Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, it-28 ta' Mejju 2013

Miżuri tal-UE biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ

X’inhi s-sitwazzjoni attwali?

F’Marzu 2013, 5.7 miljun żagħżugħ/a fl-UE-27 ma kellhomx impjieg, u minn dawn 3.6 miljuni kienu fiż-żona tal-euro. Fl-UE-27, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ kienet 23.5% u fiż-żona tal-ewro kienet 24% relattivament stabbli matul ix-xahar, iżda b'żieda ta' 0.9 u b'1.5 punti perċentwali rispettivament meta mqabbla ma’ ta’ Marzu 2012. . F’ Marzu 2013, l-aktar livelli baxxi kienu osservati fil-Ġermanja u fl-Awstrija (7.6% fit-tnejn li huma) u fil-Pajjiżi l-Baxxi (10.5%), waqt li l-ogħla kienu fil-Greċja (59.1% f’Jannar 2013), fi Spanja (55.9%), fl-Italja (38.4%) u fil-Portugall (38.3%).

* Jannar 2013 ** Frar 2013 *** 4Q 2012

(Sors: Eurostat)

X’qed tagħmel l-UE biex tindirizza l-qgħad fost iż-żgħażagħ?

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ta' Lulju 2012 ippruvaw jiżguraw li l-impjiegi għaż-żgħażagħ jibqgħu importanti fuq l-aġenda politika tal-Istati Membri kollha fejn ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ huma partikolarment drammatiċi.

F'Diċembru 2012 il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Pakkett għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ sabiex jgħin lill-Istati Membri jindirizzaw speċifikament il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-esklużjoni soċjali billi jsiru offerti ta' impjiegi, edukazzjoni u taħriġ liż-żgħażagħ (ara IP/12/1311 u MEMO/12/938,). Dan il-pakkett jinkludi:

  • Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex tiġi introdotta Garanzija għaż-Żgħażagħ

  • Qafas ta’ Kwalità għal Skemi ta' Taħriġ

  • Alleanza Ewropea għall-Apprentistati

Ir-Rakkomandazzjoni ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ kienet adottata mill-Kunsill tal-Ministri fit-22 ta' April 2013 (ara MEMO/13/152). Il-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ lill-Istati Membri biex issa jwaqqfu strutturi biex jagħmlu l-Garanzija għaż-Żgħażagħ realtà mill-aktar fis possibbli. Il-Kummissjoni dalwaqt se tippreżenta aktar inizjattivi biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu skema ta’ garanziji għaż-żgħażagħ tagħhom.

X’inhi l-Garanzija għaż-Żgħażagħ?

Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li hija bbażata fuq l-esperjenza tal-Awstrija u l-Finlandja, tipprova tiżgura li sal-età ta’ 25 sena ż-żgħażagħ kollha jkunu rċevew offerta ta’ kwalità għal impjieg, tkomplija tal-edukazzjoni, apprentistat jew għal skema ta’ taħriġ fi żmien erba’ xhur minn meta jkunu telqu l-edukazzjoni formali jew minn meta jkunu spiċċaw bla xogħol. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija waħda mill-aktar riformi kruċjali u urġenti meħtieġa biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u biex jittejbu t-transizzjonijiet mill-iskola għall-bank tax-xogħol.

Kif tista' tiġi ffinanzjata l-Garanzija għaż-Żgħażagħ?

Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha spiża fiskali għall-Istati Membri, iżda din l-ispiża hija ħafna inqas mill-prezz li jirriżulta min-nuqqas ta’ azzjoni.

L-ewwel nett, l-ispiża tiddependi miċ-ċirkostanzi nazzjonali: din se tkun aktar baxxa fi Stati Membri fejn il-miżuri ta’ appoġġ huma żviluppati sew (eż.fejn il-persunal tas-Servizzi Pubbliku tal-Impjiegi (SPI) huwa mħarreġ sew biex jindirizza l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ). It-tieni, l-ispiża tiddependi mil-mod li bih tiġi stabbilita u implimentata l-iskema. It-tielet , l-ispiża se tkun akbar f'pajjiżi b’rati għolja ta' żgħażagħ bla impjieg, mhumiex jistudjaw jew jitħarrġu (NEETs) jew ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ.

