Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Autres langues disponibles: FR EN DE ES NL IT PT HU LT LV PL SL RO

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, 29 Mejju 2013

Il-Kummissjoni tieħu l-passi taħt il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv

Liema deċiżjonijiet ħadet illum il-Kummissjoni rigward il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv?

Illum il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Kunsill iħassar l-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv (PDE) għal ħames pajjiżi: l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija u r-Rumanija.

Il-Kummissjoni rrakkomandat ukoll li l-Kunsill jiftaħ PDE għal Malta.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjonijiet għall-Kunsill biex itawwal id-dati ta' skadenza biex jiġi kkoreġut id-defiċit f'sitt pajjiżi: Spanja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall u s-Slovenja.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Kunsill jiddeċiedi li l-Belġju ma ħa l-ebda azzjoni effettiva biex iwaqqaf id-defiċit eċċessiv u li l-Kunsill jibgħat avviż lill-Belġju biex jieħu miżuri biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv.

Tħassir/Ftuħ ta' Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv

Bħalissa kemm-il Stat Membru qiegħed taħt Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv?

Bħalissa għaddejja Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv (PDE) għal 20 Stat Membru tal-UE. Dan ifisser li l-Istati Membri kollha tal-UE għajr il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Lussemburgu, Malta, il-Finlandja u l-Isvezja huma suġġetti għal PDE. Illum il-Kummissjoni pproponiet li titħassar il-PDE għall-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija u r-Rumanija. Imma l-Kummissjoni pproponiet ukoll biex tinfetaħ PDE għal Malta. Għalhekk jekk il-Kunsill isegwi ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni l-għadd sħiħ tal-pajjiżi fil-PDE se jinżel għal 16.

X'huwa meħtieġ biex titħassar Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv?

Deċiżjoni dwar it-tħassir tal-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv (PDE) hija bbażata fuq "korrezzjoni dewwiema" tad-defiċit eċċessiv. Din tkun meqjusa li nkisbet jekk:

  1. (i) id-dejta nnotifikata għas-sena ta' qabel (l-2012 f'dawn il-każijiet) turi defiċit taħt it-3 % tal-PDG; u

  2. (ii) it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni juri li d-defiċit mhuwiex se jaqbeż il-valur referenzjarju tal-PDG ta' 3 % fuq il-perjodu mbassar (bħalissa l-2013 u l-2014)

Fil-każijiet fejn id-defiċit jibqa' qrib il-valur referenzjarju u l-livell tad-dejn jibqa' taħt is-60 %, il-Kummissjoni tqis ukoll il-kost nett tal-implimentazzjoni tar-riformi tal-pensjonijiet filwaqt li tinvolvi l-istabbiliment tat-tieni pilastru mandatorju. B'mod partikolari l-Kummissjoni se tqis jekk iż-żieda fuq il-limitu ta' 3 % tkun spjegata kollha bil-kost nett tal-implimentazzjoni tar-riforma tal-pensjonijiet.

Għaliex il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Kunsill biex iħassar il-PDE għall-Italja, l-Ungerija u r-Rumanija?

L-Italja

Il-PDE għall-Italja tnediet fl-2009. Wara li tela' għal 5,5 % tal-PDG fl-2009, id-defiċit tal-gvern ġenerali tal-Italja tnaqqas b'mod stabbli u laħaq it-3,0 % tal-PDG fl-2012, li kienet id-data ta' skadenza stabbilita mill-Kunsill. Il-Programm ta' Stabbiltà għall-2013-17, adottat mill-Gvern Taljan fl-10 ta' April 2013 u approvat mill-parlament fis-7 ta' Mejju, jippjana li d-defiċit jitnaqqas bi ftit għal 2,9 % tal-PDG fl-2013 u wara jaqa' għal 1,8 % tal-PDG fl-2014. Fuq il-bażi tas-suppożizzjoni li ma jkunx hemm tibdil ta' politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni qed ibassar defiċit ta' 2,9 % tal-PDG fl-2013 u 2,5 % tal-PDG fl-2014, li huwa inqas mill-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat.

