Navigation path

Left navigation

Additional tools

Is-settur Ferrovjarju Ewropew: L-isfidi li jmiss

European Commission - MEMO/13/45   30/01/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, it-30 ta' Jannar 2013

Is-settur Ferrovjarju Ewropew: L-isfidi li jmiss

Ir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju magħmul minn sitt proposti leġiżlattivi li jiffukaw fuq erba' oqsma ewlenin (ara IP/13/65).

  • Approvazzjonijiet fl-UE kollha: Biex il-kumpaniji jiffrankaw ħin u flus, it-trejns u l-vetturi ferrovjarji għandhom jiġu mibnija u ċċertifikati darba biss biex jiċċirkulaw mal-Ewropa kollha. Għandu jkun hemm ċertifikat wieħed ta’ sikurezza li bih il-kumpaniji jistgħu joperaw fl-UE kollha.

  • Struttura li taħdem: Biex jiġi żgurat li n-netwerk ferrovjarju jiġi ġestit b’mod effiċjenti u mhux diskriminatorju, il-Kummissjoni qed tipproponi li ssaħħaħ l-amministraturi tal-infrastruttura u li tissepara funzjonijiet ta’ ġestjoni tal-binarji u ta’ ċirkulazzjoni tat-trejns.

  • Iktar aċċess għas-settur ferrovjarju: Biex jitħeġġu l-innovazzjoni u l-effiċjenza, il-Kummissjoni qed tipproponi li tiftaħ għal impriżi ġodda t-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri u b’hekk tippromwovi l-effiċjenza tas-servizzi.

  • Forza tax-xogħol ikkwalifikata: Settur ferrovjarju attiv jiddependi minn forza tax-xogħol ikkwalifikata u mmotivata. Il-pakkett ferrovjarju jiżgura li l-Istati Membri jieħdu aktar azzjoni biex iħarsu lill-persunal meta l-kuntratti ta’ servizz pubbliku jiġu ttrasferiti.

TAQSIMA 1: Standards u approvazzjonijiet li jaħdmu

Ir-regoli attwali

L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA), stabbilita fl-2004 bit-Tieni Pakkett Ferrovjarju, għandha rwol ċentrali fil-promozzjoni tal-interoperabilità, billi tarmonizza l-istandards tekniċi għas-suq kollu tal-UE permezz tal-abbozzar ta’ Standards Tekniċi ta’ Interoperabilità (TSIs).

Madankollu, mat-TSIs tal-UE għad hemm regoli tekniċi u ta’ sikurezza adottati fuq livell nazzjonali (b’mod partikolari, proċeduri ta’ governanza tat-trasport ferrovjarju) li joħolqu kumplessitajiet żejda għall-kumpaniji ferrovjarji kollha. Skont il-kalkoli tal-ERA, attwalment fl-UE hemm ‘il fuq minn 11 000 regola nazzjonali1. Barra minn hekk, hemm diskrepanzi kbar fil-proċessi ta’ kif tiġi kondotta l-awtorizzazzjoni tal-vetturi u ċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza.

X’inhi l-problema?

Għad hemm xkiel tekniku u amministrattiv, li joħloq spejjeż amministrattivi eċċessivi u ostakli għall-aċċess tas-suq, speċjalment għall-impriżi l-ġodda u l-manifatturi tal-vetturi ferrovjarji. Il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għall-vetturi l-ġodda jistgħu jieħdu sa sentejn u jiswew sa EUR 6 miljun.

Anke bl-istandards tal-UE armonizzati, l-awtorizzazzjonijiet tal-vetturi ferrovjarji u ċ-ċertifikati tas-sikurezza għadhom sal-lum il-ġurnata jinħarġu minn kull Stat Membru.

Il-kumpaniji ferrovjarji huma meħtieġa wkoll li jħallsu lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għall-ispejjeż tal-proċess ta’ approvazzjoni. Xi kumpaniji kellhom jinvestu sentejn ta’ xogħol uman u jħallsu sa EUR 70 000 għall-ispejjeż amministrattivi u ta’ konsulenza2, u b’hekk inħoloq ostaklu kbir għad-dħul fis-suq. Din il-problema tinħass l-aktar fis-settur tat-trasport tal-merkanzija għax l-impriżi l-ġodda huma iktar vulnerabbli għall-kumplessitajiet u d-dewmien fil-proċeduri minħabba li ta’ spiss ikollhom riżorsi umani u finanzjarji limitati.

Skont iċ-ċifri tal-partijiet interessati, l-ispejjeż tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni jistgħu jammontaw, għal kull pajjiż, sa 10 % tal-ispejjeż tal-lokomottivi. Jiġifieri jekk dawn ikunu se jintużaw fi tliet Stati Membri differenti, l-ispejjeż globali jistgħu jammontaw għal madwar 30 %.

F’ċerti Stati Membri, il-burokrazija involuta fil-proċess tad-dħul fis-suq kienet identifikata bħala l-ostaklu ewlieni għad-dħul ta' impriżi ferrovjarji ġodda.

