Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, it-13 ta' Marzu 2013

Reviżjoni tad-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ajru - Mistoqsijiet Frekwenti

X’inhi s-sitwazzjoni attwali?

Is-suċċess tal-Ewropa fir-rigward tal-iżgurar u l-ħarsien tad-drittijiet tal-passiġġieri jikkostitwixxi waħda mill-akbar kisbiet tal-politika tat-trasport tal-UE. Ir-Regolament 261/2004 dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ajru tal-UE1, li daħal fis-seħħ fi Frar 2005, jistabbilixxi livelli minimi ta' assistenza u kumpens għall-passiġġieri li ma jkunux tħallew jitilgħu abbord jew li jkunu affettwati minn dewmien twil fit-titjiriet jew minn kanċellazzjonijiet.

Ir-regoli l-ġodda wasslu għal bidla sinifikanti tal-imġiba fl-industrija tal-linji tal-ajru, b'mod partikolari billi tnaqqsu l-każijiet ta' rifjut ta' imbarkazzjoni u kanċellazzjonijiet ta' titjiriet kummerċjali mil-linji tal-ajru (u l-inkonvenjenzi kollha li dan joħloq għall-passiġġieri) u billi, b'mod ġenerali, qed jiġi żgurat trattament ħafna aktar ġust għall-passiġġieri meta dawn jivvjaġġaw.

L-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri baqgħet dejjem titjieb kemm ilhom li daħlu fis-seħħ ir-regoli, iżda llum il-ġurnata wasalna f'punt fejn intlaħqu l-limiti tal-azzjoni mhux leġiżlattiva (bħal linji gwida u ftehimiet volontarji) u fejn hija meħtieġa reviżjoni tal-leġiżlazzjoni nnifisha sabiex ikun żgurat li d-drittijiet tal-passiġġieri jiġu applikati kif suppost.

X’inhuma l-problemi prinċipali?

Il-problema prinċipali għall-passiġġieri hija dik li filwaqt li l-passiġġieri għandhom drittijiet ferm b'saħħithom iddefiniti bil-liġi tal-UE, jistgħu jsibu diffikultà biex jiddikjarawhom u jħossuhom frustrati meta jkun jidher li t-trasportaturi tal-ajru ma japplikawhomx. Dan japplika għad-drittijiet iddefiniti skont ir-Regolament 261/2004, iżda wkoll għad-drittijiet fir-rigward tat-telf, ħsara jew dewmien tal-bagalji kif iddefiniti fil-Konvenzjoni ta' Montreal u fir-Regolament 2027/972.

Pereżempju, stħarriġ li twettaq fil-Ġermanja, fid-Danimarka u fir-Renju Unit juri li3:

  1. 75 % tal-passiġġieri mistħarrġa kienu qed jaffrontaw problemi ta' dewmien jew ta' kanċellazzjonijiet ġew offruti ripogrammar tar-rotta, u b'hekk setgħu jkomplu bil-pjan ta' vjaġġ tagħhom.

  2. Madankollu, fl-istess stħarriġ, forom oħra ta' attenzjoni bħal ikliet, rinfreski u akkomodazzjoni ġew offruti f'anqas minn 50 % tal-każijiet.

  3. Kien biss għadd żgħir ta' passiġġieri mistħarrġa, intitolati għal kumpens finanzjarju, li fil-fatt irċevewh (2 sa 4 % fl-istħarriġ Daniż)

  4. Barra minn dan, l-istħarriġ Ġermaniż wera li aktar minn 20% tal-passiġġieri li lmentaw ma rċivewx risposta mingħand it-trasportatur tal-ajru.

Hemm erba' raġunijiet prinċipali li jikkawżaw in-nuqqas ta' rispett tad-drittijiet tal-passiġġieri:

  1. "Grey areas" legali: Ir-Regolament 261/2004 ma jagħtix biżżejjed definizzjonijiet u ċerti dispożizzjonijiet tiegħu mhumiex ċari; b'hekk iħalli dubji fir-rigward tad-drittijiet tal-passiġġieri li wasslu għal inkonsistenzi u standards vagi fl-applikazzjoni tal-liġi

  2. Immaniġġjar tal-ilmenti: Il-passiġġieri jsibu diffikultà meta jiġu biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom minħabba li l-proċeduri tal-linji tal-ajru għall-immaniġġjar tal-ilmenti mhumiex iddefiniti b'mod ċar u minħabba li m’hemmx korp ta' mmaniġġjar tal-ilmenti li jservi ta' referenza

  3. Sanzjonijiet: Politiki tas-sanzjonijiet inkonsistenti jew mhux effikaċi biżżejjed min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali ma jipprovdux biżżejjed inċentivi għall-konformità

  4. Kostijiet finanzjarji sproporzjonati: il-kost finanzjarju ta' ċerti obbligi imposti mir-Regolament jistgħu jsiru sproporzjonati għal-linji tal-ajru f'ċerti ċirkustanzi (eżempju akkomodazzjoni għal tul illimitat ta' żmien f'ċirkustanzi eċċezzjonali).