Il-Latvja

Il-PDE għal-Latvja tnediet fl-2009. Wara defiċit tal-gvern ġenerali għoli fl-2009 u fl-2010 (rispettivament ta' 9,8 % u 8,1 % tal-PDG), li parzjalment irrifletta l-miżuri biex jistabilizzaw is-settur finanzjarju, id-defiċit beda jonqos rapidament fl-2011, meta laħaq 3,6 % tal-PDG. Fl-2012, id-defiċit naqas aktar għal 1,2 % tal-PDG, b'hekk ħafna inqas mit-3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG skont it-Trattat. It-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni ibassar li d-defiċit tal-gvern ġenerali se jibqa' l-istess fl-2013 għal 1,2 % tal-PDG u se jonqos għal 0,9 % tal-PDG fl-2014 fuq il-bażi tas-suppożizzjoni li ma jkunx hemm tibdil ta' politika, b'hekk jibqa' ħafna inqas mill-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG.

Il-Litwanja

Il-PDE għal-Litwanja tnediet fl-2009. Wara li tela' għal 9,4 % tal-PDG fl-2009, id-defiċit tal-gvern ġenerali fil-Litwanja tnaqqas għal 7,2 % tal-PDG fl-2010, wara għal 5,5 % tal-PDG fl-2011 u għal 3,2 % tal-PDG fl-2012. Billi d-defiċit ta' 3,2 % tal-PDG jista' jitqies li huwa qrib il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG u li l-proporzjon tal-Litwanja bejn id-dejn u l-PDG huwa inqas mis-60 % tal-valur referenzjaarju tal-PDG b'mod sostenibblità, il-Litwanja hija eliġibbli għad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir li jippermettu għall-kost dirett nett ta' riforma sistemika tal-pensjonijiet biex titqies meta tiġi vvalutata l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. Hekk kif il-kostijiet netti tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet tal-Litwanja kienu 0,2 % tal-PDG fl-2012, dawn jispjegaw l-ammont eċċessiv tat-3 % tal-valur ta' referenzjarju tal-PDG tat-Trattat f'dik is-sena. It-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni jbassar titjib tad-defiċit tal-gvern ġenerali għal 2,9 % tal-PDG fl-2013 u għal 2,4 % tal-PDG fl-2014 – fuq il-bażi tas-suppożizzjoni li ma jkunx hemm tibdil ta' politika. Id-defiċit huwa stabbilit li jibqa' taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fuq il-perjodu mbassar.

L-Ungerija

Il-PDE għall-Ungerija tnediet fl-2004. Fl-2012, fuq il-bażi ta' sforz fiskali konsidorevoli, id-defiċit tal-gvern ġenerali laħaq 1,9 % tal-PDG. Dan kien ukoll bis-saħħa tad-dħul ta' darba li ammonta għal ¾ % tal-PDG. Il-Programm ta' Konverġenza Ungeriż tal-2013 ibassar li d-defiċit tal-gvern ġenerali se jibqa' 2,7 % tal-PDG kemm fl-2013 u fl-2014. Madankollu, it-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni jbassar defiċit ta' 3,0 % tal-PDG fl-2013 u 3,3 % tal-PDG fl-2014, li jissuġġerixxi li d-defiċit eċċessiv ma twaqqafx b'mod sostenibbli. Fit-13 Mejju 2013, wara li ħareġ it-Tbassir tar-Rebbiegħa, il-Gvern Ungeriż adotta aktar miżuri korrettivi li jammontaw f'termini grossi għal madwar 0,3 % u 0,7 % tal-PDG għall-2013 u 2014, rispettivament. Il-valutazzjoni fiskali aġġornata tal-Kummissjoni, li tqis l-impatt ta' dawn il-miżuri korrettivi addizzjonali, tbassar defiċit ta' 2,7 % u 2,9 % fl-2013 u l-2014, rispettivament. B'hekk, id-defiċit huwa mistenni li jibqa' taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat fuq il-perjodu mbassar.