Il-proposti l-ġodda

Il-Kummissjoni trid tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi tal-kumpaniji ferrovjarji u tiffaċilita d-dħul ta’ impriżi ġodda fis-suq.

Skont il-proposti l-ġodda, l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea se ssir “punt uniku ta’ servizz” li joħroġ awtorizzazzjonijiet tal-vetturi validi fl-UE kollha, fil-forma ta’ “passaporti tal-vetturi” u ċertifikati tas-sikurezza għall-impriżi kollha tal-UE.

Dan jeħtieġ:

  1. Il-Kummissjoni qed tipproponi li tirrevedi r-Regolament ERA biex tagħti lill-Aġenzija l-kompetenzi għall-awtorizzazzjoni tal-vetturi, iċ-ċertifikazzjoni ta’ sikurezza tal-impriżi ferrovjarji, kif ukoll biex jiġi sfruttat l-irwol tagħha fis-superviżjoni ta’ regoli nazzjonali u l-monitoraġġ ta' awtoritajiet nazzjonali ta' sikurezza.

  2. Biex jiġu riflessi dawn il-bidliet, dan il-pakkett se jimmodifika d-Direttivi dwar is-Sikurezza u l-Interoperabilità Ferrovjarja, u b’hekk se jipprovdi l-opportunità li jiġu ċċarati u ssemplifikati d-dispożizzjonijiet eżistenti, jiġu kkonsolidati l-emendi preċedenti u li tiġi aġġornata l-leġiżlazzjoni f’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona u l-Qafas Leġiżlattiv Ġdid għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti.

Skont l-arranġamenti l-ġodda, l-ERA se toħroġ awtorizzazzjonijiet tal-vetturi u ċertifikati tas-sikurezza (f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tas-sikurezza) għall-impriżi ferrovjarji abbażi tat-talbiet mibgħuta lill-ERA. Din se jkollha wkoll rwol importanti fl-iffaċilitar tal-implimentazzjoni tal-ERTMS (Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju). Minbarra dawn il-bidliet, se jkun hemm titjib ukoll fl-istruttura ta’ governanza u fil-metodi operattivi interni.

L-għan ta’ dawn il-miżuri huwa li jitnaqqas b’20 % iż-żmien meħtieġ għall-kummerċjalizzazzjoni tal-impriżi ferrovjarji l-ġodda u li jitnaqqsu wkoll b’20 % l-ispejjeż u ż-żmien meħtieġa biex tinħareġ l-awtorizzazzjoni tal-vetturi ferrovjarji. B’mod kumplessiv, dan għandu jwassal biex il-kumpaniji jiffrankaw EUR 500 miljun matul perjodu ta’ 5 snin.

Il-proposta tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward se tinkludi emendi għall-atti leġiżlattivi li ġejjin:

  1. Id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq is-sikurezza tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità;

  2. Id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità;

  3. Ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji.

TAQSIMA 2: Struttura li taħdem

Ir-regoli attwali

Is-separazzjoni tal-kontijiet finanzjarji ilha obbligatorja mill-1991. Filwaqt li mill-2001, il-funzjonijiet tal-amministratur tal-infrastruttura li dak iż-żmien ġew identifikati bħala “funzjonijiet essenzjali”, b'mod partikolari l-allokazzjoni tal-mogħdijiet ferrovjarji u l-iċċarġjar, kellhom jiġu separati mill-operazzjonijiet ta' trasport.

Fil-verità, it-tifsira preċiża tar-regoli tal-UE hija kkuntestata minn xi Stati Membri, u għalhekk għadhom ma implimentawhomx bis-sħiħ kollha kemm huma. Barra minn hekk, ir-regoli jeħtieġu biss li l-allokazzjoni tal-mogħdijiet u l-iċċarġjar jiġu separati mill-kumpanija tal-operatur nazzjonali stabbilit. Funzjonijiet oħra, bħad-deċiżjonijiet dwar il-manutenzjoni, il-ġestjoni ta’ kuljum tat-traffiku ferrovjarju u d-deċiżjoni dwar l-iżvilupp tal-infrastruttura, jistgħu jsiru minn xi ħadd relatat mal-impriza ferrovjarja (bħall-operatur ferrovjarju), jew fil-prattika l-operatur nazzjonali stabbilit. Hemm suspett kbir li l-operaturi stabbiliti użaw din il-possibilità biex jiddiskriminaw bil-moħbi kontra impriżi ġodda.

Min-naħa l-oħra, kważi aktar minn nofs il-25 Stat Membru li għandhom sistema ta’ trasport ferrovjarju marru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mil-liġi tal-UE u għażlu li jkun hemm separazzjoni istituzzjonali (mingħajr sjieda u kontroll) bejn l-amministratur tal-infrastruttura u l-operaturi tat-trasport. Stati Membri oħra għażlu li jistabbilixxu strutturi aktar ikkumplikati, billi għażlu struttura integrata bis-sħiħ (li tiddelega ż-żewġ funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastruttura lil korpi esterni) jew struttura ta’ parteċipazzjoni b’waħda mill-entitajiet legali fl-impriża inkarigata bil-ġestjoni tal-infrastruttura.