X’qed nipproponu?

Il-proposta tikkjarifika aspetti ewlenin tal-liġi tal-UE li kienu sors ta' diffikultà kemm għall-passiġġieri u kemm għat-trasportaturi tal-ajru. Fejn meħtieġ, tintroduċi drittijiet ġodda għall-passiġġieri. Tipprovdi lill-passiġġieri bi proċeduri effettivi ta' mmaniġġjar ta' ilmenti u ssaħħaħ il-politiki ta' infurzar, monitoraġġ u sanzjonijiet sabiex tiżgura applikazzjoni aħjar tad-drittijiet kollha tal-passiġġieri. Tiżgura wkoll li l-obbligi jibqgħu realistiċi mil-lat finanzjarju. Minbarra dan, tipprevedi miżuri dwar it-trasparenza tal-prezz u għandha l-għan li ttejjeb il-protezzjoni tal-passiġġieri f'każ li l-linja tal-ajru ssir insolventi.

1: Kjarifika tal-grey areas

Tagħrif dwar dewmien u kanċellazzjoni tat-titjiriet

Ir-Regolament attwali 261/2004 jobbliga lit-trasportaturi tal-ajru sabiex jipprovdu tagħrif lill-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom, iżda ma fih l-ebda rekwiżit fir-rigward ta' tagħrif mogħti fil-post innifsu fejn iseħħ l-avveniment. Il-proposta tintroduċi obbligu espliċitu li l-passiġġieri jkunu mgħarrfa dwar is-sitwazzjoni tat-titjira tagħhom ittardjata jew ikkanċellata malajr kemm jista' jkun.

It-trasportatur għandu jinforma lill-passiġġieri bis-sitwazzjoni malajr kemm jista' jkun u f'kull każ, mhux aktar tard minn 30 minuta wara l-ħin ta' tluq previst.

Huma għandhom jinfurmaw lill-passiġġieri dwar il-ħin tat-tluq stmat hekk kif dan it-tagħrif ikun disponibbli.

Ċirkustanzi straordinarji

It-terminu "ċirkustanzi straordinarji" huwa ferm importanti minħabba li, f'dawk iċ-ċirkustanzi, it-trasportaturi tal-ajru mhumiex obbligati jħallsu kumpens lill-passiġġieri. It-terminu mhuwiex iddefinit b'mod ċar fir-Regolament attwali 261/2004.

Issa, il-prinċipju ewlieni li fuqu tiġi ddeterminata liema tip ta' ċirkustanza tikkwalifika bħala straordinarja qed jiġi ċċarat. Il-proposta tal-Kummissjoni tiddefinixxi bħala "ċirkustanzi straordinarji" dawk iċ-ċirkustanzi li mhumiex inerenti fl-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u li ma jistgħux jiġu kkontrollati minnu. Din tmur aktar lil hinn u tipprovdi eżempji ta' ċirkustanzi li huma meqjusa straordinarji, pereżempju, diżastri naturali jew strajks min-naħa tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, għandhom jitqiesu bħala straordinarji, iżda problemi tekniċi identifikati matul il-manutenzjoni regolari tal-inġenju tal-ajru ma għandhomx jitqiesu hekk. Dan se jipprovdi ħafna aktar ċertezza kemm lil-linji tal-ajru u kemm lill-passiġġieri.

Dewmien fit-tul u dewmien fir-runway (tarmac delay)

Illum il-passiġġieri jgawdu minn dritt għal assistenza f'każ ta' dewmien ta' 2, 3, jew 4 sigħat, skont id-distanza tat-titjira. Skont sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-passiġġieri jistgħu jitolbu għal kumpens f'każijiet ta' dewmien ta' tliet sigħat jew aktar (ħlief f'ċirkustanzi straordinarji).

F'każ ta' dewmien, il-passiġġieri jeħtieġu, fuq kollox, li jingħataw informazzjoni ċara kif ukoll attenzjoni u assistenza waqt li jkunu qed jistennew. Għal dik ir-raġuni, minbarra r-rekwiżiti ta' tagħrif ġdid (ara t-taqsima hawn fuq), il-proposta ssaħħaħ id-drittijiet tal-passiġġieri għal attenzjoni u assistenza, b'mod li dawn jingħataw dejjem wara dewmien ta' sagħtejn, tkun xi tkun id-distanza tat-titjira.

