Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Strasburgu, il-5 ta' Frar 2013

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar ir-riforma ġdida u riformata tal-Politika Komuni tas-Sajd

L-għan ġenerali tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) riformata huwa li s-sajd isir sostenibbli – ambjentalment, ekonomikament u soċjalment. Il-politika l-ġdida se treġġa’ lura l-istokkijiet tal-ħut għal livelli sostenibbli, u se twaqqaf prattiki tas-sajd li mhumiex effiċjenti. Din il-politika se tipprovdi liċ-ċittadini tal-UE bi provvista ta’ ikel stabbli, sikura u sana għal perjodu fit-tul; qed timmira li tikseb prosperità ġdida għas-settur tas-sajd, ittemm id-dipendenza fuq is-sussidji u toħloq opportunitajiet ġodda għall-impjiegi u t-tkabbir f’żoni kostali. L-għajnuna finanzjarja tal-UE permezz ta' Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (IP/11/1495) se tkun disponibbli biex issostni l-għanijiet ta' sostenibbiltà tal-politika l-ġdida.

Għaliex hija meħtieġa politika ġdida?

Jeħtieġ issir riforma urġenti tal-politika tas-sajd tal-Ewropa. Il-bastimenti għadhom qed jaqbdu iżjed ħut minn kemm jista’ jiġi riprodott b’mod sikur. L-industrija tas-sajd qed tesperjenza anqas qbid u qed tiffaċċja futur inċert.

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea fl-2011 ipproponiet riforma ambizzjuża tal-politika. Din ir-riforma hija dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti għal futur aħjar kemm għall-ħut u kemm għas-sajd, kif ukoll għall-ambjent tal-baħar li jsostnihom. Il-PKS riformata se tikkontribwixxi għall-Istrateġija tal-Ewropa 2020 u l-politika se taħdem għal prestazzjoni ekonomika b’saħħitha tal-industrija, tkabbir inklussiv u koeżjoni mtejba fir-reġjuni kostali.

Is-sostenibbiltà tinsab fil-qalba tar-riforma tal-PKS. Is-sostenibbiltà tas-sajd tfisser sajd f'livelli li ma jipperikolawx ir-riproduzzjoni tal-istokkijiet u li jipprovdu rendiment għoli fit-tul. Dan jitlob li jkun immaniġġjat il-volum tal-ħut li jinqabad permezz tas-sajd.Skont il-PKS l-ġdida l-istokkijiet jridu jiġu sfruttati sa livelli sostenibbli, definiti bħala l-akbar qabda li tista’ ssir b’mod sikur sena wara sena u li żżomm id-daqs tal-popolazzjoni tal-ħut fi produttività massima. Dan il-livell huwa magħruf bħala r-"rendiment massimu sostenibbli" (‘maximum sustainable yield’ (MSY)). Dan l-għan ġie stabbilit fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Ibħra, u ġie kkonfermat fis-Summit Dinji tal-2002 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli bħala mira li d-dinja għandha tilħaq sal-2015. Il-PKS l-ġdida se tistabbilixxi l-livelli tas-sajd fil-livelli tal-MSY sal-2015 fejn huwa possibbli, u mhux aktar tard mill-2020 għall-istokkijiet tal-ħut kollha.

L-istimi1 juru li kieku l-istokkijiet ġew sfruttati b'dan il-mod, id-daqs tal-istokkijiet jista' jiżdied b'70 % b'żieda fil-livelli ta' qbid, id-dħul u l-pagi.

Is-sajd sostenibbli se jeħles ukoll lis-settur tas-sajd mid-dipendenza fuq is-sostenn pubbliku. Dan se jagħmilha aktar faċli biex jinkisbu prezzijiet stabbli b'kundizzjonijiet trasparenti, li joffru benifiċċji viżibbli lill-konsumaturi.

Liema huma l-elementi ewlenin tal-politika l-ġdida?

