Navigation path

Left navigation

Additional tools

Memo: L-UE timponi dazji provviżorji ta' anti-dumping fuq il-pannelli solari Ċiniżi

European Commission - MEMO/13/497   04/06/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, l-4 ta' Ġunju 2013

Memo: L-UE timponi dazji provviżorji ta' anti-dumping fuq il-pannelli solari Ċiniżi

Illum, il-Kummissjoni Ewropea imponiet dazji provviżorji ta' anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' pannelli solari u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelluli u wejfers) miċ-Ċina. Investigazzjoni sabet li pannell solari miċ-Ċina jinbiegħ fl-Ewropa ħafna inqas mill-valur normali tas-suq tiegħu. Id-dazji se jimponu li tittaffa l-ħsara kkawżata lill-industrija Ewropea minħabba din il-prattika kummerċjali inġusta, id-dumping.

Filwaqt li r-rata tad-dumping hija f'medja ta' 88%, id-dazji ta' anti-dumping imposti se jiġu stabbiliti biss fuq medja ta' 47.6% li hija meħtieġa biex titneħħa l-ħsara kkawżata mid-dumping fl-industrija Ewropea. Minbarra dan, se jiġi introdott perjodu tranżitorju ta' xahrejn b'livell imnaqqas ta' dazju ta' 11.8% sa mis-6 ta' Ġunju. Id-dazju se jkollu jitħallas bħala dazju "ad valorem"; fi kliem ieħor, bħala perċentwal tal-valur tal-importazzjoni. Dan huwa provviżorju u huwa impost b'kollox għal perjodu massimu ta' sitt xhur.

L-investigazzjoni għadha għaddejja. Miżuri definittivi li japplikaw għal ħames snin, jekk hemm, ikollhom jiġu imposti fi żmien 15-il xahar mill-bidu tagħhom, jiġifieri sal-bidu ta' Diċembru 2013.

Il-prodotti koperti mill-investigazzjoni huma l-pannelli solari u l-komponenti ewlenin tagħhom, jiġifieri ċ-ċelluli solari u l-wejfers solari. Sabiex jiġi prodott pannell solari, il-wejfers solari jiġu kkonvertiti f'ċelluli u mbagħad iċ-ċelluli jingħaqdu flimkien f'moduli, jiġifieri pannelli. Xi produtturi għandhom produzzjoni integrata li tkopri t-tliet livelli ta' produzzjoni, filwaqt li oħrajn jipproduċu l-wejfers, iċ-ċelluli u/jew il-moduli biss.

L-investigazzjoni u s-sejbiet tagħha

L-investigazzjoni bdiet fis-6 ta' Settembru 2012 wara lment ippreżentat minn EU ProSun, assoċjazzjoni tal-impriżi, li affermat li l-pannelli solari miċ-Ċina qed jiġu ddampjati fl-UE bi prezzijiet aktar baxxi mill-valur tas-suq u jikkawżaw ħsara materjali lill-industrija fotovoltajka tal-UE (MEMO/12/647).

L-investigazzjoni twettqet f'qafas legali strett li jkopri analiżi sħiħa ta' dumping mill-kumpaniji Ċiniżi tal-esportazzjoni, il-ħsara mġarrba mill-industrija fotovoltajka tal-UE bħala riżultat ta' dak id-dumping, u l-interess tal-atturi kollha tal-UE (il-produttui tal-Unjoni, il-fornituri tal-komponenti bħas-silikon, l-istallaturi, l-importaturi, l-utenti u l-konsumaturi). Hija sabet li:

  1. hemm dumping mill-produtturi tal-esportazzjoni fiċ-Ċina: il-pannelli solari Ċiniżi jinbiegħu fis-suq Ewropew b'valur ferm inqas minn dak tas-suq normali, li jwassal, bħala medja, għal marġini ta' dumping ta' 88%, li jfisser li l-valur ġust ta' pannell solari miċ-Ċina mibjugħ fl-Ewropa għandu jkun 88% ogħla mill-prezz li għalih qiegħed jinbiegħ. F'ċerti każi, instabu marġini ta' dumping sa 112.6%.