Madankollu, il-vera prijorità għall-passiġġieri li jkunu tħallew l-art hija dik li jaslu d-dar, jew fejn ikunu jridu jaslu, malajr kemm jista' jkun. Fir-rigward tal-kumpens finanzjarju, għalhekk, il-proposta tikkonferma d-deċiżjoni tal-Qorti fit-test tar-Regolament iżda tiffissa l-iskadenza biex il-passiġġier jingħata kumpens għal 5 sigħat għat-titjiriet kollha fl-UE u titjiriet internazzjonali qosra li jkopru anqas minn 3500 km. Għall-bqija tat-titjiriet internazzjonali, l-iskadenza hija ta' 9 sigħat għat-titjiriet li jkopru anqas minn 6000 km u 12-il siegħa għat-titjiriet li jkopru aktar minn 6000 km. L-għan huwa li t-trasportaturi tal-ajru jingħataw ħin raġonevoli biex isolvu l-problema u biex ikunu mħeġġa joperaw it-titjira, mhux sempliċiment iħassruha. Fil-maġġoranza tal-każiiet, limitu ta' 3 sigħat ikun qasir wisq biex jinġiebu spare parts jew inġenju tal-ajru ieħor minn bnadi oħra, speċjalment f'każ ta' ħsara teknika f'ajruport 'il bogħod mill-bażi tat-trasportatur ikkonċernat. Id-dispożizzjonijiet attwali għandhom tendenza li jagħtu inċentivi lill-kanċellazzjonijiet għad-detriment tal-passiġġieri (minħabba li l-problema ma tkunx tista' tissolva fi skadenza qasira ħafna).

Huwa ċar li r-regoli tal-lum fir-rigward tal-assistenza huma wkoll applikabbli għad-dewmien fir-runway, jiġifieri meta l-passiġġieri jkunu qed jistennew abbord l-inġenju tal-ajru. Dan jinkludi d-dritt għal rinfreski/ikliet u d-dritt li l-passiġġieri ma jiħdux dik it-titjira wara 5 sigħat. Il-proposta tagħmel dawn id-drittijiet espliċiti u tagħti wkoll d-dritt, fejn id-dewmien fir-runway ikun ta' aktar minn siegħa, għall-kundizzjonament tal-arja, għall-użu tat-tojlits, għall-assistenza medika u għax-xorb tal-ilma. Minbarra dan, sabiex id-dritt li l-passiġġieri ma jiħdux dik it-titjira jsir effettiv, il-passiġġier jista' jitlob li jinżel minn fuq l-inġenju tal-arju wara dewmien ta' 5 sigħat.

Riprogrammar tar-rotta

Illum, il-passiġġieri jistgħu jibqgħu l-art għal ħin twil waqt li jkunu qed jistennew għal riprogrammar tar-rotta ma' titjira oħra tal-istess trasportatur tal-ajru. Mhuwiex ċar meta huwa dak il-mument li fih it-trasportatur għandu jippermetti li l-passiġġier isirlu riprogrammar permezz ta' linja oħra tal-ajru u dan wassal għal bosta tilwim bejn it-trasportaturi tal-ajru u l-passiġġieri.

Il-proposta tal-Kummissjoni ġġib magħha l-kjarifika neċessarja billi tiddikjara li, meta t-trasportatur tal-ajru ma jkunx jista' jagħti garanzija ta' riprogrammar fi żmien 12-il siegħa bl-użu tas-servizzi tiegħu stess, għandu joffri riprogrammar tar-rotta permezz ta' trasportaturi oħra tal-ajru jew mezzi oħra ta' trasport, meta jkunu disponibbli.

Titjiriet konnessi

Id-drittijiet ta' assistenza u ta' kumpens meta passiġġier ma jilħaqx titjira konnessa minħabba li l-ewwel titjira tiegħu tkun ittardjat mhumiex definiti b'mod ċar. Il-proposta tiddefinixxi b'mod ċar dawn id-drittijiet, jiġifieri assistenza wara sagħtejn u kumpens jekk il-wasla tiegħu tittardja b'iktar minn 5 sigħat għat-titjiriet kollha fl-UE u titjiriet internazzjonali qosra ta' anqas minn 3500 km. Għall-bqija tat-titjiriet internazzjonali, l-iskadenza hija ta' 9 sigħat għat-titjiriet ta' anqas minn 6000 km u 12-il siegħa għat-titjiriet ta' aktar minn 6000 km.

2. Drittijiet ġodda

Skedar mill-ġdid

Bħalissa, mhuwiex ċar jekk il-passiġġieri li t-titjira tagħhom tkun ġiet skedata mill-ġdid igawdux minn drittijiet simili bħala passiġġieri ta' titjiriet ittardjati jew ikkanċellati. Il-proposta tiddefinixxi b'mod ċar dan it-trattament ugwali meta t-titjira tkun ġiet skedata mill-ġdid anqas minn ħmistax qabel il-ħin oriġinali tat-tluq tagħha.

Ismijiet miktuba ħażin

Skont din il-proposta, il-passiġġier jista' jitlob, mingħajr ħlas, il-korrezzjoni ta' ismu f'każ li dan ikun miktub ħażin sa 48 siegħa qabel it-tluq.

Politika "No show" (użu parzjali tal-biljett/titjiriet bir-ritorn)

Wara ilmenti min-naħa tal-passiġġieri, il-proposta tistabbilixxi li passiġġier ma jistax ma jitħalliex jitla' abbord it-titjira ta' ritorn jekk ma jkunx uża l-ewwel parti tal-biljett bir-ritorn tiegħu.

