Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, id-19 ta’ Marzu 2013

Lejn Strateġija dwar Korrimenti Serji minn Aċċidenti tat-Traffiku — Mistoqsijiet frekwenti

Ix-xogħol ta' sikurezza fit-toroq fl-UE sa issa kien suċċess kbir. Matul l-aħħar perjodu ta' strateġija, 2001-2010, l-għadd ta’ mwiet fit-toroq tal-UE naqas b’total ta’ 43%, biex qarreb lejn l-għan strateġiku li "jitnaqqsu l-imwiet fit-triq bin-nofs sal-2010" għalkemm dan ma ntlaħaqx kompletament Madankollu, għal kull persuna li titlef ħajjitha fit-triq, madwar għaxra oħra jkorru serjament. Barra minn hekk, fil-każ ta’ korrimenti serji, it-titjib irrapportat mhuwiex daqstant impressjonanti. Id-dejta rrappurtata mill-Istati Membri wriet biss tnaqqis ta’ 36% bejn l-2001 u l-2010. Minbarra dak li jsofru l-individwi kawża ta’ tali korrimenti, l-ispejjeż soċjoekonomiċi mġarrba huma stmati fil-livell ta’ 2% tal-PDG annwali tal-UE.

Lejn strateġija dwar il-korrimenti

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni Ewropea llum ippubblikat dokument dwar korrimenti serji minn aċċidenti tat-traffiku li jiddeskrivi fil-qosor il-passi li jmiss lejn strateġija komprensiva tal-UE dwar il-korrimenti serji minn aċċidenti tat-traffiku, notevolment:

  1. Definizzjoni komuni ta’ korriment serju minn aċċident tat-traffiku,

  2. Mod kif l-Istati Membri jistgħu javvanzaw fit-titjib tal-ġbir ta’ dejta dwar aċċidenti tat-traffiku, u

  3. Il-prinċipju tal-adozzjoni ta' mira fil-livell tal-UE għat-tnaqqis ta’ korrimenti serji minn aċċidenti tat-traffiku.

l-indirizzar ta' korrimenti serji — x’inhi s-sitwazzjoni bħalissa?

Madwar 250 000 persuna huma stmati li jkorru serjament f’aċċidenti fit-toroq kull sena — meta mqabbla ma' 28 000 fatalità fit-triq fl-2012.

Il-korrimenti serji minn aċċidenti tat-traffiku l-aktar komuni huma dawk tar-ras u tal-moħħ, segwiti minn korrimenti fis-saqajn u fis-sinsla. Bosta korrimenti serji jwasslu għal tbatija tul il-ħajja jew diżabilitajiet permanenti. L-utenti vulnerabbli tat-triq, pereżempju dawk li jkunu mexjin, iċ-ċiklisti, is-sewwieqa tal-muturi jew l-utenti f’ċerti gruppi ta’ età — speċjalment l-anzjani — huma partikolarmenti effettwati minn korrimenti serji minn aċċidenti tat-traffiku. Spiss il-korrimenti serji minn aċċidenti tat-traffiku jseħħu f’żoni urbani aktar milli f’toroq rurali.

X’jista' jsir?

Fattur ewlieni li jikkontribwixxi għas-suċċess fl-indirizzar tal-imwiet fit-toroq kien l-approċċ ibbażat fuq ir-riżultati adottat f’żewġ strateġiji ta' għaxar snin konsekuttivi dwar is-sikurezza fit-toroq tal-UE. Huwa ċar li, abbażi tal-esperjenza ta’ xogħol iffukat dwar l-imwiet fit-toroq, u li ħalla riżultati tajbin, seta’ jinkiseb ħafna permezz tal-applikazzjoni ta' fokus simili fuq korrimenti serji minn aċċidenti tat-traffiku iżda li mhumiex fatali. Madankollu biex iseħħ, dan jirrikjedi dejta ċara u preċiża sabiex tiġi vvalutata l-iskala, in-natura u l-kawżalità kumplessa ta’ korrimenti serji, kif ukoll il-permess ta' monitoraġġ tal-impatt tal-azzjonijiet sussegwenti.

X’inhi l-problema tad-dejta dwar il-korrimenti?

In-nuqqas ta’ definizzjonijiet komuni flimkien man-nuqqas ta' rappurtar u rappurtar ħażin ifisser li l-informazzjoni dwar l-iskala u n-natura ta’ korrimenti serji hija insuffiċjenti, nieqsa mid-dettall u mhix kompluta. Huwa probabbli li l-għadd totali ta’ nies midruba serjament f'aċċidenti tat-traffiku huwa sostanzjalment ogħla minn dak li qed jiġi rrappurtat fil-preżent.

