Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-portijiet tal-baħar Ewropej tal-2030: l-isfidi li għandna quddiemna

European Commission - MEMO/13/448   23/05/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, it-23 ta' Mejju 2013

Il-portijiet tal-baħar Ewropej tal-2030: l-isfidi li għandna quddiemna

Il-portijiet huma importanti - il-fatti ewlenin

  1. Il-portijiet huma kruċjali għan-negozju Ewropew tat-trasport u għall-kompetittività tal-Ewropa, u għandhom potenzjal enormi għall-ħolqien tax-xogħol u għall-investiment.

  2. Il-portijiet Ewropej huma l-bibien għall-kontinent Ewropew. 74 % tal-oġġetti li jiġu minn barra l-UE jgħaddu mill-portijiet. Il-portijiet huma daqstantieħor importanti għall-kummerċ bejn il-pajjiżi Ewropej: 37 % tat-traffiku tal-merkanzija bejn il-pajjiżi tal-UE u 385 miljun passiġġier jgħaddu mill-portijiet kull sena.

  3. 'Il fuq minn 1200 port tal-baħar kummerċjali joperaw tul madwar 70,000 kilometru tal-kosta tal-Unjoni. L-Ewropa hija wieħed mir-reġjuni bl-ogħla densità ta' portijiet madwar id-dinja.

  4. Fl-2011, madwar 3.7 biljun tunnellata ta' merkanzija għaddiet mill-portijiet Ewropej (jiġifieri kien hemm iktar minn 60,000 daħla fil-portijiet mill-vapuri tal-merkanzija) . It-traffiku bl-ingrossa kien jirrappreżenta 70 % minn dan it-traffiku, il-kontejners 18 % minnu u t-traffiku tat-tip "Ro-Ro" 7 % minnu, u l-bqija kienet merkanzija ġenerali oħra.

  5. L-industrija tal-portijiet tal-UE għandha impatt ekonomiku sinifikanti f'termini tal-impjiegi u tal-attività fl-industrija tal-portijiet stess (impatti diretti), iktar 'l isfel fil-katina tal-provvista (impatti indiretti) u fl-ekonomija usa' tal-UE (impatti kkaġunati). Hemm firxa wiesgħa ta' attivitajiet industrijali - bħal dawk petrokimiċi, tal-azzar, awtomobilistiċi u tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija, li jinsabu fil-portijiet. Il-portijiet huma wkoll fil-qalba tal-attività ekonomika għal raggruppamenti marittimi usa', inklużi t-tarzni, it-tagħmir tal-baħar, il-produtturi tal-krejnijiet u ta' tagħmir għat-terminals, il-kumpanija tas-salvataġġ, il-kumpaniji involuti f'attivitajiet li jinsabu lil hinn mill-kosta, il-kumpaniji tal-kostruzzjoni fil-baħar, il-kumpaniji tat-tħammil, il-bażijiet navali, eċċ.

  6. F'xi każijiet, pereżempju fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-kontribuzzjoni sħiħa tal-attivitajiet tal-portijiet għall-PDG tlaħħaq sa 3 % tal-attività ekonomika kollha.

  7. L-attivitajiet tal-port jikkontribwixxu direttament għall-impjiegi, għall-investiment intern u għat-tkabbir fil-PDG. Fit-22 stat marittimu tal-UE, 2,200 operatur tal-portijiet bħalissa jħaddmu madwar 110,000 ħaddiem tax-xatt. Forza tax-xogħol ferm ikbar taqdi l-industrija tal-portijiet li tkopri l-manutenzjoni u t-tħaddim tal-infrastruttura marittima, it-tħaddim u s-servizzi tal-bastimenti, it-trasport bl-art, l-attivitajiet loġistiċi, is-servizzi tal-merkanzija (pereżempju l-ġarr tal-merkanzija u l-intermedjazzjoni doganali), eċċ. Il-portijiet jirrappreżentaw 1.5 miljun impjieg dirett1. Meta jingħaddu l-impjiegi indiretti, dawn jirrappreżentaw sa 3 miljun impjieg fit-22 Stat Membru marittimu.

