Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, l-4 ta' Ġunju 2013

Mistoqsijiet frekwenti: Dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li timponi dazji provviżorji fuq l-importazzjoni ta' pannelli solari miċ-Ċina (Każ AD 590)

M: Għaliex il-Kummissjoni Ewropea qed tintervjeni f'dan il-każ?

T: F'Lulju 2012, il-Kummissjoni rċeviet ilment formali u validu minn assoċjazzjoni industrijali ta' manifatturi Ewropej ta' pannelli solari, EU Pro Sun, li pprovdiet evidenza li l-produtturi esportaturi miċ-Ċina qed jiddampjaw il-pannelli solari fl-UE u jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Meta dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, il-Kummissjoni Ewropea hi legalment obbligata biex tiftaħ investigazzjoni anti-dumping u biex tkompli ssegwi każi bħal dawn (skeda informattiva dwar l-ilmenti anti-dumping). Ir-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi jridu jkunu msejsa fuq il-prinċipju tal-ġustizzja. Il-prattiċi tad-dumping u tas-sussidji li jiksru r-regoli tad-WTO imorru kontra l-prinċipju tal-kummerċ ġust u jikkawżaw dannu għall-industrija domestika tal-Unjoni.

M: Din hija l-bidu ta' gwerra kummerċjali?

T: Huwa r-rwol tal-Kummissjoni li tħares lill-industrija Ewropea minn kummerċ u prattiċi inġusti barranin. Dan ma għandux x'jaqsam ma' protezzjoniżmu, u lanqas ma' gwerra kummerċjali, imma huwa dwar it-twaqqif mill-ġdid ta' kundizzjonijiet ġusti tas-suq. Id-dumping hu prattika kummerċjali inġusta, li tikkawża dannu għall-impjiegi fl-UE, hu hemm bżonn li nittrattawha jekk ikun hemm evidenza tagħha. Għaldaqstant, l-azzjonijiet ta' difiża tal-UE huma mmirati biex inġibu "ġustizzja kummerċjali" għall-kumpaniji u l-ħaddiema Ewropej.

L-investigazzjonijiet kurrenti kontra d-dumping u kontra s-sussidji li jirrigwardaw il-pannelli solari mhumiex differenti minn investigazzjonijiet oħra li jiddefendu l-kummerċ u għandhom l-istess għan li jiżguraw ambjent ekwu għal kulħadd. L-intervent tal-Kummissjoni hu msejjes fuq evidenza ċara u dokumentata ta' dumping u dwar id-dannu li jġibu magħhom u li qed iġġorr l-industrija fotovoltaika tal-UE. Id-dritt ta' difiża tal-produtturi Ċiniżi kienet - u se tkun - rispettata bis-sħiħ. F'dan il-każ, id-differenza hi l-ammonti involuti. Fl-2011, iċ-Ċina esportat b'kemm jiswew EUR 21 biljun ta' pannelli solari u komponenti tagħhom lejn l-UE.

Sa mill-bidu nett, il-Kummissjoni Ewropea kienet miftuħa biex issib soluzzjoni nnegozjata kif suppost maċ-Ċina. Negozjati formali jistgħu jibdew hekk kif tintlaħaq determinazzjoni preliminari. Fl-investigazzjoni ta' kontra d-dumping tal-pannelli solari, dan hu wara l-5 ta' Ġunju 2013. Soluzzjoni nnegozjata tfisser li "wieħed volontarjament jieħu prezz" offrut mill-esportaturi. Offerta ta' din ix-xorta għandha tissodisfa għadd ta' rekwiżiti legali ġenerali. Dak prinċipali hu impenn li wieħed jirrispetta ċertu prezz minimu li jneħħi l-livell ta' dumping li jagħmel il-ħsara. Dan l-impenn mhuwiex maħsub li jiffissa l-prezzijiet f'livelli speċifiċi, imma pjuttost li jwaqqafhom li jaqgħu taħt ċertu prezz minimu. Rekwiżiti ġenerali oħra huma li l-impriża għandha tneħħi l-livell ta' dumping li jagħmel ħsara, li wieħed ikun jista' jagħmilha mil-lat prattiku u li l-implimentazzjoni tagħha tista' tkun immonitorjata b'mod effettiv.

