Navigation path

Left navigation

Additional tools

Pass 'il quddiem għall-konsumaturi tal-UE: Mistoqsijiet u tweġibiet dwar is-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim u s-Soluzzjoni Onlajn għat-Tilwim 0}

European Commission - MEMO/13/193   12/03/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, it-12 ta' Marzu 2013

Pass 'il quddiem għall-konsumaturi tal-UE: Mistoqsijiet u tweġibiet dwar is-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim u s-Soluzzjoni Onlajn għat-Tilwim 0}

I. IL-PUNTI BAŻIĊI

X'inhuma s-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR) u s-soluzzjoni onlajn tat-tilwim (ODR)?

Is-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR) tgħin lill-konsumaturi jsolvu t-tilwim li jkollhom ma' negozjanti minħabba problema li jkollhom b'xi prodott jew servizz li jkunu xtraw, pereżempju jekk negozjant jirrifjuta li jsewwi prodott jew jagħti lura l-flus li l-konsumatur ikun intitolat għalihom.

L-entitajiet tal-ADR huma entitajiet barra mill-qorti (mhux ġudizzjarji). Dawn jinvolvu parti newtrali (eż. konċiljatur, medjatur, arbitru, ombudsman, bord tal-ilmenti eċċ.) li tipproponi jew timponi soluzzjoni jew li tlaqqa' flimkien il-partijiet biex tinstab soluzzjoni.

Uħud minn dawn l-entitajiet jaħdmu dejjem onlajn u b'hekk huma msejħa entitajiet ta' soluzzjoni onlajn tat-tilwim (ODR). Dawn jistgħu jgħinu biex jissolva t-tilwim speċjalment fir-rigward ta' xiri onlajn, fejn il konsumatur u l-kummerċjant ħafna drabi jkunu mbegħdin minn xulxin.

Is-soltu, l-ADR u l-ODR huma proċeduri li ma jiswewx wisq flus, huma sempliċi u jsiru malajr u għalhekk huma ta' benefiċċju kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozjanti, li b'hekk ikunu jistgħu jevitaw l-ispejjeż tal-qrati u l-proċeduri.

L-ADR u l-ODR mhumiex servizzi interni għall-ilmenti tal-klijenti mmexxijin min-negozjanti.

Għaliex l-UE qiegħda tippromwovi lill-ADR u lill-ODR?

Il-proċeduri tal-ADR li jaħdmu tajjeb madwar l-UE għandhom jinkoraġġixxu lill-konsumaturi jfittxu soluzzjonijiet għall-problemi li jiltaqgħu magħhom huma u jixtru l-prodotti u s-servizzi fis-Suq Uniku. Dan għandu jgħinhom jiffrankaw il-flus li mbagħad ikunu jistgħu jinvestuhom b'mod aħjar.

Barra minn hekk, proċeduri effiċjenti tal-ODR se jagħtu spinta lix-xiri onlajn, b'mod partikolari mingħand negozjanti f'pajjiżi oħra tal-UE. Aktar ma jkun hemm negozju onlajn u transkonfinali fl-UE, aktar ikollhom għażla l-konsumaturi u dan jgħinhom jieħdu l-aqwa offerta għalihom. Dan jipprovdi opportunitajiet ġodda lin-negozji wkoll, u jgħin biex jixpruna t-tkabbir ekonomiku.

Il-konsumaturi kollha tal-UE huma intitolati għal aċċess ugwali għar-rimedju. Għaldaqstant, entitajiet ta' kwalità tal-ADR għandhom ikunu disponibbli għal kull tip ta' tilwim mal-konsumaturi f'kull Stat Membru tal-UE. Il-konsumaturi u n-negozjanti għandhom ukoll ikunu jafu b'dawn l-opportunitajiet.

II. IL-LEĠIŻLAZZJONI L-ĠDIDA

X'tibdiliet se ġġib magħha l-leġiżlazzjoni l-ġdida?

Id-Direttiva dwar l-ADR se tipprevedi kopertura sħiħa tal-ADR fil-livell tal-UE. Dan ifisser li se jkun hemm proċedura tal-ADR għal kull tilwim kuntrattwali f'kull settur tas-suq (eż. l-ivvjaġġar, il-banek, id-dry cleaning) u f'kull Stat Membru. Id-Direttiva dwar l-ADR mhijiex se tkopri lis-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni. Barra minn hekk, l-entitajiet kollha tal-ADR se jkollhom jilħqu kriterji ta' kwalità li jiggarantixxu li dawn jaħdmu b'mod effikaċi, ġust, indipendenti u trasparenti. Dawk in-negozjanti li jikkommettu ruħhom biex jużaw l-ADR jew ikollhom jużawh bil-fors iridu jinformaw lill-konsumaturi dwar l-ADR fis-siti tal-internet tagħhom u fit-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tagħhom. In-negozjanti kollha jridu jinfurmaw lill-konsumaturi dwar l-ADR meta tilwima ma tkunx tista' tiġi rimedjata direttament bejn il-konsumatur u n-negozjant.

