Navigation path

Left navigation

Additional tools

Mistoqsijiet u Risposti: Green Paper dwar qafas għal politiki tal-klima u tal-enerġija sal-2030

European Commission - MEMO/13/275   27/03/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, 27 ta' Marzu 2013

Mistoqsijiet u Risposti: Green Paper dwar qafas għal politiki tal-klima u tal-enerġija sal-2030

X’inhuma l-għanijiet ewlenin ta’ dan il-qafas?

L-għanijiet ewlenin huma t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, il-garanzija għall-provvista tal-enerġija u l-appoġġ għat-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi permezz ta’ approċċ ta’ teknoloġija għolja u effiċjenti mil-lat ta’ spejjeż.

X’inhuma l-bidliet peress li l-miri tal-2020 diġà ġew stabbiliti?

Fost l-aktar bidliet importanti, kien hemm bidliet fl-ekonomija, żviluppi ġodda fit-teknoloġija li jwasslu għall-produzzjoni ta’ tipi ġodda ta’ enerġija, żviluppi f’termini ta’ prezzijiet u żviluppi fir-riċerka.

Għaliex huwa importanti ftehim bikri dwar qafas għal politiki tal-klima u tal-enerġija sal-2030?

  1. L-ewwel nett, ċikli ta’ investiment twal jimplikaw li l-infrastruttura ffinanzjata fil-futur qarib se tkun għadha f’postha fl-2030 u anke wara. L-investituri għalhekk jeħtieġu li jkunu ċerti dwar l-objettivi u liema politiki se jkunu fis-seħħ.

  2. It-tieni nett, il-kjarifikazzjoni tal-objettivi għall-2030 għandha tkun ta' appoġġ għall-progress lejn ekonomija kompetittiva u sistema tal-enerġija sigura billi tinħoloq domanda akbar għal teknoloġiji effiċjenti u b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju u l-ixprunar tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, li jistgħu joħolqu opportunitajiet ġodda għall-impjiegi u t-tkabbir.

  3. It-tielet, sa tmiem l-2015 huwa mistenni li jkun hemm ftehim internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima. Qabel din id-data l-UE se jkollha tasal għal ftehim dwar serje ta’ kwistjonijiet, b'mod partikolari l-livell ta’ ambizzjoni tagħha stess għall-2030, sabiex tkun tista' tikkollabora b’mod attiv ma’ pajjiżi oħra.

X’inhuma l-miri tal-UE dwar il-klima u l-enerġija għall-2020?

Il-qafas ta’ politika attwali huwa bbażat fuq tliet miri ewlenin li għandhom jinkisbu fl-UE sal-2020:

  1. tnaqqis ta’ 20 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) taħt il-livell tal-1990

  2. sehem ta’ 20 % mis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mit-total tal-enerġija użata

  3. iffrankar ta’ 20 % fil-konsum tal-enerġija primarja (meta mqabbel mal-projezzjonijiet qabel l-ftehim dwar il-miri tal-klima u tal-enerġija għall-2020).

X'inkiseb diġà fir-rigward ta’ dawn l-miri?

  1. L-emissjonijiet tal-GHG fl-UE fl-2011 ġew stmati 16 % taħt il-livelli tal-1990 filwaqt li l-PDG kiber bi 48 % mill-1990 lil hawn.

  2. Fl-2010, is-sehem ta’ konsum tal-enerġija ta' sorsi rinnovabbli kien ta' 12.7 % meta mqabbel mat-8.5 % fl-2005.

  3. Il-konsum tal-enerġija primarja laħaq il-quċċata fl-2005/2006 b'madwar 1825 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti għaż-żejt (Mtoe). Imbagħad naqas bi ftit minn dak iż-żmien sakemm laħaq l-1730 Mtoe fl-2011.

X’inhuma l-kwistjonijiet ewlenin għal din il-konsultazzjoni?

Il-Green Paper tinkkonsulta lill-partijiet interessati dwar għadd ta’ kwistjonijiet ta’ importanza għall-qafas tal-2030, fosthom:

  1. Dak li wieħed jista’ jitgħallem mill-esperjenza bil-qafas eżistenti?

  2. Liema miri għall-klima u l-enerġija jistgħu jiġu stabbiliti għall-2030?

  3. Kif tista’ tiġi żgurata koerenza bejn strumenti ta’ politika differenti?

  4. Kif jistgħu l-aħjar jiġu definiti politiki biex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-kompetittività tal-UE u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija?

  5. Kif jistgħu jitqiesu l-kapaċitajiet differenti ta' azzjoni tal-Istati Membri?

X’inhuma s-sejbiet ewlenin għall-2030 tal-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 u l-Pjan Direzzjonali 2050 għal Ekonomija b'Użu Baxx ta' Karbonju?

Ix-xenarji ppreżentati mill-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 u l-Pjan Direzzjonali 2050 għal Ekonomija b'Użu Baxx ta' Karbonju ssuġġerew li

  1. l-emissjonijiet tal-GHG fl-UE jeħtieġ li jitnaqqsu b’40 % taħt il-livelli tal-1990 biex tkun f’pożizzjoni li tasal għal tnaqqis ta’ GHG ta' 80-95 % sal-2050, b’konsistenza mat-tnaqqis meħtieġ min-nazzjonijiet industrijalizzati bħala grupp biex jilħqu l-mira miftiehma internazzjonalment li t-tisħin globali jiġi limitat għal 2 °c.

  2. Sehem akbar tal-enerġija rinnovabbli, titjib fl-effiċjenza enerġetika u infrastruttura tal-enerġija aħjar u aktar intelliġenti huma l-alternattivi “bla ebda dispjaċir” għat-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-UE.

  3. Il-prezzijiet tal-enerġija huma mbassra li se jiżdiedu fil-perjodu sal-2030 b'dekarbonizzazzjoni sinifikanti tas-sistema tal-enerġija jew mingħajrha. Fil-parti l-kbira dan hu minħabba l-investimenti fis-sistema tal-enerġija li jkunu meħtieġa fi kwalunkwe każ.

Għal aktar tagħrif ara: IP/13/272.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website