Għalhekk, l-UE ma għandhiex interess li tibda gwerra kummerċjali. Jekk iċ-Ċina tqis li l-azzjoni tagħna hi bla bżonn, tista' tirreferi lill-UE għand id-WTO. Madankollu, kieku ċ-Ċina kellha tieħu kontro rimedji li jkunu inkompatibbli mad-WTO, imbagħad l-UE ma taħsibhiex darbtejn biex tiffaċċjahom quddiem id-WTO.

Għal aktar informazzjoni legali dwar l-impriżi:

http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2010/april/tradoc_146035.pdfArt. 8 tar-Regolament bażiku tal-UE dwar l-Anti-Dumping

Skeda ta' informazzjoni: L-investigazzjonijiet kontra d-dumping pass pass

M: Għaliex sa issa ma nstabet l-ebda soluzzjoni nnegozjata?

T: Il-liġi tgħid li tali offerta tista' tiġi kkunsidrata biss jekk isiru sejbiet provviżorji. Il-Kummissjoni Ewropea tivvaluta kwalunkwe offerta bħal din li tirrispondi b'mod adegwat għas-sejbiet provviżorji bl-aktar mod serju. Hi tinsab f'kuntatt regolari mal-awtoritajiet Ċiniżi u qed tkompli tesplora possibilitajiet biex issib soluzzjoni amikevoli.

M: Dawk il-miżuri huma protezzjonisti?

T: Miżuri li jiddefendu l-kummerċ mhumiex miżuri protezzjonisti. Lanqas ma huma illegali. Bil-maqlub: huma r-rispons legali li jsalva industrija li qed issofri minn dumping massiv minn pajjiż terz. Miżuri li jiddefendu l-kummerċ jimmiraw li jerġgħu jġibu ambjent ekwu. Id-dritt ta' importazzjonijiet irħas imma ddampjati ma jeżistix. Il-membri kollha tad-WTO, inkluża ċ-Ċina, għandhom id-dritt li jieħdu azzjoni jekk il-kawżi tad-dumping jagħmlu ħsara lill-industrija domestika tagħhom.

Barra minn hekk, investigazzjonijiet ta' din ix-xorta taħt ir-regoli tad-WTO isiru mill-biċċa l-kbira tal-membri tad-WTO, inkluża ċ-Ċina. L-UE tuża l-miżuri ta' kontra d-dumping u kontra s-sussidji b'mod modest: fl-2012, kellha 112 miżura fis-seħħ, tnejn anqas miċ-Ċina, fil-fatt. Bosta każijiet tad-difiża tal-kummerċ tal-UE jinvolvu ċ-Ċina: bħalissa, l-UE timponi miżuri definittivi kontra d-dumping fuq 52 prodott miċ-Ċina u miżuri kontra s-sussidji kontra żewġ prodotti miċ-Ċina. Għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet fuq iċ-Ċina fuq 14-il każ kontra d-dumping u żewġ każi ta' kontra s-sussidju. Dan hu r-riżultat ta' kapaċitajiet eċċessivi enormi minħabba inċentivi tal-gvern. Minkejja dan, huma jikkonċernaw biss ammont żgħir ħafna mill-kummerċ bejn iż-żewġ blokki u ċ-Ċina għandha surplus kummerċjali enormi mal-UE. B'mod generali, l-investigazzjonijiet tal-UE tad-difiża tal-kummerċ jaffettwaw madwar 0.17% tal-importazzjonijiet ġenerali tal-UE fl-2012. Sakemm l-investigazzjonijiet jimxu mar-regoli tad-WTO, ma hemmx raġuni għaliex għandhom jaffettwaw ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina.

Il-Kummissjoni Ewropea hija obbligata li tieħu azzjoni fejn il-kumpaniji tal-UE jsofru danni minħabba prattiċi kummerċjali inġusti. Il-Kummissjoni dejjem tagħmel dan b'konformità kemm mat-test kif ukoll mal-ispirtu tar-regoli tad-WTO. Dan ma għandu x'jaqsam xejn mal-protezzjoniżmu.

Ikklikkja hawn għal statistika dwar il-miżuri tal-UE tad-difiża tal-kummerċ.

M: Il-Kummissjoni kif tiddetermina r-rata tas-sussidju?