F’ Lulju 2012, l-ILO stmat li l-ispiża totali biex jiġu stabbiliti skemi ta’ Garanziji għaż-Żgħażagħ fiż-żona tal-euro se tammonta għal 0.45% tal-PDG taż-żona tal-euro, jew EUR 21 biljun. Madankollu, dawn l-ispejjeż għandhom jiġu mqabbla mal-ispejjeż tal-qgħad, tan-nuqqas ta’ attività u t-telf fil-produttività. L-ispejjeż tal-benefiċċji mħallsa liż-żgħażagħ qiegħda, l-introjti maħfura u t-taxxi li huma stmati mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofund) jammontaw għal 1.21% tal-PDG, jiġifieri jagħmlu telf annwali ta’ EUR 153 biljun għall-UE. Barra minn hekk, għaż-żgħażagħ stess, li tkun qiegħed f’età żgħira jista’ jħalli "ġerħa" negattiva fit-tul. Dawn iż-żgħażagħ mhux biss jiffaċċaw riskji ogħla ta’ qgħad fil-futur, iżda wkoll riskji ogħla ta’ esklużjoni, ta’ faqar u ta’ problemi tas-saħħa.

L-UE tista’ tgħin lill-Istati Membri permezz ta' appoġġ finanzjarju mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Fuq l-idea tal-Garanzija taż-Żgħażagħ, il-proposta għar-Regolament tal-FSE għall-perjodu ta’ pprogrammar li jmiss għall-2014-2020, tinkludi prijorità ta' investiment tal-FSE ddedikata għall-mira tal-integrazzjoni sostenibbli taż-żgħażagħ NEETs fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri li qed jiffaċċjaw rati ta’ qgħad għolja fost iż-żgħażagħ huma għalhekk mistennija li jidentifikaw persuni żgħażagħ qiegħda kif ukoll NEETs bħala l-grupp speċifiku għall-fondi mill-FSE.

Eżempji ta’ attivitajiet ta’ Garanzija taż-Żgħażagħ/interventi li jistgħu jiġu appoġġjati mill-FSE:

Miżuri

Eżempji speċifiċi ta’ attivitajiet/interventi li jistgħu jiġu appoġġjati mill-FSE:

Strateġiji li jilħqu liż-żgħażagħ u punti fokali

[YG rec 8-9]

  • Żjarat fl-iskejjel mis-SPI

  • Sessjonijiet ta’ taħriġ mis-SPI għall-għalliema

  • L-iżvilupp ta’ servizzi speċjalizzati għaż-żgħażagħ bħala parti mis-SPI jew kuntrattati lil fornituri privati

  • Distribuzzjoni ta’ materjal stampat f’ċentri taż-żgħażagħ jew f'avvenimenti taż-żgħażagħ

  • L-użu tal-internet u l-midja soċjali

  • Sistemi ta’ ġbir ta’ dejta

  • Wirjiet fit-toroq

Ippjanar individwali għall-azzjoni

[YG rec 10]

  • Taħriġ tal-istaff tas-SPI)

  • Kuntratt ma’ sħab speċjalizzati

Offerti ta' rotot għad-dħul mill-ġdid fl-edukazzjoni u t-taħriġ jew programmi ta' edukazzjoni li tagħti ċans ieħor, l-indirizzar tat-tlaqqigħ ħażin fil-ħiliet u t-titjib fil-ħiliet diġitali, għal dawk li jitilqu mill-iskola kmieni u għal żgħażagħ b'ħiliet baxxi

[YG rec 11-13]

  • Programmi ta’ taħriġ u ta' ċans ieħor

  • Dispożizzjoni ta' taħriġ fil-lingwa

  • Pariri u appoġġ edukattiv addizzjonali sabiex iż-żgħażagħ jibqgħu fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ jew inkella jinġiebu lura.

  • Appoġġ għaż-żgħażagħ f’riskju biex jakkwistaw kwalifiki rilevanti u biex jispiċċaw il-kwalifika sekondarja għolja

  • Tagħlim dwar ix-xogħol u apprentistati

  • Taħriġ dwar ħiliet diġitali

  • Vawċers tat-taħriġ

Inkoraġġament lis-servizzi skolastiċi u tax-xogħol għall-promozzjoni ta' gwida kontinwa dwar l-intraprenditorija u l-impjieg indipendenti fost iż-żgħażagħ.