  2. L-industrija tal-Unjoni kkonċernata ġarrbet ħsara materjali li rriżultat f'telf fl-ishma tas-suq fl-UE, tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ u tnaqqis fil-profitabbiltà li wasslet għal għadd ta' insolvenzi tal-produtturi tal-Unjoni

  3. hemm rabta kawżali bejn id-dumping u l-ħsara li nstabet

  4. l-impożizzjoni tal-miżuri ma tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

Fuq il-bażi ta' dawn is-sejbiet, ġie deċiż li jiġi impost dazju tal-anti-dumping fi proċess b'żewġ stadji: għal xahrejn, se jkollu jitħallas dazju ta' 11.8%, filwaqt li mis-6 ta' Awwissu, se jiġu imposti dazji li jvarjaw minn 37.3% sa 67.9% (b'medja ta' 47.6%) fuq il-pannelli solari miċ-Ċina. Mis-6 ta' Awwissu, dawk il-kumpaniji Ċiniżi li kkoperaw fl-investigazzjoni se jkollhom tariffi aktar baxxi, filwaqt li dawk li ma kkoperawx se jkollhom tariffi ogħla.

Kif ġie kkalkulat id-dazju?

B'mod ġenerali, ir-rati tad-dazju jiġu stabbiliti b'referenza għar-"regola tad-dazju inferjuri". Ir-"regola tad-dazju inferjuri" hija impenn tal-UE imsejjaħ tad-"WTO-plus", jiġifieri li tippermetti lill-Kummissjoni li tistabbilixxi dazju f'livell aktar baxx mill-marġini tad-dumping meta dan il-livell aktar baxx ikun biżżejjed biex titneħħa l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni. Dan l-approċċ ġust jibbenefika lill-esportaturi u jmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mill-obbligi tad-WTO tagħna. Fil-prattika, il-marġini ta' ħsara huwa l-ammont "li jneħħi l-ħsara", jiġifieri għandu l-għan li jżid il-prezzijiet għal livell li jippermetti lill-industrija tal-UE li tbiegħ bi profitt raġonevoli.

Minbarra dan, fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u, b'mod partikolari, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-istabbilità tal-provvista fuq terminu qasir, huwa meqjus xieraq li d-dazji provviżorji jiġu introdotti b'mod gradwali u li dawn jiddaħħlu f'żewġ passi. Perjodu b'dazju aktar baxx se jiżgura provvista suffiċjenti sabiex tissodisfa d-domanda kollha, filwaqt li l-industrija tal-Unjoni tkun tista' tadatta ruħha għas-sitwazzjoni u żżid il-provvista b'mod gradwali.

Peress li l-UE ma tirrikonoxxix liċ-Ċina bħala "ekonomija tas-suq", l-Indja ntgħażlet bħala l-aktar pajjiż analogu xieraq u raġonevoli. Din l-għażla ma ġietx ikkontestata min-naħa Ċiniża. Effettivament, numru ta' partijiet - inklużi dawk Ċiniżi - pproponew l-Indja u esprimew preferenza ċara fuq alternattivi oħra bħall-Istati Uniti.

Fuq liema bażi l-Kummissjoni Ewropea tiddeċiedi li timponi dazji provviżorji?

Il-proċeduri tal-anti-dumping huma suġġetti għal regoli ddefiniti sew, kemm fir-regoli tad-WTO kif ukoll fil-leġiżlazzjoni tal-UE, li huma l-aktar żewġ settijiet ta' regoli dettaljati ta' kwalunkwe qasam ta' politika tal-kummerċ.

Meta industrija tal-UE tqis li l-importazzjonijiet ta' prodott minn pajjiż mhux tal-UE huma ssussidjati jew qed jinbiegħu bi prezzijiet aktar baxxi mill-valur tas-suq u qed jikkawżaw ħsara lill-industrija tal-UE li tipproduċi l-istess prodott, hija tista' tippreżenta lment lill-Kummissjoni Ewropea. EU ProSun, assoċjazzjoni tal-impriżi,ippreżentat ilment dwar il-pannelli solari miċ-Ċina u l-komponenti ewlenin. Hija pprovdiet evidenza ta' dumping u sussidji potenzjali li kienu qed jikkawżaw ħsara lill-produtturi Ewropej. Il-Kummissjoni bdiet proċedimenti tal-anti-dumping u ta' kontra s-sussidji fis-6 ta' Settembru 2012 u fit-8 ta' Novembru 2012 rispettivament.