T: Il-metodi tal-Kummissjoni biex tikkalkula r-rata tad-dazju huma trasparenti u konsistenti. Il-partijiet interessati kollha għandhom aċċesss għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-fajl tal-investigazzjoni. Ir-rata tad-dazju impost hi mfassla biex tneħħi l-ħsara li ssir fuq l-industrija tal-UE u biex tirrestawra ambjent ekwu - xejn anqas u xejn iżjed. Il-kalkolu hu bbażat fuq prezzijiet u kostijiet ivverifikati. Billi jiġi llimitat il-livell ta' dazju għal dak li hu strettament neċessarju biex titneħħa l-ħsara kkawżata bid-dumping, l-UE tmur lil hinn mill-obbligi tagħha taħt id-WTO biex timponi rata aktar baxxa milli jippermettu r-regoli tad-WTO ("ir-regola ta' dazju anqas"). Ir-regoli tad-WTO jippermettu lil-UE biex timponi dazju ekwivalenti għall-marġini ta' dumping ħafna aktar għoli.

M: Għaliex f’dan il-każ id-dazju qed jiġi introdott f’żewġ stadji?

T: F’dan il-każ partikolari, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali u b’mod partikolari l-ħtieġa li wieħed jiżgura l-istabbiltà tal-forniment tal-pannelli solari fuq medda qasira ta’ żmien, ġie meqjus bħala xieraq li d-dazji jidħlu ftit ftit u li jiġi introdotti f’żewġ stadji. Perjodu b’dazji baxxi se jiżgura biżżejjed forniment biex jilħaq id-domanda kollha, filwaqt li l-industrija tal-Unjoni tilħaq tiġi f’pożizzjoni biex tadatta għas-sitwazzjoni u żżid il-forniment b’mod gradwali.

M: X'inhuma s-sejbiet ewlenin tal-investigazzjoni tad-dumping?

T: Il-konklużjoni provviżorja tal-investigazzjonikienet li l-pannelli solari miċ-Ċina u l-komponenti prinċipali tagħhom (wafers u ċelloli) kienu qed jinbiegħu fl-UE taħt il-valur normali tas-suq b'marġni ta' dumping sa 112.6%. Prattiċi bħal dawn qed iwasslu għal marġini ta' ħsara sa 67.9%, u jikkawżaw ħsara serja lill-industrija tal-UE u jwasslu għal fallimenti u insolvenzi fost il-produtturi tal-UE. Fl-aħħar, il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni żvelat li kwalunkwe effett potenzjalment negattiv tal-miżuri jkun paċut mill-gwadanni ekonomiċi għall-produtturi tal-UE.

M: X'elementi ġew ikkunsidrati fit-"test tal-interess tal-Unjoni"?

T: L-interessi ta' operaturi varji tal-Unjoni (produtturi, importaturi, produtturi ta' materja prima u makkinarju, stallaturi u konsumaturi/utenti finali tal-Unjoni) kienu analizzati taħt it-"test tal-interess tal-Unjoni" biex jiġi vvalutat jekk kienx hemm raġunijiet sodi kontra l-impożizzjoni ta' miżuri provviżorji.

Il-konklużjonijiet provviżorji tal-investigazzjoni kieni li miżuri provviżorji għandhom iġibu lura kundizzjonijiet ġusti ta' kummerċ. Dan jagħti lill-industrija fotovoltaika l-opportunità għal tkabbir sostenibbli, b'hekk tiżdied il-produzzjoni u l-impjiegi fl-UE, u tibqa' għaddejja t-tmexxija teknoloġika tal-UE f'dan is-settur.

Min-naħa l-oħra, kwalunkwe effett negattiv tal-miżuri fuq l-importaturi, fornituri u stallturi tal-komponenti, x'aktarx li ma jdumx ħafna għaliex x'aktarx ikunu kapaċi li jiddiversifikaw l-attvitaijiet u l-fornituri tagħhom u tal-anqas jikkumpensaw parzjalment għat-telf tagħhom. Ingħatat attenzjoni partikolari għall-kwistjoni tal-impjiegi relatati mal-industrija fotovoltaika. Il-miżuri huma mistennija li jkollhom impatt ġenerali pożittiv fis-settur fotovoltaiku, fejn ikun hemm aktar impjiegi assikurati u kkreati milli mitlufa.

Fl-aħħar, jekk ma jkunux imposti l-miżuri, ikun hemm riskju serju ta' dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet miċ-Ċina, li tista' tirriżulta fi prezzijiet ogħla għall-konsumaturi/utenti finali u għal kwalità aktar baxxa.

M: Il-miżuri se jaffettwaw il-miri tal-Aġenda 2020 tal-UE?

