Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, il-25 ta' Novembru 2013

Il-Kummissjoni Ewropea tiddefendi l-moviment liberu tal-persuni

(ara wkoll IP/13/1151)

B’aktar minn 14-il miljun ċittadin tal-UE residenti b'mod stabbli fi Stat Membru differenti minn dak li twieldu fih, il-moviment liberu — jew il-kapaċità li wieħed jgħix, jaħdem u jistudja fi kwalunkwe pajjiż tal-UE — huwa d-dritt l-aktar għażiż għall-Ewropej mogħti mill-UE. Ir-raġuni ewlenija li minħabba fiha ċ-ċittadini tal-UE jużaw il-moviment liberu hija x-xogħol, imbagħad il-familja. Miċ-ċittadini kollha li fl-2012 kienu jirrisjedu f'pajjiż tal-UE differenti minn dak li twieldu fih ("ċittadini tal-UE mobbli"), aktar minn tliet kwarti tagħhom (78%) kienu fl-età li jaħdmu (15-64), u dan filwaqt li fost in-nazzjonali l-ammont kien ta' 66%. Bħala medja, ir-rata tal-impjiegi taċ-ċittadini tal-UE mobbli (67.7%) kienet ogħla minn dik fost in-nazzjonali (64.6%).

Dawk iċ-ċittadini mobbli tal-UE li mhumiex jaħdmu (jiġifieri l-istudenti, l-irtirati, min ikun qed ifittex impjieg u l-membri inattivi fil-familja) jirrappreżentaw biss parti żgħira mill-għadd totali ta' ċittadini tal-UE mobbli. Barra minn hekk, 64% minnhom kienu għamlu xi żmien jaħdmu fil-pajjiż li qed jirrisjedu fih. 79% qed jgħixu f'unità domestika b'mill-inqas membru wieħed jaħdem xi mkien. Ir-rata globali ta' inattività fost iċ-ċittadini li jkunu għaddew minn pajjiż għal ieħor fl-UE naqset bejn l-2005 u l-2012 minn 34.1% għal 30.7%.

Il-moviment liberu taċ-ċittadini, li huwa mnaqqax fit-Trattati tal-UE, huwa komponent integrali tas-Suq Uniku kif ukoll element ċentrali tas-suċċess tiegħu: jistimula t-tkabbir ekonomiku billi jippermetti lin-nies jivvjaġġaw u jixtru f'pajjiżi differenti. Bl-istess mod, il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa ta’ benefiċċju mhux biss għall-ħaddiema involuti iżda wkoll għall-ekonomiji tal-Istati Membri, minħabba li jippermetti tqabbil effiċjenti bejn il-ħiliet u l-postijiet vakanti fis-suq tax-xogħol tal-UE. Minkejja l-kriżi ekonomika, illum, fl-UE għad hemm madwar 2 miljun post tax-xogħol li baqgħu ma mtlewx.

Il-Komunikazzjoni dwar il-Moviment Liberu, adottata llum mill-Kummissjoni Ewropea, tenfasizza r-responsabbiltà kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-istituzzjonijiet tal-UE fejn jidħol ir-rispett għad-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jmorru jgħixu u jaħdmu f'pajjiż ieħor tal-UE, u ssemmi azzjonijiet konkreti maħsuba li jsostnu lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex iħarsu dan id-dritt filwaqt li tgħinhom jaħsdu l-benefiċċji li dan iġib miegħu. Id-dokument ta' politika jispjega b'mod ċar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE għall-moviment liberu u għall-benfiċċji soċjali, u jindirizza l-kwistjonijiet imqajma minn xi Stati Membri b'rabta ma' dawk l-isfidi li l-awtoritajiet lokali jħossu li ġġib magħha l-mobilità.

1. Il-qafas legali dwar il-moviment liberu

X'inhu l-moviment liberu tal-ħaddiema?

Il-ħaddiema tal-UE ilhom jibbenefikaw mil-libertà li jaħdmu fi Stat Membru ieħor mis-sittinijiet: dan id-dritt ilu mnaqqax fit-Trattati tal-UE minn dakinhar li tnieda l-proġett tal-UE, fl-1957. Dan id-dritt issa hu stabbilit fl-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dan jinkludi d-dritt li wieħed ma jkunx diskriminat abbażi tan-nazzjonalità tiegħu fejn jidħol l-aċċess għall-impjiegi, il-paga u kundizzjonijiet oħrajn tax-xogħol.

Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 jelenka d-drittijiet tal-ħaddiema għall-moviment liberu u jiddefinixxi oqsma speċifiċi fejn id-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità hija pprojbita, b'mod partikolari fir-rigward ta': l-aċċess għall-impjiegi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, vantaġġi soċjali u dawk relatati mat-taxxa, l-aċċess għat-taħriġ, l-isħubija fit-trejdjunjins, l-akkomodazzjoni u l-aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal.

Li tingħeleb id-diskriminazzjoni fil-konfront ta' ħaddiema minn Stati Membri oħra u li titqajjem kuxjenza rigward id-dritt għax-xogħol taċ-ċittadini tal-UE f'pajjiżi oħra tal-UE huma l-għanijiet ewlenin tal-proposta għal Direttiva biex tiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema mressqa mill-Kummissjoni fi tmiem April 2013 (ara IP/13/372, MEMO/13/384 u SPEECH/13/373).

Il-mobilità tal-ħaddiema fl-UE mhix biss ta' benefiċċju għall-ħaddiema involuti, iżda wkoll għall-ekonomiji tal-Istati Membri. Hija ta' benefiċċju għall-pajjiżi ospitanti għaliex tippermetti lill-kumpaniji jimlew il-postijiet battala, li kieku jibqgħu ma jimtlewx, u għalhekk jipproduċu prodotti u jipprovdu servizzi, li kieku ma kinux ikunu kapaċi jipproduċu u jipprovdu. U hija ta' benefiċċju għall-pajjiżi ta' oriġini taċ-ċittadini għaliex tippermetti lill-ħaddiema li jsibu impjieg, xi ħaġa li kieku ma jkunux jistgħu jagħmlu. Dan jiżgura sostenn finanzjarju lill-familji tagħhom li jibqgħu fil-pajjiż tal-oriġini u huma jiksbu ħiliet u esperjenza, li kieku ma kinux jiksbu. Meta l-ħaddiema mobbli jaslu biex imorru lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom, huma jibbenefikaw minn din l-esperjenza.

X'inhu l-moviment liberu taċ-ċittadini?

20 sena ilu, mat-Trattat ta’ Maastricht, id-dritt għall-moviment liberu ġie rikonoxxut għaċ-ċittadini kollha tal-UE, irrispettivament minn jekk humiex ekonomikament attivi jew le bħala waħda mil-libertajiet fundamentali mogħtija lilhom mil-liġi tal-UE (l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). Dan jolqot il-qalba taċ-Ċittadinanza tal-Unjoni.

Ir-regoli u l-kundizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għal moviment liberu u ta’ residenza huma stabbiliti f’Direttiva maqbula mill-Istati Membri fl-2004 (id-Direttiva2004/38/KE).

Il-libertà tal-moviment huwa l-aktar dritt għażiż għaċ-ċittadini tal-UE: għal 56% taċ-ċittadini Ewropej, il-moviment liberu huwa l-akbar suċċess li kisbet l-Unjoni Ewropea. Tabilħaqq, kulma jmur aktar Ewropej qed igawdu minn dan id-dritt u qed imorru jgħixu fi Stat Membru ieħor tal-UE: fi tmiem l-2012, 14.1 miljun ċittadin kienu qed jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex il-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Fi stħarriġ tal-Ewrobarometru, aktar minn żewġ terzi tal-Ewropej iqisu li l-moviment liberu tal-persuni fl-UE għandu benefiċċji ekonomiċi għal pajjiżhom (67%).

Min jista’ jibbenefika mill-moviment liberu?

L-ewwel tliet xhur: Kull ċittadin tal-UE għandu d-dritt li jmur jgħix fit-territorju ta' pajjiż ieħor tal-UE sa tliet xhur mingħajr ebda kundizzjoni u mingħajr ebda formalità burokratika.

Wara l-ewwel tliet xhur: Id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu f'pajjiż ieħor tal-UE għal aktar minn tliet xhur huwa soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, skont l-istatus tagħhom fil-pajjiż ospitanti tal-UE:

Il-ħaddiema impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom, u l-membri diretti tal-familja tagħhom, għandhom id-dritt li jirrisjedu fih mingħajr kundizzjonijiet oħra.