X’inhi l-problema?

Bħala monopolji naturali, l-amministraturi tal-infrastruttura (IM) mhux dejjem jirreaġixxu għall-bżonnijiet tas-suq, u evidenza mill-utenti tissuġġerixxi li l-governanza attwali ma tipprovdilhomx inċentivi biżżejjed biex dawn iwieġbu għall-bżonnijiet tal-utenti.

Barra minn hekk, ma hemmx inċentivi biżżejjed għall-kooperazzjoni Ewropea u intermodali. Hemm bżonn ta’ sistema ċentrali ferrovjarja tal-UE li tgħaqqad flimkien l-Istati Membri kollha biex timmassimizza l-effetti pożittivi tan-netwerk. Din tista’ tinkiseb biss jekk l-amministraturi tal-infrastruttura jaħdmu flimkien, billi jippromwovu l-kooperazzjoni transfruntiera u l-effiċjenza permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki.

L-impriżi l-ġodda tas-suq ikkritikaw b'mod qawwi lill-amministraturi tal-infrastruttura fl-istrutturi integrati, f’każijiet fejn l-amministratur tal-infrastruttura kien magħruf li jiddiskrimina kontra l-impriżi l-ġodda, pereżempju billi jżid b’mod konsiderevoli l-imposti għall-aċċess tal-binarji u tal-istazzjon meta impriża ġdida tidħol fis-suq.

Ir-rekwiżiti eżistenti ta’ separazzjoni ma jevitawx b’mod effettiv il-kunflitti ta’ interess, u l-funzjonijiet li mhumiex attwalment iddefiniti bħala essenzjali (bħall-ippjanar tal-investiment, il-finanzjament u l-manutenzjoni) jistgħu jirriżultaw f’diskriminazzjoni kontra xi impriżi ġodda. Barra minn hekk, l-assimetriji fl-informazzjoni jwasslu għal vantaġġi kompetittivi għall-operaturi stabbiliti, iżda għad hemm ir-riskju li s-sussidju inkroċjat, jiġifieri l-possibbiltà li l-fondi jiġu allokati għall-iżvilupp tal-infrastruttura jiġu meħuda u użati biex jipprovdu vantaġġ kompetittiv għall-attivitajiet ta’ trasport tal-operatur stabbilit.

Ġestjoni mhux effettiva tal-infrastruttura

Il-leġiżlazzjoni attwali għadha tippermetti li jsiru l-iżbalji li ġejjin:

Eżempji konkreti: L-RFF, l-amministratur tal-infrastruttura Franċiż, iħallas lil SNCF prezz fiss fis-sena ta’ madwar EUR 3 biljun biex iwettaq kompiti ta’ ġestjoni tan-netwerk. Din l-organizzazzjoni ma tippermettix lil RFF jikkontrolla sew li l-użu tat-tariffa jkun ottimali.

L-amministraturi tal-infrastruttura tul il-kurutur Rotterdam-Ġenova għamlu investimenti sostanzjali biex itejbu l-kapaċità u jistabbilixxu l-interoperabilità tas-sistemi ta’ kontroll u ta’ kmand ferrovjarju abbażi tal-ERTMS. Permezz ta’ dan, l-amministraturi tal-infrastruttura ddependew fuq il-fatt li l-amministraturi l-oħra jimxu mal-iskedi ta’ żmien miftiehma. Madankollu, peress li mhux se jsiru investimenti Ġermaniżi għal bosta snin, il-benefiċċji previsti se jinkisbu biss ħafna aktar ‘il quddiem.

F'kelma waħda, l-amministraturi tal-infrastruttura naqsu milli jwieġbu għall-bżonnijiet tas-suq tas-servizzi tat-trasport, u b’hekk dan wassal għal użu ineffiċjenti tal-fondi pubbliċi u għal ineffiċjenzi fis-settur inġenerali.

Tagħwiġ tal-kompetizzjoni u aċċess mhux ġust għas-suq

Il-leġiżlazzjoni attwali għadha tippermetti li jsru l-iżbalji li ġejjin:

Eżempji konkreti: L-awtorità Ġermaniża għall-kompetizzjoni sabet li s-sistema ta’ ċċarġjar TPS 1998 tippermetti li DB Regio tiġi ċċarġjata bejn 25 % u 40 % inqas mill-kompetituri tagħha.

L-operatur stabbilit Awstrijak, OBB Infrastruktur, żied b’mod konsiderevoli l-imposti għall-aċċess tal-binarji għas-servizzi tal-passiġġieri wara li l-impriża l-ġdida, WestBahn, ħabbret li se tibda operazzjoniiet kompetittivi fuq ir-rotta Vjenna-Salzburg.

