Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, is-27 ta' Marzu 2013

Komunikazzjoni Konsultattiva dwar il-futur tal-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju fl-Ewropa

Xi nfissru meta ngħidu l-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju (CCS)?

Il-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (CCS) huwa sett ta' teknoloġiji li jiġbor id-diossidu tal-karbonju (CO2) li joħroġ minn impjanti industrijali li jaħdmu abbażi ta' fjuwils fossili, jittrasportah f'sit ta' ħażna apposta u jaħżnu f'formazzjoni ġeoloġika taħt l-art bil-ħsieb li jitneħħa darba għal dejjem mill-atmosfera.

Għaliex neħtieġu s-CCS?

L-Unjoni Ewropea kkommettiet ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra bi 80% sa 95% sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, kif inhu meħtieġ sabiex tillimita ż-żieda fit-temperaturi globali għal anqas minn 2 gradi. Jeżistu ħafna modi biex wieħed jasal għad-dekarbonizzazzjoni, fosthom l-effiċjenza fl-enerġija, aktar użu ta' enerġija rinnovabbli u sorsi ta' enerġija mingħajr karbonju. Madankollu, fil-kuntest tad-domanda għall-enerġija li qiegħda dejjem tiżdied, u li x'aktarx il-parti l-kbira tagħha se tiġi ssodisfata permezz ta' fjuwils fossili, l-introduzzjoni tas-CCS probabbilment se tkun waħda mill-għażliet ta' mitigazzjoni neċessarji.

Ir-rwol tas-CCS fil-mitigazzjoni kost effiċjenti tat-tibdil fil-klima ġie kkonfermat mill-Pjan Direzzjonali għall-2050 u mill-Pjan Direzzjonali għall-2050 għal Ekonomija b'Użu Baxx ta' Karbonju, li t-tnejn li huma ġew ippubblikati mill-Kummissjoni Ewropea fl-2011, fejn ix-xenarji kollha jimplikaw l-użu tas-CCS.

X'inhu l-iskop tal-Komunikazzjoni ppubblikata llum?

Il-Komunikazzjoni tal-lum tispjega fil-qosor is-sitwazjoni attwali fl-iżvilupp tas-CCS u tidentifika l-intoppi li żammew lit-teknoloġija Ewropea milli tavvanza bil-pass previst fl-2007. Il-Komunikazzjoni tiddiskuti wkoll xi wħud mill-għażliet possibbli għall-promozzjoni tad-dimostrazzjoni f'waqtha u l-użu bikri tas-CCS fl-Ewropa sabiex tissaħħaħ il-validità kummerċjali fuq tul ta' żmien. Il-partijiet interessati jistgħu jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar liema jista' jkun l-aħjar qafas ta' politika sabiex ikun żgurat li sseħħ id-dimostrazzjoni tas-CCS flimkien ma' aktar użu għalih mingħajr telf ta' żmien, sakemm ikun ippruvat li s-CCS huwa kummerċjalment u teknikament vijabbli.

Kemm huwa teknikament matur is-CCS?

Globalment, aktar minn 20 proġett ta' dimostrazzjoni tas-CCS fuq skala żgħira qed jitħaddmu b'suċċess; tnejn minnhom qegħdin fl-Ewropa (fin-Norveġja), iżda l-ebda wieħed ma huwa fit-territorju tal-UE. Il-parti l-kbira tagħhom huma applikazzjonijiet industrijali, bħall-ipproċessar taż-żejt u tal-gass jew il-produzzjoni ta' kimiki, li jiġbru d-diossidu tal-karbonju għal raġunijiet kummerċjali. Tmienja minn dawn il-proġetti japplikaw il-katina sħiħa tas-CCS, u ħamsa minnhom huma ekonomikament vijabbli permezz tal-irkupru aħjar taż-żejt, fejn id-diossidu tal-karbonju jintuża biex jittella' ż-żejt mhux maħdum.

Madankollu, is-CCS għadu ma ġiex applikat fuq skala akbar għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. B'konsegwenza ta' dan, it-tnaqqis tal-ispejjeż u l-assigurazzjoni ta' validità kummerċjali baqgħu sfida.

Għaliex is-CCS għadu ma qabadx ir-ritmu fl-UE?

L-implimentazzjoni tal-proġetti ta' dimostrazzjoni proposti fl-Ewropa kienet aktar diffiċli milli kien tbassar inizjalment. Hemm għadd ta' fatturi responsabbli għal din is-sitwazzjoni, iżda prinċipalment huma n-nuqqas ta' validità kummerċjali fuq tul ta' żmien u l-ispiża tat-teknoloġija tas-CCS. Bil-prezzijiet attwali tal-karbonju li huma baxxi ħafna, u mingħajr ebda xkiel legali jew inċentivi, ma hemm l-ebda raġuni għala l-operaturi ekonomiċi għandhom jinvestu fis-CCS. Xi proġetti (dawk li pproponew il-ħżin fuq l-art) iltaqgħu ma' oppożizzjoni pubblika qawwija. Filwaqt li fl-Ewropa teżisti biżżejjed kapaċità ta' ħżin, mhux din il-kapaċità kollha hija aċċessibbli jew tinsab qrib emittenti tad-diossidu tal-karbonju. Xi Stati Membri ddeċidew li jipprojbixxu jew jirristrinġu l-ħżin ta' diossidu tal-karbonju fit-territorji nazzjonali tagħhom. Barra minn hekk, tinħtieġ infrastruttura tat-trasportazzjoni adegwata biex tgħaqqad is-sorsi tad-diossidu tal-karbonju mal-bjar ta' assorbiment tal-gassijiet b'mod effiċjenti.

Kemm se jiġi jiswa s-CCS?

Skont valutazzjonijiet riċenti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, l-ewwel ġenerazzjoni ta' impjanti tal-enerġija li jaħdmu bit-teknoloġija tas-CCS hija mistennija li se tkun bejn 60% u 100% aktar għalja minn impjant konvenzjonali simili, skont it-teknoloġija tal-qbid magħżula. Ladarba jibdew jintużaw l-impjanti tal-enerġija tas-CCS, l-ispejjeż jibdew jonqsu minħabba l-benefiċċji tar-riċerka u l-iżvilupp flimkien mal-ħolqien ta' ekonomiji ta' skala. Il-prezz tal-qbid tad-diossidu tal-karbonju għall-applikazzjonijiet industrijali se jvarja wkoll skont l-applikazzjoni, iżda f'ħafna każijiet jista' jkun anqas minn dak għall-ġenerazzjoni tal-enerġija minħabba l-konċentrazzjoni għolja ta' diossidu tal-karbonju fil-gass mit-tromba ta' ċumnija.

L-istimi tal-ispejjeż operazzjonali tas-CCS ivarjaw, skont it-tip ta' fjuwil, ta' teknoloġija u ta' ħżin, iżda l-parti l-kbira tal-kalkoli tal-ispejjeż attwali jaqgħu fil-medda ta' bejn EUR 30 u EUR 100/tCO2 maħżun (medja ta' EUR 40/ton CO2 evitati għall-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam; u 80 €/ton CO2 evitati għal impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass naturali. Barra minn hekk għandhom jitqiesu l-ispejjeż tat-trasport u tal-ħżin.) Dawn l-ispejjeż huma mistennija jonqsu sostanzjalment hekk kif it-teknoloġija tiġi ppruvata fuq skala kummerċjali.

Għal aktar tagħrif ara: IP/13/272


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site