Bħalissa, l-Istati Membri jużaw definizzjonijiet differenti, li ħafna drabi mhumiex mediċi, ta’ korriment serju, kif ukoll metodi ta’ ġbir ta’ dejta differenti. Pereżempju, uħud mill-Istati Membri jiddefinixxu persuna midruba serjament bħala persuna li teħtieġ kura fi sptar; oħrajn bħala persuna li teħtieġ tibqa' l-isptar għal aktar minn 24 siegħa; filwaqt li xi Stati Membri kellhom definizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq listi ta’ dijanjosi.

Fil-mument, hemm ukoll kwantità sostanzjali ta’ rappurtar ħażin u ta’ nuqqas ta’ rappurtar ta’ korrimenti serji. Ir-rappurtar ħażin iseħħ peress li l-valutazzjonijiet "fil-post" mill-pulizija normalment kienu l-uniku metodu użat biex jiġi ddeterminat il-grad ta’ severità tal-korriment li jiddaħħal fid-dejtabejżis għas-sikurezza tat-triq. F’ħafna każijiet ma hemm l-ebda segwitu xieraq b’rekords tal-valutazzjonijiet tal-isptar. Proporzjon kbir ta’ aċċidenti mhux fatali ma jitniżżilx (pereżempju, isir nuqqas ta’ rappurtar peress li l-pulizija xi kultant ma jiġux avżati bl-aċċidenti). Xi korrimenti kultant ikunu rrappurtati bħala serji għalkemm ma jkunux. Studji indikaw li, fil-verità, madwar 70% biss tal-korrimenti serji jiġu rrappurtati.

Din il-lakuna fl-għarfien għandha tingħalaq. Huwa biss b'fehim aħjar tas-sitwazzjoni li jistgħu jiġu mfassla azzjonijiet u politiki b’mod effiċjenti sabiex jitnaqqas l-għadd ta’ korrimenti serji u jiġu mminimizzati l-konsegwenzi fit-tul. Huwa meħtieġ ukoll fehim aħjar tax-xejriet tal-korrimenti kkawżati minn ħabta sabiex isiru paraguni internazzjonali.

X’qed nipproponu?

Il-Kummissjoni llum fasslet tliet passi li għandhom iwasslu biex tiġi żviluppata strateġija komprensiva tal-UE dwar il-korrimenti.

1. Definizzjoni komuni għal korrimenti minn aċċidenti tat-traffiku

Id-definizzjoni komuni ta’ korrimenti serji hija prerekwiżit għal intervent effettiv. Mingħajr definizzjoni armonizzata ta’ korrimenti serji, il-kobor u n-natura vera tal-problema ta’ korrimenti serji ma tistax tiftiehem kompletament. Lanqas ma jista’ jsir paragun.

Biex din il-kwistjoni twassal xi mkien, il-Kummissjoni pproponiet li l-Istati Membri jiddiskutu l-għażliet għal definizzjoni komuni f’laqgħa tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Sikurezza fit-Toroq, f’Ġunju 2012, fejn attendew esperti tas-sikurezza fit-toroq li jirrappreżentaw l-Istati Membri tal-UE. L-iskala tat-trawma diġà eżistenti, il-"Maximum Abbreviated Injury Score" (MAIS1), ġiet meqjusa bħala l-għażla ppreferuta għal definizzjoni komuni. Din l-għażla ġiet ikkonfermata mill-Grupp ta’ Livell Għoli waqt il-laqgħa tiegħu f’Jannar 2013.

X’inhi l-iskala tat-trawma MAIS?

Il-MAIS hija skala tat-trawma aċċettata globalment u użata minn professjonisti mediċi. Hija toffri bażi oġġettiva u affidabbli għall-ġbir tad-dejta. Il-grad tad-dannu huwa ddeterminat fl-isptar bl-għajnuna ta’ klassifikazzjoni dettaljata. Il-punteġġ ivarja bejn 1 u 6, bil-livelli minn 3 sa 6 ikkunsidrati bħala korrimenti serji. Is-sistema MAIS tippermetti wkoll sottoklassifikazzjoni dettaljata.

Il-benefiċċju tal-użu ta’ din is-sistema ta' klassifikazzjoni speċifika huwa li għandha validità u affidabbiltà għolja. L-użu ta’ klassifikazzjoni dettaljata inaqqas ir-riskju ta’ dijanjosi arbitrarja kif ukoll inaqqas sostanzjalment ir-riskju ta’ rappurtar ħażin. Barra minn hekk, hija sistema komparabbli internazzjonalment ukoll. Xi Stati Membri diġà bdew jużaw dan il-metodu biex jikklassifikaw il-korrimenti minn aċċidenti tat-traffiku. Is-sistema hija stabbilita sew u tintuża ħafna mill-persunal mediku, għaldaqstant m'hemmx il-ħtieġa li jiġu żviluppati sistemi ġodda.

