Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, is-27 ta' Mejju 2013

Jidħol fis-seħħ it-"Two-Pack" li jġib fil-milja tiegħu iċ-ċiklu ta' sorveljanza baġitarja għaż-żona tal-euro u jkompli jtejjeb il-governanza ekononika għaż-żona tal-euro

Mindu beda jeżisti l-euro, kien hemm regoli ċari biex jiżguraw li l-finanzi pubbliċijinżammu f'qagħda soda fil-forma tal-Patt tal-Istabilità u Tkabbir (PST), li jistabilixxi l-limiti magħrufa tajjeb għad-defiċits tal-baġit u tad-dejn pubbliku, ta' 3% u ta' 60% tal-PDG rispettivament. Madankollu, il-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji globali kixfu nuqqasijiet fil-governanza ekonomika u s-sorveljanza tal-baġit fuq il-livell tal-UE. Dawn in-nuqqasijiet ġew indirizzati b’mod effettiv mal-ħolqien fl-2010-2011 tas-Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika u tas-sitt proposti leġiżlattivi magħrufa bħala Six-Pack”, li saħħew il-PST b'diversi modi.

Madankollu, minħabba li hemm il-possibilità li l-linji ta' politika baġitarja jkollhom effetti li jinfirxu fi ħdan żona b'munita komuni, għad hemm il-ħtieġa ċara ta' mekkaniżmi anki aktar b’saħħithom b’mod speċifiku għaż-żona tal-euro. Biex tiġi indirizzata din il-ħtieġa, f’Novembru 2011 il-Kummissjoni pproponiet żewġ Regolamenti oħra li jkomplu jsaħħu s-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro.

Dan il-pakkett ta’ riforma, l-hekk imsejjaħ “Two-Pack”, jidħol fis-seħħ fit-30 ta’ Mejju 2013 fl-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro. Il-miżuri l-ġodda jfissru aktar trasparenza fid-deċiżjonijiet baġitarji tagħhom, koordinazzjoni aktar b’saħħitha fiż-żona tal-euro, miċ-ċiklu tal-baġit tal-2014, u r-rikonoxximent tal-bżonnijiet speċjali ta’ Stati Membri taż-żona tal-euro li jkunu taħt pressjoni finanzjarji severi. Id-dħul fis-seħħ tat-"Two-Pack" iwitti ukoll it-triq għal aktar passi biex tissaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, kif stabbilit mill-Kummissjoni fil-"Pjan ta' Azzjoni għal UEM profonda u ġenwina” ippubblikat f’Novembru li għadda (ara IP/12/1272; MEMO/12/909).

Għaliex huma meħtieġa dawn iż-żewġ Regolamenti?

Biex jissaħħaħ il-pilastru ekonomiku tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, l-Istati Membri taż-żona tal-euro jeħtieġ li jmorru lilhinn mil-leġiżlazzjoni tas-"Six-Pack" miftiehma fl-2011. Il-politiki ekonomiċi u baġitarji segwiti mill-Istati Membri taż-żona tal-euro għandhom riperkussjonijiet evidenti li jinxterdu madwar iż-żona ta' munita komuni. Fi żminijiet tajbin, din l-interdipendenza twassal għal aktar prosperità. Fi żminijiet aktar diffiċli, dan ifisser li r-riskji jinqasmu b’mod aktar estiż. Dan il-qsim tar-riskju għandu jkun akkumpanjat minn responsabbiltà maqsuma, li timplika li għandu jkun hemm livell ogħla ta’ skambju ta’ informazzjoni u ta' koordinazzjoni kif ukoll proċedura bla skossi li tkopri kull eventwalità, inkluż l-użu ta' salvagwardji finanzjarji.

X’inhi l-bażi legali għal-leġiżlazzjoni l-ġdida?

Il-proċeduri l-ġodda huma bbażati fuq l-Artikolu 136 tat-Trattat tal-UE. Dan l-Artikolu jippermetti lill-Istati Membri taż-żona tal-euro li jsaħħu l-koordinazzjoni u s-sorveljanza tal-politiki baġitarji sabiex jiżguraw id-dixxiplina baġitarja meħtieġa fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida għalhekk tapplika biss għaż-żona euro.