T: Ma hemmx kontradizzjoni bejn il-miri ambjentali tal-UE bħall-Aġenda 2020 u l-użu ta' strumenti li jiddefendu l-kummerċ. Bil-maqlub, id-dazji jġibu lura ambjent ekwu fis-suq fotovoltaiku li jwitti t-triq għal tkabbir sostenibbli tal-industrija fl-UE. Il-kisba tal-miri ambjentali lanqas ma tiddependi esklussivament mill-enerġija solari. Sorsi oħra ta' enerġija nadifa, qafas legali u finanzjarju favorevoli fil-livell Ewropew u dak nazzjonali, aċċess imtejjeb għall-kapital, u infiq kontinwu fuq ir-riċerka u żvilupp, huma importanti bl-istess mod. Id-dazji attwalment se jiffaċilitaw l-aċċess għall-kapital u jiżguraw investiment fir-riċerka u l-iżvilupp fis-settur fotovoltaiku tal-UE.

Ikklikkja hawn għal skeda informattiva fuq l-investigazzjoni tal-pannelli solari u l-miri tal-UE dwar il-klima.

M: X'jiġri kieku l-miżuri ma jkunux imposti?

T: L-investigazzjoni wriet li fl-assenza tal-miżuri, 25,000 impjieg fl-UE jkunu fil-periklu, minħabba li l-produtturi tal-UE kieku jisparixxu malajr. B'hekk, impjiegi bbażati fuq investimenti għaljin u t-tmexxija teknoloġika tal-UE - li bis-saħħa tagħha ġiet promossa t-teknoloġija tal-pannelli solari - kienu jintilfu. Il-kapaċità taċ-Ċina tirrappreżenta 150% tad-domanda tad-dinja u l-importazzjonijiet miċ-Ċina lejn l-UE jirrappreżentaw aktar minn 80% tas-suq tal-pannelli solari tal-UE. B'hekk, nuqqas ta' kompetizzjoni fis-suq tal-UE jista' jwassal minnufih għal dipendenza fuq il-forniment u l-kwalità taċ-Ċina. Kif ukoll, peress li l-produzzjoni fiċ-Ċina b'mod ġenerali qed tagħmel it-telf - xi ħaġa li hi ekonomikament insostenibbli - hu probabbli li l-prezzijiet tal-moduli Ċiniżi se jiżdiedu.

M: Hu minnu li l-miżuri jistgħu jwasslu għal telf ta' impjiegi sinifikanti fis-suq tal-pannelli solari tal-UE?

T: Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ma kkonkludietx li l-impożizzjoni tal-miżuri se twassal għal telf serju ta' impjiegi fis-settur tal-pannelli solari. Bil-maqlub, eżami bir-reqqa tal-argument tal-impjiegi jikkonferma li l-miżuri jkollhom impatt ġeneralment pożittiv fis-settur tal-impjiegi, b'aktar impjiegi assigurati u kkreati milli mitlufa. Filwaqt li jistgħu jintilfu numru ta' impjiegi fost l-iżviluppaturi u l-istallaturi tal-proġetti, l-investigazzjoni wriet li dawn il-gruppi ma jiddependux fuq is-settur tal-panelli solari, imma għandhom ukoll attivitajiet oħra tan-negozju. Il-fornituri (pereżempju, tal-komponenti) huma preżenti globalment u għandhom ikunu kapaċi li jpaċu t-telf parzjali tas-suq Ċiniż billi jmexxxu l-fornimenti għas-swieq il-ġodda. Fl-aħħar mill-aħħar, il-miżuri se jassiguraw 25,000 impjieg fost il-produtturi tal-UE li bħalissa qegħdin f'periklu serju u jistgħu jwasslu wkoll għal żieda fl-impjegi fit-terminu qasir, minħabba żieda possibbli fil-produzzjoni tal-UE.

M: X'inhu l-impatt tal-miżuri fuq il-pannelli solari li qed jiġu stallati fl-UE?

T: Il-miżuri għandu jkollhom impatt pożittiv fuq il-pannelli solari li qed jiġu stallati fl-UE. Il-kompetizzjoni ġusta tippermetti lill-industrija tal-UE biex tespandi, tikseb ekonomiji ta' skala aħjar, u żżomm il-prezzijiet f'livelli raġonevolment baxxi. Barra minn hekk, iż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti importati għall-inqas tista' tkun assorbita parzjalment grazzi għall-profitti li jsiru mill-istallaturi. Barra minn hekk, it-tmexxija teknoloġika tal-UE fis-suq tal-pannelli solari, li tiddependi fuq l-eżistenza ta' industrija li timmanifattura l-pannelli solari fl-UE, tinżamm u din tiġġenera x-xogħol.