Wara li tressaq ilment, l-Awtorità Taljana għall-Kompetizzjoni (ICA) issanzjonat lil Ferrovie dello Stato (FS) u imponiet multa li tammonta għal EUR 300 000 wara li sabet li FS, permezz tas-sussidjarji tagħha RFI U Trenitalia, stabbiliet “strateġija kumplessa u unifikata” biex iżżomm lil Arenaways (kompetitur ta’ FS), li laħaq falla sa ma ttieħdet id-deċiżjoni, barra mir-rotta ta’ profitt bejn Milan u Turin bejn l-2008 u l-2011.

F’kelma waħda, il-monopolji nazzjonali tat-trasport ferrovjarju għadhom jitħallew jeżerċitaw livell konsiderevoli ta’ kontroll fuq l-aċċess għall-infrastruttura. L-amministraturi tal-infrastruttura relatati mal-operaturi tat-trasport isibuha diffiċli li jiggarantixxu l-aċċess mingħajr diskriminazzjoni għall-impriżi ferrovjarji kollha, u fl-istess ħin, isibuha diffiċli wkoll li jqisu speċifikament l-interess tal-impriżi ferrovjarji li jappartjenu għall-istruttura integrata.

Il-proposti l-ġodda

Il-proposti l-ġodda dwar il-governanza se jinkludu miżuri ewlenin biex:

Jissaħħu l-amministraturi tal-infrastruttura biex jikkontrollaw il-funzjonijiet kollha fil-qalba tan-netwerk ferrovjarju, li jinkludu l-ippjanar tal-investimenti tal-infrastruttura, l-operazzjonijiet ta’ kuljum, il-manutenzjoni u l-iskedar. Il-proposti l-ġodda se jiżguraw li entità waħda, jiġifieri l-amministratur tal-infrastruttura, se jwettaq il-funzjonijiet kollha relatati mal-iżvilupp, it-tħaddim, inkluża l-ġestjoni tat-traffiku, u l-manutenzjoni tal-infrastruttura. Dan mhux se jwaqqaf lill-amministratur tal-infrastruttura milli jagħti b’sottokuntratt, taħt is-superviżjoni tiegħu, xogħlijiet speċifiċi ta’ tiġdid jew ta’ manutenzjoni lil impriżi ferrovjarji.

Jiżguraw li netwerk jiġi żviluppat fl-interessi tal-operaturi kollha. Il-Kummissjoni qed tipproponi l-istabbiliment ta’ kumitat ta’ Koordinazzjoni li se jippermetti li l-utenti tal-infrastruttura jesprimu l-bżonnijiet tagħhom, u jiżgura li d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom jiġu indirizzati b’mod xieraq. L-għan ta’ dan il-kumitat huwa li l-amministraturi tal-infrastruttura jkunu aktar orjentati lejn is-suq, u li jiggarantixxi li l-allokazzjoni tal-infrastruttura, l-iċċarġjar, il-manutenzjoni u l-politika ta’ tiġdid tagħhom jissodisfaw id-domanda tal-utenti kollha tal-infrastruttura ferrovjarja.

Tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-amministraturi tal-infrastruttura. Il-Kummissjoni qed tipproponi l-ħolqien ta’ Netwerk tal-amministraturi tal-infrastruttura biex jiżgura li l-kwistjonijiet ta’ natura transfruntiera u pan-Ewropej jiġu indirizzati b’mod xieraq u kkoordinat mill-amministratur tal-infrastruttura. Dawn il-kwistjonijiet jinkludu l-implimentazzjoni tan-netwerk TEN-T, il-kurituri tal-merkanzija ferrovjarja u l-pjan ta' implimentazzjoni tal-ERTMS.

Jisseparaw il-ġestjoni tal-binarji u taċ-ċirkolazzjoni ferrovjarja. Minħabba d-diversi lmenti mill-utenti u l-evidenza ta’ diskriminazzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-amministraturi tal-infrastruttura jrid jkollhom indipendenza operattiva u finanzjarja minn kwalunkwe operatur ta’ trasport li jħaddem il-ferroviji. Dan huwa essenzjali biex jitneħħew il-kunflitti potenzjali ta’ interess u biex il-kumpaniji kollha jingħataw aċċess għall-binarji mingħajr diskriminazzjoni.

Dan jeħtieġ (1) l-estensjoni tar-rekwiżiti ta’ indipendenza għall-funzjonijiet kollha tal-amministratur tal-infrastruttura u (2) l-infurzar mill-ġdid ta’ dawn ir-rekwiżiti ta’ indipendenza.

Bħala regola ġenerali, il-proposta tal-Kummissjoni tikkonferma li s-separazzjoni istituzzjonali hija l-aktar mod faċli u trasparenti kif tinkiseb l-indipendenza meħtieġa.