[YG rec 14]

  • Sessjonijiet ta’ taħriġ għall-persunal tas-servizzi tal-impjiegi u għall-għalliema

  • L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ korsijiet fl-intraprenditorija matul l-edukazzjoni sekondarja

  • Sessjonijiet ta’ taħriġ għal żgħażagħ qiegħda

L-użu sew ta' pagi u sussidji ta’ reklutaġġ iddisinjati apposta biex iħeġġu lil min iħaddem joffri apprendistati jew pjazzament tax-xogħol liż-żgħażagħ, u partikolarment għal dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol [YG rec 17].

  • Kiri ta’ kreditu mmirat lejn il-kiri ta' żgħażagħ permezz ta' impjiegi kif ukoll apprendistati (l-appoġġ mill-FSE għall-krediti ssussidjati għandu jkun akkumpanjat minn miżuri ta’ attivazzjoni — bħal taħriġ prattiku, eċċ.)

Promozzjoni tal-mobilità tal-impjiegi/tal-forza tax-xogħol billi ż-żgħażagħ ikunu konxji ta’ offerti ta’ xogħol, skemi ta' taħriġ u apprendistati disponibbli u l-appoġġ disponibbli f’oqsma differenti kif ukoll l-għoti tal-appoġġ xieraq lil dawk li ċċaqalqu

[YG rec 18]

  • L-operat tal-punti EURES (l-appoġġ tal-FSE biex il-EURES jiffoka fuq ir-reklutaġġ u l-informazzjoni relatata, pariri u servizzi ta’ gwida f’livell nazzjonali u transfruntier)

  • Kampanji ta' tagħrif

  • Appoġġ għall-organizzazzjonijiet volontarji li jipprovdu mentors

  • Appoġġ għal organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li jilħqu lil ħaddiema żgħażagħ migranti

Tkun żgurata aktar disponibbiltà ta’ servizzi ta’ appoġġ għat-twaqqif ta’ negozji

[YG rec 19]

  • Il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-impjiegi, u dawk li jipprovdu appoġġ għan-negozji u finanzi (eż. fieri tal-impjiegi reġjonali u avvenimenti ta’ netwerking)

  • Appoġġ tal-bidu għall-SMEs

  • Appoġġ għal min jaħdem għal rasu

  • Taħriġ f’ħiliet tan-negozju pereżempju għal persuni qiegħda, flimkien ma’ għotjiet għall-intraprenditorija

It-tisħiħ ta' mekkaniżmi li jappoġġjaw lil żgħażagħ li jitilqu minn skemi ta’ attivazzjoni u li ma jibqax ikollhom aċċess għall-benefiċċji.

[YG rec 20]

  • Appoġġ għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u s-servizzi taż-żgħażagħ

  • Kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħra li huma f’kuntatt maż-żgħażagħ

  • L-istabbiliment ta' sistemi ta’ insegwiment

  • Appoġġ għas-servizzi tal-impjiegi u s-servizzi skolastiċi ta’ appoġġ fil-karriera

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet u l-programmi kollha li jikkontribwixxu lejn il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, biex b’hekk ikunu jistgħu jiġu żviluppati aktar politiki u interventi msejsa fuq l-evidenza abbażi ta’ dak li jaħdem, fejn u għaliex [YG rec 23]

  • L-identifikazzjoni ta' inizjattivi kosteffikaċi

  • L-użu ta' provi kkontrollati

  • It-twaqqif ta' ċentri għall-analiżi

  • L-iżvilupp ta’ mudelli ta’ politika, ta’ azzjonijiet pilota, ta’ ttestjar u r-razzjonalizzazzjoni tal-politiki (l-innovazzjoni soċjali u l-esperimentazzjoni)

Il-promozzjoni ta' attivitajiet ta’ tagħlim reċiproku fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali bejn il-partijiet kollha involuti fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, u dan sabiex jitjieb it-tfassil u t-twassil tal-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-ġejjieni.

[YG rec 24]

  • L-użu tan-Netwerk Ewropew għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ (il-FSE jappoġġa l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni transnazzjonali dwar l-iskambju ta’ prattika tajba fost l-organizzazzjonijiet fil-livell tal-UE permezz ta’ finanzjament għal Għajnuna Teknika mill-FSE fil-livell tal-Kummissjoni)

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ dawk kollha interessati, inklużi s-servizzi tal-impjiegi rilevanti, involuti fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-iskemi ta’ Garanziji għaż-Żgħażagħ, sabiex jiġu eliminati l-ostakli interni u esterni marbuta mal-politika u mal-mod kif dawn l-iskemi jiġu żviluppati.

