Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, 15 ta' April 2013

Mistoqsijiet frekwenti: Regoli ġodda tal-UE għal trakkijiet aktar siguri u ekoloġiċi

Is-sitwazzjoni attwali

Bħalissa hawn 6.5 miljun vettura tqila tal-merkanzija (HGV; b’piż massimu ta’ ’l fuq minn 3.5 tunnellati) fiċ-ċirkolazzjoni fl-UE. Il-manifatturi tat-trakkijiet tal-UE jinsabu minn ta' quddiem fid-disinn intelliġenti u innovattiv tal-vetturi. Il-manifattura tat-trakkijiet u t-trasport tal-merkanzija bit-triq jimpjegaw madwar 6 miljun persuna fl-UE. It-trasport tal-merkanzija bit-triq huwa essenzjali għat-tkabbir ekonomiku tal-Ewropa, u jammonta għal aktar minn 70 % tal-attività tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (f’tunnellati-km) fl-UE, jittrasporta aktar minn 80 % f’volum ta' oġġetti (tunnellati) u aktar minn 90 % f’valur (€) u jammonta għal qrib il-1.5 % mill-PDG.

Filwaqt li, għall-futur qarib, se jkun x'aktarx it-trasport bit-triq li jġorr il-biċċa l-kbira tal-oġġetti fl-Ewropa, jeħtieġ li s-settur tat-toroq jagħmel sforz akbar biex jikkontrolla d-domanda eżistenti b'mod sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

Fl-UE, it-trasport jiddependi fuq iż-żejt u l-prodotti taż-żejt għal madwar 90 % tal-ħtiġijiet tal-enerġija tiegħu. It-tnaqqis tal-konsum tal-fjuwil fit-trasport bit-triq tal-merkanzija fuq distanza twila se jkun ta’ kontribut ambjentali u ekonomiku importanti ħafna.

Ir-regoli attwali

Ir-regoli tal-UE li jkopru l-vetturi tqal tal-merkanzija ġew stabbiliti fit-tmeninijiet (id-Direttiva 96/53/KE) biex jissodisfaw tliet għanijiet ewlenin: biex tkun imħarsa l-infrastruttura, u jkunu żgurati s-sikurezza stradali u l-kompetizzjoni ħielsa fis-Suq Uniku. Dak iż-żmien, ir-regoli ma tfasslux b'tali mod li jitqiesu l-għanijiet ambjentali jew tal-effiċjenza enerġetika.

Id-Direttiva 96/53/KE tillimita l-piż massimu tal-vetturi tqal tal-merkanzija għal 40 tunnellata (44 fi trasport ikkombinat) u t-tul għal 18.75 m. Hemm ċerti possibbiltajiet biex tidderoga minn dawn id-dimensjonijiet, iżda dak jiddeċidih kull Stat Membru abbażi tas-sussidjarjetà u l-kundizzjonijiet lokali. Fil-prattika, ir-regoli attwali llum saħansitra jipprevjenu l-introduzzjoni ta’ disinni innovattivi bħal kabini aktar fit-tond, li huma essenzjali biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwils u s-sikurezza.

Madwar għoxrin fil-mija mill-emissjonijiet totali tad-CO2 ġejjin mit-trasport bit-triq, u l-HGVs jgħoddu għal kwart minnhom. Minkejja ċertu titjib li sar fl-effiċjenza tal-fjuwil fl-aħħar snin, l-emissjonijiet mill-HGVs għadhom qed jiżdiedu, l-aktar minħabba t-traffiku tal-merkanzija bit-triq dejjem jiżdied.

Biex ilaħħqu mal-progress teknoloġiku, jeħtieġ li r-regoli eżistenti jiġu aġġornati kemm jista' jkun malajr.

Mis-6.5 miljun trakk li bħalissa jinsabu fit-toroq tal-Ewropa, mill-anqas 1 miljun li regolarment jivvjaġġaw distanzi twal jistgħu jieħdu vantaġġ minn vetturi ġodda aktar aerodinamiċi.

X’qed nipproponu?

Aerodinamika aħjar: il-proposti tal-Kummissjoni għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-introduzzjoni ta’ vetturi aktar aerodinamiċi, b’mod partikolari, billi jippermettu lill-manifatturi jiddisinjaw l-kabini tat-trakkijiet fit-tond u li jgħammru l-vetturi tagħhom bi flaps aerodinamiċi fuq wara tat-trejler. Dawn huma tibdiliet żgħar, iżda għandhom impatt konsiderevoli fuq l-aerodinamika u l-effiċjenza tal-fjuwil, partikolarment fuq distanzi itwal.

Dan it-titjib jista' jnaqqas il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet b’10 % mingħajr l-ebda tibdil fil-kapaċità tat-tagħbija. Iwassal għal iffrankar li jlaħħaq il-EUR 5,000 fis-sena fi spejjeż fi fjuwils għal trakk tipiku għal vjaġġi fit-tul li jkopri distanza ta’ 100,000 km.

Sikurezza aħjar fit-toroq: Il-forma attwali tal-briksa tista’ żżid il-gravità tal-korrimenti għall-utenti tat-toroq f'ħabta. Tnaqqas ukoll il-vista “ta’ mal-ġenb” tas-sewwieqa. Disinn aktar fit-tond tal-kabini aerodinamiċi se jippermetti lis-sewwieq jara aħjar u fil-każ ta' ħabta b'veloċità baxxa jista’ jnaqqas l-impatt fuq utent vulnerabbli tat-triq, u b’hekk jgħin biex kull sena jsalva l-ħajjiet ta’ 300 sa 500 utent tat-triq vulnerabbli bħal dawk li jkunu mexjin fit-toroq jew iċ-ċiklisti: tnaqqis ta’ 10 % fl-imwiet fl-UE f’inċidenti fit-toroq li jinvolvu t-trakkijiet.