Il-ġestjoni multiannwali bbażata fuq l-ekosistema

Biex terġa’ tinbena ekonomija enerġetika tas-sajd fl-Ewropa, l-ambjent tal-baħar irid jiġi protett b’mod aktar effettiv. Is-sajd fl-UE se jiġi ġestit permezz ta’ pjanijiet multiannwali u mmexxi mill-approċċ tal-ekosistema u l-approċċ ta’ prekawzjoni biex ikun żgurat li l-impatti tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar ikunu limitati.

Il-pjanijiet tal-ġestjoni multiannwali se jinbidlu mill-pjanijiet attwali ta’ stokk uniku għal pjanijiet ibbażati fuq is-sajd – li jkopru aktar stokkijiet ta’ ħut f’anqas pjanijiet, bil-għan li tintlaħaq is-sostenibbiltà. L-istokkijiet se jiġu ġestiti wkoll permezz tal-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd mill-Kunsill, u permezz ta’ miżuri tekniċi u ta’ konservazzjoni oħrajn li huma parti mis-sett ta' strumenti proposti.

Il-projbizzjoni tar-rimi fil-baħar

Ir-rimi, jiġifieri l-prassi li jintrema fil-baħar il-ħut mhux mixtieq, huwa stmat li jlaħħaq it-23% tal-qbid totali (sostanzjalment aktar f’ċertu sajd!). Din il-prassi inaċċettabbli se titneħħa bi skeda preċiża għall-implimentazzjoni (progressivament bejn l-2015 u l-2019) u flimkien ma’ ċerti miżuri sostantivi. Is-sajjieda se jkunu obbligati jniżżlu fuq l-art l-ispeċijiet kollha kummerċjali li jaqbdu. Ħut ċkejken ħafna ġeneralment ma jkunx jista' jinbiegħ għall-konsum mill-bniedem.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti tas-sajd tagħhom huma mgħammra biex tkun żgurata dokumentazzjoni sħiħa tal-attivitajiet tas-sajd u tal-ipproċessar kollha sabiex issir sorveljanza tal-konformità mal-obbligu li l-qabdiet kollha jitniżżlu l-art.

Din il-projbizzjoni se twassal għal dejta aktar affidabbli tal-istokkijiet tal-ħut, issostni ġestjoni aħjar u ttejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi. Hija wkoll inċentiv għas-sajjieda biex jevitaw qbid ta’ ħut li ma jkunux jixtiequ permezz ta’ soluzzjonijiet tekniċi bħal irkaptu tas-sajd aktar selettiv.

Il-ġestjoni tal-kapaċità tal-flotta tas-sajd

L-Istati Membri se jkollhom jiżguraw li l-kapaċità tal-flotta (in-numru u l-għadd ta' bastimenti) tinsab f'bilanċ mal-opportunitajiet tas-sajd. Meta Stat Membru jidentifika kapaċità żejda f'taqsima tal-flotta, jiżviluppa pjan ta' azzjoni biex inaqqas din il-kapaċità żejda. Jekk Stat Membru ma jilħaqx it-tnaqqis neċessarju tal-kapaċità tal-flotta, il-finanzjament skont l-istrument finanzjarju Ewropew jista' jiġi sospiż.

Appoġġ għas-sajd fuq skala żgħira

Fl-UE, il-flotta tas-sajd fuq skala żgħira tammonta għal 77% tat-total tal-flotta tal-UE fl-għadd ta’ bastimenti iżda għal 8% biss fit-total tal-UE f’tunnellati (id-daqs tal-bastiment) u 32% f’termini tal-qawwa tal-magna tal-UE. Is-sajd kostali fuq skala żgħira ta’ spiss ikollu rwol importanti fit-tessut soċjali u fl-identità kulturali ta’ diversi reġjuni kostali tal-Ewropa. Għaldaqstant dan jeħtieġ appoġġ speċifiku. Il-PKS riformata testendi d-dritt tal-Istati Membri biex jirrestrinġu s-sajd f’żona ta' 12-il mil nawtiku tal-kosta sal-2022. L-istrument finanzjarju futur għas-sajd se jinkludi miżuri ta’ benefiċċju għas-sajd fuq skala żgħira u se jgħin lill-ekonomiji lokali biex jadattaw għall-bidliet.