[YG rec 25]

  • Għoti ta' taħriġ u workshops

  • L-istabbiliment ta' programmi ta’ skambju u sekondar bejn l-organizzazzjonijiet permezz ta' attivitajiet ta’ kooperazzjoni transnazzjonali.

Barra minn hekk, fi Frar 2013, il-Kunsill Ewropew ippropona Inizjattiva għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ b'kost ta' EUR 6 biljuni biex “b’mod partikolari tappoġġa l-Garanzija għaż-Żgħażagħ wara l-adozzjoni tagħha”. L-Inizjattiva għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ hija mistennija li tiġi allokata mill-inqas EUR 3 biljuni mill-FSE (bl-Istati Membri jkunu mħeġġa jqabblu l-finanzjament tal-FSE) u EUR 3 biljun oħra mil-linja baġitarja ġdida ddedikata għall-finanzjament ta’ miżuri biex jappoġġaw liż-żgħażagħ, inkluż il-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Il-finanzjament tal-Inizjattiva għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ mistennija li tkun miftuħa għar-reġjuni kollha fejn il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa aktar minn 25%.Il-Kummissjoni pproponiet xi regoli operattivi f’Marzu 2013 (ara IP/13/217) biex tippermetti lill-Istati Membri jibdew jużaw ir-riżorsi finanzjarji tal-Inizjattiva għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ immedjatament ladarba l-qafas baġitarju l-ġdid għall-2014-20 jidħol fis-seħħ.

X’inhu l-Qafas ta’ Kwalità għall-Iskemi ta’ Taħriġ?

Minbarra li jgħin liż-żgħażagħ biex isibu xogħol, il-Pakkett għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ nieda wkoll konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali Ewropej dwar Qafas ta’ Kwalità għall-Iskemi ta' Taħriġ, sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiksbu esperjenza ta’ xogħol ta’ kwalità għolja b'kundizzjonijiet sikuri u biex jipprevjeni li l-iskemi ta' taħriġ jiġu sfruttati mill-kumpaniji bħala sempliċiment sors ta’ xogħol irħis.

Studju riċenti dwar "Ħarsa ġenerali komprensiva tal-arranġamenti tal-iskemi ta’ taħriġ fl-Istati Membri (ara IP/12/731) ikkonferma li l-apprendisti żgħażagħ jiffaċċjaw problemi differenti matul l-apprendistat tagħhom f’bosta Stati Membri tal-UE. Dawn il-problemi huma marbutin l-aktar man-nuqqas ta’ kontenut ta’ tagħlim ta’ kwalità għolja, kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol minbarra l-ħlas/kumpens baxx (eż. in-nuqqas ta’ ħarsien soċjali tajjeb, sigħat twal ta’ xogħol, in-nuqqas ta' trattament ugwali eċċ.) u — b'riżultat ta’ problemi preċedenti flimkien mad-differenzi fil-leġiżlazzjoni tal-iskemi ta' taħriġ nazzjonali — livell relattivament baxx ta’ mobilità fi ħdan l-UE għall-apprendistati.

Wara d-deċiżjoni tal-imsieħba soċjali li ma jidħlux f’negozjati dwar dan is-suġġett, il-Kummissjoni qed tippjana li tippreżenta l-proposti tagħha dwar il-Qafas ta’ Kwalità għall-Iskemi ta' Taħriġ qabel tmiem l-2013.

X’inhi l-Alleanza Ewropea għall-Iskemi ta' Taħriġ?

Sistemi ta’ taħriġ u edukazzjoni vokazzjonali effettivi, b’mod partikolari dawk li jinkludu komponent qawwi ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, jiffaċilitaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għall-bank tax-xogħol. Din hija r-raġuni għala l-Pakkett għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ ħabbar ukoll Alleanza Ewropea għall-Iskemi ta' Taħriġ, biex tittejjeb il-kwalità u l-provvista ta’ apprendistati madwar l-UE. Din l-alleanza se tlaqqa’ flimkien partijiet interessati minn awtoritajiet, negozji u msieħba soċjali, riċerkaturi u prattikanti mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u rappreżentanti taż-żgħażagħ. Se tikkoordina azzjonijiet eżistenti taħt umbrella waħda u tippromwovi l-benefiċċji u l-modi ta’ suċċess għall-iskemi ta’ taħriġ flimkien mal-metodi kif jinbnew. Din għandha tingħata bidu f’Lulju ta’ din is-sena.

