba Ċiniżi tagħna; dan hu dak li l-Ewropa trid.

Qabel ma nagħlaq, nixtieq nindirizza xi kritika li jista' jkun hemm. Meta konna qegħdin noqorbu lejn it-teħid tad-deċiżjoni tal-lum, ċerta partijiet issuġġerew li l-miżuri ta' difiża kummerċjali tal-lum hija ekwivalenti għal "protezzjoniżmu". Dan sempliċement mhux minnu u jqarraq.

Il-verità hi li l-azzjoni tagħna hija biex ikun hemm żgur kompetizzjoni ġusta u r-rispett tar-regoli kummerċjali internazzjonali li kemm l-Ewropa kif ukoll iċ-Ċina aċċettawhom fid-WTO.

Mal-ewwel daqqa t'għajn, li l-affarijiet ikunu rħas u abbundanti tidher ħaġa sabiħa - iżda fl-aħħar mill-aħħar dan se jwassal għal tiġrija lejn il-qiegħ u dawk kollha involuti fl-industrija tal-pannelli solari, u s-servizzi marbuta magħha, jispiċċaw telliefa

Anki dawk li qed iġibu l-argument li l-pannelli solari rħas huma tajbin għall-enerġija sostenibbli u għall-ambjent għandhom ikunu jafu li qabel xejn l-industrija tal-pannelli solari trid tinżamm "sostenibbli" biex maż-żmien jidhru xi benefiċċji.

M'hemmx bżonn infakkarkom li "l-istat tad-dritt" huwa l-prinċipju waħdani fundamentali fil-qalba tal-Unjoni Ewropea.

L-Ewropa, bħall-imsieħba tagħha, trid ukoll tirrispetta r-regoli kummerċjali internazzjonali. Iżda lanqas ma għandna nibżgħu nużaw il-mezzi legali li huma permessi biex jikkoreġu s-sitwazzjoni meta jkun hemm il-periklu li ssir il-ħsara. It-tnejn huma importanti ndaqs biex niżguraw li s-sistema tibqa' taħdem għall-benefiċċji ta' kulħadd.

Għalhekk ippermettuli nenfasizza, għal dawk minnkom li ma jsegwux il-kwistjonijiet kummerċjali ta' kuljum, li hija l-Kummissjoni Ewropea li għandha r-responsabbiltà f'isem l-UE biex twettaq il-politika kummerċjali esterna tagħna. U dan minħabba raġuni waħda tajba ħafna - il-Kummissjoni tista' tiżgura l-indipendenza u x-xogħol f'isem kulħadd madwar l-Ewropa billi tħares lejn is-sitwazzjoni ġenerali.

Sinjuri, Nispera li rnexxieli nurikom x'inhi din is-sitwazzjoni ġenerali llum.

Nispera li rnexxieli nispjega eżatt ir-raġuni li din id-deċiżjoni li nimponu tariffi provviżorji kienet waħda essenzjali fid-dawl tad-dumping li għandu mnejn jeqred industrija importanti fl-Ewropa, jekk ma naġixxux issa.

Nispera wkoll li kulħadd jifhem li jiena għandu responsabilità lejn l-ekonomija Ewropea u se nġorr din ir-responsabilità.

Ippermettuli nispiċċa billi għal darb'oħra nisħaq li nippreferi soluzzjoni negozjata u malajr - m'hemmx raġuni biex din is-sitwazzjoni tibqa' għaddejja għal xhur jekk ikun hemm xewqa sinċiera minn sħabna ċ-Ċiniżi li tinstab soluzzjoni permezz ta' "impenji ta' prezz". Iżda issa jmiss lill-esportaturi Ċiniżi u lill-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża biex tersaq 'l quddiem b' soluzzjoni li tneħħi d-dannu lill-industrija Ewropea tal-pannelli solari.

Ninsab ħerqan biex naħdem magħhom kemm jista' jkun malajr sabiex inkunu nistgħu naħdmu biex nilħqu soluzzjoni sodisfaċenti li tkun ta' benefiċċju għalina lkoll.

Grazzi.


Side Bar