Liema huma l-elementi ewlenin tat-"Two-Pack"?

It-"Two-Pack" jinkludi żewġ Regolamenti mfassla biex tkompli tissaħħaħ l-integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro. Ir-Regolamenti jibnu fuq u jikkumplimentaw ir-riformi tas-"Six-Pack" għall-PST, il-qafas Ewropew għas-sorveljanza fiskali, u s-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika.

L-ewwel Regolament japplika għall-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro, b’regoli speċjali li japplikaw għal dawk fil-fergħa korrettiva tal-PST, il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (PDE).

It-tieni Regolament jistipula regoli ċari u simplifikati għal sorveljanza ta' livell ogħla għal dawk l-Istati Membri li qed jaffaċċjaw diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom, dawk li qed jirċievu assistenza finanzjarja, u dawk ħerġin minn programm ta’ assistenza finanzjarja.

It-"Two-Pack" joħloq qafas komuni fiż-żona euro, imsejjes fuq approċċ iggradat. Dan idaħħal rekwiżiti ta’ sorveljanza xierqa għal firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet baġitarji, biex jiżgura kontinwità bla skossi ta’ monitoraġġ ta' politika.

Il-qafas fiskali tal-UE diġà ġie emendat bis-"Six-Pack". Għalfejn qed isiru dawn il-bidliet ulterjuri?

Il-kriżi urietna li hemm bżonn tfassil ta' politika fiskali aktar prudenti matul il-ċiklu ekonomiku. Ir-riformi tas-"Six-Pack" lill-PST żiedu rekwiżiti ġodda għall-Istati Membri mil-lat ta' politika baġitarja, b’mod partikolari regoli fiskali ġodda. Dan mhux il-każ tat-"Two-Pack", li jiffoka fuq il-koordinazzjoni.

Il-kriżi wriet ukoll il-ħtieġa għal aktar titjib għall-koordinazzjoni u s-sorveljanza baġitarja għall-Istati Membri taż-żona tal-euro, minħabba l-interdipendenza akbar tagħhom u s-suxxettibilità li jiġu affettwati mid-deċiżjonijiet fiskali ta' xulxin. Dan wassal għal rieda akbar li tissaħħaħ is-sorveljanza reċiproka u biex id-deċiżjonijiet baġitarji jitqiesu bħala materja ta' interess komuni. Permezz ta’ kooperazzjoni u integrazzjoni msaħħa fiż-żona tal-euro, b'monitoraġġ gradat u aktar mill-qrib, it-"Two-Pack" ser jgħin biex tissaħħaħ il-parti ekonomika tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Kif se tittejjeb il-koordinazzjoni baġitarja fiż-żona tal-euro permezz tat-"Two-Pack"?

Il-"Two-Pack" se jdaħħal linja kronoloġika baġitarja komuni, kif ukoll regoli baġitarji komuni għall-Istati Membri taż-żona tal-euro. B'mod speċifiku, u miċ-ċiklu baġitarju li jmiss 'l quddiem:

  • Sat-30 ta’ April, l-Istati Membri fiż-żona tal-euro jridu jippubblikaw il-pjanijiet fiskali ta’ terminu medju tagħhom (Programmi ta’ Stabilità), flimkien mal-prijoritajiet ta’ politika tagħhom għat-tkabbir u l-impjiegi għat-12-il xahar ta' wara (Programmi ta’ Riforma Nazzjonali) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew dwar il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika.

  • Sal-15 ta’ Ottubru, l-Istati Membri taż-żona tal-euro għandhom jippubblikaw l-abbozzi tal-baġits tagħhom għas-sena sussegwenti.

  • Sal-31 ta’ Diċembru, l-Istati Membri taż-żona tal-euro għandhom jadottaw il-baġits tagħhom għas-sena sussegwenti.