Fl-2012, il-Kunsill indirizza Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż lil seba’ Stati Membri dwar l-iskemi ta' taħriġ u lil tlieta oħra dwar it-taħriġ vokazzjonali. Anke fl-Istati Membri l-oħra, hemm bosta x'jista' jsir biex jitjieb il-funzjonament tas-sistemi ta' taħriġ, u biex il-finanzjament tal-FSE jistuża aħjar għal dan l-iskop.

Kif jistgħu ż-żgħażagħ jibbenefikaw mill-mobilità?

Id-distakk bejn il-pajjiżi bl-akbar u bl-iżgħar rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ huwa għoli ħafna. F’Marzu 2013, l-aktar livelli baxxi kienu osservati fil-Ġermanja u fl-Awstrija (7.6% fit-tnejn li huma) u fil-Pajjiżi l-Baxxi (10.5%), waqt li l-ogħla kienu fil-Greċja (59.1% f’Jannar 2013), fi Spanja (55.9%), fl-Italja (38.4%) u fil-Portugall (38.3%).

Fl-istess ħin, l-aħħar Monitoraġġ tal-Postijiet Vakanti fl-Ewropa jindika li għad hemm madwar żewġ miljun post vakanti fl-Ewropa, parzjalment minħabba li min ikun qed ifittex impjieg ma jkollux il-ħiliet li jkun qed ifittex min iħaddem. Fis-sitwazzjoni attwali ta’ livell għoli ta' qgħad u diverġenzi kbar madwar l-Istati Membri, il-mobilità tal-forza tax-xogħol jista’ jkollha rwol importanti biex ittaffi l-qgħad f’pajjiżi affettwati mir-reċessjoni filwaqt li tgħin biex tilħaq in-nuqqasijiet fil-ħiliet u jimtlew il-postijiet battala fi Stati Membri oħra.

Minkejja dan, l-għażla biex wieħed ifittex impjieg fi Stat Membru ieħor tibqa' deċiżjoni personali tal-individwu kkonċernat.

X’qed tipproponi l-Kummissjoni sabiex tiffaċilita l-mobilità għaż-żgħażagħ?

F'Novembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet biex ittejjeb u timmodernizza il-EURES, in-netwerk Ewropew tal-mobilità għal min qed ifittex xogħol (ara IP/12/1262, MEMO/12/896, MEMO/12/897). L-għan huwa li għal min qed ifittex impjieg ikun eħfef li jagħmel kuntatt ma' impjegaturi li jkunu qed ifittxu ħiliet partikulari, li jkun hemm enfasi fuq setturi u professjonijiet li jkunu għaddejjin minn nuqqas ta’ ħiliet disponibbli, u li jkun hemm appoġġ għal skemi ta' mobilità mmirati għaż-żgħażagħ.

Erba’ miljun persuna, l-aktar fosthom żgħażagħ, għandhom jirċievu għotjiet taħt il-programm il-ġdid Erasmus għal Kulħadd biex jistudjaw, jitħarrġu jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom matul l-2014-2020, meta mqabbla ma’ 2.5 miljun benefiċjarju taħt il-programmi ta’ mobilità eżistenti tal-UE. Din l-esperjenza internazzjonali tgħin fit-titjib tal-ħiliet u fl-impjegabbiltà. Erasmus għal Kulħadd huwa mistenni li jkollu baġit totali ta’ madwar EUR 14.5 biljun — 40% aktar minn dak attwali għall-programmi ekwivalenti.

Il-programm eżistenti ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja jipprovdi appoġġ għall-mobilità għat-tagħlim permezz tal-Erasmus (edukazzjoni ogħla), Leonardo da Vinci (edukazzjoni vokazzjonali), Comenius (skejjel) u Grundtvig (edukazzjoni għall-adulti). Erasmus u Leonardo da Vinci flimkien jappoġġaw madwar 140,000 kollokament ta’ impjieg fis-sena ma’ kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra (ara IP/12/379).

Hemm riskju ta’ “brain drain”?