Tinħoloq akkwakultura sostenibbli

Qafas aħjar għall-akkwakultura se jżid il-produzzjoni u l-provvista tal-ikel tal-baħar fl-UE, inaqqas id-dipendenza fuq il-ħut importat u jagħti spinta liż-żoni kostali u rurali. Sal-2014, l-Istati Membri se jagħmlu abbozz ta’ pjanijiet strateġiċi nazzjonali biex jeliminaw l-ostakli amministrattivi u jżommu l-istandards ambjentali, soċjali u ekonomiċi għall-industrija tal-fish farms. Se jitwaqqaf Kunsill Konsultattiv ġdid għall-Akkwakultura biex jagħti l-pariri dwar kwistjonijiet marbuta mal-industrija. Teżisti dimensjoni ċara tal-UE fl-iżvilupp tal-akkwakultura: l-għażliet strateġiċi li jsiru fuq livell nazzjonali jista' jkollhom effett fuq tali żvilupp fi Stati Membri ġirien.

Jittejjeb l-għarfien xjentifiku

Informazzjoni affidabbli u aġġornata dwar l-istat tar-riżorsi tal-baħar hija essenzjali biex issostni deċiżjonijiet ta’ ġestjoni soda kif ukoll l-implimentazzjoni effettiva tal-PKS riformata. Il-PKS tistabbilixxi r-regoli u l-obbligi bażiċi għall-Istati Membri f'dan il-qasam. L-Istati Membri se jiġu inkarigati bil-ġbir, iż-żamma u l-qsim tad-dejta dwar l-istokkijiet tal-ħut, il-flotot u l-impatt tas-sajd fuq il-livell tal-baċir tal-baħar. Se jiġu stabbiliti programmi nazzjonali ta’ riċerka biex jikkoordinaw din l-attività.

Tmexxija diċentralizzata

Il-PKS l-ġdida se tqarreb aktar id-deċiżjonijiet lejn iż-żoni tas-sajd, u se tikkjarifika r-rwoli u l-obbligi ta’ kull attur. Se ttemm il-mikroġestjoni minn Brussell sabiex il-leġiżlaturi tal-UE jiddefinixxu biss il-qafas ġenerali, il-prinċipji u l-istandards bażiċi, il-miri globali, l-indikaturi tal-prestazzjoni u l-iskedi taż-żmien. L-Istati Membri mbagħad se jiżviluppaw rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri proprji ta' implimentazzjoni, u se jikkooperaw fuq livell reġjonali. Meta l-Istati Membri kkonċernati kollha jaqblu, dawn ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jiġu ttrasposti fir-regoli applikabbli għas-sajjieda kollha kkonċernati.

Politika ġdida tas-suq – setgħa lis-settur u konsumaturi informati aħjar

Il-politika ġdida tas-suq għandha l-għan li ssaħħaħ il-kompetittività tal-lndustrija tal-UE, ittejjeb it-trasparenza tas-swieq, u tiżgura l-istess opportunitajiet għall-prodotti kollha kummerċjalizzati fl-Unjoni.

L-iskema ta’ intervent eżistenti se tiġi immodernizzata u ssimplifikata. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi se jkunu jistgħu jixtru prodotti tas-sajd meta l-prezzijiet jinżlu taħt ċertu livell, u jaħżnu l-prodotti biex iqegħduhom fis-suq fi stadju ulterjuri. Din is-sistema se tistabbilizza s-suq.