Drittijiet ġodda fir-rigward ta' bagalji mhux immaniġġjati sew:

  1. Tagħmir ta’ mobbiltà:

    Minħabba l-limitazzjonijiet tar-responsabbiltà ddefiniti fil-Konvenzjoni ta' Montreal, il-linji tal-ajru spiss jistgħu jagħtu kumpens għal tagħmir ta' mobbiltà ta' passiġġieri b'mobbiltà mnaqqsa li jkun intilef jew li tkun saritlu l-ħsara b'valur anqas minn dak attwali ta' dan it-tagħmir. Skont il-proposta, it-trasportaturi tal-ajru jridu joffru lil tali passiġġieri l-possibbiltà, mingħajr spejjeż addizzjonali, li jiddikjaraw il-valur attwali tat-tagħmir ta' mobbiltà fiċ-check-in u għalhekk iżidu l-limiti ta' responsabbiltà tat-trasportatur għal dan il-valur attwali.

  2. Strumenti mużikali

    Spiss il-mużiċisti ma jkunux jafu minn qabel taħt liema kundizzjonijiet fraġli u spiss li jiswew ħafna flus, dawn l-istrumenti jkunu se jittellgħu abbord. Skont din il-proposta, it-trasportaturi tal-ajru jridu jaċċettaw strumenti iżgħar fil-kabina tal-passiġġieri u jridu jindikaw b'mod ċar it-termini u l-kundizzjonijiet għat-trasport ta' strumenti akbar fl-istivi.

  3. Preżentazzjoni tal-ilmenti

    Skont din il-proposta, it-trasportaturi tal-ajru jridu jipprovdu formoli li jippermettu li jiġu preżentati l-ilmenti fl-ajruporti stess u li t-trasportaturi tal-ajru jridu jaċċettaw bħala dikjarazzjonijiet validi (b'dan il-mod il-passiġġier jista' jippreżenta lment faċilment fil-limitu tal-iskadenzi stretti għal dikjarazzjonijiet dwar il-bagalji kif imposti mill-Konvenzjoni ta' Montreal).

  4. Awtoritajiet Nazzjonali tal-Infurzar

Illum, id-drittijiet tal-passiġġieri fir-rigward tal-bagalji kif iddefiniti fil-Konvenzjoni ta' Montreal mhuma qed jiġu infurzati mill-ebda awtorità. Skont din il-proposta, il-korpi nazzjonali ta' infurzar maħtura skont ir-Regolament 261/2004 se jkunu wkoll responsabbli għall-infurzar tar-regoli ta' kumpens għal bagalji mmaniġġjati ħażin.

  1. Trasparenza

    Il-proposta tistabbilixxi rekwiżiti ġodda għat-trasparenza fit-tagħrif li jikkonċerna l-bagalji fil-kabina u fl-istivi biex il-passiġġieri jkunu mgħarrfa dwar ir-regoli preċiżi li jikkonċernaw il-bagalji awtorizzati u kwalunkwe tariffi supplimentari fuq il-bagalji malli ssir ir-reservazzjoni tal-biljett u fl-ajruporti.

3. Infurzar, Immaniġġjar tal-Ilmenti u Sanzjonijiet

Monitoraġġ u sanzjonijiet

Il-Korpi Nazzjonali ta' Infurzar (NEBs) responsabbli għall-applikazzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri japplikaw politiki ta' sanzjonijiet varjati u jinterpretaw b'mod differenti d-diversi partijiet tar-Regolament. Il-proposta ssaħħaħ il-koordinazzjoni u l-iskambju tat-tagħrif fost l-NEBs, bl-appoġġ tal-Kummissjoni. Din tal-aħħar tista' wkoll titlob li jibdew investigazzjonijiet. L-NEBs iridu jieħdu wkoll rwol aktar preventiv billi jimmonitorjaw b'mod kostanti l-politiki tal-linji tal-ajru u mhux biss jirreaġixxu għall-ilmenti. Se jipprovdu wkoll appoġġ tekniku lill-korpi ta' mmaniġġjar tal-ilmenti responsabbli għall-ilmenti individwali tal-passiġġieri.

Immaniġġjar tal-ilmenti u infurzar tad-drittijiet individwali

Illum, il-passiġġieri spiss ma jkunux jafu kif għandhom jippreżentaw l-ilmenti lil-linja tal-ajru, jew inkella, din tal-aħħar ma tweġibx.

Skont din il-proposta, il-linji tal-ajru se jkunu jridu jipprovdu proċeduri ċari ta' mmaniġġjar tal-ilmenti (formoli onlajn, indirizzi elettroniċi). Se jkollhom ukoll iwieġbu lill-passiġġieri fil-limiti tal-iskadenzi mogħtija (ġimgħa għall-konferma tal-wasla u tweġiba formali fi żmien xahrejn).