Filwaqt li huwa minnu li l-pajjiż, fuq medda qasira ta’ żmien, jitlef meta ħaddiem imur jaħdem barra, madankollu s-sitwazzjoni hija aħjar milli kieku l-ħaddiem jibqa' bla impjieg f’pajjiżu stess. Sakemm il-ħaddiem migranti jibqa’ impjegat barra mill-pajjiż, huwa jista' jagħti kontribut lill-ekonomija tal-istat tiegħu permezz ta' rimessi. Fil-prattika, meta jkun hemm titjib fl-ekonomija, il-ħaddiema jmorru lura f’pajjiżhom bi ħġarhom biex jużaw il-kompetenzi li jkunu kisbu matul dak iż-żmien. Pereżempju, dan deher mill-għadd ta’ ħaddiema Pollakki li kienu marru jgħixu fir-Renju Unit biex jaħdmu wara l-2004, iżda issareġgħu lura l-Polonja.

X’tip ta’ appoġġ addizzjonali jistgħu jipprovdu l-Fondi Strutturali tal-UE?

Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, fi Frar 2012 twaqqfu Timijiet ta' Azzjoni magħmula minn uffiċjali nazzjonali u tal-Kummissjoni mit-tmien Stati Membri bl-ogħla livelli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ (il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Portugall, is-Slovakkja u Spanja) biex jimmobilizzaw fondi strutturali tal-UE (inkluż mill-Fond Soċjali Ewropew) li kienu għadhom disponibbli fil-perjodu ta’ pprogrammar tal-2007-2013 biex jappoġġjaw opportunitajiet ta' xogħol għaż-żgħażagħ u biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi.

Bħala riżultat tal-eżerċizzju tat-Timijiet ta' Azzjoni, sal-bidu tal-2013, madwar EUR 16-il biljun ta’ finanzjament mill-UE kien ġie mmirat għal kunsinna aċċelerata jew riallokazzjoni. Dan il-finanzjament se jgħin madwar 780,000 żagħżugħ/a u 55,000 SME kif ukoll biex isostni miżuri oħra li jsaħħu t-tkabbir. Eżempji speċifiċi ta’ finanzjament ta' riallokazzjoni mit-Timijiet ta’ azzjoni sa issa:

L-Irlanda

Ġew diretti mill-ġdid EUR 25 miljun lejn il-programm integrat Youthreach li jipprovdi edukazzjoni, taħriġ u esperjenza ta' xogħol lil żgħażagħ li jkunu telqu mill-iskola kmieni mingħajr kwalifiki jew taħriġ vokazzjonali. Dan se jippermetti li jiżammu 3,700 post ta’ taħriġ sa tmiem l-2013.

F’Diċembru 2012 tnieda Fond għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ tas-Suq tax-Xogħol, magħruf bħala Momentum u parti mill-Pjan ta’ Azzjoni għall-Impjiegi fl-Irlanda, biex jipprovdi taħriġ tal-ħiliet għal sa 6,500 persuna bla xogħol għal żmien twil. Ġew dedikati EUR 20 miljun għal dan il-Fond li se jiġu kofinanzjati mill-FSE. Waħda mill-erba’ linji ta’ dan il-Fond hija mfassla speċifikament għal żgħażagħ taħt il-25 sena u se tipprovdi taħriġ għal iktar minn 1,000 ruħ f’87 post differenti madwar il-pajjiż u fi 62 kors separat.

Is-Slovakkja

Wara r-riallokazzjoni tal-FSE, f’Novembru 2012 tnedew żewġ proġetti nazzjonali (EUR 70 miljun) b'appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ taħt id-29 sena fis-settur privat u dak indipendenti fir-reġjuni bl-ogħla livelli ta’ qgħad (il-mira hija 13,000 impjieg ġdid). L-implimentazzjoni tal-proġetti sa issa kienet suċċess bil-mikroimpriżi u l-SMEs juru l-ogħla interess li joffru opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ. Sal-aħħar ta’ Marzu 2013, inħolqu aktar minn 4,200 impjieg ġdid (EUR 22.8 miljun ikkuntrattati).

Il-Litwanja

L-azzjonijiet tal-FSE kollha ppjanati qegħdin jiġu implimentati: ġiet approvata miżura ġdida (b’valur ta’ EUR 3 miljun) biex tagħmel l-iskemi ta’ self għal negozji ġodda u għal impjiegi indipendenti aktar attraenti, u dalwaqt se jintemm proġett li joffri ħiliet għall-ewwel impjieg għal madwar 6,000 żagħżugħ/a. Ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ naqset minn 35.1% fl-2010 għal 26.4% fl-2012.