Ir-Rumanija

Il-PDE għar-Rumanija tnediet fl-2009. Ir-reċessjoni akbar milli mistennija fl-2009 rriżultat f’nuqqas sinifikanti fid-dħul tal-Gvern, li għolla d-defiċit tal-gvern ġenerali għal 9 % tal-PDG minkejja l-isforzi biex titnaqqas in-nefqa tal-gvern. Sussegwentament id-defiċit tnaqqas għal 6,8 % tal-PDG fl-2010, għal 5,6 % tal-PDG fl-2011 u għal 2,9 % tal-PDG fl-2012, li huwa inqas mit-3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG skont it-Trattat. Fit-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit tal-gvern ġenerali huwa mbassar li se jonqos għal 2,6 % tal-PDG fl-2013 u għal 2,4 % tal-PDG fl-2014 – fuq il-bażi tas-suppożizzjoni li ma jkunx hemm tibdil ta' politika – b'hekk jibqa' taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat.

Għaliex il-Kummissjoni qed tirrakkomanda li l-Kunsill jiftaħ PDE għal Malta?

Sa mill-adeżjoni mal-UE, Malta kienet suġġetta għal żewġ Proċeduri ta' Defiċit Eċċessiv (PDE). L-ewwel waħda tnediet f'Lulju 2004 u tħassret f'Ġunju 2007. It-tieni waħda tnediet f'Lulju 2009 u tħassret f'Diċembru 2012. Skont id-dejta nnotifikata mill-awtoritajiet Maltin f'April 2013, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern f'Malta laħaq 3,3 % tal-PDG fl-2012, u għalhekk qabeż il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Ir-rapport tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 126(3), li jirrapreżenta l-ewwel pass fil-PDE, iqis li d-defiċit kien qrib il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG , iżda l-ammont eċċessiv tal-valur referenzjarju ma setax jiġi kkwalifikat bħala eċċezzjonali u lanqas temporanju skont it-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. It-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni jbassar li d-defiċit se jbqa' jkun aktar mill-valur referenzjarju fl-2013 u fl-2014, rispettivament bi 3,7 % u 3,6 % tal-PDG. Barra minn hekk, fl-2012 il-proporzjon tad-dejn kien ogħla mill-valur referenzjarju ta' 60 % tal-PDG u Malta ma għamlitx biżżejjed progress lejn il-konformità mal-punt ta' referenza għat-tnaqqis tad-dejn, skont ir-rekwiżiti tal-perjodu ta' tranżizzjoni1. Fid-dawl ta' hawn fuq il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill jiddeċidi dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat.

Meta għandha Malta tikkoreġi d-defiċit eċċessiv tagħha?

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill għandu jindirizza rakkomandazzjonijiet lil Malta skont l-Artikolu 126(7) biex twaqqaf is-sitwazzjoni ta' bħalissa tad-defiċit eċċessiv sal-2014. B'mod speċifiku, Malta għandha tilħaq mira tad-defiċit nominali ta' 3,4 % tal-PDG għall-2013 u 2,7 % tal-PDG fl-2014, li hija konsistenti ma' titjib annwali tal-bilanċ strutturali ta' 0,7 % tal-PDG fl-2013, u 0,7 % tal-PDG fl-2014. Dan il-pjan tal-aġġustament jippermetti biex id-defiċit jitnaqqas taħt it-3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG sal-2014 filwaqt li fl-istess ħin jiżgura li l-proporzjon tad-dejn jersaq lejn il-valur referenzjarju ta' 60 % tal-PDG b'pass sodisfaċenti.

Estensjonijiet tad-data ta' skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv

Liema pajjiżi huma kkonċernati? X'inhuwa l-pjan ta' aġġustament il-ġdid?

