Navigation path
Left navigation
Additional tools
![]() Il-Kummissjoni Ewropea MEMO Brussell, it-18 ta' Jannar 2013 Liċenzja Ewropea ġdida tas-sewqan għal aktar sigurtà, sikurezza u moviment liberu Il-jum tad-19 ta’ Jannar 2013 se jara l-introduzzjoni ta’ liċenzja Ewropea tas-sewqan bħala parti mid-dħul fis-seħħ tat-tielet Direttiva tal-UE dwar il-Liċenzji tas-Sewqan. Ir-regoli l-ġodda se jiggarantixxu lis-sewwieqa tal-UE moviment tabilħaqq liberu, se jsaħħu s-sikurezza fit-toroq Ewropej u se jnaqqsu l-possibbiltajiet ta' frodi. 1. X'inhuma l-benefiċċji ta' sistema ġdida tal-liċenzji tas-sewqan fl-Ewropa? Madwar 60% tal-popolazzjoni tal-Unjoni għandhom liċenzja valida tas-sewqan, jiġifieri madwar 300 miljun ċittadin. Għadd kbir minn dawn l-Ewropej jagħmlu vjaġġi minn pajjiż għal ieħor fl-Unjoni għal skopijiet privati jew professjonali, jew jibdlu l-pajjiż ta' residenza tagħhom. Illum, l-Ewropa għandha aktar minn 110 mudelli differenti tal-liċenzji tas-sewqan, b’differenzi fid-drittijiet marbuta magħhom u fil-perjodi ta’ validità li jkollhom. Il-liċenzja Ewropea tas-sewqan il-ġdida se tissimplifika din l-istampa xejn omoġenja u se tkun qed tiffaċilita l-mobilità tas-sewwieqa fl-Ewropa. L-armonija fil-perjodi ta' validità u fir-regoli b’rabta mal-eżami mediku se jipprovdu aktar ċertezza legali lil ħafna Ewropej li jmorru joqogħdu fi Stat Membru ieħor. Liċenzja tas-sewqan ma tagħtix biss aċċess għal kull tip ta' vettura f'ħafna pajjiżi tal-UE. Tintuża wkoll bħala dokument ta’ identifikazzjoni. Għaldaqstant, il-protezzjoni kontra l-frodi hija importanti ferm. Huwa kważi impossibbli li tiffalsifika il-liċenzja l-ġdida. Se tkun liċenzja appoġġjata minn sistema elettronika Ewropea għall-iskambju tad-dejta, li se tkun qed tiffaċilita l-immaniġġjar tal-liċenzji tas-sewqan mill-amministrazzjonijiet u li se tikkontribwixxi għal titjib biex tiġi individwata l-frodi tal-liċenzji tas-sewqan. Ir-regoli tal-liċenzji tas-sewqan għandhom ukoll impatt kbir fuq is-sikurezza fit-toroq. B'aktar minn 30,000 fatalità fit-toroq Ewropej kull sena, ir-regoli tal-liċenzja tas-sewqan il-ġdida se jgħinu biex tittejjeb is-sikurezza fit-toroq Ewropej. L-aktar importanti fosthom huma l-bidliet għall-muturi. Bl-introduzzjoni gradwali għall-aċċess għal muturi fil-każ tas-sewwieqa żgħażagħ, ir-regoli l-ġodda Ewropej se jkunu qed jipproteġu ferm aħjar lil dan il-grupp vulnerabbli ta’ utenti tat-triq Barra minn hekk, għas-sewwieqa tal-karozzi u tal-muturi, il-liċenzja l-ġdida trid tiġġedded bejn kull 10 u kull 15-il sena, skont l-Istat Membru partikolari, filwaqt li l-liċenzji tas-sewwieqa tax-xarabanks u tat-trakkijiet se jkunu validi għal ħames snin u biex jiġġeddu se jkun hemm bżonn ta’ eżami mediku. Dawn ir-regoli ma jaffettwawx id-dritt tas-sewqan ta’ vettura li tkun inxtrat qabel. 