Proġett ġie ffokat mill-ġdid biex joffri programmi ta’ taħriġ vokazzjonali lil madwar 6.000 żagħżugħ/a. Il-baġit huwa ta’ madwar EUR 6 miljun. Il-proġett beda f’Awwissu 2012 u se jintemm f’Awwissu 2013. Ir-rata tal-implimentazzjoni ta’ din il-miżura (taħriġ vokazzjonali) hija 48.58%. L-għadd ta’ parteċipanti huwa 4,851 u r-rata ta' impjegabbiltà hija 59,4%.

Proġett li se jappoġġja madwar 6,000 żagħżugħ/a fl-akkwist ta' ħiliet għall-ewwel impjieg għaż-żgħażagħ ġie estiż b’baġit addizzjonali ta’ EUR 6 miljun. Il-baġit totali huwa ta’ madwar EUR 36 miljun. Il-proġett beda f’Lulju 2011 u se jintemm f’Novembru 2013. Ir-rata ta’ implimentazzjoni hija 64.72%. L-għadd ta’ parteċipanti sal-lum hija 4,382.

Ġiet approvata miżura ġdida (b’valur ta’ EUR 3 miljun) biex tagħmel l-iskemi ta’ self għal negozji ġodda u għal impjiegi indipendenti aktar attraenti.

Dan l-aħħar ġiet approvata miżura tal-FSE ġdida oħra (EUR 9.3 miljun) “Appoġġ għall-ewwel impjieg”, li tissostitwixxi l-iskema eżistenti ta’ tnaqqis tas-sigurtà soċjali għall-ewwel impjieg permezz ta' sussidji fuq il-pagi. Il-baġit huwa ta’ madwar EUR 9 miljun. Il-proġett beda f’Awwissu 2012 u se jintemm f’Settembru 2015. Hemm ippjanati 20,000 parteċipant. In-numru ta’ applikazzjonijiet li waslu sat-18 ta’ April 2013 huwa 4,858. Il-kumpensi se jibdew jitħallsu mill-1 ta’ Ġunju 2013 u probabbilment se jitħallas l-ammont sħiħ ippjanat.

Ġiet approvata miżura addizzjonali ġdida għall-“promozzjoni tal-impjiegi għaż-żgħażagħ u l-motivazzjoni”. Se jibdew żewġ proġetti (madwar EUR 580,000), it-tnejn li huma relatati mal-volontarjat.

Il-Ġreċja

Wara r-riprogrammar estensiv fl-aħħar tal-2012, f’Jannar 2013 ġie approvat pjan ta’ azzjoni nazzjonali għaż-żgħażagħ, b’finanzjament mill-UE ta’ EUR 517 miljun. Il-pjan huwa intenzjonat biex jippromwovi l-impjiegi, it-taħriġ u l-intraprenditorija taż-żgħażagħ u għandu fil-mira kważi 350,000 żagħżugħ/a. Skont l-awtoritajiet Griegi, l-inizjattivi l-ġodda li digà bdew (madwar EUR 47 miljun f'finanzjament tal-UE) jinkludu l-impjieg temporanju ta’ żgħażagħ qiegħda (sa 35 sena) fi programmi ta’ ħidma fil-Komunità fis-settur kulturali kif ukoll fl-għoti ta’ appoġġ għal strutturi soċjali bil-għan tar-reklutaġġ ta’ żgħażagħ qiegħda fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Barra minn hekk, it-tħejjijiet fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tal-iskemi ta' hawn taħt li jagħmlu parti mill-pjan ta'azzjoni (finanzjament mill-UE ta' madwar EUR 146 miljun) jinsabu fl-istadju finali:

  • “vawċer għad-dħul fis-suq tax-xogħol” li tabbina t-taħriġ ma' ħames xhur pjazzament f'impjieg f'intrapriżi b'45,000 żagħżugħ/a qiegħda sal-età ta' 29 sena fil-mira.

  • taħriġ teoretiku u fuq il-post tax-xogħol għal 1,000 baħri żagħżugħ/a mingħajr impjieg sal-istess limitu ta' età. l-implimentazzjoni ta’ dawn l-iskemi ta’ hawn fuq hija mistennija tibda matul Ġunju 2013.

  • Reviżjoni tal-programmi tal-2012 bil-għan li jingħataw EUR 1.2 biljun oħra bħala appoġġ biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-likwidità tal-SMEs.