F'każ ta' tilwim, il-passiġġieri se jkunu jistgħu jirrikorru għal korpi alternattivi ta' mmaniġġjar tal-ilmenti li għandhom ifittxu li jsolvu dan it-tilwim (b'mod sempliċi u li ma jiswiex ħafna flus).

Insolvenza

Filwaqt li, teoretikament, id-drittijiet tal-passiġġieri japplikaw b'mod sħiħ meta kanċellazzjoni ta' titjira sseħħ minħabba insolvenza tat-trasportatur tal-ajru, fil-prattika dan tal-aħħar spiss ma jkunx f'qagħda li jipprovdi dawn id-drittijiet, b'mod partikolari fir-rigward tar-riprogrammar tar-rotta.

L-awtoritajiet nazzjonali se jkunu mistiedna jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom sabiex jiżguraw monitoraġġ xieraq tas-sitwazzjoni finanzjarja tat-trasportaturi tal-ajru u, fejn meħtieġ, jadottaw approċċ koordinat fir-rigward tas-sospensjoni tal-operazzjonijiet tagħhom sabiex inaqqsu kemm jistgħu l-impatt fuq il-passiġġieri. L-assoċjazzjonijiet tat-trasport bl-ajru tal-UE se jkunu mħeġġa jifformalizzaw il-ftehimiet volontarji eżistenti dwar l-offerta ta' tariffi ta' salvataġġ u l-promozzjoni effettiva tagħhom. Il-proposta għandha wkoll l-għan li tħeġġeġ disponibbiltà akbar u iktar sistematika tal-prodotti rilevanti tal-assigurazzjoni madwar l-UE, flimkien ma' disponibbiltà akbar u aktar sistematika ta' tagħrif dwar l-iskemi ta' rimborż tal-karti ta' kreditu jew prodotti simili li jippermettu lill-passiġġieri jipproteġu lilhom infushom kontra r-riskju ta' insolvenza permezz tal-liġi nazzjonali.

Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri. Sentejn wara l-adozzjoni ta' dan it-test, il-Kummissjoni se tirrevedi l-prestazzjoni u l-effettività tiegħu.

Trasparenza fil-prezz

It-trasparenza fil-prezz mhijiex koperta direttament mill-proposti iżda hija element essenzjali fil-protezzjoni li tingħata lill-konsumaturi permezz tar-regoli tal-UE4. Wieħed mill-pedamenti ta' suq tal-avjazzjoni Ewropew illiberalizzat huwa l-libertà li kumpaniji jistabbilixxu b'mod ħieles il-prezzijiet tagħhom. Dan jippermetti li jkun hemm il-kompetizzjoni u jikkontribwixxi għall-abbundanza ta' servizzi tal-ajru disponibbli bi prezzijiet li wieħed jista' jilħaq. Din il-libertà madanakollu mhijiex assoluta; japplikaw ir-regoli dwar it-trasparenza tal-prezz.

F'dan il-qasam, l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli għad trid tilħaq livelli xierqa. Fil-livell tal-Istati Membri, diġà qed tittieħed azzjoni ta' infurzar ta' kuljum sabiex ikun żgurat li r-regoli dwar it-trasparenza fil-prezz li jipproteġu lill-passiġġier jiġu applikati kif xieraq filwaqt li jitħarsu għal kollox ir-regolamenti tal-UE. Iżda teħtieġ kooperazzjoni aktar b'saħħitha f'dan il-qasam ta' infurzar. Il-Kummissjoni bħalissa qed tivvaluta l-miżuri ta' koordinazzjoni li għandha tieħu biex tħeġġeġ aħjar lill-operaturi li għadhom lura u tiżgura li jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-trasparenza fil-prezzijiet għall-benefiċċju tal-passiġġieri.

4. Piż Finanzjarju Sproporzjonat

Limitazzjoni fir-rigward tal-assistenza

Skont regoli attwali, it-trasportaturi tal-ajru jridu jipprovdu rinfreski, ikliet u akkomodazzjoni għal perjodu indefinit ta' żmien, u dan jista' jhedded is-sopravivenza finanzjarja tagħhom (eżempju l-kriżi tal-isħaba tal-irmied). M’hemmx limitu għall-assistenza, ukoll jekk ikun hemm tfixkil kbir li t-trasportatur ma jistax jikkontrolla. Skont din il-proposta, l-għoti ta' akkomodazzjoni se jkun limitat għal tlett iljieli f'ċirkostanza eċċezzjonali. Dan il-limitu ma japplikax għall-passiġġieri b'mobbiltà mnaqqsa, persuni li jkunu qed jakkumpanjawhom, tfal mhux akkumpanjati minn adulti, nisa tqal u persuni bi ħtiġijiet mediċi speċifiċi.

