Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-Tagħmir Elettroniku Personali – Mistoqsijiet Frekwenti

European Commission - MEMO/13/1100   09/12/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2013

It-Tagħmir Elettroniku Personali Mistoqsijiet Frekwenti

X’inhuwa t-Tagħmir Elettroniku Portabbli (TEP)?

It-Tagħmir Elettroniku Portabbli (TEP) jinkludi kameras diġitali, smartphones, tablets, e-readers, eċċ. Il-gwida li ħarġet l-Aġenzija ta’ Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-UE (EASA) tirreferi għat-TEP kollha sakemm dawn ma jkunux qed jittrażmettu. Dan ifisser li jkunu fil-Modalità ta’ Fuq l-Ajruplan jew il-Modalità tat-Titjir inkella Flight Mode (minn issa ‘l quddiem Modalità tat-Titjir). It-trażmissjonijiet bħalma huwa kollegament ma’ netwerk tal-mobiles, Wi-Fi, Bluetooth eċċ. iridu jkunu mitfija.

Smajt li l-UE qed twessa’ l-użu sigur tat-TEP abbord. X’inbidel?

Il-gwida Ewropea l-ġdida ta’ sikurezza tistabbilixxi li l-passiġġieri jistgħu jużaw TEP mixgħula fil-Modalità tat-Tijir waqt il-fażijiet kollha tat-titjira, kemm-il darba l-ekwipaġġ tat-titjira jew tal-kabina ma jagħtuhomx struzzjonijiet mod ieħor.

Qabel din il-bidla, il-gwida ta’ sikurezza kienet tiddikjara li l-passiġġieri jistgħu jużaw it-TEP tagħhom fil-Modalità tat-Titjir (nontrażmettenti) waqt it-titjira iżda mhux waqt li l-ajruplan ikun qed isuq fuq l-art, meta jinqata' mill-art u meta jillandja.

Nista’ nuża t-TEP abbord fil-modalità tat-titjir issa? Irrid nistenna?

L-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) tat lill-kumpaniji tal-ajru, il-gwida aġġornata dwar kif għandu jitwessa’ l-użu sigur ta-TEP fil-fażijiet kollha tat-titjir.

Il-proċess biex dan jiġi implimentat se jvarja minn kumpanija tal-ajru għall-oħra. Hemm bżonn li jadattaw il-proċeduri tal-operat tagħhom, iżda ħafna mistennija li se jagħmlu dan fil-ġimgħat li ġejjin.

Nista’ dejjem nużah abbord t-TEP fil-Modalità tat-Titjir?

Is-sikurezza dejjem tiġi qabel kollox. F’ċerti mumenti l-ekwipaġġ tat-titjira jista’ jagħti struzzjonijiet lill-passiġġieri biex jitfu t-tagħmir tagħhom. Il-passiġġieri jridu dejjem jirrispettaw l-istruzzjonijiet tas-sikurezza li jagħti l-ekwipaġġ dwar informazzjoni tas-sikurezza jew kwistjonijiet oħra.

U xi ngħidu għat-tagħmir fil-modalità ta’ trażmissjoni? Nista’ nuża t-TEP tiegħi abbord biex nibgħat emails, messaġġo eċċ?

Mhux għalissa, iżda l-Kummissarju tat-Trasport Siim Kallas talab lill-EASA tħaffef il-pass ta’ analiżi tas-sikurezza tal-użu tat-tagħmir trażmettenti abbord, u l-gwida aġġornata se tiġi ppubblikata fl-2014.

Għalissa, fuq l-ajruplan jibqgħu japplikaw ir-restrizzjonijiet kollha dwar l-użu tat-TEP fil-modalità ta’ trażmissjoni (inklużi l-mobiles). It-TEP jistgħu jintużaw biss fil-modalità ta’ trażmissjoni biex isir kollegament man-netwerk għal telefonati jew emails fuq ajruplani li huma mgħammra apposta b’sistema abbord li tkun ċertifikata bħala sigura. Anki f’dawn il-każijiet, il-kollegament huwa permess biss waqt il-fażi tat-titjir; huwa jsir permezz tas-sistema abbord, mhux permezz tan-netwerk ta’ fuq l-art. Il-kondizzjonijiet għall-aċċess jiddeċiduhom il-kumpaniji tal-ajru, partikolarment kemm ikun jiswa l-kollegament. Bħalissa, hemm ftit ajruplani mgħammra b’sistema bħal din iżda din nistennew li tikber fis-snin li ġejjin. Fil-każijiet kollha, il-passiġġieri għandhom jiddependu fuq l-ekwipaġġ tal-kabina biex jinformawhom dwar il-kapaċitajiet ta’ kollegament tal-ajruplan.

U jekk tista’ ċċempel? Dan mhux se jdejjaq lil ta’ madwarek abbord?

L-użu sigur tal-mobiles se jkun parti mill-analiżi tat-tagħmir trażmettenti. Sta għall-kumpaniji tal-ajru individwali biex jiżviluppaw il-prassi li tikkonforma ma’ dak li jixtiequ l-klijenti tagħhom. Il-kumpaniji tal-ajru jistgħu jimponu limiti fuq it-telefonati għal raġunijiet ta’ korteżija.

Din il-proċedura ġdida sigura?

Iva, il-proċedura hija bbażata fuq analiżi li wettqu esperti mill-oqsma kollha tal-avjazzjoni, inklużi l-kumpaniji tal-ajru, il-bennejja tal-ajruplani, l-assoċjazzjonijiet tal-piloti u l-produtturi tat-TEP.

Il-kumpanija tal-ajru trid tapplika l-proċedura l-ġdida bilfors?

Le. Kull kumpanija tal-ajru tista’ tagħżel proċedura aktar stretta fir-rigward tal-użu tat-TEP. Kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu tat-TEP mill-passiġġieri li tista’ tapplika hija fid-diskrezzjoni tal-kumpanija tal-ajru.

L-ekwipaġġ tal-kabina jew dak tat-titjira jista’ jitlob lill-passiġġieri biex ma jużawx it-TEP tagħhom?

Iva. Il-passiġġieri jridu dejjem isegwu l-istruzzjonijiet tal-crew tal-kabina u dak tat-titjira.

L-ekwipaġġ tal-kabina jew tat-titjira kif se jiżgura li t-TEP kollha jkunu fuq il-Modalità tat-Titjir?

Titjira sigura għandha tkun il-prijorità ta’ kulħadd. Jaf ma jkunx fattibbli li l-ekwipaġġ tal-kabina jew tat-titjira jikkontrolla fiżikament li l-passiġġieri kollha tfew it-tagħmir tagħhom u tefgħuh fuq il-Modalità tat-Titjir. Il-passiġġieri obbligati jsegwu dejjem l-istruzzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina jew tat-titjira.

X’jagħmlu l-kumpaniji tal-ajru barranin? Il-proċedura l-ġdida tapplika għall-kumpaniji tal-ajru kollha li joperaw l-Ewropa?

Il-kumpaniji tal-ajru li mhumiex tal-UE jsegwu r-regolamenti tat-TEP tal-awtorità tal-avjazzjoni ċivili ta’ pajjiżhom. Il-gwida aġġornata tal-UE tapplika biss għall-kumpaniji tal-ajru Ewropej.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website