L-Istati Membri jistgħu għalhekk jirrapportaw dejta kemm dwar korrimenti ħfief kif ukoll dwar dawk serji, billi jindikaw il-livell ta’ severità skont il-MAIS.

2. Il-ġbir ta' dejta affidabbli dwar korrimenti serji

Il-prijorità hija li naslu għal għarfien aktar preċiż tal-għadd totali ta’ nies li jkorru serjament f’aċċidenti tat-traffiku, kif ukoll għal fehim aħjar tal-korrimenti speċifiċi. Huwa vitali li jkun hemm definizzjoni komuni ta’ korriment serju, iżda jistgħu jintużaw sistemi ta’ rappurtar differenti biex, effettivament, tinġabar id-dejta .

Il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Sikurezza fit-Toroq identifika tliet possibbiltajiet ewlenin għall-Istati Membri sabiex itejbu r-rappurtar tagħhom:

  1. Dejta tal-isptarijiet: Permezz tad-definizzjoni l-ġdida ta’ korriment serji minn aċċidenti tat-traffiku, il-valutazzjoni normalment se ssir mill-persunal mediku fl-isptar u minn hemm tiġi rrappurtata fid-dejtabejż tal-aċċidenti tat-traffiku. Din l-għażla hija faċli biex tiġi introdotta u se tipprovdi dejta preċiża u affidabbli dwar il-korrimenti, madankollu mhux se tipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar il-kawżi u l-karatteristiċi tal-aċċidenti kif ipprovdut mir-rapporti tal-pulizija.

  2. Il-rabta tad-dejta tal-pulizija u tal-isptarijiet: Il-metodu li jagħti l-aktar stampa kompluta għandu jkun ir-rabta tad-dejta rilevanti tal-pulizija flimkien ma' dik tal-isptarijiet. Din hija l-għażla ppreferuta tal-Kummissjoni peress li toffri l-aktar sett komplut ta’ informazzjoni.

  3. Il-koeffiċjenti nazzjonali: Bħala għażla temporanja, l-aktar għażla bażika hija li jissokta r-rappurtar attwali abbażi tar-rapporti tal-pulizija iżda jiġi applikat il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni nazzjonali sabiex toħroġ stima "reali" tal-għadd totali.

L-aktar importanti, din il-flessibbiltà tfisser li l-Istati Membri kollha għandhom ikunu f’pożizzjoni li japplikaw wieħed mit-tliet metodi ta’ rappurtar fil-ħin opportun biex tinġabar id-dejta, bl-użu ta’ definizzjoni komuni ta’ korrimenti serji, matul l-2014, u jirrappurtaw l-ewwel sett ta’ dejta matul l-2015.

3. Tiġi stabbilita mira

Mira ta' tnaqqis strateġiku u realistikament ambizzjuż fir-rigward tal-korrimenti serji tikkomplimenta l-istrateġija attwali dwar is-sikurezza fit-toroq tal-UE, kif previst fl-orjentazzjonijiet tal-politika tal-Kummissjoni tal-2011-2020. Mira fil-livell tal-UE tista’ tiġi kkumplimentata mill-Itati Membri billi huma jadottaw miri rilevanti fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu wkoll huma stess jistabbilixxu għan aktar ambizzjuż jew jadottaw sottomiri, pereżempju għal gruppi ta’ utenti speċifiċi ta' toroq, reġjuni jew sitwazzjonijiet tat-traffiku.

Abbażi tal-informazzjoni li tasal bid-definizzjoni komuni u bis-sistemi tal-ġbir ta’ dejta, il-Kummissjoni se tipproponi mira wiesgħa għall-UE li għandha tiġi adottata eż. għall-perjodu bejn l-2015 u l-2020. Imbagħad ikun possibbli wkoll li tibda l-esplorazzjoni ta' żoni għall-azzjoni biex titnaqqas is-severità tal-aċċidenti, li jwasslu għall-adozzjoni futura ta’ miżuri konkreti.

Kemm jiswa aċċident tat-traffiku?

Huwa ferm diffiċli li jiġu vvalutati fid-dettall l-ispejjeż kollha marbuta mal-aċċidenti tat-traffiku. L-ispejjeż jinkludu mhux biss dawk għat-trattament mediku, ir-riabilitazzjoni, l-adattamenti għad-diżabbiltà, l-assigurazzjoni u s-sistemi ta’ appoġġ soċjali, iżda wkoll l-effetti ekonomiċi fuq is-soċjetà u fuq min iħaddem meta jitilfu l-membri tal-forza tax-xogħol. Il-membri tal-familja tal-vittma jistgħu wkoll jiġu affettwati jekk ikun meħtieġ li dawn jibdew jieħdu ħsieb il-vittma. l-aktar stima kkwotata hija li, għall-UE, l-ispejjeż totali jammontaw għal madwar 2% tal-PDG annwali tal-UE2. Dan ilaħħaq għal madwar EUR 250 biljun għall-2012.