  8. L-ispejjeż u l-kwalità tas-servizzi tal-portijiet huma fattur ewlieni għan-negozji Ewropej. L-ispejjeż tal-portijiet jistgħu jirrappreżentaw parti sinifikanti mill-ispiża totali fil-katina loġistika. L-immaniġġar tal-merkanzija, il-ħlasijiet tal-portijiet u s-servizzi nawtiċi tal-portijiet jistgħu jammontaw għal bejn 40 % u 60 % tal-ispiża loġistika totali bieb bieb għan-negozji li jużaw it-tbaħħir fuq distanza qasira biex iġorru l-merkanzija.

  9. Iżda l-portijiet Ewropej qegħdin jaffaċċjaw tliet sfidi ewlenin.

  10. Huwa mbassar li sal-2030 se jkun hemm tkabbir ta' 50% fil-merkanzija li tgħaddi mill-portijiet tal-UE. Dan it-tkabbir huwa opportunità biex ikun hemm tkabbir ekonomiku u biex jinħolqu iktar impjiegi: il-Kummissjonji stmat li sal-2030 jistgħu jinħolqu bejn 110,000 u 165,000 impjieg ġdid fil-portijiet. Iżda l-portijiet Ewropej jeħtieġ li jadattaw biex jimmaniġġaw it-traffiku miżjud.

  11. In-natura tal-kummerċ qiegħda tinbidel. Pereżempju, il-ġenerazzjoni l-ġdida tal-bastimenti tal-kontejners jistgħu jġorru sa 18,000 kontejner. Kieku kellhom jitqegħdu fuq it-trakkijiet, dawn jiffurmaw linja waħda li tmur minn Rotterdam sa Pariġi.

  12. Hemm differenzi sinifikanti ħafna fil-prestazzjoni tal-portijiet Ewropej. Bħalissa 20 % tal-merkanzija kollha li tasal fl-Ewropa bil-baħar tgħaddi minn tlieta mill-portijiet li għandhom l-aqwa prestazzjoni, jiġifieri minn Antwerp, Hamburg u Rotterdam. Id-differenza fil-prestazzjoni twassal għal ineffiċjenzi kbar - rotot itwal, tibdil maġġuri fir-rotot tat-traffiku, vjaġġi bil-baħar u bl-art itwal u fl-aħħar nett iktar emissjonijiet mit-trasport u iktar konġestjoni għad-detriment taċ-ċittadini tal-UE u tal-ekonomija. Jekk ma jsir xejn, is-sitwazzjoni se tkompli tmur għall-agħar hekk kif it-traffiku jiżdied.

Għaliex 319-il port tal-baħar tal-UE?

Il-Kummissjoni identifikat 319-il port tal-baħar ewlenin li huma essenzjali għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern u għall-ekonomija Ewropea2, (ara l-linji gwida tat-TEN-T) u, minn dawn, 83 huma meqjusin bħala portijiet "tan-netwerk ewlieni"3. Ir-reviżjoni tal-Kummissjoni tal-portijiet dwar dawn it-319-il port bħala bażi għat-tħaddim tajjeb tan-netwerk tal-portijiet Ewropej li jiġġestjona 96% tal-merkanzija u 93% tal-passiġġiera li jgħaddu mill-portijiet tal-UE.

L-isfidi ewlenin li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-portijiet tagħna

Tkabbir kbir imbassar

Anki b'suppożizzjonijiet modesti biss ta' tkabbir ekonomiku, il-volumi tal-merkanzija tal-portijiet huma mistennija jiżdiedu b'50 % sal-2030 u anki iktar għat-traffiku tal-kontejners li qiegħed jikber b'rata mgħaġġla.

Biex inlaħħqu mat-tkabbir imbassar, għandhom jittieħdu deċiżjonijiet illum - biex ikollhom effett fi żmien 5 snin sa 15-il sena. L-ewwel nett, jeħtieġ li nimplimentaw il-qafas regolatorju t-tajjeb biex niġbdu lill-investituri u mbagħad jeħtieġ li nagħtu ż-żmien neċessarju biex isir l-ippjanar u x-xogħol tal-bini. L-implimentazzjoni ta' proġetti infrastrutturali kbar tipikament tieħu 15-il sena.

