Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, is-27 ta' Marzu 2013

Rapport dwar il-progress fl-enerġija rinnovabbli

X'inhuma l-miri tal-UE għall-Enerġija Rinnovabbli?

Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli adottata fl-2009 tistipula miri vinkolanti għall-enerġija rinovabbli. Tiffoka fuq li tasal għal sehem ta' 20% ta' enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija kumplessiv tal-UE sal-2020. Kull Stat Membru għandu jilħaq miri individwali għas-sehem kumplessiv tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum enerġetiku. Barra minn hekk, fis-settur tat-trasport kull Stat Membru għandu jilħaq l-istess mira ta' 10% ta' enerġija rinnovabbli.

Dawn il-miri jistgħu jintlaħqu billi jiżdied is-sehem tal-enerġija minn għejun rinnovabbli, fosthom ir-riħ (sew fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar), ix-xemx (enerġija termali, fotovoltajka u kkonċentrata), l-enerġija idroelettrika, il-mewġ, l-enerġija ġeotermali u l-bijomassa (inklużi l-bijofjuwils u l-bijolikwidi). Il-miri tal-enerġija rinnovabbli għandhom il-għan li jnaqqsu t-tniġġis u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, inaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u jiddiversifikaw il-provvista enerġetika tagħna billi tonqos id-dipendenza fuq iż-żejt u l-gass.

X'inhu l-għan tar-Rapport dwar il-progress fl-enerġija rinnovabbli?

Skont ir-rekwiżiti tar-rappurtar li joħorġu mid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, għandu jinħareġ rapport kull sentejn. L-għan ta' dan ir-rapport dwar il-progress huwa li jivvaluta l-progress tal-Istati Membri fil-promozzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli lejn il-miri tal-2020. Barra minn hekk, fih taqsimiet dwar l-iskema ta' sostenibbiltà għall-bijofjuwils u l-bijolikwidi kkunsmati fl-UE u dwar l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta' dan il-konsum.

Fiex waslet l-UE fir-rigward tal-Enerġija Rinnovabbli?

L-adozzjoni tal-qafas politiku kurrenti ta' miri legalment vinkolanti rriżultat fit-tkabbir kbir fl-enerġija rinnovabbli. L-aħħar dejta disponibbli mill-Eurostat turi li l-UE u bosta Stati Membri qegħdin fit-triq it-tajba lejn il-ksib tal-miri 2020. Fl-2010, is-sehem tal-UE tal-enerġija rinnovabbli kien ta' 12.7% u l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ġa laħqu l-mira intermedja rispettiva tagħhom għall-2011/2012 kif stipulat mid-Direttiva. Fir-rigward tal-kriterji ta' sostenibbiltà tal-UE, l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-iskema tal-bijofjuwils meqjusa li għadha kajmana wisq. Bħalissa l-impatti negattivi possibbli tal-konsum tal-UE tal-bijofjuwils ma jeħtiġux intervent politiku speċifiku ulterjuri.

L-UE se tilħaqhom il-miri tagħha għall-2020?Filwaqt li sar progress sal-2010, xorta għad hemm tħassib dwar il-progress fil-ġejjieni: it-traspożizzjoni tad-Direttiva ħadet aktar bil-mod milli wieħed stenna, anki minħabba l-kriżi ekonomika li ġħaddejja minnha l-Ewropa. Billi t-trajjettorja indikattiva għall-ilħiq tal-mira finali qed issir dejjem aktar wieqfa kull ma jmur, ir-realtà turi li hemm bżonn aktar sforzi mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fis-snin li ġejjin. Il-politika ta' bħalissa mhix se tkun biżżejjed biex tiskatta l-implimentazzjoni meħtieġa tal-enerġija rinnovabbli fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Għalhekk se jkun hemm bżonn sforzi addizzjonali mill-Istati Membri biex jibqgħu mexjin fit-triq it-tajba fis-snin li ġejjin.

X'għandu jsir biex jintlaqħu l-miri għall-2020?

L-Istati Membri jridu jiffinalizzaw it-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinovabbli mill-aktar fis u għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw l-ostakli għall-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-enerġija rinnovabbli billi:

  • jieħdu miżuri biex inaqqsu l-piż u d-dewmien amministrattiv;

  • jiżviluppaw is-sistema elettrika u jintegraw aħjar l-enerġija rinnovabbli fis-suq;

  • jagħmlu skemi ta' appoġġ aktar stabbli u trasparenti imma wkoll kosteffettivi u orjentati lejn is-suq.

Il-gwida ppjanata mill-Kummissjoni dwar l-iskemi ta' appoġġ u r-riforma prevista għal din is-sena għandha l-għan li tiżgura li dan l-appoġġ ikun kosteffettiv u jgħin biex jintegra l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-suq tal-enerġija .

X'inhuma l-konsegwenzi għall-Ewropa jekk ma nilħqux il-miri tal-2020?

Ikun hemm konsegwenzi kbar għall-UE jekk ma jintlaħqux il-miri tal-2020 għall-enerġija rinnovabbli. L-ewwel nett, żvilupp qawwi tal-enerġija rinnovabbli huwa kundizzjoni importanti biex nimxu lejn ekonomija b'karbonju baxx sal-2050. F'dan ir-rigward, id-deċennju kurrenti se jkun kruċjali biex nitfgħu lill-Ewropa fit-triq it-tajba, billi d-deċiżjonijiet dwar l-investiment li jsiru llum se jaffetwawlna s-settur tal-enerġija għat-tlietin sena li jmiss. It-tieni, jekk ma nilħqux il-miri, jitrażżan il-progress lejn it-tliet għanijiet politiċi tal-UE għall-enerġija: l-UE kieku tibqa' dipendenti ħafna fuq il-fjuwils fossili, u dan jibda jhedded l-għanijiet tas-"sikurezza tal-provvista" u tal-"enerġija sostenibbli". Barra minn hekk, implimentazzjoni insuffiċjenti ta' bosta teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli ma tippermettix tnaqqis xieraq fl-ispejjeż tal-produzzjoni, u għakhekk iżżomm lill-enerġija rinnovabbli milli tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-UE. Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta' lħiq tal-miri vinkolanti nazzjonali jaf iwassal għall-proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri partikolari.

Għal aktar tagħrif: IP/13/272


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site