Il-kabini l-ġodda se jżidu wkoll il-kumdità tas-sewwieq b’aktar spazju u jippermettu l-użu ta’ airbags.

Trasport intermodali aħjar: se titnaqqas il-burokrazija biex ikun iffaċilitat it-trasport intermodali u biex ikun aktar faċli għall-kontejners tal-45 pied, li huma l-aktar kontejners użati f’distanzi twal, biex jaqilbu bejn baħar, triq u ferrovija. Pereżempju, mhux se jkun meħtieġ aktar permess speċjali.

Aħjar għan-negozji Ewropej u għall-ħolqien tax-xogħol fil-manifattura tal-vetturi: Il-manifatturi Ewropej tal-vetturi tqal huma fuq quddiem fis-swieq globali u s-settur huwa wieħed mill-akbar investituri korporattivi fir-riċerka u l-iżvilupp. L-iżvilupp tal-vetturi tal-merkanzija ġodda b'kabini aerodinamiċi u flaps fuq wara se jkun opportunità għall-manifatturi Ewropej biex jiżviluppaw mudelli ġodda biex jilħqu d-domanda globali għal vetturi tqal tal-merkanzija aktar ekoloġiċi u effiċjenti fl-użu tal-fjuwil.

Tagħbija żejda: Illum, sa terz mill-vetturi kkontrollati huma mgħobbija żżejjed u b’hekk jikkawżaw ħsara lill-infrastruttura, ifixklu s-sikurezza stradali u jiswew lill-kontribwenti madwar EUR 950 miljun kull sena. Is-sistemi tal-użin abbord u ta’ stazzjonijiet mat-toroq ewlenin għall-użin waqt li l-vettur tkun miexja se jippermettu l-individwazzjoni awtomatika ta' vetturi b'piż żejjed. L-iżvilupp ta’ individwazzjoni awtomatika se jiffranka ħafna waqfien mhux meħtieġ ta' madwar 75,000 vettura fis-sena. Dan se jippermetti lill-awtoritajiet ta’ kontroll jevitaw madwar 140,000 siegħa ta’ xogħol mhux meħtieġ. Dan se jkun ukoll ta' benefiċċju għall-proċessi ta' manifattura li jiddependu fuq kunsinni fil-ħin, minħabba li jiġu eliminati waqfiet mhux meħtieġa.

Il-proposta tkopri l-vetturi li jġorru merkanzija tqila u l-karozzi tal-linja, iżda wkoll kategoriji oħra iżgħar ta’ vetturi speċifikati fid-Direttiva.

F’Ġunju 2012 il-Viċi-President Kallas ipprovda gwida dwar il-kundizzjonijiet li bihom it-trakkijiet itwal jistgħu jaqsmu l-fruntieri. Il-punt ewlieni ta’ din il-gwida kien li jenfasizza li l-użu ta' trakkijiet itwal huwa kwistjoni li l-Stati Membri individwali għandhom jieħdu deċiżjoni dwarha, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u abbażi tal-kundizzjonijiet lokali differenti. L-ebda Stat Membru ma huwa obbligat jawtorizza l-użu ta’ vetturi itwal jekk ma jħossx li huwa xieraq. Il-gwida indikat ukoll li trakkijiet itwal jistgħu jaqsmu l-fruntiera ta’ żewġ Stati Membri jmissu ma’ xulxin li jawtorizzaw l-użu tagħhom, sakemm dan jibqa' ristretta għat-trasport bejn dawk iż-żewġ Stati Membri biss u ma taffettwax il-kompetizzjoni internazzjonali b'mod sinifikanti. Din il-gwida issa hija inkorporata fid-Direttiva riveduta.

Fi ftit ċifri

  • Il-kabini fit-tond u l-flaps aerodinamiċi fuq wara tat-trejler jistgħu jiffrankaw sa EUR 5,000 fi spejjeż tal-fjuwil għal trakk tipiku għal vjaġġi fit-tul li jkopri distanza ta’ 100,000 km.

  • Mis-6.5 miljun trakk li bħalissa jinsabu fit-toroq tal-Ewropa, mill-anqas 1 miljun li regolarment jivvjaġġaw distanzi twal jistgħu jibbenefikaw mill-miżuri l-ġodda;

  • It-tlaqqigħ ta’ flaps aerodinamiċi (spojlers ta’ wara) u kabini fit-tond għall-HGVs jista' jnaqqas il-konsum tal-fjuwil b'10 %;

  • It-tibdil tad-disinn tal-kabina tal-HGVs jista’ jsalva 300 sa 500 ħajja fis-sena fl-UE;

  • Filwaqt li proporzjon relattivament għoli ta’ HGVs huma mgħobbija aktar milli suppost, kull sena jitwaqqfu madwar 75,000 HGV għall-ebda raġuni u dan jiswa' lill-awtoritajiet ta' kontroll 140,000 siegħa, li jistgħu jiġu ffrankati jew użati għal għanijiet oħra.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/transport/modes/road/weights-and-dimensions_en.htm

Id-Direttiva 96/53/EC attwali


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website