Matul il-proċedura, instemgħu l-partijiet kollha. Il-Kummissjoni Ewropea bagħtet kwestjonarju lil diversi partijiet interessati, bħall-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi, il-fornituri ta' komponenti bħas-silikon, l-istallaturi, u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom. Hija talbet għal informazzjoni dwar l-esportazzjonijiet, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-importazzjonijiet tal-pannelli solari. Wara li rċeviet risposti mill-partijiet interessati, l-uffiċjali tal-Kummissjoni vverifikaw id-dejta fil-post ta' ħafna mill-kumpaniji li kkooperaw.

Matul l-investigazzjoni, il-partijiet interessati kollha għandhom id-dritt li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom u jippreżentaw l-informazzjoni lill-Kummissjoni u/jew jieħdu sehem fis-seduti. Il-Kummissjoni qieset il-kummenti kollha li rċeviet sa issa u indirizzathom fir-Regolament provviżorju.

Il-partijiet interessati issa huma mitluba jippreżentaw aktar kummenti fi żmien 30 jum u l-Kummissjoni tindirizzahom matul il-bqija tal-investigazzjoni.

Il-Kummissjoni tapplika metodi ta' kalkoli li huma trasparenti u konsistenti fil-każi kollha. Il-partijiet interessati kollha għandhom aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-fajl. Id-dazji huma deċiżi skont il-kalkoli ddettaljati bbażati fuq id-dejta ppreżentata mill-partijiet u vverifikata mill-Kummissjoni. Ir-rata tad-dazju, jekk hemm, hija imposta sabiex tneħħi l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-UE u biex terġa' ġġib livell ekwu - xejn aktar, xejn anqas. Għaldaqstant, id-dazji ma huma qatt punittivi. F'dan il-każ, intgħażel approċċ saħansitra aktar gradwali, bl-impożizzjoni ta' dazju ta' 11.8% għall-ewwel xahrejn.

Abbażi tal-informazzjoni miġbura, il-Kummissjoni stabbilixxiet b'mod provviżorju li seħħ dumping sinifikanti u li l-ħsara materjali mġarrba mill-industrija tal-Unjoni hija riżultat tal-importazzjonijiet iddampjati. L-eżami inkluda wkoll fatturi oħrajn li setgħu kkontribwixxew għall-ħsara.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet hekk imsejjaħ "test tal-interess tal-Unjoni" li jeżamina jekk l-impożizzjoni potenzjali tal-miżuri tkunx kumplessivament ogħla għall-ekonomija tal-Unjoni mill-benefiċċju tal-miżuri għall-ilmentaturi. L-UE hija l-uniku Membru tad-WTO li twettaq dawn it-testijiet b'mod sistematiku u b'hekk sistematikament tmur lil hinn mill-obbligi tad-WTO. Il-Kummissjoni qieset b'mod provviżorju li kwalunkwe effett negattiv potenzjali tal-miżuri jkun anqas mill-benefiċċji ekonomiċi għall-produtturi tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni vvalutat il-livell tad-dazju meħtieġ biex jagħmel tajjeb għall-effetti dannużi tad-dumping. Il-miżuri ġew imposti fil-livell ta' danni (medja ta' 47.6%), li huwa aktar baxx mil-livell ta' dumping (medja ta' 88%), b'hekk tapplika l-hekk imsejħa "regola tad-dazju inferjuri". Dan ifisser li l-livell tad-dazju huwa biżżejjed biex jerġa' jġib livell ekwu għall-industrija tal-UE kkonċernata.

X'se jiġri issa?

Dazji provviżorji ta' anti-dumping huma imposti għal perjodu ta' sitt xhur. Id-dazju ta' 11.8% jidħol fis-seħħ fis-6 ta' Ġunju f'nofs il-lejl u minuta ħin lokali, jiġifieri d-dazju ta' anti-dumping huwa applikat fuq l-importazzjonijiet ta' pannelli solari siegħa aktar tard f'Dover milli, pereżempju, fil-port ta' Rotterdam.

Wara d-deċiżjoni ta' llum, il-Kummissjoni se tiddivulga s-sejbiet lill-partijiet interessati li mbagħad ikollhom xahar biex jikkummentaw. L-investigazzjoni se tkompli u miżuri definittivi, jekk ikun hemm, ikollhom jiġu imposti sal-5 ta' Diċembru 2013.