Spanja

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li jkun hemm estensjoni ta' sentejn tad-data ta' skadenza għal Spanja, biex il-pajjiż ikun jista' jwaqqaf is-sitwazzjoni ta' bħalissa tad-defiċit eċċessiv sal-2016. Spanja għandha tagħmel titjib tal-bilanċ tal-baġit strutturali ta' 1,1 % tal-PDG fl-2013, 0,8 % tal-PDG fl-2014, 0,8 % tal-PDG fl-2015, u 1,2 % tal-PDG fl-2016, biex tnaqqas id-defiċit nominali tal-gvern għal taħt it-3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG sal-2016, fuq il-bażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Il-miri tad-defiċit nominali korrispondenti għandhom ikunu ta' 6,5 % tal-PDG għall-2013, 5,8 % tal-PDG għall-2014, 4,2 % tal-PDG għall-2015, u 2,8 % tal-PDG għall-2016.

Franza

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li tiġi estiża d-data ta' skadenza għal Franza b'sentejn ħalli l-pajjiż ikun jista' jwaqqaf is-sitwazzjoni ta' bħalissa tad-defiċit eċċessiv, l-aktar sal-2015. Franza għandha tilħaq defiċit nominali ta' 3,9 % tal-PDG fl-2013, 3,6 % fl-2014 u 2,8 % fl-2015, li huwa konsistenti mat-titjib li għandha tagħmel fil-bilanċ strutturali ta' 1,3 % tal-PDG fl-2013, 0,8 % fl-2014 u 0,8 % fl-2015, fuq il-bażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni (estiż sal-2015).

Il-Pajjiżi l-Baxxi

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li jkun hemm estensjoni tad-data ta' skadenza għall-Pajjiżi l-Baxxi b'sena ħalli l-pajjiż ikun jista' jwaqqaf is-sitwazzjoni ta' bħalissa tad-defiċit eċċessiv, l-aktar sal-2014. Il-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jilħqu mira ta' defiċit nominali ta' 3,6 % fl-2013 u 2,8 % tal-PDG fl-2014, li huwa konsistenti ma' titjib tal-bilanċ strutturali ta' madwar 0,6 % tal-PDG fl-2013 u 0,7 % tal-PDG fl-2014.

Il-Polonja

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li jkun hemm estensjoni tad-data ta' skadenza għall-Polonja b'sentejn, biex il-Polonja tkun tista' twaqqaf is-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv, l-aktar tard sal-2014. Il-Polonja għandha tilħaq mira ta' defiċit nominali ta' 3,6 % u 3,0 % tal-PDG fl-2013 u fl-2014, li huwa konsistenti mat-titjib annwali tal-bilanċ strutturali ta' mill-inqas 0,8 % u 1,3 % tal-PDG rispettivament, fuq il-bażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2013 aġġornat tas-servizzi tal-Kummissjoni.

Il-Portugall

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li jkun hemm estensjoni tad-data ta' skadenza għall-Portugall b'sena, biex il-pajjiż ikun jista' jwaqqaf is-sitwazzjoni ta' bħalissa tad-defiċit eċċessiv sal-2015. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom iġibu l-miri tad-defiċit nominali għal 5,5 % tal-PDG fl-2013, 4,0 % tal-PDG fl-2014 u 2,5 % tal-PDG fl-2015, li huwa konsistenti ma' titjib fil-bilanċ strutturali ta' 0,6 % tal-PDG fl-2013, 1,4 % tal-PDG fl-2014 u 0,5 % tal-PDG fl-2015, fuq il-bażi tal-aġġornament ta' Mejju 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar il-perspettiva ekonomika għall-Portugall.