Ippjanar ta’ kontinġenza

L-impatt tal-limitazzjoni msemmija aktar 'il fuq tad-dritt għall-akkomodazzjoni f'ċirkustanzi straordinarji jiddgħajjef permezz tal-obbligu msemmi aktar qabel għal riprogrammar tar-rotot aktar mgħaġġel u tal-obbligu għall-ajruporti, trasportaturi tal-ajru u utenti oħrajn tal-ajruport li jippreparaw pjanijiet ta' kontinġenza għall-passiġġieri li jitħallew l-art minħabba tfixkil kbir.

Operazzjonijiet reġjonali

Fir-rigward tal-operazzjonijiet reġjonali fuq skala żgħira (titjiriet imwettqa b'inġenji żgħar tal-ajru fuq distanzi qosra), l-ispiża ta' dawn l-obbligi skont ir-Regolament jistgħu jsiru sproporzjonati meta mqabbla mad-dħul tat-trasportatur. Il-proposta tneħħi l-obbligu li tingħata akkomodazzjoni lil dawk il-passiġġieri għal titjiriet li jkopru anqas minn 250 km u b'inġenju tal-ajru li jkollu inqas minn 80 post. Għal darb'oħra, din id-deroga ma tapplikax għall-passiġġieri b'mobbiltà mnaqqsa, persuni li jkunu qed jakkumpanjawhom, tfal mhux akkumpanjati minn adulti, nisa tqal u persuni bi ħtiġijiet mediċi speċifiċi.

Qsim tal-piż ekonomiku

Illum, ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali jistgħu jxekklu lit-trasportaturi tal-ajru milli jintroduċu rikors kontra l-parti terza responsabbli għall-interruzzjoni tat-titjira. Skont din il-proposta, il-liġi nazzjonali ma tistax tillimita d-dritt tat-trasportaturi tal-ajru li jfittxu kumpens mill-partijiet terzi responsabbli. Din id-dispożizzjoni ma taffettwax lill-passiġġieri li l-uniku kuntatt responsabbli tagħhom jibqa' t-trasportatur tal-ajru.

IP/13/219

Id-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru - taqsira

L-10 drittijiet bażiċi tal-passiġġieri (ara l-MEMO mehmuża għad-dettalji)

10 Drittijiet Bażiċi (sitwazzjoni attwali)

Il-proposta l-ġdida

1. Id-dritt għan-nondiskriminazzjoni fl-aċċess għat-trasport

Il-passiġġieri kollha għandhom aċċess ugwali għat-trasport u huma protetti b’mod partikulari mid-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, ir-residenza jew id-diżabilità.

M’hemmx bżonn tibdil

2. Id-dritt għall-aċċessibbiltà għall-mobbiltà u l-assistenza mingħajr ebda spiża addizzjonali għall-passiġġieri b’diżabilità u għall-passiġġieri b'mobbiltà mnaqqsa (PMM)

Il-PMM għandhom id-dritt li jingħataw l-għajnuna mingħajr ebda spiża addizzjonali meta jkunu qed jivvjaġġaw bil-mezzi kollha tat-trasport sabiex ikunu jistgħu jgawdu mill-istess possibbiltajiet tal-ivvjaġġar bħaċ-ċittadini l-oħra.

  • l-ebda limitazzjonijiet għad-dritt ta' attenzjoni għall-PMM

  • kumpens tal-valur sħiħ tat-tagħmir ta' mobbiltà li saritlu l-ħsara jew li ntilef (jekk ikun għadda miċ-check-in)

3. Id-dritt għall-informazzjoni qabel ix-xiri tal-biljett u fid-diversi stadji tal-vjaġġ, b’mod partikulari f’każ li jiġi interrott

Il-passiġġieri għandhom id-dritt jiġu infurmati b’mod korrett dwar il-prezz tal-biljett, id-drittijiet tagħhom u ċ-ċirkustanzi tal-vjaġġ tagħhom b’mod rilevanti u f’waqtu kemm qabel il-vjaġġ kif ukoll waqt u wara l-vjaġġ f’każ ta’ interruzzjoni.

Tagħrif aħjar lill-passiġġieri dwar l-okkorrenza u n-natura tal-interruzzjoni u dwar id-drittijiet tagħhom. It-trasportatur għandu jinforma lill-passiġġieri bis-sitwazzjoni malajr kemm jista' jkun u f'kull każ, mhux aktar tard minn 30 minuta wara l-ħin ta' tluq previst, u bil-ħin ta' tluq stmat hekk kif dan it-tagħrif isir disponibbli.

It-trasportaturi tal-ajru se jipprovdu wkoll tagħrif ċar dwar il-bagalji awtorizzati, kemm il-bagalji fil-kabini u kemm dawk fl-istivi, meta ssir ir-reservazzjoni u fl-ajruport.

4. Id-dritt li jiġu rrinunzjati l-ispejjeż tal-vjaġġ (rimborż) meta l-vjaġġ jiġi interrott

Fil-każ ta’ dewmien twil, ta’ vjaġġ ikkanċellat jew ta’ rifjut tal-imbarkazzjoni, il-passiġġieri għandhom id-dritt jiġu rrimborżati l-prezz sħiħ tal-biljett.