Jekk l-UE ma taġixxix illum, it-tkabbir ekonomiku se jkun mhedded mir-riskju ta' konġestjoni u minn spejjeż esterni għoljin ħafna - partikolarment fil-bliet u r-reġjuni tal-portijiet u fil-konnessjonijiet tagħhom mat-territorju ġewwieni usa' tagħhom.

Differenza strutturali fil-prestazzjoni fl-Ewropa

L-effiċjenza tal-portijiet tvarja ħafna madwar l-Ewropa: mhux il-portijiet kollha tal-UE għandhom l-istess livell ta' prestazzjoni, u f'dawn l-aħħar snin kompliet tikber id-differenza bejn il-portijiet li adattaw għal rekwiżiti ekonomiċi u loġistiċi ġodda u l-portijiet li ma għamlux dan. Ħafna portijiet Ewropej għandhom prestazzjoni tajba ħafna u joffru servizzi ta' livell għoli. Iżda katina hija b'saħħitha biss daqs l-aktar ħolqa dgħajfa tagħha: jekk xi ftit portijiet ma jkollhomx prestazzjoi tajba jew jaqgħu lura strutturalment, dan jaffettwa l-funzjonament tan-netwerk kollu tat-trasport Ewropew u tal-ekonomija kollha tal-Ewropa.

  1. Id-differenza fil-prestazzjoni twassal għal tibdil maġġuri fir-rotot tat-traffiku, għal vjaġġi itwal bil-baħar u bl-art u fl-aħħar nett għal iżjed emissjonijiet mit-trasport u għal iktar konġestjoni għad-detriment taċ-ċittadini tal-UE u tal-ekonomija.

  2. Hija għandha impatti negattivi fuq l-opportunitajiet tan-negozju ta' portijiet bi prestazzjoni tajba li ma jistgħux jiżviluppaw ħoloq tat-tbaħħir fuq distanza qasira (jew ifornu t-traffiku) lejn reġjuni b'portijiet bi prestazzjoni baxxa.

  3. Din id-differenza ttellef ukoll l-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha biex jiżviluppaw it-tbaħħir fuq distanza qasira bħala alternattiva vera għat-trasport bl-art f'żoni fejn hemm ħafna konġestjoni.

  4. B'mod ġenerali, id-differenza fil-prestazzjoni ttellef l-effiċjenza u s-sostenibbilità tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea kollha kemm hi.

In-natura li qiegħda tinbidel tat-tbaħħir

Il-portijiet iridu jadattaw għall-bżonnijiet li qegħdin jinbidlu tal-industrija:

  1. Id-daqs u l-kumplessità tal-flotta qegħdin jiżdiedu: qed ifiġġu bastimenti kbar immens li jġorru l-kontejners, kif ukoll tipi ġodda ta' bastimenti "Ro-Ro" u ta' bastimenti li jġorru l-gass. Bastimenti ikbar jeħtieġu kapaċità ogħla fl-eqqel sigħat meta jkunu qed iwasslu iktar merkanzija jew ikunu qed itellgħu għadd ikbar ta' passiġġieri. Pereżempju, il-"Marco Polo", li huwa proprjetà tal-kumpanija "CMA" u li ilu jopera minn Novembru tal-2012, għandu kapaċità ta' 16,000 kontejner u tul ta' 396 m. Il-kumpanija "Maersk" ordnat 20 bastiment għall-2015 b'kapaċità ta' 18,000 kontejner. Dan huwa l-ekwivalenti ta' ferrovija teoretika mgħobbija ta' 280 km (id-distanza bejn Rotterdam u Dusseldorf).

  2. Il-varar ta' bastimenti ikbar għat-tbaħħir fuq distanzi qosra u s-servizzi ta' forniment se joħolqu bżonnijiet ġodda f'termini tal-effiċjenza tal-enerġija, tal-fjuwils alternattivi tal-bastimenti u tal-prestazzjoni ambjentali (l-LNG u l-forniment tal-karburant meta l-bastiment ikun sorġut u l-magni kollha jkunu mitfija4).

  3. Xejriet riċenti fis-sistemi tal-loġistika u tad-distribuzzjoni jiġbdu iktar servizzi b'valur miżjud fiż-żona ta' port (dan huwa rilevanti għar-regoli tal-kompetizzjoni ġo port u għall-iskemi tal-ħlas).