Ladarba l-Kummissjoni tkun għamlet is-sejbiet inizjali tagħha, jeżistu dispożizzjonijiet legali biex iż-żewġ partijiet jissuġġerixxu soluzzjonijiet innegozjati. Il-Kummissjoni indikat li hija miftuħa li tiddiskuti maċ-Ċina miżuri oħra li jkunu ekwivalenti għad-dazju ta' 47.6%. Kemm ir-regoli tad-WTO kif ukoll il-liġi tal-UE (Art. 8 tar-Regolament Bażiku tal-Anti-Dumping tal-UE) jiftħu din il-possibilità fil-forma ta' impenn dwar prezz - ftehim li ma jsirx bejgħ taħt prezz minimu. Hemm numru ta' rekwiżiti legali għal ftehim bħal dan, li l-aktar importanti fosthom huma li l-miżura offruta tkun tneħħi l-livell ta' dumping ta' ħsara, li tkun tista' taħdem fil-prattika u li l-implimentazzjoni tagħha tkun tista' tiġi mmonitorjata.

Il-kwerelant għandu wkoll il-possibilità li jirtira l-ilment tiegħu, u jista' jagħmel dan f'kull stadju fil-proċediment. F'dak il-każ, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li ttemm l-investigazzjoni.

Sal-5 ta' Diċembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea tista' tipproponi lill-Kunsill (a) li jtemm il-każ mingħajr miżuri jew (b) li jimponi miżuri definittivi ta' anti-dumping għal tul ta' ħames snin. Skont ir-regoli attwali, il-Kunsill jista' jwarrab il-proposta tal-Kummissjoni b'maġġoranza sempliċi. Is-sejbiet finali se jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Fatti ewlenin li jpoġġu l-investigazzjoni fil-kuntest tagħha

Sehem tas-suq:

L-importazzjonijiet Ċiniżi kienu jirrappreżentaw aktar minn 80% tas-suq tal-Unjoni fl-2011/12. Huwa probabbli li l-ishma tas-suq Ċiniżi jkomplu jikbru jekk ma jiġux imposti miżuri. Għaldaqstant, hemm ir-riskju li l-industrija tal-Unjoni, li kellha sehem ta' 13% fis-suq tal-UE matul l-istess perjodu, ma ddumx ma tieqaf għal kollox. Fl-2009, il-produtturi tal-UE kien għad għandhom sehem ta' 19% tas-suq tal-UE.

Kapaċità żejda fiċ-Ċina:

Fl-2012, il-kapaċità tal-produzzjoni Ċiniża kienet ta' aktar minn 55 gigawatt (GW), li jirrappreżentaw madwar 150% tal-konsum globali. Fi kliem ieħor, iċ-Ċina llum tipproduċi darba u nofs l-ammont tad-domanda tal-pannelli solari fid-dinja. Il-kapaċità tal-produzzjoni eċċessiva taċ-Ċina kienet ta' madwar 27 GW jew madwar 90% tad-domanda globali fl-2012. Il-konsum tal-UE kien ta' madwar 15 GW fl-2012. Il-kapaċità tal-produzzjoni eċċessiva taċ-Ċina, għalhekk, kienet tirrappreżenta kważi d-doppju tad-domanda kollha tal-UE fl-2012. Din il-kapaċità żejda hija r-riżultat ta' splużjoni massiva ta' investiment appoġġata mill-gvern f'dawn l-aħħar ftit snin. Ta' min jinnota li tliet snin ilu, fl-2009, il-kapaċità tal-produzzjoni Ċiniża kienet tammonta biss għal 6.5 GW.

Insolvenzi fl-UE:

Skont id-dejta disponibbli matul il-perjodu kkunsidrat (2009-Lulju 2012):

  1. madwar 40 produttur tal-UE ddikjaraw l-insolvenza

  2. madwar sitt produtturi tal-UE waqqfu l-produzzjoni (xi wħud minnhom parzjalment)

  3. madwar żewġ produtturi tal-UE ħarġu min-negozju tal-pannelli solari

  4. madwar erba' produtturi tal-UE ġew akkwistati minn investituri Ċiniżi

Impatt fuq l-impjiegi:

L-istudju ppubblikat mill-konsulenza Prognos u kkummissjonat minn grupp ta' interess li jopponi l-investigazzjoni ta' anti-dumping issuġġerixxa li huma f'riskju 242,000 impjieg jekk jiġu imposti l-miżuri. Il-Kummissjoni temmen li dan l-istudju jagħti stima għolja wisq tat-telf ta' impjiegi fl-UE fil-każ li jiġu imposti l-miżuri. Fost affarijiet oħra, huwa bbażat fuq dejta tal-2011, meta d-domanda kienet partikolarment għolja. Il-konsum naqas b'mod sostanzjali fis-sena ta' wara u b'konsegwenza, in-numru ta' impjiegi naqas ukoll. L-istudju ta' Prognos ma jiħux inkunsiderazzjoni din l-evoluzzjoni. Minbarra dan, il-maġġoranza tal-iżviluppaturi tal-proġetti u l-istallaturi ma jiddependux esklussivament fuq is-settur solari billi għandhom ukoll oqsma oħra ta' negozju. Il-fornituri tal-komponenti (pereżempju l-polisiliku, il-makkinarju) huma preżenti globalment u għandhom ikunu jistgħu jikkumpensaw għat-telf parzjali tas-suq Ċiniż billi jżidu l-provvisti għal swieq oħra filwaqt li l-importaturi għandhom ukoll ikunu jistgħu jġibu l-provvisti tagħhom minn pajjiżi terzi.

Studju ieħor maħruġ minn PriceWaterhouseCoopers ikkonkluda li l-metodoloġija użata fl-istudju ta' Prognos hija inkonsistenti u mhix kredibbli u li l-miżuri se jkollhom impatt globali pożittiv fuq l-impjiegi.

Il-kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina:

Fl-2012, l-UE importat oġġetti miċ-Ċina li jiswew madwar EUR 289.7 biljun, filwaqt li l-esportazzjonijiet tal-UE lejn iċ-Ċina kienu jammontaw għal EUR 143.8 biljun. Il-kummerċ bilaterali bejn l-UE u ċ-Ċina diġà jaqbeż sew il-EUR 1 biljun kuljum. Fl-2012, l-UE importat pannelli solari miċ-Ċina li jiswew EUR 11.5 biljun.

Reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet

Wara t-talba tal-industrija tal-Unjoni, u fuq il-bażi tal-evidenza pprovduta, Regolament għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet tal-pannelli solari miċ-Ċina ġie ppubblikat fil-5 ta' Marzu 2013 (Pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE). Dan kien pass amministrattiv. Jekk jintlaħaq l-istadju tal-miżuri definittivi tal-proċedimenti, dan jagħmilha possibbli biex wieħed jiddeċiedi jekk il-miżuri għandhomx jiġu imposti retroattivament (sa tliet xhur qabel id-dazji provviżorji, jiġifieri possibilment b'effett mill-5 ta' Marzu 2013).

Investigazzjoni ta' kontra s-sussidji

Investigazzjoni parallela ta' kontra s-sussidji li nbdiet f'Novembru 2012 wara lment ippreżentat mill-istess kwerelant tinsab għaddejja bħalissa (MEMO/12/844). Il-miżuri provviżorji ta' kontra s-sussidji, jekk ikun hemm, għandhom jiġu imposti sas-7 ta' Awwissu 2013. Bħal fl-investigazzjoni tal-anti-dumping, miżuri definittivi, jekk ikun hemm, ikollhom jiġu imposti sa kmieni f'Diċembru 2013.

Għal aktar informazzjoni

IP/13/501 Stqarrija għall-Istampa

MEMO/13/499: Rimarki mill-Kummissarju tal-Kummerċ tal-UE Karek De Gucht dwar id-deċiżjoni

MEMO/13/498: Mistoqsijiet u tweġibiet dwar id-deċiżjoni tal-UE li timponi tariffi provviżorji ta' anti-dumping fuq pannelli solari Ċiniżi

MEMO/12/647: L-UE tibda investigazzjoni anti-dumping dwar l-importazzjoni ta’ pannelli solari miċ-Ċina, 6 ta’ Settembru 2012

Aktar dokumenti dwar l-investigazzjoni tal-UE dwar l-anti-dumping rigward l-importazzjonijiet tal-pannelli solari miċ-Ċina

http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?ref=ong&id=1895&sta=21&en=31&page=2&c_order=date&c_order_dir=Down

Aktar dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina

http://ec.europa.eu/trade/policy/countries-and-regions/countries/china/

Mistoqsijiet u tweġibiet dwar il-proċedimenti tal-anti-dumping

http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence/anti-dumping/

Pubblikazzjoni tar-Regolament f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2013:152:0005:0047:mt:PDF


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website