Id-dritt ta' rifjut tal-ivvjaġġar qed jiġi kkjarifikat fir-rigward tad-dewmien fir-runway: wara massimu ta' 5 sigħat, il-passiġġier ikollu d-dritt li jirrifjuta li jivvjaġġa u jieħu rimborż tal-prezz tal-biljett. F'każ ta' dewmien fir-runway, dan jinkludi wkoll id-dritt ta' żbark.

5. Id-dritt li jitwettaq il-kuntratt tat-trasport (riprogrammar tar-rotta jew reservazzjoni mill-ġdid) f’każ li jkun hemm xi interruzzjoni

Fil-każ ta’ dewmien twil, ta’ vjaġġ ikkanċellat jew ta’ rifjut tal-imbarkazzjoni, il-passiġġieri għandhom id-dritt jirċievu servizz alternattiv tat-trasport mill-aktar fis possibbli jew jirriservaw mill-ġdid meta jkun l-iktar konvenjenti għalihom. It-trasportatur għandu joffrilhom l-għażla malli sseħħ l-interruzzjoni, b’mod ċar u li ma jkunx kontroversjali.

Tisħiħ tat-tliet għażliet ta' rimborż tal-passiġġier, riprogrammar tar-rotta jew titjira alternattiva f'data aktar tard. B'mod partikolari, fir-rigward tar-riprogrammar: fejn it-trasportatur ma jkunx jista' jipprovdi riprogrammar tar-rotta permezz tas-servizzi tiegħu stess fi żmien 12-il siegħa, għandu joffru riprogrammar tar-rotta permezz ta' trasportaturi alternattivi jew mezzi alternattivi tat-trasport, fejn disponibbli.

6. Id-dritt għal assistenza fil-każ ta’ dewmien twil fit-tluq jew fil-punti ta’ konnessjoni

Il-passiġġieri li jitħallew l-art għandhom id-dritt li jingħataw livell minimu ta’ attenzjoni minnufih, fuq il-post fit-terminals/fl-istazzjonijiet u/jew abbord waqt li jkunu qegħdin jistennew li jibda jew li jitkompla l-vjaġġ imdewwem jew sakemm ikunu qed jistennew li jsir ir-riprogrammar tar-rotot tagħhom.

  • Kjarifika tad-drittijiet tal-passiġġieri fil-każ ta' titjiriet konnessi li jintilfu (għal attenzjoni/assistenza)

  • Id-dritt għall-attenzjoni jingħata prijorità. Ma għadux jiddependi fuq id-distanzi tat-titjiriet iżda dejjem jingħata wara sagħtejn

  • Kjarifika tad-dritt għall-attenzjoni f'każ ta' dewmien fir-runway (meta dewmien fir-runway jaqbeż siegħa, it-trasportatur irid jipprovdi, mingħajr ħlas, aċċess għat-tojlit u ilma għax-xorb, irid jiżgura tisħin jew tkessiħ xieraq tal-kabina tal-passiġġieri, u jrid jiżgura li jkun hemm disponibbli attenzjoni medika meta meħtieġa).

  • L-ajruporti, it-trasportaturi tal-ajru u utenti oħra tal-ajruport iridu jippreparaw pjanijiet ta' kontinġenza biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-passiġġieri li jitħallew l-art matul tfixkil kbir ħafna (inkluż fil-każ ta' insolvenza tal-linja tal-ajru).

7. Id-dritt għall-kumpens

F’ċerti kundizzjonijiet fil-każ ta’ vjaġġ b’dewmien twil jew ta’ vjaġġ ikkanċellat u dejjem fil-każ ta’ rifjut tal-imbarkazzjoni fit-trasport bl-ajru, il-passiġġieri huma intitolati għal kumpens finanzjarju standardizzat għall-inkwiet li jkunu sofrew. Kumpens tali jvarja għal kull mod skont it-telf ta' ħin minħabba

t-tfixkil, id-distanza tal-vjaġġ u/jew il-prezz tal-biljett.

Id-dritt għal kumpens f'każ ta' dewmien fit-tul huwa kkonfermat permezz tal-integrazzjoni tiegħu fit-test tar-Regolament: il-limitu tad-dewmien huwa estiż minn tlieta għal ħames sigħat għat-titjiriet kollha fl-UE u għal titjiriet internazzjonali qosra (sabiex it-trasportaturi jkunu mħeġġa joperaw it-titjiriet u mhux iħassruhom). Il-limiti huma ta' 9 sigħat jew 12-il siegħa għall-bqija tat-titjiriet internazzjonali.

Dritt ġdid għal kumpens għal titjiriet skedati mill-ġdid (meta jiġu nnotifikati anqas minn ħmistax qabel)

Kjarifika tad-dritt għal kumpens fil-każ ta' titjiriet konnessi li ma jintlaħqux: skont iċ-ċirkustanzi, il-passiġġier jista' jitlob għal kumpens mit-trasportatur li jkun qed jopera t-titjira ttardjata.