  4. Il-kummerċ tal-enerġija qiegħed jinbidel: hemm bidla miż-żejt u mill-prodotti taż-żejt irfinut lejn il-gass; hemm bżonn ta' faċilitajiet sinifikanti tal-gassifikazzjoni fil-portijiet; qed jinbidel il-volum potenzjali tal-bijomassa niexfa u t-trasport u l-ħażna tas-CO2; u sar hemm il-provvista tal-elettriku max-xatt.

Il-proposti l-ġodda

Hemm bżonn ngħinu lill-portijiet jimmodernizzaw il-forniment tas-servizzi tagħhom, intejbu l-konnessjonijiet ta' bejn il-portijiet u niżguraw li l-portijiet kollha jkunu kapaċi joffru l-aqwa servizz possibbli. Dan ifisser li dawk il-portijiet li jkunu waqgħu lura jridu jitmexxew 'il quddiem biex ilaħħqu mal-oħrajn. Dan se jkun jeħtieġ bidla fil-mentalità u li nitgħallmu mill-prattiki tajba ta' portijiet li għandhom prestazzjoni tajba.

Il-Kummissjoni stmat li, b'din l-inizjattiva, l-ekonomija tal-UE tista' tiffranka sa 10 biljun Ewro sal-2030 u tnaqqas l-ispejjeż tal-portijiet bi kważi 7 %.

Portijiet iktar effiċjenti

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi proċeduri ġodda trasparenti u miftuħin biex jingħażlu l-fornituri tas-servizzi tal-portijiet. Se jkun hemm regoli biex jiġu evitati abbużi possibbli tal-prezzijiet min-naħa ta' operaturi bi drittijiet esklużivi. Billi jiġi żgurat ambjent kompetittiv u miftuħ fis-servizzi tal-portijiet u tiġi introdotta pressjoni kompetittiva iktar b'saħħitha f'dawk il-portijiet fejn dan għadu mhux il-każ, l-operaturi se jiġu mġiegħla jipprovdu servizzi aqwa u iktar affidabbli. Dan ġie identifikat ukoll bħala wieħed mill-prijoritajiet tal-Att dwar is-Suq Uniku II. Il-proposta tal-portijiet tapplika l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħala prinċipju ġenerali, u ġġib lill-qasam tal-portijiet f'konformità ma' modi oħra tat-trasport u mal-funzjonament tas-suq intern.

Biex tingħata iktar attenzjoni lill-konsumatur, il-proposta tintroduċi kumitat konsultattiv tal-utenti tal-portijiet. Id-dettalji tiegħu se jinbidlu skont iċ-ċirkustanzi lokali biex b'hekk il-komunitajiet lokali tal-portijiet ikunu jistgħu jibbenefikaw minn koordinazzjoni aħjar u minn ambjent iktar b'saħħtu tan-negozju. Imma l-komunità tal-port inġenerali se tkun iktar orjentata lejn il-konsumatur u se jkollha f'idejha l-għodod kollha biex tipprovdi servizzi aħjar kemm lill-bastimenti li jsorġu f'dak il-port u kemm lill-utenti li jkunu ġejjin mit-territorju li jkun jinsab 'il ġewwa mill-kosta.

Il-proposta ma toffrix regoli partikolari għat-trattament tal-merkanzija u għas-servizzi tal-passiġġieri, li għalihom il-proċeduri rilevanti huma stabbiliti f'Direttiva dwar l-għoti tal-konċessjonijiet (ara l-azzjoni nru 3). Madanakollu, dawk li joffru dawk is-servizzi se jibbenefikaw ukoll minn ambjent tan-negozju iżjed trasparenti, bil-possibbiltà li jipparteċipaw b'mod attiv fit-tħaddim aħjar tal-portijiet.

Konnessjonijiet aħjar mat-territorju li jinsab 'il ġewwa mill-kosta

Biex ikunu f'pożizzjoni li jiżviluppaw u jwieġbu għall-bidla, il-portijiet tal-Ewropa jrid ikollhom konnessjonijiet aħjar man-netwerk usa' tat-trasport.