Skont din il-proposta, is-separazzjoni istituzzjonali bejn l-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji (mingħajr relazzjoni ta’ sjieda bejn iż-żewġ tipi ta’ entitajiet) se tkun r-regola applikata awtomatikament mill-mument tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Abbażi ta’ din il-proposta, mhux se jibqa' possibbli li jinħolqu strutturi parteċipanti ġodda fis-settur ferrovjarju.

Mill-2019, l-impriżi ferrovjarji, indipendenti mill-amministraturi tal-infrastruttura, se jkollhom aċċess immedjat għas-suq intern tal-passiġġieri.

Madankollu, il-Kummissjoni tista’ taċċetta li struttura integrata vertikalment jew “parteċipanti" jista’ jkollha wkoll l-indipendenza neċessarja, jekk tistabbilixxi “ħitan Ċiniżi” stretti biex jiżguraw is-separazzjoni legali, finanzjarja u operattiva, bħal pereżempju: korpi deċiżjonali distinti, biex jiġu evitati prattiki diskriminatorji; flussi finanzjarji separati (bis-separazzjoni ta’ kontijiet u ta’ garanziji biex jiġi żgurat li l-impriżi ferrovjarji mhumiex jibbenefikaw mill-iffinanzjar reċiproku mill-introjtu tal-amministrattur tal-infrastruttura); sistemi informatiċi separati li jevitaw it-tixrid ta’ dejta kummerċjali kunfidenzjali; u perjodi ta’ riflessjoni stretti għat-trasferiment tal-persunal biex jiġu eliminati l-kunflitti ta’ lealtà.

Fid-dawl tal-ftuħ sħiħ tas-suq tal-passiġġieri fl-2019, l-impriżi ferrovjarji li huma parti minn struttura vertikalment integrata jistgħu ma jitħallewx joperaw fi Stati Membri oħra, jekk il-Kummissjoni ma tkunx żgura li ġew stabbiliti l-miżuri kollha għas-salvagwardja li jiżguraw l-indipendenza legali, finanzjarja u operattiva meħtieġa, u għalhekk il-kundizzjonijiet ekwi u l-possibbiltà ta’ kompetizzjoni ġusta fis-suq nazzjonali tagħhom.

TAQSIMA 3: Ftuħ tas-swieq domestiċi tat-trasport tal-passiġġieri

Xi jfisser il-ftuħ tas-swieq domestiċi tat-trasport tal-passiġġieri?

Is-servizzi domestiċi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri jammontaw għal aktar minn 94 % tas-suq ferrovjarju tat-trasport tal-passiġġieri fl-UE.

Hemm żewġ modi kif il-kumpaniji se jkunu jistgħu joffru servizzi domestiċi tat-trasport tal-passiġġieri matul l-UE.

1) Billi joffru servizzi kummerċjali kompetittivi

Fil-prattika dan ifisser li kumpanija se tkun tista' tistabbilixxi u tmexxi s-servizzi proprji tagħha u tikkompeti ma’ operaturi oħra, bħalma diġà jseħħ fil-linji ta’ veloċità għolja Taljani fejn l-operatur tal-Istat, Ferrovie dello Stato u l-operatur il-ġdid NTV joffru t-tnejn li huma servizzi bejn Napli, Ruma u Milan.

2) Jew permezz ta’ proċedura ta’ offerti kompetittiva

Permezz ta’ offerta għal kuntratti ta’ servizz pubbliku, li jammontaw għal madwar 90 % tal-vjaġġi ferrovjarji tal-UE, li jkopru b’mod partikolari l-biċċa l-kbira tat-trejns lokali regolari u reġjonali, kif ukoll xi wħud fuq distanzi itwal, u li issa se jkunu suġġetti għal proċedura ta’ offerti obbligatorja. (Dan diġà jseħħ f’xi Stati Membri, pereżempju s-servizzi reġjonali tal-Laender Ġermaniż fejn il-Laender innifishom jagħmlu offerta, jew bħas-sistema ta’ franchising ferrovjarja tar-Renju Unit).

X’inhi s-sitwazzjoni attwali?

Is-swieq għas-servizzi tal-merkanzija ferrovjarja ilhom li nfetħu bis-sħiħ għall-kompetizzjoni minn Jannar 20073, u dawk għas-servizzi internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri nfetħu mill-1 ta’ Jannar 20104. Abbażi tal-liġi tal-UE, is-swieq nazzjonali għas-servizzi domestiċi tat-trasport tal-passiġġieri għadhom magħluqa, għalkemm ftit Stati Membri ddeċidew li jkun hemm il-kompetizzjoni xorta waħda5.

Il-ftuħ tas-servizzi ferrovjarji tal-merkanzija kellu impatt pożittiv, bi tkabbir sostanzjali tal-merkanzija ferrovjarja f'dawk l-Istati Membri li rrispettaw bis-sħiħ ir-rekwiżiti legali fl-ispirtu u bil-kitba. Il-ftuħ tas-suq internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri kien iktar problematiku, għall-inqas parzjalment minħabba li l-kriżi ekonomika attwali qed timbotta lura l-attività imprenditorjali fis-settur.