Dawk li qed ifittxu xogħol għandhom id-dritt ta’ residenza bla ebda kundizzjoni għal perjodu ta’ sitt xhur u anki iktar, u dan kemm-il darba jkomplu jfittxu impjieg fil-pajjiż ospitanti tal-UE u jkollhom "possibilità reali" li jsibu xogħol. Dawk li jkunu qed ifittxu xogħol jistgħu jiksbu benefiċċji tal-qgħad mill-Istat Membru tagħhom għal minimu ta’ tliet xhur filwaqt li jkunu qed ifittxu xogħol fi Stat Membru ieħor, u dan kemm-il darba l-ewwel ikunu ġew irreġistrati bħala qiegħda fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom.

L-istudenti u persuni oħra li ma jkunux ekonomikament attivi (eż. dawk bla xogħol, l-irtirati, eċċ.) għandhom id-dritt ta’ residenza għal aktar minn tliet xhur jekk ikollhom mezzi finanzjarji suffiċjenti b'mod li ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema tal-assistenza soċjali tal-pajjiż ospitanti tal-UE, kif ukoll assigurazzjoni tas-saħħa;

Wara ħames snin: Wara ħames snin ta’ residenza legali kontinwa, iċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom jiksbu d-dritt li jgħixu fuq bażi permanenti fil-pajjiż ospitanti tal-UE. Ladarba jinkiseb, dan id-dritt ma jibqax soġġett għall-kundizzjonijiet li kienu japplikaw fil-ħames snin ta’ qabel.

2. Assistenza u benefiċċji soċjali

Min hu intitolat għal assistenza soċjali?

L-assistenza soċjali hija “benefiċċju ta’ sussistenza” u normalment tkun tinvolvi benefiċċji li jitħallsu biex ikopru spejjeż minimi tal-għajxien jew għajnuna li titħallas għal ċirkostanzi speċjali fil-ħajja.

Iċ-ċittadini tal-UE li jgħixu legalment f’pajjiż ieħor tal-UE għandhom jiġu ttrattati b’mod ugwali bħan-nazzjonali tal-pajjiż. Grazzi għall-prinċipju ta’ trattament ugwali, l-istess ċittadini għalhekk huma intitolati għal benefiċċji kif ukoll għal vantaġġi soċjali u oħrajn b'rabta mat-taxxa, inkluża l-assistenza soċjali, bl-istess mod kif jingħataw lin-nazzjonali tal-pajjiż ospitanti.

Madankollu, il-liġi tal-UE tipprevedi miżuri ta' prevenzjoni fir-rigward tal-aċċess għall-assistenza soċjali minn ċittadini mobbli tal-UE li ma jkunux ekonomikament attivi, u dan biex l-Istati Membri ospitanti ma jispiċċawx iġorru piżijiet finanzjarji inġusti.

L-ewwel tliet xhur: Il-liġi tal-UE ma torbotx lill-pajjiż ospitanti jagħti assistenza soċjali, matul l-ewwel tliet xhur tar-residenza tagħhom, lil ċittadini tal-UE li ma jkunux ekonomikament attivi.

Bejn tliet xhur u ħames snin: Ċittadini tal-UE li ma jkunux attivi ekonomikament fil-prattika x'aktarx ma jkunux eliġibbli għal benefiċċji tal-assistenza soċjali minħabba li jekk kisbu d-dritt ta' residenza, dawn bilfors kellhom juru lill-awtoritajiet nazzjonali li kellhom riżorsi biżżejjed (ara iktar 'il fuq).

Jekk japplikaw għal benefiċċju tal-assistenza soċjali, ngħidu aħna minħabba li s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom iddeterjorat maż-żmien, it-talba tagħhom tkun trid tiġi eżaminata fid-dawl tad-dritt tagħhom għal trattament ugwali. Imma anki hawn, il-liġi tal-UE tipprevedi miżuri ta' prevenzjoni:

L-ewwel nett, f'każijiet speċifiċi, it-talba għall-assistenza soċjali tista' tqajjem dubju ġustifikat min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali li l-persuna jista' jkun li saret piż inġust għas-sistema tal-assistenza soċjali.

Barra minn dan, l-Istat Membru jista' jistabbilixxi li l-għotja mill-assistenza soċjali jew li l-benefiċċju speċjali nonkontributorju (jiġifieri l-benefiċċji li għandhom elementi ta' sigurtà soċjali u assistenza soċjali fl-istess ħin u li huma koperti mir-Regolament 883/2004) jingħataw biss bil-kundizzjoni li ċ-ċittadin ikun issodisfa r-rekwiżiti għad-dritt ta' residenza b'mod legali għal perjodu ta' iktar minn tliet xhur. Madankollu, l-Istat Membru ma jistax jirrifjuta li jagħti dawn il-benefiċċji b'mod awtomatiku lil ċittadini tal-UE inattivi, u lanqas ma jista' jqis b'mod awtomatiku li m'għandhomx riżorsi biżżejjed u li, allura, m'għandhomx dritt jirrisjedu fih.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jeżaminaw is-sitwazzjonijiet individwalment, u dan filwaqt li jqisu firxa ta' fatturi (ammont, tul ta' żmien, in-natura temporanja tad-diffikultà partikulari, it-toqol tal-piż li jrid jinġarr mis-sistema nazzjonali tal-assistenza).