Is-Slovenja

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li jkun hemm estensjoni tad-data ta' skadenza għas-Slovenja b'sentejn, biex il-pajjiż ikun jista' jwaqqaf is-sitwazzjoni ta' bħalissa tad-defiċit eċċessiv sal-2015. Is-Slovenja għandha tilħaq mira tad-defiċit nominali tal-gvern ġenerali tal-4,9 % tal-PDG fl-2013 (3,7 % tal-PDG bl-eċċezzjoni tan-nefqa ta' darba ta' 1,2 % tal-PDG biex jiġu rikapitalizzati ż-żewġ l-akbar banek), 3,3 % tal-PDG fl-2014 u 2,5 % tal-PDG fl-2015. Dan huwa konsistenti ma' titjib annwali tal-bilanċ strutturali ta' 0,75 % tal-PDG fl-2013, 0,5 % tal-PDG fl-2014 u 0,5 % tal-PDG fl-2015, id-defiċit tal-gvern nominali jitnaqqas taħt it-3 % tal-limitu tal-PDG sal-2015, fuq il-bażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2013 aġġornat tas-servizzi tal-Kummissjoni.

X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata perjodu addizzjonali għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv?

Perjodu addizzjonali jista' jingħata lil Stat Membru biex jikkoreġi defiċit eċċessiv, mingħajr ma tiżdied il-PDE, dment li jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet:

  1. Irid ikun hemm avveniment ekonomiku mhux mistenni b'konsegwenzi negattivi għall-Istat Membru kkonċernat mill-PDE, jiġifieri li d-data ta' skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv ma tistax tiġi ssodisfata.

  2. L-Istat Membru għandu jkollu "azzjoni effettiva" biex jikkonforma mar-rakkomandazzjoni jew mal-avviż indirizzat lilu mill-Kunsill.

Stat Membru jitqies li jkun ħa azzjoni effettiva jekk ikun aġixxa b'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, dwar kemm l-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa u tal-eżekuzzjoni baġitarja. Fil-każ li ma jiġux issodisfati l-miri nominali, titwettaq analiżi tal-isforz strutturali li jkun sar (imkejjel bil-bidla fil-bilanċ strutturali, jiġifieri l-bilanċ tal-baġit li ma jinkludix l-effett taċ-ċiklu ekonomiku u l-impatt ta' darba u tal-miżuri temporanji) biex jiġi ddeterminat jekk l-Istat Membru adottax miżuri tal-magnitudni meħtieġa.

Meta Stat Membru jkun ħa azzjoni effettiva imma ma jissodisfax id-data ta' skadenza minħabba avvenimenti mhux mistennija b'konsegwenzi negattivi kbar għall-finanzi tal-gvern, il-Kunsill jista' jiddeċiedi li jadotta rakkomandazzjoni riveduta, li jkun hemm estensjoni tad-data ta' skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

X'inhija l-bażi legali għal estensjoni?

Il-bażi legali hija l-Artikolu 3(5) tar-Regolament 1467/97. Dan jgħid li l-Kunsill jista' jiddeċiedi fuq rakkomandazzjoni mingħand il-Kummissjoni, li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jekk tkun ittieħdet azzjoni effettiva u jseħħu avvenimenti ekonomiċi negattivi b'konsegwenzi negattivi kbar għall-finanzi tal-gvern.

X'inhuma l-passi li jmiss?

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill jistabbilixxi l-1 ta' Ottubru 2013 bħala d-data ta' skadenza għal Spanja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u s-Slovenja biex jieħdu azzjoni effettiva (jiġifieri jħabbru b'mod pubbliku jew jieħdu miżuri li jidhru biżżejjed biex jiżguraw progress xieraq lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv) u biex jirrapportaw fid-dettall l-istrateġija ta' konsolidazzjoni li maħsuba biex jiksbu l-miri rispettivi tagħhom. Għall-Portugall japplikaw il-kundizzjonijiet tal-programm tal-aġġustament ekonomiku.

X'jiġri jekk il-pajjiżi ma jieħux azzjoni effettiva?