Ir-Regolament dwar l-ODR jippermetti lill-konsumaturi u lin-negozjanti li jressqu lill-ADR onlajn it-tilwimiet li jitqajmu minħabba xiri onlajn, bis-saħħa tal-pjattaforma għar-rimedji tat-tilwimiet madwar l-UE ("il-pjattaforma ODR"). Il-pjattaforma ODR se torbot flimkien l-entitajiet nazzjonali kollha tal-ADR. Dan il-punt uniku ta' dħul huwa mfassal biex ikun sit interattiv u faċli biex jintuża, u li jkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE mingħajr ħlas. In-negozjanti li jbiegħu onlajn ukoll se jipprovdu ħolqa elettronika għall-pjattaforma tal-ODR fis-siti tagħhom biex jagħtu l-informazzjoni lill-konsumaturi.

L-Istati Membri se jkollhom 24 xahar wara li tidħol fis-seħħ id-Direttiva, biex jittrasponuha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Dan iwassal sa nofs l-2015. Il-pjattaforma tal-ODR se tibda taħdem sitt xhur wara tmiem il-perjodu permess għat-traspożizzjoni.

Kif se taħdem fil-prattika l-pjattaforma tal-ODR?

Il-konsumaturi li jiltaqgħu ma' xi problema b'xi xirja onlajn se jkunu jistgħu jressqu l-ilmenti tagħhom permezz tal-pjattaforma ODR, b'liema lingwa jixtiequ huma. Il-pjattaforma tal-ODR tavża lin-negozjant li jkun sar ilment dwaru. Imbagħad il-konsumatur u n-negozjant jiftiehmu bejniethom liema entità tal-ADR se jużaw biex isolvu t-tilwima. Meta dawn jiftiehmu, l-entità tal-ADR li jkunu għażlu tirċievi d-dettalji tat-tilwima permezz tal-pjattaforma tal-ODR.

Il-pjattaforma tal-ODR se tkun konnessa mal-entitajiet nazzjonali tal-ADR li jkunu ġew stabbiliti u notifikati lill-Kummissjoni, skont ir-regoli l-ġodda tad-Direttiva dwar l-ADR. Il-pjattaforma se tgħin biex tħaffef is-soluzzjoni tat-tilwima billi tippermetti lill-entitajiet tal-ADR iwettqu l-proċeduri onlajn u b'mezzi elettroniċi. It-tħaddim tal-pjattaforma tal-ODR se jkun irregolat minn sett ta' regoli komuni. Dawn ikunu jinkludu r-rwol tal-punti ta' kuntatt nazzjonali li jagħmluha ta' konsulenti għall-ODR f'pajjiżhom. Xogħolhom se jkun li jipprovdu l-informazzjoni ġenerali dwar id-drittijiet u r-rimedju għall-konsumaturi b'rabta max-xiri onlajn, jgħinu fit-tressiq tal-ilmenti u jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn il-partijiet u l-entità kompetenti tal-ADR permezz tal-pjattaforma tal-ODR. Għal dan il-għan, il-konsulenti tal-ODR ukoll se jkollhom ħolqa elettronika li torbothom mal-pjattaforma.

Barra minn hekk, dawn ir-regoli l-ġodda se jistipulaw li l-entitajiet tal-ADR ikunu jridu jsolvu t-tilwimiet fi żmien 90 ġurnata.

Kif se jibbenefikaw il-konsumaturi u n-negozjanti mil-leġiżlazzjoni l-ġdida?

Fl-2010, wieħed minn kull ħames konsumaturi fl-UE ħabbat wiċċu ma' problemi waqt ix-xiri ta' oġġetti jew ta' servizzi fis-Suq Uniku, u dan wassal għal telf finanzjarju għall-konsumaturi li hu stmat li jilħaq 0.4 % tal-PDG tal-Ewropa. Hija biss frazzjoni żgħira minnhom li fittxew u kisbu rimedju effettiv.

Skont l-estimi, jekk il-konsumaturi tal-UE jistgħu jserrħu, għat-tilwim kollu tagħhom, fuq ADR trasparenti u li tiffunzjona tajjeb, dawn jistgħu jiffrankaw madwar €22.5 biljun fis-sena, li jikkorrispondu għal 0.19 % tal-PDG tal-UE.

Din iċ-ċifra tinkludi biss il-frankizz finanzjarju dirett, u ma tqisx il-fatturi inqas tanġibbli li huma daqstant importanti għal suq imħaddem tajjeb, bħalma huma żieda fil-kredtu, il-fiduċja, ir-relazzjoni mal-klijenti u r-reputazzjoni kummerċjali.

Il-konsumaturi u n-negozjanti se jkunu jistgħu jsolvu t-tilwim kuntrattwali tagħhom kemm onlajn kif ukoll offlajn, u fuq livelli lokali jew transkonfinali, permezz tal-entitajiet alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti (l-entitajiet tal-ADR). Dan se jippermettilhom li jsolvu t-tilwimiet b'mod sempliċi, ta' malajr u mingħajr ma jonfqu ħafna flus, barra mill-qrati.

Minbarra dan, il-konsumaturi u n-negozjanti se jkunu jistgħu jużaw il-pjattaforma tal-ODR għat-tilwim onlajn u jressqu l-ilmenti tagħhom bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE li jixtiequ huma. Dan se jgħinhom isolvu t-tilwimiet transkonfinali, partikolarment meta l-partijiet jkunu jgħixu fi Stati Membri differenti u jitkellmu b'lingwi differenti.

Għal aktar informazzjoni:

Il-paġna fuq l-internet tad-DĠ SANCO dwar l-ADR/ODR:

Solving your consumer disputes out of court

MEMO/13/192


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website