Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Letter from President Barroso to the Members of the European Council

Commission Européenne - MEMO/13/195   11/03/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, 11 Marzu 2013

Letter from President Barroso to the Members of the European Council

Għeżiez kollegi,

Il-laqgħa tagħna tal-14-15 ta' Marzu 2013 se ssir eżatt fil-mument importanti meta nkunu wasalna f'nofs triq tas-Semestru Ewropew ta’ din is-sena. Il-Kummissjoni nediet il-proċess billi pproponiet ħames prijoritajiet kruċjali fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, u ninsab kuntent li dawn diġà ġew approvati mill-Kunsill u jistgħu issa jservu bħala referenza għall-programmi nazzjonali li għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni f’April. Il-President tal-Kunsill Ewropew stedinni nagħmel preżentazzjoni qasira biex nagħti direzzjoni għad-diskussjoni tagħna u dan se nagħmlu quddiem l-isfond tat-Tbassir għax-Xitwa tal-Kummissjoni1 ppubblikat fit-22 ta’ Frar. Għadna ma ħriġniex mill-kriżi, kif juri l-livelli għolja, mhux aċċettabbli, tal-qgħad, iżda nistgħu naraw li l-isforzi ta’ riforma li qed jagħmlu l-Istati Membri bdew iħallu l-frott, u bdew jikkoreġu żbilanċi ta’ portata liema bħalha fl-ekonomija Ewropea.

Kollha kemm aħna b’għafsa ta’ qalb ninsabu konxji mill-fatt li l-attività ekonomika matul l-aħħar sena ma laħqitx il-livell li konna nixtiequ, u li l-prospettivi għadhom diffiċli, bit-tkabbir tal-PDG li fl-2013 mistenni li jkun ta’ madwar 0.1% fl-UE u -0.3% fiż-żona tal-euro.

Rajna titjib fil-kundizzjonijiet tas-swieq finanzjarji fit-tieni nofs tal-2012, iżda dan għadu ma wassalx għal irkupru fl-ekonomija reali u l-qgħad laħaq livelli bla preċedent f’ħafna Stati Membri. L-aġġustamenti tal-karta tal-bilanċ biex jitnaqqas id-dejn privat u pubbliku għadhom itaqqlu ħafna t-tkabbir fuq perjodu ta’ żmien qasir. Il-konsegwenzi soċjali tal-kriżi huma kawża partikolari ta’ tħassib għall-Kummissjoni.

Hemm ukoll sinjali pożittivi. Xi wħud mill-iżbilanċi makroekonomiċi li akkumulaw qabel il-kriżi qed jiġu kkoreġuti u r-riformi strutturali li nbdew f’diversi pajjiżi qed ikompli jkunu ta’ kontribut għal ribilanċjar tal-ekonomija tal-UE, speċjalment fiż-żona tal-euro. Barra minn dan, sar progress fil-konsolidazzjoni fiskali, bi tnaqqis fid-defiċits fiskali nominali u konteniment fiż-żieda tal-livelli tad-dejn imqabbel mal-PDG.

Mehmuża ma din l-ittra għandek issib xi dejta kruċjali li tippreżenta l-aħħar xejriet fil-PDG, fil-qgħad u fil-finanzi pubbliċi. Naħseb li se taraha bħala ħaġa interessanti kif uħud mill-ekonomiji tagħna qed jagħmlu aġġustamenti, b’mod partikolari l-pajjiżi fil-programm. Tista’ tara li l-implimentazzjoni konsistenti tar-riforma bdiet tħalli r-riżultati fejn jidħlu l-kont kurrenti u l-kisba mill-ġdid tal-kompetittività. Se tara wkoll li Stati Membri oħra għad iridu jinvestu aktar f'riformi strutturali biex idawru t-telf relattiv li ġarrbu fil-kompetittività fuq perjodu ta’ bosta snin. Din id-dejta turi l-komunalità tal-isfidi, iżda wkoll id-differenżi bejn il-pajjiżi, u l-ħtieġa li jsir progress determinat fil-livelli kollha fil-kuntest ta' dan is-Semestru Ewropew.