Fil-linji gwida l-ġodda tat-TEN-T, netwerk ta' 319-il port ġie identifikat bħala essenzjali għall-funzjonament tas-suq intern u għall-ekonomija Ewropea (83 port fin-netwerk ewlieni tat-TEN-T u 239 port fin-netwerk komprensiv). Flimkien, dawn it-319-il port tat-TEN-T huma kruċjali biex ikomplu jtejbu kemm jista' jkun it-trasport Ewropew permezz ta' operazzjonijiet moderni tal-loġistika. Minħabba li huma n-nodi modali fiż-żewġt itruf tal-Awtostradi tal-Baħar, huma essenzjali wkoll għall-iżvilupp tat-tbaħħir fuq distanza qasira bħala alternattiva għat-trasport bl-art f'ċerti reġjuni, l-iktar fil-Mediterran. Il-Kummissjoni tistima li din l-inizjattiva se toħloq żieda ta' bejn 4 u 8 % fit-tbaħħir fuq distanza qasira u se toħloq għadd sinifikanti ta' impjiegi ġodda.

Dawn il-portijiet tat-TEN-T se jiġġeneraw il-valur miżjud fil-livell tal-UE u se jkunu kkumplimentati minn portijiet lokali u reġjonali.

Qafas imtejjeb għall-investiment

Il-proposta testendi l-libertà tal-portijiet li jiġbru imposti u ssaħħaħ il-bżonn għat-trasparenza fil-finanzjament pubbliku.

Il-proposta se tagħti iktar awtonomija lill-awtoritajiet tal-portijiet, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-iffissar tal-imposti u mal-allokazzjoni tar-riżorsi. Billi tipprovdi lill-awtoritajiet tal-portijiet b'iktar awtonomija biex jistabbilixxu u jiġbru l-imposti infrastrutturali huma stess, il-proposta se tagħtihom ukoll iktar għażliet biex jiżguraw operazzjonijiet tajbin f'port partikolari.

Barra minn hekk, il-proposti jipprevedu iktar flessibbiltà biex titqies il-prestazzjoni ambjentali tal-portijiet. Fis-snin li ġejjin, il-prestazzjoni ambjentali tal-portijiet se tiżdied billi jiġi mħeġġeġ l-użu ta' teknoloġiji nodfa kemm għall-bastimenti u kemm għall-infrastruttura tal-portijiet. L-awtoritajiet tal-portijiet iridujkunu mgħammra b'tali mod li jkunu jistgħu jindirizzaw dawn l-isfidi l-ġodda.

L-awtonomija ta' ġestjoni ikbar għall-portijiet se tkun ibbilanċjata mis-superviżjoni min-naħa ta' awtorità indipendenti li tħares il-kompetizzjoni ġusta u l-koordinazzjoni tal-iżviluppi fil-portijiet fil-livell nazzjonali u f'dak Ewropew.

Il-proposta ssaħħaħ il-bżonn għat-trasparenza fl-użu tal-finanzjament pubbliku. Dan se jagħmilha ċara fejn ikunu qegħdin imorru l-fondi pubbliċi u se jgħin biex jiġi evitat it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni. Ir-regoli iktar speċifiċi tat-trasparenza se jippermettu skrutinju eqreb ta' ċerti prattiki li jeżistu llum il-ġurnata. Dan se jinkuraġġixxi lill-investituri privati li jeħtieġu ċ-ċertezza legali u l-istabbiltà ffit-tul. Fi żmien meta r-riżorsi pubbliċi qegħdin isiru dejjem iktar skarsi, irid jiġi żgurat investiment privat addizzjonali.

Djalogu soċjali: niżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin

Mingħajr forza tax-xogħol imħarrġa sewwa u nies bil-ħiliet, il-portijiet ma jistgħux jiffunzjonaw. Il-Kummissjoni stmat li ż-żieda mistennija fl-attività fil-portijiet tista' toħloq madwar 70,000 impjieg dirett ġdid5 sal-2030. Is-servizzi moderni tal-portijiet u ambjent stabbli jridu jinkludu wkoll l-organizzazzjoni moderna tad-dispożizzjonijiet soċjali u tax-xogħol.

Minn Ġunju li ġej, il-Kummissjoni se twaqqaf Kumitat għad-Djalogu Soċjali għall-Portijiet fejn il-ħaddiema u min iħaddem ikunu jistgħu jiddiskutu u jaqblu dwar kwistjonijiet marbutin max-xogħol. Il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ tekniku u amministrattiv għax-xogħol ta' dan il-Kumitat u se tevalwa l-progress li jkun sar fl-2016.