X’inhi l-problema?

Is-swieq nazzjonali għas-servizzi domestiċi tat-trasport tal-passiġġieri għadhom fil-biċċa l-kbira magħluqa6.

Il-Ġermanja, l-Isvezja, l-Italja, ir-Renju Unit, l-Awstrija u r-Repubblika Ċeka biss fetħu s-swieq domestiċi tagħhom tat-trasport tal-passiġġieri.

L-esperjenza f’dawn is-swieq miftuħa wriet titjib fil-kwalità u fid-disponibilità tas-servizzi, bis-sodisfazzjon tal-passiġġieri tiżdied kull sena, u f’ċerti każi b’żieda fl-għadd tal-passiġġieri ta’ aktar minn 50 % f'għaxar snin. Fi bnadi oħra, l-offerti ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku rriżultaw fi ffrankar ta’ 20-30 %, li jista’ jiġi investit mill-ġdid biex itejjeb is-servizzi.

Iżda attwalment, ir-regoli tar-Regolament 1370/2007 jeskludu s-settur ferrovjarju mill-obbligu li jagħti kuntratti għal servizz pubbliku permezz ta’ proċedura ta’ offerti miftuħa, filwaqt li d-Direttiva 91/440 ma tinkludi l-ebda dritt ġenerali ta’ aċċess ferrovjarju biex imexxi s-servizzi domestiċi tat-trasport tal-passiġġieri, u għaldaqstant il-ferroviji jistgħu jibqgħu monopolji nazzjonali. Taħt ir-Regolament 1370/2007, l-awtoritajiet fl-Istati Membri għandhom l-għażla li jagħtu direttament l-kuntratti ferrovjarji ta’ servizz pubbliku jew li jorganizzaw proċeduri ta’ offerta kompetittivi.

Fil-prattika, f’16-il Stat Membru minn 25 li għandhom sistema ferrovjarja, hemm operatur stabbilit li għandu ‘l fuq minn 90 % tas-sehem mis-suq. 47 % tal-kilometri tal-passiġġieri fl-UE, li jkopru l-biċċa l-kbira tas-servizzi lokali u reġjonali u diversi servizzi fuq distanza twila, huma mħaddma taħt obbligi ta’ servizz pubbliku iżda mogħtija lill-operaturi stabbiliti permezz ta' għotjiet diretti bi drittijiet esklussivi. Jekk ma ssir l-ebda bidla, diversi operaturi nazzjonali stabbiliti se jkomplu jiksbu għotjiet diretti u b'hekk jeskludu l-impriżi l-ġodda u jżommu l-kompetizzjoni fuq livell baxx. B’riżultat ta’ dan, l-effiċjenza tal-ferroviji u l-livell ta’ servizz x’aktarx mhux se jitjiebu.

Pereżempju, fl-Awstrija, l-operatur il-ġdid Westbahn indika li għall-istess ammont ta’ sussidji mogħtija mill-gvern Awstrijak lill-operatur stabbilit ÖBB għal-linja Salzburg-Graz, huwa jista’ jopera 7 servizzi kuljum minflok it-3 li jagħmel ÖBB, li għandu spejjeż tal-persunal 20 % ogħla minn dawk tal-kompetituri tiegħu.

Mingħajr bidla, il-monopolji nazzjonali se jkomplu jeżistu f'ħafna swieq domestiċi, u b'hekk jipprevjenu t-titjib fis-servizz xprunat mill-pressjoni kompetittiva.

Il-proposti l-ġodda

Swieq miftuħa li jipprovdu kwalità aħjar u aktar għażla

Il-Kummissjoni qed tipproponi li temenda r-Regolament (KE) 1370/2007 dwar is-servizz pubbliku, biex l-għoti kompetittiv ta’ kuntratti għal servizz pubbliku ferrovjarju jsir obbligatorju u li temenda wkoll id-Direttiva 2012/34/UE biex jingħata aċċess ġenerali għall-għoti ta’ servizzi tat-trasport nazzjonali tal-passiġġieri, iżda bil-possibilità li jiġi llimitat l-aċċess meta l-ekwilibriju ekonomiku (vijabilità) ta’ kuntratt għal servizz pubbliku jiġi kompromess.

Il-kumpaniji se jkunu jistgħu joffru servizzi domestiċi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fl-UE kollha: jew billi joffru servizzi kummerċjali kompetittivi (aċċess miftuħ); jew permezz ta’ offerti għal kuntratti ferrovjarji għal servizz pubbliku, li jammontaw għal madwar 90 % tal-vjaġġi ferrovjarji tal-UE u li issa se jkunu suġġetti għal offerti obbligatorji.