Wara d-data ta' skadenza biex tittieħed azzjoni effettiva, il-Kummissjoni se tagħmel valutazzjoni tal-azzjoni meħuda u tikkomunika r-riżultati tagħha lill-Kunsill. Fil-każ li l-valutazzjoni hija negattiva, il-Kummissjoni se tirrakkomanda li l-Kunsill jiddeċiedi li ma tkun ittieħdet l-ebda azzjoni (Art. 126(8) tat-Trattat). F'dak il-każ, għall-Istati Memrbi taż-żona tal-ewro, il-Kummissjoni se tirrakkomanda wkoll lill-Kunsill biex iżid l-PDE, jiġifieri li jibgħat avviż lill-Istat Membru kkonċernat (Art. 126(9) tat-Trattat).

Iż-żieda tal-PDE għall-Belġju

X'inhija tirrakkomanda l-Kummissjoni għall-Belġju?

Il-Kummissjoni tirrakkomanda l-Kunsill jiddeċiedi skont l-Artikolu 126(8) li l-Belġju ma ħax azzjoni effettiva b'reazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-2 ta' Diċembru 2009 u li jiddeċiedi li skont l-Artikolu 126(9) jibgħat avviż lill-Belġju biex jieħu miżuri biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2013.

Għaliex il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Belġju ma ħax azzjoni effettiva?

Il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv (PDE) għall-Belġju tnediet fl-2009 u l-pajjiż intalab biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv tiegħu sal-2012. Iżda id-defiċit tal-2012 spiċċa bi 3,9 % tal-PDG. Għalhekk, il-Belġju ma kkoreġix id-defiċit eċċessiv tiegħu sad-data ta' skadenza rrakkomandata mill-Kunsill. Dan kien parzjalment minħabba l-ħtieġa ta' rikapitalizzazzjoni tal-grupp bankarju Dexia fit-tmiem tal-2012, li kellha impatt negattiv ta' 0,8 % tal-PDG fuq id-defiċit tal-gvern. Madankollu, anki mingħajr din l-operazzjoni d-data ta' skadenza xorta ma kinetx se tintlaħaq.

B'mod importanti, l-isforz fiskali annwali medju sa mill-2010 huwa stmat għal 0,3 % tal-PDG, inqas b'mod sinifikanti minn ¾ % tal-PDG rrakkomandat mill-Kunsill. Ukoll wara l-korrezzjoni għall-effetti tat-tkabbir potenzjali fl-output rivedut u tal-iżviluppi tad-dħul, l-isforz fiskali medju aġġustat huwa inqas minn nofs tal-isforz rrakkomandat.

Miżuri meħuda fil-baġit inizzjali tal-2013 u fil-kontroll tal-baġit ta' Marzu 2013, bħalissa huma mistennija biex fl-2013 d-defiċit iġibuh taħt it-3 % tal-PDG. Madankollu, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-marġini ta' sikurezza kontra l-ksur tal-valur referenzjarju tat-Trattat huwa baxx ħafna. Barra minn hekk, bħalissa l-korrezzjoni għadha mhijiex sostenibbli. Għalhekk, aktar tnaqqis taf-defiċit tal-2013 għal 2.7% tal-PGD huwa ġġustifikat biex jiġi żgurat titjib fit-tul tal-bilanċ tal-gvern ġenerali.

X'inhuwa l-pjan il-ġdid ta' aġġustament għall-Belġju?

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill jiddeċiedi li l-Belġju għandu jwaqqaf is-sitwazzjoni ta' bħalissa tad-defiċit eċċessiv sal-2013. Il-Belġju għandu jnaqqas id-defiċit nominali għal 2,7% tal-PDG fl-2013. Dan it-titjib nominali huwa konsistenti ma' titjib fil-bilanċ strutturali ta' 1% tal-PDG fl-2013, fuq il-bażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni.

Il-Belġju għandu jressaq lill-Kummissjoni, sal-21 ta’ Settembru 2013, rapport li jiddeskrivi l-miżuri li ttieħdu biex ikun hemm konformità ma' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni se tevalwa dan ir-rapport bil-ħsieb li tivvaluta l-progress magħmul lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

Ġenerali

Liema se jkun il-pass li jmiss?