Il-Kumitat se jibda l-ħidma tiegħu billi jiffoka fuq il-kwistjonijiet tas-saħħa, tas-sikurezza, tat-taħriġ u tal-edukazzjoni. Il-ftehimiet milħuqa iktar tard se jinbidlu f'liġijiet.

Il-pjan ta' azzjoni propost mill-Kummissjoni

Il-proposta leġiżlattiva l-ġdida dwar il-portijiet hija parti minn pjan ta' azzjoni usa' propost mill-Kummissjoni. Wara proċess twil ta' konsultazzjoni, il-Kummissjoni waslet għal inizjattiva li tikkonsisti fi proposta leġiżlattiva b'miżuri ffukati li għandhom jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill u bi tmien azzjonijiet addizzjonali li l-Kummissjoni għandha tieħu fis-snin li ġejjin biex tindirizza l-isfidi ewlenin li qegħdin jaffaċċjaw il-portijiet tagħna llum:

L-azzjoni nru 1

L-użu tal-istrutturi futuri tal-kurituri tal-linji gwida l-ġodda għall-iżvilupp tan-netwerk tat-TEN-T biex jiġu identifikati l-investimenti ta' prijorità skont il-"Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa" biex il-portijiet jiġu konnessi mal-ferroviji, mal-mogħdijiet tal-ilma interni u mat-toroq u biex il-portijiet jiġu mħeġġa jipprovdu tagħrif dwar il-flussi tat-traffiku li jippermetti organizzazzjoni aħjar tal-loġistika intermodali.

L-azzjoni nru 2

It-tisħiħ tal-allinjament ta' proġetti tat-trasport iffinanzjati taħt il-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni mat-TEN-T, bil-prijorità tingħata lill-proġetti dwar l-aċċess għall-portijiet u l-konnessjonijiet mat-territorju li jinsab 'il ġewwa mill-kosta. L-istess sforz għall-konsistenza fl-investiment se jsir ma' sorsi oħra ta' finanzjament tal-UE, bħas-self disponibbli permezz tal-BEI u faċilitajiet oħra tas-self tal-UE.

L-azzjoni nru 3

Il-verifika tal-applikazzjoni t-tajba tad-Direttiva futura dwar il-konċessjonijiet u l-kuntratti pubbliċi fil-qasam tal-portijiet. Għall-kuntratti li mhumiex koperti minn dawn id-Direttivi, għandu jiġi vverifikat li l-prinċipji tat-trattament indaqs u tat-trasparenza mogħtija fit-Trattat, hekk kif interpretati mill-Qorti, huma applikati tajjeb fil-qasam tal-portijiet.

L-azzjoni nru 4

L-għoti ta' appoġġ lis-simplifikazzjoni amministrattiva fil-portijiet biex jinbidlu f'effett prattiku l-isforzi meħuda bl-inizjattivi dwar:

  1. - il-"Blue Belt", li jissimplifikaw il-proċeduri tad-dwana fil-portijiet;

  2. - l-implimentazzjoni armonizzata u koerenti tal-"punti uniċi nazzjonali ta' servizz";

  3. - "is-servizzi marittimi elettroniċi" (l-użu tal-informazzjoni elettronika biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u biex isir in-negozju); kif ukoll

  4. - l-inizjattiva tal-"merkanzija elettronika", li għandha l-għan li tħaffef l-iskambju tal-informazzjoni tul ktajjen loġistiċi multimodali u li se tikkontribwixxi biex tittejjeb l-effiċjenza tal-portijiet, minħabba li l-portijiet huma pjattaformi multimodali importanti.

L-azzjoni nru 5

Il-kjarifika tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-settur tal-portijiet: bħalissa l-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq il-modernizzazzjoni tar-regoli tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat għas-setturi ekonomiċi kollha. Sa tmiem l-2013, il-Kummissjoni se tiċċara l-kunċett tal-għajnuna fir-rigward tal-finanzjament tal-infrastruttura, partikolarment fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħda dejjem tevolvi.