2. Liema huma l-bidliet prinċipali introdotti bil-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-liċenzji tas-sewqan? Kard Ewropea ġdida tal-liċenzja tas-sewqan Biex jonqos l-għadd ta’ mudelli differenti ta' liċenzja li hemm fiċ-ċirkolazzjoni, u biex ikun hemm protezzjoni aħjar kontra l-frodi, il-mudell ta’ liċenzja tas-sewqan fuq il-karta għandu jinqata’ bil-mod. L-uniku mudell ta’ liċenzja tas-sewqan Ewropew li se jibda jinħareġ huwa dak tat-tip tal-kard tal-"kreditu” tal-plastik, li diġà jintuża f'bosta pajjiżi tal-UE, u li jagħmilha possibbli li jkun hemm aktar protezzjoni kontra kontra l-falsifikazzjoni. Il-liċenzji tas-sewqan fuq il-karta li jeżistu bħalissa mhux se jibqgħu jinħarġu hekk kif tidħol fis-seħħ il-leġiżlazzjoni l-ġdida. L-introduzzjoni ta’ obbligu ta’ tiġdid amministrattiv għal-liċenzji l-ġodda kollha L-obbligu ta’ tiġdid amministrattiv, u regolari, tal-liċenzji tas-sewqan se jiżgura li d-dokumenti kollha fiċ-ċirkolazzjoni jkunu jistgħu jiġu aġġornati bl-użu tal-karatteristiċi tas-sigurtà l-aktar aġġornati. It-tnaqqis fl-għadd ta’ mudelli tal-liċenzji se jiffaċilita l-infurzar, u daqstant ieħor se jkun qed ikabbar il-livell ta’ xebh tad-detentur mar-ritratt fuq il-liċenzja. Il-liċenzji l-ġodda kollha għall-mopeds, il-muturi, il-karozzi, it-triċikli u l-kwadriċikli għandhom validità amministrattiva massima ta' 10 snin. Madankollu Stat Membru jista' jagħżel li joħroġ tali liċenzji b'validità amministrattiva sa 15-il sena. Il-liċenzji l-ġodda kollha tas-sewqan għat-trakkijiet u x-xarabanks għandu jkollhom validità amministrattiva massima ta' 5 snin. Sewwieqa b'liċenzji maħruġa qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva għandhom ikunu suġġetti għar-regoli l-ġodda dwar il-validità mhux aktar tard mid-19 ta' Jannar 2033. 3. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-liċenzji tas-sewqan kif se taffettwa lis-sewwieqa? B’dan it-tiġdid obbligatorju u regolari tad-dokument tal-liċenzja tas-sewqan, l-aħħar ostakli li fadal għall-moviment liberu tas-sewwieqa jinġiebu fix-xejn. Il-prinċipju ewlieni se jkun li l-liċenzji kollha maħruġa mid-data tal-applikazzjoni tad-Direttiva l-ġdida se jibqgħu validi kif stipulat fil-liċenzja tas-sewqan. Qabel l-iskadenza, id-detentur se jkollu jġedded il-liċenzja tas-sewqan fil-pajjiż fejn huwa jkollu r-residenza normali tiegħu. Minn dik id-data, l-Istat Membru ospitanti se japplika l-perjodu l-ġdid tal-validità amministrattiva u jkun jista’ jimponi kontroll mediku jekk dan ikun previst għaċ-ċittadini tiegħu. Dawn id-dispożizzjonijiet fl-aħħar mill-aħħar se jipprovdu s-sigurtà legali meħtieġa għad-detentur tal-liċenzja tas-sewqan. Fir-rigward tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa qabel id-data tal-applikazzjoni tad-Direttiva attwali u li jkunu għadhom validi u fiċ-ċirkolazzjoni, dawn il-liċenzji kollha tas-sewqan se jkollhom jiġu sostitwiti minn liċenzji ġodda tas-sewqan sa mhux aktar tard mill-2033. Stat Membru jista' jitlob ukoll lid-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan li tkun maħruġa minn Stat