Fil-preżentazzjoni qasira tiegħi fil-Kunsill Ewropew, jiena se jiffoka l-aktar fuq l-isfida tal-kompetittività u fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ. It-titjib fil-kompetittività mhux għan fih innifsu iżda mezz biex tingħata spinta lill-prosperità u biex jiġu sostnuti l-istandards u l-valuri tal-għajxien fl-Ewropa. Huwa element indispensabbli biex jintrifdu t-tkabbir u l-impjiegi kif ukoll sfida permanenti fl-ambjent globali tal-lum u għal partijiet estensivi tal-UE. Meta nħarsu lejn kif sejra l-produttività naraw li dawk l-Istati Membri li jinsabu quddiem nett huma darbtejn aktar produttivi minn dawk li għandhom prestazzjoni aktar dgħajfa. Suġġett importanti għad-diskussjoni tagħna għandu jkun dak li naraw kif se nfasslu l-ekonomi tagħna biex ikunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal tas-suq uniku, jikkompetu globalment kif ukoll biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet ta’ kummerċ li qed ninnegozjaw.

Kollha kemm aħna ninsabu mħassba bil-livelli għolja tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u permezz ta’ sensiela ta’ laqgħat tal-Kunsill Ewropew ħadna deċiżjonijiet importanti biex ngħinu fil-ġlieda kontra din is-saħta. Kif żgur tiftakru, f’Jannar 2012, jien ippreżentajt inizjattiva pilota biex tmien Stati Membri li għandhom l-ogħla livelli ta' qgħad fost iż-żgħażagħ jimmobilzzaw l-isforzi tagħhom biex inaqqsuhom. Permezz ta’ ħidma għalenija fi grupp ta’ azzjoni, il-Kummissjoni u t-tmien gvernijiet iddeċidew li jimmiraw lejn l-iffinanzjar tal-UE disponibbli biex jiġu appoġġjati opportunitajiet ta’ impjieg għaż-żgħażagħ u biex l-SMEs jingħataw għajnuna biex jiksbu aċċess għall-iffinanzjar. L-impatt ta’ din l-inizjattiva kien pożittiv, kif jidher fir-rapport li ħejjejna għall-Kunsill Ewropew u li huwa mehmuż għall-kunsiderazzjoni tagħkom.

Jiena nemmen li dan l-isforz pilota juri li bis-saħħa ta’ kombinazzjoni ta’ sforzi tal-UE u dawk nazzjonali b’mod immirat, u filwaqt li nikkonċentraw fuq il-kwistjonijiet l-aktar diffiċli, nistgħu nagħmlu differenza. Issa li lħaqna qbil fuq il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li qbilna li nipprovdu ffinanzjar addizzjonali fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss biex niġġieldu l-qgħad fost iż-żgħażagħ, nispera li nistgħu nerġgħu naqbdu ritmu ġdid fil-livell nazzjonali u dak reġjonali biex liż-żgħażagħ tagħna nagħtuhom it-tama. Qabel ma niltaqgħu fil-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni tkun ippreżentat il-proposti legali li permezz tagħhom l-Inizjattiva għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ tkun tista’ titħaddem hekk kif jibda’ l-perjodu tal-QFP li jmiss.

Ninsab ħerqan biex nieħu sehem fis-diskussjoni tagħna u biex nisma’ l-ideat tagħkom dwar kif nistgħu insaħħu l-kompetittività u nnaqqsu l-qgħad fost iż-żgħażagħ bħala parti mis-Semestru Ewropew tagħna.

José Manuel BARROSO

Lill-Membri tal-Kunsill Ewropew

The letter is accompanied by the following annexes:

MEMO/13/197: Key data on GDP, unemployment, public deficits and government debt

MEMO/13/198: Trends in current account balances and unit labour costs

Report: Youth Employment Action Teams - Update for the Spring European Council, 14-15 March 2013

The letter and its annexes will soon be available in all languages on the Europe 2020 website.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site