Skont il-proposti tal-Kummissjoni, l-offerti kompetittivi se japplikaw biss għall-kuntratti li huma ‘l fuq minn ċerti limiti. Ovvjament, ma jagħmilx sens li jiġu organizzati proċeduri ta’ offerti għal kuntratti żgħar fejn l-ispejjeż iffrankati mill-awtoritajiet pubbliċi jkunu baxxi. Sabiex jiġi żgurat li hemm offerenti adegwati fis-suq li huma kapaċi joffru l-prestazzjoni mitluba, se jiġi stabbilit limitu massimu għal kuntratti ta’ servizz pubbliku skont il-kilometri bil-ferrovija jew skont perċentwal tal-volum totali tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri pprovduti skont kuntratt ta’ servizz pubbliku minn kull Stat Membru. Biex ma jiġux ippenalizzati b’mod eċċessiv il-kuntratti eżistenti mogħtija direttament, se jiġu introdotti miżuri ta’ tranżizzjoni għall-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ offerti kompetittiva.

Wara li saru diversi lmenti minn kumpaniji, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll miżuri biex ikunu ta’ rimedju għal żewġ ostakoli li qed ifixklu d-dħul fis-suq għall-kumpaniji:

Aċċess għat-trejns – vetturi ferrovjarji

Il-vetturi ferrovjarji bħal lokomottivi, vaguni u unitajiet multipli jiswew ħafna flus. Iżda l-ispiża tagħhom tista’ tkun aċċettabbli matul ħajja operattiva ta’ 30-40 sena jew anke aktar. Madankollu, skont l-emendi proposti għad-Direttiva 91/440, il-kuntratti għal servizz pubbliku huma limitati għal 15-il sena u ta’ spiss ikunu ħafna iqsar. Mingħajr mekkaniżmu li jittratta r-riskju tal-valur residwali tal-vetturi ferrovjarji fl-aħħar ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku, l-offerenti jridu jew itejbu l-prezz meta mqabbel mar-riskju u b’hekk il-kuntratti ta’servizz pubbliku jkunu għaljin immens, jew, aktar probabbli, l-offerti jkunu ppreżentati biss mill-impriżi ferrovjarji nazzjonali eżistenti li għandhom aċċess għall-vetturi ferrovjarji, b'mod li jneħħi l-iskop kompetittiv tal-ftuħ tas-swieq.

Biex tiġi evitata din il-problema u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-vetturi ferovjarji, il-Kummissjoni qed tipproponi li tintroduċi obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jieħdu r-riskju finanzjarju tal-valur residwali tal-vetturi ferrovjarji permezz ta’ strumenti xierqa, pereżempju billi jieħdu s-sjieda tal-vetturi ferrovjarji, jipprovdu garanzija bankarja għax-xiri ta’ materjal ġdid jew għall-istabbiliment ta’ kumpanija tal-kira tal-vetturi ferrovjarji (ROSCO).

L-impriżi l-ġodda jaffaċċjaw problemi bl-aċċess għal servizzi ewlenin. L-aċċess għall-vetturi ferrovjarji hija limitazzjoni importanti għall-operaturi l-ġodda f’operati ta’ aċċess miftuħ u fi proċedura ta’ offerti kompetittiva għal kuntratti għal servizz pubbliku. F’mill-inqas 8 Stati Membri, is-sjieda tal-vetturi ferrovjarji tibqa’ ddominata mill-impriżi ferrovjarji stabbiliti, li mhumiex kapaċi jew lesti li jagħmluhom disponibbli b'kundizzjonijiet kummerċjali attraenti għall-operaturi l-ġodda fis-suq. Jidher li fil-Ġermanja u fl-Awstrija, l-operaturi stabbiliti jiskreppjaw il-vetturi ferrovjarji pjuttost milli jqegħduhom għall-bejgħ. Bl-istess mod, fl-Italja, l-offerti għal kuntratt ta’ servizz pubbliku ġew ostakolati minn problemi ta’ finanzjament pubbliku għax-xiri ta’ vetturi ferrovjarji riżervati għall-operatur stabbilit. Dan joħloq riskji finanzjarji kbar għall-operaturi l-ġodda rigward il-ħin meħtieġ għall-akwiżizzjoni u l-omologazzjoni tagħhom.

Aċċess mhux diskriminatorju għas-sistemi integrati għall-ħruġ tal-biljetti

Il-Kummissjoni qed tipproponi l-istabbiliment, fuq bażi volontarja, ta’ sistemi nazzjonali għall-ħruġ tal-biljetti suġġetti għal rekwiżiti mhux diskriminatorji. Dan se jippermetti li l-Istati Membri u l-operaturi jistabbilixxu sistemi għall-ħruġ tal-biljetti fuq bażi nazzjonali, li jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet eżistenti, u li jitneħħew l-inċertezzi legali.