Xi miss isir?

Il-Ministri tat-Trasport se jiddiskutu l-approċċ tal-Kummissjoni lejn strateġija dwar korrimenti serji minn aċċidenti tat-traffiku f’Ġunju 2013. Kull Stat Membru għandu jiddeċiedi liema metodu għall-ġbir tad-dejta u għar-rapportar tad-dejta huwa l-aktar adattat għalih. Huma se jkunu jistgħu jibdew japplikaw id-definizzjoni komuni l-ġdida u l-proċeduri għall-ġbir tad-dejta għas-sena 2014.

Il-Kummissjoni se tkun tista’ tippubblika din id-dejta fl-2015. B’appoġġ politiku qawwi (mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew) abbażi tal-informazzjoni rċevuta, il-Kummissjoni se tipproponi mira wiesgħa tal-UE li għandha tiġi adottata eż. għall-perjodu bejn l-2015 u l-2020. Imbagħad ikun possibbli wkoll li tibda l-esplorazzjoni ta' żoni għall-azzjoni biex titnaqqas is-severità tal-aċċidenti, li jwasslu għall-adozzjoni futura ta’ miżuri konkreti.

Liema miżuri se jiġu proposti?

Għadu kmieni wisq biex wieħed jiddeċiedi dwar xi miżuri konkreti. l-ewwel pass hu li tinġabar dejta u informazzjoni affidabbli dwar l-ambitu u t-tip tal-problema. L-użu ta' aktar dejta komparabbli se jgħin biex l-azzjonijiet futuri jiġu ffukati bl-aktar mod effiċjenti u fuq oqsma prijoritarji, madankollu l-oqsma ewlenin jistgħu jinkludu:

  1. L-impatt tal-ħabta: il-ħidma preżenti dwar il-prevenzjoni ta’ aċċidenti għandha tikkomplimenta l-fokus fuq għodod u tekniki li jistgħu jnaqqsu s-severità tal-korrimenti li ma jistgħux jiġu evitati (fid-disinn kemm tal-vetturi kif ukoll tal-infrastruttura).

  2. Servizzi ta’ emerġenza u l-ewwel għajnuna: L-għajnuna rċevuta fl-ewwel siegħa wara l-ħabta hija kruċjali biex jitnaqqas ir-riskju ta’ konsegwenzi serji. Ġie stmat li jekk il-ħin bejn l-okkorrenza tal-ħabta u l-wasla tas-servizzi ta’ emerġenza jiġi mnaqqas minn 25 għal 15-il minuta, l-għadd ta’ mwiet jonqos b’terz3.

  3. Riċerka fil-fond dwar korrimenti kkawżati minn ħabta biex issostni l-iżvilupp ta’ miżuri tas-sikurezza u biex tinftiehem aħjar il-kawżalità kumplessa. L-azzjonijiet u l-politiki biex jitnaqqsu l-korrimenti serji minn aċċidenti tat-traffiku għandhom ikunu bbażati fuq l-evidenza.

Se jkun hemm proposta leġiżlattiva dwar il-korrimenti serji minn aċċidenti tat-traffiku?

M’għandniex nassumu li l-oqsma kollha ta’ strateġija bħal din jeħtieġu leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE. Pjuttost, bħal fil-każ tal-miżuri tas-sigurtà fit-toroq kollha, ir-responsabbiltà se tinqasam u tirrikjedi sehem minn bosta partijiet interessati, f’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Se tkun meħtieġa taħlita xierqa ta’ leġiżlazzjoni, żieda fl-għarfien, infurzar, inġinerija, kooperazzjoni u trasferiment tal-għarfien fost il-partijiet interessati rilevanti, pereżempju permezz tal-Osservatorju Ewropew għas-Sikurezza fit-Toroq, flimkien mal-appoġġ tar-riċerka.

Aktar informazzjoni:

IP/13/236

http://ec.europa.eu/transport/road_safety/topics/serious_injuries/index_en.htm

1 :

Il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi li l-AIS (fil-verżjonijiet kollha tagħha) hija l-proprjetà tal-Assoċjazzjoni għall-Avvanz tal-Mediċina tal-Vetturi (AAAM), is-sid tad-drittijiet tal-awtur. L-hekk imsejħa AIS (l-Iskala Imqassra tal-Korrimenti) hija msemmija f’dan id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni għal skopijiet ta’ informazzjoni biss.

2 :

WHO, World report on road traffic injury preventions, 2004.

3 :

Rocío Sánchez-Mangas, Antonio García-Ferrrer, Aranzazu de Juan, Antonio Martín Arroyo, The probability of death in road traffic accidents. How important is a quick medical response?, 2010


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site