Innovazzjoni maġġura tat-"Two-Pack" hija li l-Kummissjoni teżamina u tagħti opinjoni dwar kull abbozz tal-baġit sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru. Jekk il-Kummissjoni tiskopri xi nuqqas qawwi ta’ konformità mal-obbligi skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, hija titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex jippreżenta pjan rivedut. Għaż-żona euro kollha kemm hi, il-Kummissjoni se tippubblika valutazzjoni komprensiva għax-xejriet baġitarji għas-sena ta’ wara. L-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-baġits nazzjonali u dwar iż-żona tal-ewro se jiffaċilita d-diskussjonijiet fil-Grupp tal-euro.

Peress li dan l-eżerċizzju ta’ sorveljanza kkoordinata isir fil-ħarifa, jiġifieri bejn żewġ Semestri Ewropej, jikkumplimenta b’mod utli l-qafas eżistenti tal-governanza billi jistabbilixxi l-kuntest għar-rebbiegħa ta’ wara kif ukoll billi jipprovdi segwitu għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati f’dak preċedenti. Barra minn hekk, fl-ispirtu ta’ sorveljanza integrata li wasslet għall-ħolqien tas-Semestru Ewropew, it-"Two-Pack" jiżgura l-konsistenza bejn il-proċessi baġitarji u proċessi u deċiżjonijiet oħra ta’ politika ekonomika.

Ħaġa importanti hija li t-"Two-Pack" se jtejjeb ukoll is-solidità tal-proċessi baġitarji nazzjonali billi jobbliga lill-Istati Membri jibbażaw l-abbozzi tal-baġits tagħhom fuq previżjonijiet makroekonomiċi indipendenti u jaraw li jkun hemm korpi indipendenti sabiex jimmonitorjaw il-konformità ma’ regoli fiskali nazzjonali.

It-"Two-Pack" kif se jtejjeb is-sorveljanza ekonomika u finanzjarja fiż-żona tal-euro?

Għall-Istati Membri li jkunu fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv, it-"Two-Pack" se jintroduċi sistema ta’ monitoraġġ li se teżisti flimkien mar-rekwiżiti stabbiliti skont il-PST, u tikkomplimentahom. L-Istati Membru kkonċernat, iggradat skont l-istadju fil-PDE li jkun jinsab fiha, irid jipprovdi b'mod regolari informazzjoni ulterjuri lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li jkun ħa biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv tiegħu. Il-Kummissjoni mbagħad tkun f’pożizzjoni aħjar biex tiskopri kwalunkwe riskju li jkun hemm għal din il-korrezzjoni. Meta jiġu osservati tali riskji, il-Kummissjoni tkun tista’ tindirizza rakkomandazzjoni direttament lill-Istat Membru kkonċernat sabiex dan jara li jagħmel dak kollu meħtieġ biex jiġi evitat li jiġi ġġudikat bħala mhux konformi u b’hekk jiġu evitati sanzjonijiet finanzjarji.

it-"Two-Pack" isaħħaħ ukoll il-monitoraġġ u s-sorveljanza għal dawk l-Istati Membri li qed jaffaċċjaw jew li qed jgħaddu minn, diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom. Is-saħħa tal-monitoraġġ u s-sorveljanza se tkun tiddependi fuq is-serjetà tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Stat Membru.

Din tinkludi, iżda mhix limitat għal, dawk l-Istati Membri li jirċievu assistenza finanzjarja, jew li jkunu jinsabu fil-proċess tat-tneħħija gradwali ta’ tali assistenza. Dawk li jkunu qed jesperjenzaw instabbiltà finanzjarja serja jew li jkunu qed jirċievu assistenza finanzjarja fuq bażi prekawzjonarja se jkunu suġġetti wkoll għal sorveljanza ta' livell ogħla, stretta ħafna, mill-Kummissjoni u mill-Bank Ċentrali Ewropew. Din is-sorveljanza ta' livell ogħla se tibni fuq, u tmur lil hinn, mill-bżonnijiet ta’ kull Stat Membru taħt il-PŻE.

Fuq il-bażi ta’ din is-sorveljanza, il-Kummissjoni tkun tista’ tikkonkludi li Stat Membru ikun irid jieħu miżuri ulterjuri peress li s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu jista’ jkollha effetti negattivi kbar fuq l-istabilità finanzjarja taż-żona tal-euro. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni tista’ tipproponi li l-Kunsill tal-Ministri jirrakkomanda lill-Istat Membru konċernat għandu jadotta miżuri korrettivi jew ifassal abbozz ta' programm ta' aġġustament makroekonomiku.