L-organizzazzjonijiet tal-produtturi se jkollhom ukoll rwol akbar b’ġestjoni, monitoraġġ u kontroll kollettivi. Standards ġodda ta’ kummerċjalizzazzjoni dwar it-tikkettar, il-kwalità u t-traċċabbiltà se jagħtu informazzjoni aktar ċara lill-konsumaturi u jgħinuhom isostnu s-sajd sostenibbli. Ċerta informazzjoni fit-tikkettar se tkun obbligatorja, dettalji oħra jistgħu jingħataw fuq bażi volontarja.

Tittieħed responsabbiltà internazzjonali

Skont il-FAO, ħafna mill-istokkijiet tal-ħut fid-dinja huma rrapportati li huma sfruttati bis-sħiħ jew li huma sfruttati b’mod esaġerat. Minħabba li l-UE hija l-akbar importatur fid-dinja tal-prodotti tas-sajd f’termini ta’ valur, din trid taġixxi kemm fit-territorju tagħha kif ukoll barra minnu. Il-politika tas-sajd estern għandha tkun parti integrali mill-PKS. F’organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, għaldaqstant, l-UE se tħaddan il-prinċipji tas-sostenibbiltà u l-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut u l-bijodiversità tal-baħar. Se tistabbilixxi alleanzi ma’ sħab ewlenin u tieħu azzjonijiet magħhom biex tiġġieled is-sajd illegali u tnaqqas il-kapaċità żejda.

L-UE se tippromwovi s-sostenibbiltà, tmexxija tajba u l-prinċipji tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fi ftehimiet bilaterali dwar is-sajd ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE. Ftehimiet ta’ Sħubija ta' Sajd Sostenibbli (SFPAs) se jieħdu post il-Ftehimiet ta’ Sħubija tas-Sajd eżistenti u se jiżguraw li l-isfruttar tar-riżorsi tas-sajd isir skont pariri xjentifiċi sodi biss li huma mmirati għar-riżorsi żejda li dak il-pajjiż sieħeb ma jistax jew ma jkunx irid jistad għalihom hu stess. Skont l-SFPAs, il-pajjiżi sħab għandhom jiġu kkumpensati talli jkunu taw aċċess għar-riżorsi tas-sajd tagħhom u għandha tingħata għajnuna finanzjarja lill-pajjiżi sħab għall-implimentazzjoni ta' politika tas-sajd sostenibbli.

Se jkun hemm regoli ġodda dwar il-Kontroll u l-Infurzar?

Il-proposta hija konsistenti mal-iskema l-ġdida ta’ kontroll tal-UE mill-20102 u tintegra l-elementi bażiċi tal-iskema tal-kontroll u l-infurzar mal-konformità mar-regoli tal-PKS. Fid-dawl tal-introduzzjoni tal-obbligu li jniżżlu l-ħut fuq l-art u biex jiġi evitat ir-rimi fil-baħar, il-Kummissjoni qed tipproponi obbligi tal-monitoraġġ u l-kontroll b’mod partikolari b’rabta mas-sajd kompletament dokumentat, kif ukoll proġetti pilota dwar teknoloġiji ġodda ta’ kontroll tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd sostenibbli.

Meta se tidħol fis-seħħ ir-riforma?

Minħabba li issa ntlaħaq qbil dwar il-politika l-ġdida fil-livell politiku, il-finalizzazzjoni u l-adozzjoni formali se jsegwu fix-xhur li ġejjin. Il-politika l-ġdida se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014. L-implimentatazzjoni tar-regoli l-ġodda se tkun waħda progressiva, pereżempju dwar l-obbligu ta' żbark, għaliex is-settur jeħtieġlu jadatta ħalli jkun jista’ jagħti r-riżultati. Iżda r-riforma tistipula skadenzi ċari.

Għal iktar informazzjoni:

Riforma tas-sit elettroniku tal-PKS:

http://ec.europa.eu/fisheries/reform/proposals/index_mt.htm

1 :

Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd

2 :

Ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 u Nru 1224/2009


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website