Id-drittijiet fil-każ ta' rifjut ta' imbark imsaħħa bid-dritt li jiġu kkoreġuti l-iżbalji ortografiċi u t-tneħħija parzjali tal-politika "no show" (l-imbark fuq it-titjira ta' ritorn ma jiġix ipprojbit sempliċiment għax l-ewwel parti tat-titjira ma tkunx intużat)

8. Id-dritt għar-responsabbiltà tat-trasportaturi għall-passiġġieri u l-bagalji tagħhom

Skont il-konvenzjonijiet internazzjonali u l-liġi tal-UE, it-trasportaturi huma responsabbli għall-passiġġieri u għall-bagalji tagħhom. Fil-każ ta’ mewt, korriment u problemi bil-bagalji u f’xi każijiet ta’ dewmien, il-passiġġieri jistgħu jkunu intitolati għal kumpens li għandu jiġi stabbilit skont il-ħsara li jkunu sofrew. Dan il-kumpens jista’ jkun limitat skont il-liġi applikabbli.

Infurzar imsaħħaħ tar-regoli li jikkonċernaw il-bagalji u regoli speċifiċi għat-tagħmir ta' mobbiltà u strumenti mużikali: l-awtoritajiet nazzjonali se jkunu responsabbli għall-infurzar tar-regoli ta' kumpens fil-konfront ta' bagalji mmaniġġjati b'mod ħażin u r-regoli l-ġodda dwar it-trasport tal-istrumenti mużikali jiżguraw li l-ġarr tagħhom ma jiġix irrifjutat abbażi ta' raġunijiet oħra ħlief dettalji tekniċi jew dwar is-sikurezza tal-inġenju tal-ajru.

9. Id-dritt għal sistema rapida u aċċessibbli ta’ mmaniġġjar tal-ilmenti

Il-passiġġieri għandhom id-dritt jippreżentaw ilment lit-trasportatur jekk ma jkunux sodisfatti. Jekk ma jingħatawx tweġiba dwar dan l-ilment wara ċertu limitu taż-żmien, jew jekk ma jkunux sodisfatti bit-tweġiba tat-trasportaturi, huma għandhom id-dritt iressqu l-ilment lill-korp nazzjonali tal-infurzar kompetenti, li għandu jittratta dan l-ilment fi żmien raġonevoli. Il-proċeduri fil-qorti u dawk alternattivi huma wkoll disponibbli skont il-liġi nazzjonali u tal-UE (pereżempju s-sistemi ta’ Riżoluzzjonijiet Alternattivi għat-Tilwim u l-Proċeduri nazzjonali jew Ewropej għat-talbiet iż-żgħar fil-qorti).

  • It-trasportaturi tal-ajru jridu jipprovdu mezzi effiċjenti lill-passiġġieri biex dawn jippreżentaw l-ilmenti tagħhom. Filwaqt li l-passiġġieri jridu jippreżentaw id-dikjarazzjoni tagħhom fi żmien 3 xhur wara l-ħin tat-tluq, it-trasportaturi jridu jwieġbu wkoll fil-limiti tal-iskadenzi mogħtija (ġimgħa għad-dikjarazzjoni tal-wasla u xahrejn għat-tweġiba formali).

  • Il-passiġġieri se jkunu jistgħu jirrikorru għal korpi alternattivi ta' mmaniġġjar ta' ilmenti li se titratta l-ilmenti fi żmien raġonevoli u li se taġixxi bl-appoġġ tal-korpi nazzjonali ta' infurzar.

10. DRITT GĦAL APPLIKAZZJONI SĦIĦA U INFURZAR EFFETTIV TAD-DRITTIJIET TAL-PASSIĠĠIERI TAL-UE

Il-passiġġieri għandhom id-dritt iserrħu moħħhom minn applikazzjoni xierqa tar-regoli tal-UE min-naħa tat-trasportaturi u infurzar effettiv tagħhom mill-korpi nazzjonali tal-infurzar.

  • Il-proposta ssaħħaħ il-koordinazzjoni u l-iskambju tat-tagħrif fost il-Korpi Nazzjonali ta' Infurzar, bl-appoġġ tal-Kummissjoni. Din tal-aħħar tista' wkoll titlob li jibdew l-investigazzjonijiet (konġunti) min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali.

1 :

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, ĠU L 46/1, 17-2-2004.

2 :

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 tad-9 ta’ Ottubru 1997 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti (ĠU L 285, 17.10.1997, p.1) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2002 (ĠU L 140, 30.5.2002, p.2)

3 :

L-evidenza tal-istħarriġ ġiet ipprovduta minn Verbraucherzentrale Brandenburg, il-Kunsill tal-Konsumatur tad-Danimarka, Which? u l-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili tar-Renju Unit (aktar tagħrif fil-Valutazzjoni tal-Impatt).

4 :

It-trasparenza fil-prezz hija rregolata bir-Regolament 1008/2008 tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizz tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website