Is-sistemi obbligatorji għall-ħruġ tal-biljetti fuq bażi nazzjonali mmexxija minn operaturi stabbiliti bħall-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka għandhom effetti diskriminatorji peress li jistgħu jitolbu kummissjonijiet li jammontaw sa 25 % fuq il-bejgħ kollu tal-biljetti. Dan ma jħeġġiġx id-dħul fi swieq ġodda, inaqqas il-pressjoni kompetittiva, u għalhekk inaqqas l-inċentivi biex jittejbu l-effiċjenza u l-kwalità. F’xi Stati Membri, ir-rimborż għall-operaturi l-ġodda jieħu sa sentejn (filwaqt li f’oħrajn il-ħlasijiet isiru fi żmien tmint ijiem b’kummissjoni ta’ 1.5 %). Jekk kull operatur imexxi sistema differenti għall-ħruġ tal-biljetti, dan ikun ta’ dannu għall-offerta ta’ servizz tal-passiġġieri, peress li l-ħtieġa li jitħallsu l-kummissjonijiet fuq il-bejgħ tal-biljetti se tnaqqas ir-riżorsi finanzjarji għat-titjib tas-servizz u b’hekk titnaqqas ukoll l-attrattività ġenerali tal-ferrovija meta tiġi mqabbla ma’ modi oħra ta’ trasport.

Il-proposta tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward se tinkludi emendi għall-atti leġiżlattivi li ġejjin:

  1. Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea

  2. Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq (Obbligi ta’ Servizz Pubbliku)

TAQSIMA 4: Forza tax-xogħol ikkwalifikata

Ir-regoli attwali

Biex il-ħaddiema jiġu pprovduti s-salvagwardji neċessarji wara l-ftuħ tas-suq, il-leġiżlazzjoni eżistenti, bħad-Direttiva tat-Trasferiment tal-Impriżi7, tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-trasferiment tal-persunal meta jingħata kuntratt ta’ servizz pubbliku u l-assi bħal vetturi ferrovjarji jiġu trasferiti għand impriża ferrovjarja oħra. Hemm dispożizzjonijiet fir-Regolament OSP li jippermettu li l-awtoritajiet kompetenti jistipulaw it-trasferiment ta’ persunal u/jew l-istabbiliment ta’ standards meta kuntratt ta’ servizz pubbliku jingħata lil kumpanija ferrovjarja oħra.

Il-problema

Fl-għaxar snin li ġejjin, is-settur ferrovjarju se jaffaċċja b'mod simultanju l-isfidi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni impjegata u tal-effetti ta’ effiċjenza tal-ftuħ tas-suq. Madwar 30 % tal-ħaddiema ferrovjarji kollha se jirtiraw fl-għaxar snin li ġejjin, u probabbilment dan se jwassal għal nuqqasijiet fil-forza tax-xogħol. Fl-istess ħin, diversi impriżi ferrovjarji jista' jkollhom bżonn li jiġu ristrutturati biex itejbu l-produttività u l-effiċjenza.

Il-livelli ta’ impjiegi wara l-ftuħ tas-suq mhumiex mistennija li jonqsu, kif uriet l-esperjenza tal-Istati Membri li s-swieq ferrovjarji nazzjonali tagħhom huma diġà miftuħa. Fil-fatt, fil-passat, il-livelli ta’ impjiegi naqsu ħafna iktar f’pajjiżi li għandhom swieq magħluqa. Iż-żieda fil-produttività u l-attrattività tat-trasport ferrovjarju se jwasslu għal żieda fid-domanda u fl-investimenti, bħal pereżempju fil-livelli ta' vetturi ferrovjarji ġodda li se jkunu ta’ vantaġġ għall-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Madankollu, id-disponibilità fis-settur ta’ trasport ta’ forza tax-xogħol ikkwalifikata u mmotivata ħafna, hija essenzjali għall-forniment ta’ servizzi ta' trasport effiċjenti u kompetittivi.

Il-proposti

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni qed tipproponi li:

  1. L-impriżi ferrovjarji pan-Ewropej ikunu meħtieġa li joħolqu Kunsill Ewropew tax-Xogħol f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħol8, u li jieħdu sehem fil-Kumitat ta’ Djalogu Soċjali tas-Settur Ferrovjarju.

  2. Għall-ħarsien tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħu jmorru lil hinn mill-obbligi ġenerali tal-UE dwar it-trasferimenti tal-impriżi billi jobbligaw, lill-kuntratturi l-ġodda li jingħataw il-kuntratti għal servizz pubbliku, jieħdu magħhom il-persunal tal-impriżi preċedenti.

1 :

Valutazzjoni tal-Impatt dwar l-Interoperabilità u s-Sikurezza

2 :

Valutazzjoni tal-Impatt dwar l-Interoperabilità u s-Sikurezza

3 :

Id-Direttiva 2004/51/KE li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE.

4 :

Id-Direttiva 2007/58/KE li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE.

5 :

Stati Membri bħar-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Isvezja u l-Italja fetħu b’mod unilaterali s-swieq domestiċi tagħhom.

6 :

Stati Membri bħar-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Isvezja u l-Italja fetħu b’mod unilaterali s-swieq domestiċi tagħhom.

7 :

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE

8 :

Id-Direttiva 2009/38/KE


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website