Kif jirrelata t-"Two-Pack" mat-Trattat tal-Patt Fiskali?

It-Trattat intergovernattiv dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, komunement imsejjaħ it-Trattat tal-Patt Fiskali, huwa ftehim bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro u tmien Stati Membri oħra tal-UE. Għalkemm mhux integrat fil-liġi tal-UE huwa jinkludi impenn biex fi żmien ħames snin is-sustanza tiegħu tkun integrata fil-qafas legali tal-UE.

It-"Two-Pack" jintegra xi elementi tat-Trattat tal-Patt Fiskali fil-liġi tal-UE, inklużi r-rekwiżiti għall-Istati Membri li jkunu fil-PDE biex jippreparaw programmi ta’ sħubija ekonomika u l-ħtieġa li ssir koordinazzjoni ex ante tal-pjani tal-Istati Membri fejn jidħol il-ħruġ ta’ dejn.

Kif tirrelata din il-leġiżlazzjoni l-ġdida mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u mas-Semestru Ewropew?

it-"Two-Pack" huwa mfassal biex jidħol mingħajr skossi fil-PST u biex jikkumplimentah. Bħala parti mis-Semestru Ewropew, fir-rebbiegħa ta' kull sena, l-Istati Membri jippreżentaw il-pjani fiskali tagħhom għal perjodu medju (imsejħa l-Programmi ta' Stabilità għall-Istati Membri taż-żona tal-euro; Programmi ta' Konverġenza għall-oħrajn). Għall-Istati Membri taż-żona tal-euro, it-"Two-Pack" iżid kontroparti tal-ħarifa mal-eżerċizzju tar-rebbiegħa, iżda jiffoka biss fuq il-pjani baġitarji għas-sena li tkun ġejja.

Il-Kummissjoni se toħroġ opinjoni dwar kemm abbozz ta’ baġit ikunx konformi jew le mar-rekwiżiti tal-PST u mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż bħala parti mis-Semestru Ewropew fil-qasam tal-politika baġitarja, qabel ma jkun adottat il-baġit. Huwa importanti li wieħed jenfasizza, madankollu, li t-"Two-Pack" ma jagħtix lill-Kummissjoni d-dritt li tibdel abbozzi tal-baġits nazzjonali, u lanqas ma joħloq l-obbligi għall-Istati Membri sabiex isegwu b'mod strett l-opinjoni tal-Kummissjoni. Il-valur miżjud ta’ dan l-eżerċizzju huwa l-gwida diretta li jintroduċi fi ħdan il-proċedura baġitarja, biex b’hekk il-partijiet interessati kollha fil-proċess baġitarju nazzjonali jkunu armati bl-informazzjoni li jeħtieġu qabel ma jieħdu d-deċiżjoni tagħhom fuq il-baġit.

Hemm rappurtar addizzjonali dwar miżuri meħuda mill-Istati Membri fil-PDE b’żieda fuq ir-rekwiżiti eżistenti li jaffaċċjaw skont ir-regoli tal-PST, mingħajr dawn ma jiġu ddupplikati jew sostitwiti. Madankollu, din l-informazzjoni kumplimentari żżid ir-responsabilità tal-Kummissjoni fl-għoti ta' gwida f’waqtha dwar ksur ta'rakkomandazzjonijiet tal-EDP. Hija ssaħħaħ ir-rwol preventiv tal-UE f’dak ir-rigward, u tissupplimenta t-tisħiħ ta’ mekkaniżmi ta’ infurzar fiż-żona tal-euro (fil-forma ta’ sanzjonijiet finanzjarji gradwali) introdotti permezz tas-"Six-Pack".