Il-Latvja

Ġew allokati EUR 11-il miljun bħala appoġġ għaż-żgħażagħ mingħajr kwalifiki vokazzjonali u li qed ifittxu kwalifiki ġodda, orjentati lejn is-suq tax-xogħol. Globalment, il-proporzjon ta' żgħażagħ qiegħda li qed jirċievu appoġġ mill-UE se jiżdied minn 24% għal 40%, bin-numru ta’ dawk li jkunu qed isegwu taħriġ vokazzjonali jirdoppja. Il-programmi huma fil-fażi tal-implimentazzjoni.

Il-Portugall

Inizjattiva nazzjonali imsejjħa “Impulso Jovem” kienet tinvolvi l-ipprogrammar komprensiv mill-ġdid tal-fondi strutturali. Ġew riallokati EUR 143 miljun f'fondi tal-UE għall-finanzjament ta’ miżuri li se joħolqu opportunitajiet għal 90,000 żagħżugħ/a sa tmiem l-2015 u EUR 200 miljun f'fondi mill-UE ġew riallokati biex jappoġġjaw 4,500 SME. Miżuri bħal dawn jinkludu passaporti tal-impjieg relatati ma’ taħriġ intern f’setturi ekonomiċi ewlenin kif ukoll appoġġ għall-ħruġ ta’ kuntratti ta’ persuni li għandhom bejn 18-30 sena permezz ta’ rimborż tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta’ min iħaddem. Sar trasferiment ta’ EUR 10 miljun mill-Programm Operattiv Ewropew tal-Fond ta' Żvilupp ta' Madeira għall-Programm Operattiv korrispondenti tal-FSE sabiex jingħata appoġġ lil programmi ta’ taħriġ taż-żgħażagħ. Fi Frar 2013, twessa' l-ambitu tal-programm, billi tkabbru l-kriterji tal-eliġibbiltà kif ukoll infetaħ għal reġjuni oħra. Sal-aħħar ta’ April 2013, 7,500 żagħżugħ/a kienu koperti mill-programm.

Spanja

Matul l-2012 aktar minn EUR 286 miljun mill-FSE kienu allokati mill-ġdid għal azzjonijiet relatati maż-żgħażagħ. Minn dawn, EUR 135 miljun ġew indirizzati lis-servizz pubbliku tal-impjiegi biex jgħinu liż-żgħażagħ isibu impjieg. Fir-rigward tal-FEŻR, diġà ġew implimentati, jew se jiġu adottati dalwaqt, diversi miżuri li jammontaw għal EUR 1,027 miljun. Dawn jinkludu l-istabbiliment ta' ħames fondi li jistgħu jerġgħu jintużaw bil-għan li jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament ta' SMEs innovattivi – inklużi kapital operatorju (b'total ta' kontribuzzjoni mill-FEŻR ta' EUR 372 miljun); skema ta' għajnuna ġdida permezz ta' self apposta (b'total ta' finanzjament mill-FEŻR ta' EUR 446 miljun) għas-setturi tal-industrijalizzazzjoni mill-ġdid u l-industrijalizzazzjoni strateġika; aktar appoġġ lill-SMEs fis-settur agroalimentari fir-reġjuni fejn hemm l-ogħla rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ; kostruzzjoni u rinovazzjoni tal-infrastrutturi edukattivi u tat-taħriġ b'total ta' finanzjament mill-FEŻR ta' EUR 208 miljun.

L-Italja

Fl-Italja, f’Diċembru 2011, tnieda eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni importanti, u dan diġà jinsab fit-tielet fażi tiegħu, bl-appoġġ tal-grupp ta’ azzjoni. Dan jinkludi l-iffinanzjar ta’ pjan ta’ impjegabbiltà fi Sqallija, li minnu għandhom jibbenefikaw madwar 50 000 żagħżugħ/a; attivitajiet edukattivi ġodda għal 65 300 student min-Nofsinhar u 13 000 opportunità ġdida ta’ mobilità (Erasmus/Leonardo); skema ta’ “Kreditu tat-taxxa” biex tħeġġeġ li jiġu impjegati persuni żvantaġġjati inklużi ż-żgħażagħ, u EUR 600 miljun għal attivitajiet ta’ appoġġ għal imprendituri, riċerkaturi, apprendistati jew żgħażagħ NEETs.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website