Jekk, abbażi ta’ din l-eżaminazzjoni individwali, l-awtoritajiet jikkonkludu li l-persuni kkonċernati jkunu saru piż inġust, dawn jistgħu jtemmulhom id-dritt tagħhom ta’ residenza.

Wara ħames snin: Iċ-ċittadini tal-UE li jkunu kisbu d-dritt ta’ residenza permanenti jkunu intitolati għal assistenza soċjali bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għan-nazzjonali tal-pajjiż tal-UE ospitanti. L-ebda deroga ma hi permessa skont il-liġi tal-UE.

Min hu intitolat għal benefiċċji tas-sigurtà soċjali?

Benefiċċji tas-sigurtà soċjali jinkludu pensjonijiet tax-xjuħija, pensjoni tas-superstiti, benefiċċji tad-diżabilità, benefiċċji tal-mard, għotja tat-twelid, benefiċċji tal-qgħad, benefiċċji tal-familja, jew il-kura tas-saħħa.

L-Istati Membri jwaqqfu regoli tagħhom b'rabta mas-sigurtà soċjali skont iċ-ċirkostanzi tagħhom. L-UE tikkoordina r-regoli tas-sigurtà soċjali (EC) No 883/2004 u 987/2009) biss sal-punt neċessarju biex tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE ma jitilfux id-drittijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom meta jimxu minn pajjiż għal ieħor fl-UE.

Dan ifisser li l-liġijiet tal-pajjiż ospitanti jistabbilixxu liema benefiċċji jiġu pprovduti, b'liema kundizzjonijiet jingħataw (bħall-kunsiderazzjoni tal-perjodu tax-xogħol), għal kemm żmien u l-ammont li jrid jinħareġ. L-intitolament għall-benefiċċji jvarja għalhekk f’pajjiżi differenti tal-UE.

(Ir-Regolament 883/2004/KE) jiżgura biss li ċittadini mobbli tal-UE jibqgħu protetti mill-kopertura tas-sigurtà soċjali wara li jimxu f'pajjiż ieħor, essenzjalment billi jiddeċiedi liema wieħed mill-Istati Membri rilevanti huwa responsabbli għall-kopertura tas-sigurtà soċjali.

Ħaddiema — impjegati jew għal rashom — u d-dipendenti tagħhom huma koperti mis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż ospitanti taħt l-istess kundizzjonijiet bħal ċittadini proprji — għaliex jikkontribwixxu, bħall-ħaddiema nazzjonali l-oħra kollha, permezz ta’ kontribuzzjonijiet u taxxi fil-fondi pubbliċi minn fejn jiġu ffinanzjati l-benefiċċji.

Għal ċittadini mobbli tal-UE li m’humiex jaħdmu fl-Istat Membru ospitanti, ir-regola tal-istat tal-impieg ma tistax tiġi applikata peress li, b’definizzjoni, m’hemmx pajjiż li fih dawn il-persuni jkunu qegħdin jaħdmu. Skont il-liġi tal-UE dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali, l-Istat Membru ta’ residenza jsir responsabbli għal kopertura tas-sigurtà soċjali biss ladarba dawn iċ-ċittadini jgħaddu minn test strett ta' residenza abitwali, li juri li huma għandhom rabta ġenwina mal-Istat Membru in kwistjoni. Il-kriterji stretti ta’ dan it-test jiżguraw li ċ-ċittadini li ma jaħdmux jista’ jkollhom biss aċċess għal sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor wara li jkunu ġenwinament ittrasferew iċ-ċentru ta’ interess tagħhom lejn dak l-Istat (pereżempju li l-familja tagħhom qiegħda hemm).

