Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, l-20 ta’ Frar 2013

Dikjarazzjoni konġunta mill-President Barroso u mill-Viċi President Rehn fl-okkażjoni tal-ftehim trilogu tal-lum dwar il-leġiżlazzjoni “Two-Pack” dwar il-governanza ekonomika fiż-żona tal-euro

Meta l-leġiżlazzjoni proposta mill-Kummissjoni dwar it-"Two-Pack" tiġi adottata, il-Kummissjoni beħsiebha tieħu passi fi żmien qasir lejn UEM profonda u ġenwina kif deskritt fil-pjan. Il-passi għal żmien qasir (6 sa 12-il xahar) se jinkludu:

  • Fil-pjan tagħha għal UEM Profonda u Ġenwina, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fit-terminu l-medju, fond ta' ammortament u eurobills jistgħu jkunu elementi possibbli ta’ UEM profonda u ġenwina taħt ċerti kundizzjonijiet rigorużi. Il-prinċipju ewlieni jkun li kwalunkwe pass biex ikompli l-mutwalizzazzjoni tar-riskju għandu jimxi id f’id ma’ aktar dixxiplina fiskali u aktar integrazzjoni. L-integrazzjoni meħtieġa aktar profonda tar-regolazzjoni finanzjarja, tal-politika fiskali u ekonomika u tal-istrumenti korrispondenti trid tkun akkumpanjata minn integrazzjoni politika proporzjonata li tiżgura leġittimità u responsabbiltà demokratika.

    Il-Kummissjoni se tistabbilixxi Grupp ta’ Esperti biex japprofondixxu l-analiżi dwar il-merti, ir-riskji, ir-rekwiżiti u l-ostakli potenzjali tas-sostituzzjoni parzjali tal-ħruġ nazzjonali tad-dejn permezz ta' ħruġ konġunt f’forma ta’ fond ta' ammortament u eurobills. Il-Grupp se jingħata l-kompitu li janalizza b’mod sħiħ, x’jistgħu jkunu l-karatteristiċi tagħhom f’termini ta’ dispożizzjonijiet legali, arkitettura finanzjarja u l-qafas baġitarju u ekonomiku kumplimentari meħtieġ. Ir-responsabbiltà demokratika se tkun kwistjoni ċentrali li għandha tiġi kkunsidrata.

    Il-Grupp se jqis ir-riforma kontinwa ta’ governanza baġitarja u ekonomika Ewropea u jivvaluta l-valur miżjud għal dawn l-istrumenti f’dan il-kuntest. Il-Grupp se jagħti attenzjoni partikolari lir-riformi riċenti u li għaddejjin bħalissa, bħalma huma l-implimentazzjoni tat-"two-Pack", l-MES u kwalunkwe strumenti rilevanti oħra.

    Fl-analiżi tiegħu l-Grupp se jagħti attenzjoni partikolari għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, biex ikun evitat il-periklu morali, kif ukoll kwistjonijiet ċentrali oħra, bħall-istabbiltà finanzjarja, l-integrazzjoni finanzjarja u t-trażmissjoni tal-politika monetarja.

    Il-membri tal-Grupp se jkunu esperti fil-liġi u fl-ekonomija, fil-finanzi pubbliċi, fis-swieq finanzjarji u fil-ġestjoni tad-dejn sovran. Il-Grupp se jiġi mistieden biex jippreżenta r-rapport finali tiegħu lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn Marzu 2014. Il-Kummissjoni se tivvaluta r-rapport u, jekk xieraq, tagħmel proposti qabel tmiem il-mandat tagħha.

  • Stħarriġ ta’ modi ulterjuri fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir biex takkomoda taħt ċerti kundizzjonijiet, mhux rikorrenti, programmi ta’ investiment pubbliku b'impatt approvat fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi magħmula mill-Istati Membri fil-valutazzjoni tal-Programmi ta’ Stabbiltà u ta’ Konverġenza tagħhom; dan se jsir fir-Rebbiegħa-Sajf 2013 fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tagħha dwar kalendarju ta’ konverġenza lejn l-Objettiv ta' Terminu Medju;

  • Wara d-deċiżjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss tal-UE u qabel tmiem l-2013, il-Kummissjoni se tressaq il-proposti li ġejjin biex tikkomplementa l-qafas eżistenti għal governanza ekonomika: (i) miżuri biex jiżguraw iktar koordinazzjoni ex-ante ta’ proġetti ta' riforma ewlenin u (ii) il-ħolqien ta’ “strument ta’ konverġenza u kompetittività” biex jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni f’waqtha tar-riformi strutturali għat-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli. Din is-sistema l-ġdida, kompletament konformi mal-metodu Komunitarju, tkun tibni fuq il-proċeduri ta’ sorveljanza eżistenti tal-UE. Tgħaqqad flimkien l-integrazzjoni aktar profonda tal-politika ekonomika mal-appoġġ finanzjarju, u b’hekk tirrispetta l-prinċipju li skontu l-passi lejn aktar responsabbiltà u dixxiplina ekonomika jingħaqdu flimkien b'aktar solidarjetà. L-għan partikolari ta' din huwa li ttejjeb il-kapaċità ta’ Stat Membru biex jassorbi x-xokkijiet assimetriċi. Dan l-istrument ikun iservi bħala l-fażi inizjali lejn l-istabbiliment ta’ kapaċità fiskali aktar b’saħħitha.

  • Barra minn hekk, il-Kummissjoni timpenja ruħha li ssegwi kemm jista' jkun malajr u b’mod komprensiv dwar: (i) il-pjan ta’ azzjoni tagħha biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa, partikolarment fid-dawl tar-reviżjoni tad-direttivi identifikati fil-pjan ta’ azzjoni kif ukoll dwar (ii) il-miżuri u proposti mħabbra mill-Kummissjoni dwar il-pakkett tagħha tal-2012 dwar l-impjieg u l-qasam tal-politika soċjali.

  • Wara l-adozzjoni tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, il-preżentazzjoni ta' proposta għal Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni, li jkun responsabbli għar-ristrutturar u r-riżoluzzjoni tal-banek ġewwa l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja;

  • Qabel tmiem l-2013, il-preżentazzjoni ta' proposta skont l-Artikolu 138(2) TFUE biex tistabbilixxi pożizzjoni unifikata biex tikseb status ta’ osservatur taż-żona tal-euro fil-bord eżekuttiv tal-FMI, u mbagħad għal siġġu uniku.

Filwaqt li tibni fuq it-terminu qasir passi imħabbra fil-Pjan tagħha li tista' titwettaq permezz ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, il-Kummissjoni hija impenjata li tressaq ideat espliċiti għal tibdil fit-Trattat kmieni biżżejjed biex ikun hemm dibattitu qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jmiss tal-2014 bil-ħsieb li titfassal bażi leġiżlattiva għall-passi previsti fit-terminu l-medju, li tipprevedi l-ħolqien ta’ sorveljanza ekonomika u baġitarja msaħħa sostanzjalment u qafas ta’ kontroll, kapaċità fiskali Ewropea aktar żviluppata li tappoġġja s-solidarjetà u l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali li jsaħħu t-tkabbir sostenibbli, kif ukoll integrazzjoni aħjar tat-teħid tad-deċiżjonijiet f’oqsma ta’ politika bħat-tassazzjoni u s-swieq tax-xogħol bħala strument ta’ solidarjetà importanti.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website