Membru ieħor mingħajr il-perjodi ta’ validità preskritti mid-Direttiva (eż. perjodu indefinit ta’ validità) biex iġedded il-liċenzja tiegħu sa wara sentejn minn meta jkun mar joqgħod f’dan il-pajjiż. Fl-istess waqt, il-liċenzja tas-sewqan se tistabbilixxi b’mod ċar it-tip ta’ vettura li d-detentur għandu dritt isuq, u dan se jagħmilha aktar faċli għad-detentur, għall-awtoritajiet amministrattivi u għall-awtoritajiet ta’ infurzar biex jifhmu liema kategorija tirreferi għaliha l-liċenzja Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jiġu ċċarati r-regoli nazzjonali li jirregolaw l-eżamijiet mediċi billi:
4. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-liċenzji tas-sewqan kif se tnaqqas il-possibbiltajiet ta' frodi? Illum, jeżistu diversi tipi ta’ frodi. Dawn ivarjaw mit-traffikar tad-dokument innifsu, l-akkwist illegali ta' kopja duplikata billi wieħed jgħid li tilef jew insterqitlu l-liċenzja oriġinali, għall-akkwist ta’ liċenzja tas-sewqan f'pajjiż differenti fl-istess waqt li wieħed ikun ipprojbit milli jsuq f'pajjiżu. Il-filosofija bażika fil-ġlieda kontra l-frodi tal-liċenzji tas-sewqan huwa l-prinċipju li persuna waħda jista’ jkollha biss liċenzja tas-sewqan waħda. Dan il-prinċipju ġie msaħħaħ permezz ta’ din id-Direttiva. It-tiġdid regolari tal-liċenzji tas-sewqan se jippermetti lill-Istati Membri li jkollhom bażi tad-dejta nazzjonali aġġornata regolarment u b’hekk tagħrif aġġornat b’mod kostanti tal-liċenzji tas-sewqan validi li jkunu fiċ-ċirkolazzjoni. Fl-istess ħin, il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali se tittejjeb billi bejniethom se jinħoloq netwerk ta' komunikazzjoni dwar il-liċenzji tas-sewqan. Il-konsultazzjoni regolari ta' dan in-netwerk, imsejjaħ RESPER, se tippermetti l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda u iktar stretti dwar il-projbizzjoni li tinħareġ liċenzja lil xi ħadd li kellu l-liċenzja irtirata, sospiża jew ristretta. Barra minn hekk, l-Istati Membri se jitħallew, jekk iridu, idaħħlu mikroċippa fil-liċenzja. Ir-ripetizzjoni tal-informazzjoni stampata fuq il-kard fil-mikroċippa żżid il-protezzjoni kontra l-frodi u fl-istess waqt tiżgura l-protezzjoni tad-dejta. Naturalment, il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-dejta personali għandha tkun irrispettata. 5. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-liċenzji tas-sewqan kif se tikkontribwixxi għal aktar sikurezza fit-toroq? Introduzzjoni ta’ kategorija ġdida ta' liċenzji tas-sewqan għall-mopeds L-ebda liċenzja ma kienet meħtieġa sabiex wieħed isuq moped fl-Unjoni. Madankollu, iċ-ċifri tal-inċidenti juru riskju għoli ta' inċidenti fejn ikunu involuti persuni żgħar ħafna fl-età. F’xi Stati Membri sewwieqa żgħar ħafna, saħansitra ta’ 14-il sena, jitħallew jirkbu l-mopeds. Għalhekk ġiet introdotta kategorija tal-liċenzji ġdida u armonizzata, il-kategorija AM, li tista' tinkiseb wara li wieħed jgħaddi minn test obbligatorju ta’ teorija. Dan għandu jippermetti kontroll aħjar ta’ dan il-grupp vulnerabbli ta’ utenti tat-toroq filwaqt li jagħmilhom aktar konxji mir-regoli tat-traffiku. Se tiġi ċċarata wkoll is-sitwazzjoni dwar is-sewwieqa tal-mopeds li jaqsmu l-fruntieri jew li jikru moped meta wieħed ikun fuq btala. Barra minn hekk l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li l-applikanti jgħaddu minn test ta' ħila u ta’ komportament għal din il-kategorija. L-introduzzjoni ta' kriterju ta' proporzjon bejn il-qawwa u l-piż għal muturi ħfief (liċenzja tal-kategorija A1) Il-muturi ħfief kienu limitati għal 125 cc u 11 kW. Ma kien impost l-ebda proporzjon bejn qawwa u piż. Dan seta' jwassal għal vetturi dejjem eħfef tant li wieħed jasal biex jaċċelera b’mod kostanti bil-possibbiltà li jilħaq anki t-top speed. Għalhekk id-detenturi tal-liċenzja A1 se jkunu jistgħu jsuqu biss muturi ħfief b’ċilindrata li ma taqbiżx il-125 ċentimetru kubu, b’qawwa li ma taqbiżx il-0.1 kW u bi proporzjoni bejn il-qawwa u l-piż ta' mhux aktar minn 0.1 kW/kg. L-Istati Membri kollha se jkollhom jintroduċu din il-kategorija ta' liċenzji li ma kenitx teżisti fl-Istati Membri kollha. Aċċess progressiv għall-muturi l-aktar qawwija Lil ħafna sewwieqa żgħar u mingħajr esperjenza prattika, il-leġiżlazzjoni preċedenti kienet tippermettilhom isuqu muturi tal-aktar klassi qawwija. L-istatistika tal-inċidenti tixhed li r-riskju tal-inċidenti ta’ sewwieqa li jkunu għadhom jibdew isuqu muturi qawwija hu partikolarment għoli taħt l-età ta’ 24 sena. Barra minn hekk huwa impossibbli li wieħed jikkontrolla jekk tkunx ġiet akkwistata xi esperjenza fuq mutur limitat. Fl-interess tas-sikurezza fit-toroq, ġew introdotti kriterji ġodda dwar il-vetturi, l-età minima u l-aċċess. Kategorija ġdida A2 b'karatteristiċi tekniċi ġodda Il-kategorija A preċedenti, li kienet mifruqa f'parti limitata u waħda mhux limitata, issa nferqet f’żewġ kategoriji distinti “A2” u “A”. Ġie introdott rekwiżit tekniku addizzjonali għall-kategorija A2 biex jiġi evitat it-tnaqqis fil-qawwa (id-"downtuning”) tal-muturi. Etajiet minimi ġodda u regoli ġodda dwar l-aċċess Għall-kategorija A2, l-età minima hija 18-il sena. Jekk Stat Membru jistabbilixxi l-età minima għall-kategorija A1 bħala 17-il sena jew 18-il sena, l-età minima għall-kategorija A2 tkun 19 u 20 sena għax għandu jkun hemm sentejn bejn l-età minima għall-kategorija A1 u l-età minima għall-kategorija A2. Jekk l-applikant ikun kiseb esperjenza ta’ sentejn fuq mutur tal-kategorija A1, ikun irid jgħaddi biss mit-test tal-ħila u minn dak tal-komportament, jew inkella jattendi t-taħriġ. Għall-kategorija A:
Regoli ġodda dwar it-trejlers għal-liċenzji tas-sewqan tal-karrozzi Il-kategorija B tippermetti li tinsaq vettura ta’ 3500 kg u trejler ta’ 750 kg. Rigward il-kombinazzjonijiet tal-vetturi mat-trejlers fil-kategorija B, it-trejlers li jiżnu iktar minn 750 kg jistgħu jiġu gganċjati mal-vettura tal-irmonk, u dan sakemm il-kombinazzjoni ma taqbiżx l-4250 kg u sakemm jiġu rispettati r-regoli dwar l-approvazzjoni tat-tip (li jiffissaw ir-relazzjoni bejn il-vettura u t-trejler). Madankollu, għal dawk il-kombinazzjonijiet ta’ vetturi fil-kategorija B li jaqbżu l-piż ta' 3500 kg, se jiġi impost taħriġ, test jew it-tnejn li huma. Din id-dispożizzjoni se tippermetti li fil-futur jinstaqu kombinazzjonijiet ta’ vetturi akbar fil-kategorija B milli hu l-każ illum, u dan jekk wieħed ikun attenda t-taħriġ u/jew ikun għadda mit-test. Rigward il-kategorija BE, wieħed se jitħalla jirmonka trejlers b'massa massima awtorizzata ta' 3500 kg. Il-kombinazzjonijiet ma' vettura tal-irmonk fil-kategorija B u ma’ trejler li jaqbeż it-3500 kg jaqgħu fil-kategorija C1E Aċċess progressiv għall-aktar trakkijiet b’saħħithom Definizzjonijiet ġodda Fl-interess tas-sikurezza, il-liċenzji tas-sewqan għat-trakkijiet u x-xarabanks ġew emendati sabiex:
L-etajiet minimi It-tabella t'hawn taħt tagħti fil-qosor ir-rekwiżiti b’rabta mal-età li jikkonċernaw l-aċċess għal-liċenzji tas-sewqan skont il-kategorija tal-vettura. Ħarsa ġenerali lejn is-sistema ġdida tal-liċenzji tas-sewqan li ġiet proposta
AM: mopeds, massimu ta’ veloċità skont id-disinn 45km/h, < 50 cm³ jew ta’ qawwa < 4kW, inklużi l-kwadriċikli ħfief A1: muturi ħfief, < 125cm³ jew ta’ qawwa < 11 kW bi proporzjon bejn qawwa/piż<0.1kW/kg, u triċikli ħfief < 15 kW A2: muturi, ta’ qawwa<35kW bi proporzjon bejn qawwa/piż < 0.2 kW/kg u mhux derivati minn vettura li taqbeż b’iktar mid-doppju l-qawwa tagħha A: muturi b’żewġ roti (inklużi dawk li jaqbżu l-35 kW) u triċikli tqal > 15 kW B: vetturi bil-mutur <3500kg, li ma jġorrux iktar minn 8 passiġġieri apparti s-sewwieq + trejler <750 kg; jistgħu jiġu kkombinati ma’ trejler >750 kg jekk il-kombinazzjoni hi inqas minn 4250 kg (taħriġ u/jew test għal meta tkun bejn 3500 kg u 4250 kg) B1: kategorija mhux mandatorja tal-kwadriċikli tqal C: vetturi bil-mutur użati għat-trasport tal-prodotti >3500 kg + trejler < 750 kg C1: vetturi bil-mutur <3500 kg, imma < 7500 kg u li ma jġorrux iktar minn 8 passiġġieri apparti s-sewwieq + trejler <750 kg; D: vetturi bil-mutur biex jittrasportaw aktar minn 8 passiġġieri + trejler < 750 kg D1: vetturi bil-mutur biex jittrasportaw mhux aktar minn 16-il passiġġier, ta’ tul massimu ta’ 8 metri + trejler < 750 kg E: f’kombinazzjoni ma' kategoriji minn ta' hawn fuq, trejler >750kg 6. X'inhuma r-regoli l-ġodda għall-eżaminaturi tas-sewqan? M'hemm stabbiliti ebda standards dwar it-taħriġ u l-edukazzjoni tal-eżaminaturi tas-sewqan. Dawn ivarjaw ħafna bejn il-pajjiżi tal-Unjoni. F’xi Stati Membri l-eżaminaturi ma kellhom kważi ebda edukazzjoni speċifika jew lanqas biss kellhom liċenzja tas-sewqan għall-kategorija li kienu qed jeżaminaw. Dan m'għandux jibqa' l-każ. Peress li t-testijiet tat-teorija u dawk prattiċi ġew armonizzati fid-dettall, rekwiżiti minimi komuni għall-eżaminaturi jiżguraw li r-riżultati