Il-Ministri tal-Finanzi se jiddiskutu r-Rakkomandazzjonijiet tal-lum fil-laqgħa tal-Kunsill tal-ECOFIN fil-21 ta' Ġunju fil-Lussemburgu.

X'inhuma l-karatteristiċi ewlenin tal-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv (PDE)?

Il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv (PDE) hija proċess ibbażat fuq regola stabbilita fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE, l-Artikolu 126) biex tiżgura li l-Istati Membri jikkoreġu żbalji kbar fil-politika fiskali. Hemm żewġ valuri ewlenin ta' referenza, li, meta jinkisru, jikkostitwixxu kriterju li fuq il-bażi tiegħu jista jiġi ġġustifikat il-ftuħ ta' PDE: wieħed għad-defiċit tal-gvern ġenerali (3 % tal-PDG) u wieħed għad-dejn gross tal-gvern (60 % tal-PDG). Biex jiżguraw l-korrezzjoni tad-defiċits eċċessivi, l-Istati Membri fil-PDE huma soġġetti għal Rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu rispettati minn ċerta data ta' skadenza.

Il-passi varji fil-PDE huma elenkati fit-Trattat u speċifikati aktar fil-leġiżlazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST) (ir-Regolament (KE) 1467/97). Filwaqt li l-PDE tikkorrispondi mal-"parti korrettiva" tal-PST, hija kkomplimentata minn "parti preventiva" (definita fir-Regolament (KE) 1466/97), li jinkludu proċeduri għall-promozzjoni tas-sorveljanza u tal-koordinazzjoni tal-politiċi ekonomiċi u biex jiżguraw progress lejn sostenibbiltà fiskali.

Reċentement il-PDE issaħħet bħala parti mit-tiġdid tal-arkitettura ta' governanza ekonomika fl-UE, parzjalment b'reazzjoni għall-kriżi ekonomika. B'mod partikolari, il-pakkett leġiżlattiv magħruf bħala "Pakkett ta' Sitta" rriforma bi kbir is-sorveljanza ekonomika u baġitarja fl-UE (MEMO/11/898).

Il-pajjiżi tal-programm huma koperti mill-PDE?

Iva, bħalissa għaddeja Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv (PDE) għall-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall u Ċipru. Imma hemm ċerti dispożizzjonijiet biex jiġu evitati rekwiżiti doppji ta' monitoraġġ u ta' rapportar. Il-Kummissjoni diġà implimentat dan il-prinċipju, li huwa konformi mar-Regolament tal-Pakkett ta' Tnejn li se jidħol fis-seħħ fit-30 ta' Mejju (MEMO/13/196). B'mod ġenerali, l-għan tal-Pakkett ta' Tnejn, li huwa magħmul minn żewġ regolamenti, għandu jsaħħaħ aktar is-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u baġitarja fiż-żona tal-ewro. Bil-kontra tal-PDE, il-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku ma tkoprix l-Istati Memrbi li huma soġġetti għal programm ta' aġġustament.

Għal aktar informazzjoni żuru:

http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/corrective_arm/index_en.htm.

1 :

Skont il-leġiżlazzjoni tal-Pakkett ta' Sitta li daħħlet fis-seħħ f'Diċembru 2011, wara li joħroġ minn PDE eżistenti, Stat Membru jidħol f'perjodu ta' tranżizzjoni ta' tliet snin qabel ma jkun hemm l-applikazzjoni sħiħa tal-kriterju tad-dejn, li matulu jrid xorta jagħmel biżżejjed progress lejn il-konformità mal-limitu referenzjarju tad-dejn. Valutazzjoni negattiva tal-progress lejn il-konformità għandha twassal għat-tħejjija ta' rapport mill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 126(3), u tista' twassal għal PDE ġdida. Għal Malta l-perjodu ta' tranżizzjoni biex tikkonforma mal-limitu referenzjarju għat-tnaqqis tad-dejn beda fl-2012. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija li l-isforz strutturali implimentat minn Malta fl-2012 ma kienx biżżejjed biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-perjodu ta' tranżizzjoni.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site