L-azzjoni nru 6

L-adattament għall-bidla, li għandu jiġi diskuss kif xieraq mas-sħab soċjali fil-qafas tad-Djalogu Soċjali Ewropew: is-sħab soċjali tal-UE diġà qablu dwar ir-regoli ta' proċedura u dwar programm konġunt miftuħ tax-xogħol u qed jistennew li l-Kumitat jitwaqqaf formalment fid-19 ta' Ġunju 2013. Il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ għax-xogħol ta' dan il-Kumitat u se tevalwa l-progress li jkun sar fl-2016.

L-azzjoni nru 7

Il-promozzjoni tal-innovazzjoni, il-monitoraġġ tal-prestazzjoni u l-eżaminar u d-diskussjoni tal-bżonnijiet tar-riżorsi umani, inklużi s-saħħa u s-sigurtà, it-taħriġ u l-isfidi tal-kwalifiki fil-portijiet tal-UE: taħt is-seba' programm qafas RŻT għat-trasport, sa tmiem l-2013 il-Kummissjoni se tniedi żewġ proġetti madwar l-UE kollha li jeżaminaw dawn il-kwistjonijiet.

L-azzjoni nru 8

L-għoti ta' appoġġ għal applikazzjoni iktar konsistenti ta' imposti infrastrutturali tal-portijiet li jkunu ddifferenzjati mil-lat ambjentali: il-Kummissjoni se tipproponi prinċipji għall-iffissar ta' imposti ambjentali u se tippromwovi l-iskambju ta' prattiki tajbin sal-2015.

Għal aktar informazzjoni:

MEMO/13/451

http://ec.europa.eu/transport/

Lista ta' 319-il port ewlieni tal-UE skont il-pajjiż

ANNESS 1 - TABELLI U GRAFIKI EWLENIN

L-aqwa 20 port tal-merkanzija fl-Ewropa, skont in-numru ta' tunnellati ttrattati (fl-2011). Ara wkoll il-grafika mogħtija hawn taħt.

L-aqwa 20 port tal-merkanzija fl-Ewropa

It-tunnellati ttrattati, f'miljun tunnellata (fl-2011)

1

Rotterdam

370.3

2

Antwerpen

168.5

3

Hamburg

114.4

4

Marseille

84.5

5

Algeciras

68.8

6

Le Havre

63.4

7

Amsterdam

59.6

8

Immingham

57.2

9

Bremerhaven

55.9

10

Valencia

54.2

11

Londra

48.8

12

Milford Haven

48.7

13

Genova

42.4

14

Trieste

41.8

15

Göteborg

41.3

16

Taranto

41.2

17

Dunkerque

40.8

18

Southampton

37.9

19

Talinn

36.0

20

Tees & Hartlepool

35.2

Grafika: L-aqwa 20 port tal-merkanzija fl-Ewropa u portijiet tal-merkanzija ewlenin oħrajn - skont in-numru ta' tunnellati ttrattati (fl-2011)

Sors: l-Eurostat.

3 :

In-netwerk tat-TEN-T huwa magħmul minn żewġ livelli: 1) in-netwerk komprensiv li se jiżgura l-kopertura sħiħa tal-UE u l-aċċessibbiltà tar-reġjuni kollha, li għandu jitlesta sal-2030, u 2) in-netwerk ċentrali li se jforni n-netwerk komprensiv u se jagħti prijorità lin-nodi l-iktar importanti tat-TEN-T, u li għandu jitlesta sal-2050. Il-kriterji ddettaljati għall-għażla tal-portijiet tat-TEN-T tinsab fil-proposta dwar it-TEN-T (COM (2011)650 finali/2). L-għadd finali ta' portijiet tat-TEN-T se jiddependi fuq ir-riżultat finali tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja li għaddejja bħalissa.

4 :

Il-forniment tal-karburant meta l-bastiment ikun sorġut u l-magni kollha jkunu mitfija jew il-provvista tal-elettriku max-xatt: fejn il-bastimenti jagħmlu konnessjoni biex jaqsmu l-provvista tal-enerġija minflok ma jkollhom jużaw il-ġeneraturi li jkollhom abbord.

5 :

Iċ-ċifra hija ogħla meta jiġu kkunsidrati l-impjiegi indiretti u kkaġunati.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website