tat-test ikunu komparabbli fl-UE. L-għoti ta’ taħriġ regolari lill-eżaminaturi għandu wkoll iħalli impatt pożittiv fuq is-sikurezza fit-toroq u dan billi jippermettilhom jaġġornaw il-ħiliet u l-esperjenza tagħhom f’ambjent tekniku li jinbidel dejjem iktar malajr. Ġew stabbiliti kundizzjonijiet bażiċi biex wieħed jidħol għall-professjoni tal-eżaminaturi tas-sewqan u biex jintroduċu standards minimi għall-kwalifika inizjali tagħhom kif ukoll għall-korsijiet ta’ aġġornament regolari:
7. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-liċenzji tas-sewqan se taffettwa r-rekwiżiti marbuta ma’ jekk wieħed jistax isuq jew le? Is-sewwieqa jridu jikkonformaw mal-istandards minimi ta' kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan ta’ vettura bil-mutur qabel ma jingħataw l-awtorizzazzjoni biex isuqu. Id-Direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan tinkludi dispożizzjonijiet dettaljati dwar lista ta’ diżabilitajiet li jistgħu jaffettwaw is-sewqan sikur. Normalment għax-xufiera professjonali tat-trakkijiet u x-xarabanks ikun hemm fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar stretti. Fl-2009, id-Direttiva ġiet aġġornata abbażi tax-xogħol ta' grupp ta' esperti mediċi maħtura mill-Istati Membri rigward il-vista, id-dijabete u l-epilessija. 8. Il-leġiżlazzjoni dwar il-liċenzji tas-sewqan li hemm fl-Unjoni bħalissa L-ewwel biċċa leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-liċenzji tas-sewqan tmur lura għall-1980. Dak iż-żmien Direttiva tal-Kunsill għamlitha possibbli għaċ-ċittadini tal-UE li jmorru fi Stat Membru ieħor biex ibiddlu l-liċenzja tas-sewqan tagħhom mingħajr ma joqogħdu jagħmlu mill-ġdid it-test tat-teorija, dak prattiku u dak mediku. Is-sewwieq madankollu xorta kellu joqgħod ibiddel il-liċenzja tiegħu fi żmien sena minn meta jmur joqgħod fi Stat Membru. Kien biss fl-1991 1i bis-saħħa ta’ Direttiva ġdida ddaħħal il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u tneħħa għalkollox il-bżonn li wieħed ikollu joqgħod jagħmel liċenzja ġdida. Madankollu, fil-prattika, l-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju ġiet impedita minħabba l-fatt li l-perjodi ta’ validità tal-liċenzji u kull kemm żmien irid isir l-eżami mediku ma kinux armonizzati. Dan kien ħoloq inċertezza legali għaċ-ċittadini li kienu marru joqogħdu fi Stat Membru ieħor. Id-Direttiva 2006/126/KE, magħrufa wkoll bħala "it-tielet Direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan", ġiet adottata fl-20 ta’ Diċembru 20062. Kellha tiġi trasposta sad-19 ta’ Jannar 2011. Għalkemm uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha daħlu fis-seħħ fid-19 ta’ Jannar 2009, il-biċċa l-kbira tar-rekwiżiti li hemm fiha se jibdew japplikaw fid-19 ta' Jannar 2013, u b’mod partikolari l-introduzzjoni tal-mudell il-ġdid tal-liċenzja tas-sewqan tal-UE. Għala aktar informazzjoni, ara: IP/13/25 ĠU L 226 tal-10.09.2003 p 4 ĠU L 403, 30.12.2006, p.18. |
Side Bar