M: X'inhuma s-sejbiet ewlenin tal-investigazzjoni ta' kontra s-sussidji?

T: L-investigazzjoni ta' kontra s-sussidji inbdiet fit-8 ta' Novembru 2012 wara ilment ippreżentat mill-istess ilmentatur u għadha għaddejja. Il-miżuri provviżorji kontra s-sussidji, jekk ikun hemm, ikollhom jiġu imposti sal-5 ta' Awwissu 2013, u miżuri definittivi sal-5 ta' Diċembru 2013. L-allegazzjoni tas-sussidji tkopri self bl-irħis, krediti tal-esportazzjoni u garanziji minn banek tal-istat, forniment ta' oġġetti mill-gvern, għotjiet u inċentivi ta' taxxi. Matul ix-xahar ta' Marzu saru żjarat kollha ta' verifika fit-tmien gruppi ta' esportaturi li ttieħdu bħala kampjun u f'nofs April ta' din is-sena mal-Gvern Ċiniż.

M: X'inhuma l-implikazzjonijiet għall-investigazzjoni dwar il-ħġieġ solari?

T: Din l-investigazzjoni m'għandhiex rabta diretta mal-ilment dwar l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari. Din hi investigazzjoni għaliha li tirrigwarda prodott distint biċ-ċar u hi bbażata fuq il-każ in kwistjoni. Il-konklużjoni se tkun ukoll għaliha u possibbilment twassal għal riżultat differenti. L-iskadenza legali tal-miżuri provviżorji fil-każ tal-ħġieġ solari, jekk ikun hemm, hija t-28 ta' Novembru 2013.

Ikklikkja hawn għal aktar informazzjoni fuq l-investigazzjonijiet ta' kontra d-dumping u kontra s-sussidji fuq il-ħġieġ solari

M: X'inhu l-pass li jmiss fil-proċedura?

T: Il-Kummissjoni se tanalizza l-kummenti li saru mill-partijiet terzi interessati dwar ir-regolament provviżorju qabel ma tagħmel proposta dwar id-dazji definittivi kontra d-dumping. Il-Kummissjoni Ewropea tista' tipproponi lill-Kunsill (a) biex itemm il-każ mingħajr miżuri jew (b) biex jimponi miżuri definittivi kontra d-dumping għal tul ta' perjodu ta' ħames snin. Skont ir-regoli kurrenti, il-Kunsill jista' jiċħad il-proposta tal-Kummissjoni b'maġġoranza sempliċi. Is-sejbiet finali se jkunu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-5 ta' Diċembru 2013.

Jekk id-deċiżjoni finali tkun li ma jiġux imposti dazji definittivi kontra d-dumping, id-dazji provviżorji li jkunu fil-forma ta' garanziji biss, ma jinġabrux.

Is-sejbiet preliminari tal-investigazzjoni parallela ta' kontras-sussidju għandha tkun disponibbli sal-bidu ta' Awwissu.

Għal aktar informazzjoni

IP/13/501 Stqarrija għall-Istampa

MEMO/13/499: Rimarki mill-Kummissarju tal-Kummerċ tal-UE Karek De Gucht dwar id-deċiżjoni

MEMO/13/497: Memo

MEMO/13/498: Mistoqsijiet u tweġibiet dwar id-deċiżjoni tal-UE li timponi tariffi provviżorji ta' anti-dumping fuq pannelli solari Ċiniżi

Pubblikazzjoni tar-Regolament f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2013:152:0005:0047:mt:PDF

MEMO/12/647: L-UE tibda investigazzjoni anti-dumping dwar l-importazzjoni ta’ pannelli solari miċ-Ċina, 6 ta’ Settembru 2012

Aktar dokumenti dwar l-investigazzjoni tal-UE dwar l-anti-dumping rigward l-importazzjonijiet tal-pannelli solari miċ-Ċina

http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?ref=ong&id=1895&sta=21&en=31&page=2&c_order=date&c_order_dir=Down

Aktar dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina

http://ec.europa.eu/trade/policy/countries-and-regions/countries/china/

Mistoqsijiet u tweġibiet dwar il-proċedimenti tal-anti-dumping

http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence/anti-dumping/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website