Bis-saħħa ta’ dawn il-proċeduri ġodda ta’ rappurtar, it-"Two-Pack" isaħħaħ il-PST billi l-Kummssjoni jkollha aktar strumenti disponibbli biex tagħmel rakkomandazzjonijiet. Pereżempju, jekk il-Kummissjoni tirrimarka fl-opinjoni tagħha li abbozz ta’ baġit mhux skont l-obbligi tiegħu skont il-PST u li l-Istat Membru in kwistjoni ma jiħux miżuri biex jikkorreġih, din ir-rimarka bikrija mill-Kummissjoni tista' tintuża aktar tard bħala parti mill-evidenza meta tasal biex tiddeċiedi, pereżempju, jekk għandhiex tqiegħed l-Istat Membru fil-PDE f'każ li d-defiċit jew id-dejn tiegħu ma jkunux konsistenti mar-regoli tal-PST.

X’jiġri meta Stat Membru joħroġ minn programm ta’ aġġustament jew ta' assistenza prekawzjonarja?

It-"Two-Pack" idaħħal sistema ġdida ta’ sorveljanza ta’ wara l-programm għall-Istati Membri li jkunu qed joħorġu minn programmi ta’ aġġustament jew ta' assistenza prekawzjonali. Sakemm ikunu ħallsu lura minimu ta’ 75 % tal-assistenza li jkunu ħadu, dawn se jibqgħu soġġetti għal sorveljanza ġdida ta' livell ogħla. Dan sabiex jiġi żgurat li jkun hemm ritorn b'suċċess u durabbli għas-swieq kif ukoll lejn is-sostenibbiltà fiskali, għall-benefiċċju tal-Istat Membru individwali kkonċernati kif ukoll taż-żona tal-euro kollha kemm hi.

Għaliex għandu jinħoloq proċess ta’ sorveljanza ta' livell ogħla b'żieda mal-proċess normali ta' sorveljanza? Dan ifisser li wieħed jista' jassumi li dan tal-aħħar mhux se jaħdem?

Il-proċess ta’ sorveljanza ttejjeb b'mod konsiderevoli permezz tas-"Six-Pack". Madankollu, l-esperjenza turi li għandha nistennew dak li mhux mistenni. Konsegwentement, il-proċeduri ta' sorveljanza ta' livell ogħla imdaħħla mit-"Two-Pack" se jippermettu monitoraġġ ta' pajjiżi li jew huma mhedda minn, jew li qed jesperjenzaw, diffikultajiet finanzjarji. Dawn se jagħtu lill-Kummissjoni s-setgħat meħtieġa sabiex tara li jibqgħu fuq, jew li jirritornaw lejn, triq sostenibbli.

Għalfejn għandha tiġi adattata l-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, il-Proċedura għall-Iżbilanċ Makroekonomiku u s-Semestru Ewropew għal pajjiżi tal-programm? Dan ma jdgħajjifx is-sorveljanza?

Il-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku huma wiesa' ħafna fl-ambitu u jmorru sew lil hinn minn kwistjonijiet strettament fiskali u mis-sorveljanza multilaterali. Fil-prattika, l-Istat Membru kkonċernat jintalab jagħmel dak kollu li jiġi identifikat bħala meħtieġ biex itejjeb il qagħda ekonomika u finanzjarja tiegħu fuq medda ta' żmien qasira, medja u twila. Is-sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku/Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv u l-monitoraġġ u r-rappurtar skont il-PST u s-Semestru Ewropew se tgħin biex tiġi evitata duplikazzjoni mhux meħtieġa ta' obbligi ta’ monitoraġġ u ta' rappurtar.

Is-sorveljanza ta' livell ogħla fit-"Two-Pack" hija konsistenti ma’ dik prevista fil-linji-gwida tal-MES/EFSF għall-pajjiżi taħt assistenza finanzjarja prekawzjonarja?

Iva. Il-Kummissjoni ħejjiet il-linji-gwida relevanti MES/EFSF u ddiskutiethom mal-Istati Membri, fil-kuntest tat-"Two-Pack", biex b’hekk tiġi żgurata l-konsistenza naturali bejn it-testi. Dak li jagħmel it-"Two-Pack" huwa li jinkorpora fil-qafas legali tal-UE l-prattiki tax-xogħol stabbiliti taħt dawn l-istrumenti intergovernattivi.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website