3. L-impatt ta’ ċittadini mobbli tal-UE fuq is-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali

Skont ċifri kkomunikati mill-Istati Membri u studju ppubblikat riċentement mill-Kummissjoni Ewropea fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE, iċ-ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra jużaw il-benefiċċji soċjali bl-istess intensità taċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi studjati, huwa aktar probabbli li min jirċievi benefiċċji marbuta mal-akkomodazzjoni u mal-familja jkun ċittadin mobbli tal-UE.

Fil-każ speċifiku ta’ benefiċċji fi flus bħal pensjonijiet soċjali, l-allowance tad-diżabbiltà u l-allowance ta' persuni li qed ifittxu impjieg mhux kontributorja ffinanzjati mit-tassazzjoni ġenerali aktar milli mill-kontribuzzjonijiet mill-individwu kkonċernat (l-hekk imsejħa benefiċċji speċjali mhux kontributorji fi flus — SNCBs), l-istudju juri li ċ-ċittadini tal-UE li mhumiex attivi ekonomikament jammontaw għal sehem żgħir ħafna ta’ benefiċjarji u li l-impatt baġitarju ta’ tali talbiet fuq il-baġits nazzjonali soċjali huwa baxx ħafna. Dawn jirrappreżentaw inqas minn 1% tal-għadd totali ta' tali benefiċjarji (b'nazzjonalità tal-UE) fis-sitt pajjiżi li ġew studjati (l-Awstrija, il-Bulgarija, l-Estonja, il-Greċja, Malta u l-Portugall) u bejn 1% u 5% f’ħames pajjiżi oħra (il-Ġermanja, il-Finlandja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Iżvezja).

Mill-istudju ħareġ ukoll li:

il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini tal-UE li jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE jagħmlu dan biex jaħdmu

ir-rati ta’ attività fost dawn iċ-ċittadini mobbli tal-UE żdiedu matul l-aħħar seba’ snin

bħala medja, huwa aktar probabbli li min jaħdem ikun ċittadin mobbli tal-UE milli nazzjonal tal-pajjiż ospitanti (parzjalment minħabba li fil-kategorija tal-età ta' bejn 15 u 64 sena hemm aktar ċittadini mobbli tal-UE minn ċittadini nazzjonali)

iċ-ċittadini mobbli tal-UE li mhumiex attivi jirrappreżentaw proporzjon żgħir ħafna tal-popolazzjoni totali f’kull Stat Membru u bejn 0.7 % u 1.0 % mill-popolazzjoni globali tal-UE.

bħala medja, l-ispejjeż assoċjati mal-kura tas-saħħa pprovduta għaċ-ċittadini mobbli tal-UE li mhumiex attivi huma żgħar ħafna meta wieħed jikkumparahom mad-daqs totali tal-infiq tas-saħħa (0,2 % bħala medja) jew id-daqs tal-ekonomija tal-pajjiżi ospitanti (0.01 % tal-PDG bħala medja).

  • Iċ-ċittadini mobbli tal-UE jammontaw għal sehem żgħir ħafna ta' dawk li jirċievu benefiċċji nonkontributorji, li huma benefiċċji li jikkumbinaw karatteristiċi tas-sigurtà soċjali u tal-assistenza soċjali fl-istess ħin: inqas minn 1% tal-benefiċjarji kollha (li huma ċittadini tal-UE) f'sitt pajjiżi (l-Awstrija, il-Bulgarija, l-Estonja, il-Greċja, Malta u l-Portugall);bejn 1% u 5% f'ħames pajjiżi oħra (il-Ġermanja, il-Finlandja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Iżvezja), u iktar minn 5% fil-Belġju u fl-Irlanda (għalkemm fil-każ tal-Irlanda ċ-ċifri huma stimi bbażati fuq it-talbiet li saru)

  • Ma hemm ebda relazzjoni statistika bejn il-ġenerożità tas-sistemi tal-welfare f'ċerti pajjiżi u d-dħul fihom minn ċittadini tal-UE.

  • Il-karatteristiċi prinċipali taċ-ċittadini mobbli tal-UE li ma jkunux qed jaħdmu:

  • 64% minnhom kienu għamlu xi żmien jaħdmu fil-pajjiż li qed jirrisjedu fih

  • 71% minnhom huma pensjonanti, studenti jew inkella qed ifittxu xogħol

79% qed jgħixu f'unità domestika b'mill-inqas membru wieħed jaħdem xi mkien

L-aħħar riżultati tal-istudju jikkumplimentaw dawk ta’ studji oħra li juru b’mod konsistenti li ħaddiema minn Stati Membri oħra huma kontributuri netti tal-finanzi pubbliċi tal-pajjiż ospitanti. Ħaddiema mill-UE minn Stati Membri oħra ġeneralment jikkontribwixxu aktar flus fil-baġits tal-pajjiż ospitanti f'taxxi u sigurtà soċjali milli jirċievu f’benefiċċji minħabba li ġeneralment ikunu iżgħar u aktar attivi ekonomikament mill-ħaddiema tal-pajjiżi ospitanti. Dawn l-istudji jinkludu l-International Migration Outlook 2013 tal-OECD, l-istudji taċ-Ċentru għar-Riċerka u l-Analiżi tal-Migrazzjoni bl-isemAssessing the Fiscal Costs and Benefits of A8 Migration to the UK u l-istudju reċenti miċ-Ċentru Ewropew għar-Riforma.

4. Kif jiġu ttrattati abbużi potenzjali?

X’mezzi jeżistu skont il-liġi tal-UE biex jgħinu lill-Istati Membri jevitaw abbuż?

Il-liġi tal-UE tinkludi miżuri ta' prevenzjoni b'saħħithom kontra l-abbuż mid-dritt għall-moviment liberu.

Ir-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini jippermettu lill-Istati Membri jieħdu miżuri effettivi u neċessarji kontra l-abbuż, bħalma huma ż-żwiġijiet ta' konvenjenza; kontra l-frodi, bħalma hu l-falsifikar tad-dokumenti; u kontra kull tqarriq ieħor fejn l-uniku għan ikun il-kisba tad-dritt tal-moviment liberu, u dan billi jirrifjutaw jew jitterminaw id-drittijiet li jingħataw skont id-Direttiva 2004/38 (Artikolu 35). Miżuri bħal dawn iridu jkunu proporzjonati u jkunu suġġetti għall-miżuri ta' prevenzjoni stabbiliti mid-Direttiva.

L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jinvestigaw każijiet individwali fejn ikollhom suspett fondat ta' abbuż u, fil-każ li jikkonkludu li tassew jeżisti każ ta' abbuż, jistgħu jirtiraw id-dritt ta' residenza tal-persuna u jkeċċuha mit-territorju.

Barra minn hekk, wara li jevalwaw iċ-ċirkostanzi relevanti kollha u skont is-serjetà tar-reat (pereżempju, il-falsifikazzjoni ta’ dokument, żwieġ ta’ konvenjenza fejn tkun involuta l-kriminalità organizzata), l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jikkonkludu wkoll li l-persuna tirrappreżenta theddida reali, kontinwa u pjuttost serja għall-ordni pubblika u, abbażi ta' dan, joħorġulha wkoll ordni ta' esklużjoni minbarra li jkeċċuha— b’hekk jipprojbixxu d-dħul mill-ġdid tagħha fit-territorju għal ċertu perjodu ta’ żmien.

X'tipproponi l-Kummissjoni biex tindirizza l-kwistjonijiet imqajma mill-Istati Membri?

Il-Kummissjoni qed tressaq ħames azzjonijiet konkreti li biex jirnexxu hemm bżonn il-kooperazzjoni tal-Istati Membri. Dawn huma eżempji konkreti ta' kif l-UE tista' tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali jimmassimizzaw il-benefiċċji tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE, jieħdu ħsieb il-każijiet ta' abbuż u ta' frodi, jindirizzaw l-isfidi marbuta mal-inklużjoni soċjali, u jużaw il-fondi li jkun hemm.

  • Jiġu miġġielda ż-żwiġijiet ta' konvenjenza: Il-Kummissjoni se tkun qed tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jimplimentaw ir-regoli tal-UE li jippermettulhom jiġġieldu kontra l-abbużi mid-dritt tal-moviment liberu permezz ta' Manwal li qed tħejji dwar kif jistgħu jindirizzaw iż-żwiġijiet ta' konvenjenza.

  • Jiġu applikati r-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali: Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tispjega b'mod ċar "it-test tar-residenza abitwali" li jintuża fir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali (ir-Regolament 883/2004/KE) fi gwida prattika li se titlesta sa tmiem l-2013. Il-kriterji stretti ta’ dan it-test jiżguraw li ċ-ċittadini li ma jaħdmux jista’ jkollhom biss aċċess għal sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor wara li jkunu ġenwinament ittrasferew iċ-ċentru ta’ interess tagħhom lejn dak l-Istat (pereżempju li l-familja tagħhom qiegħda hemm).

  • Jiġu indirizzati l-isfidi marbuta mal-inklużjoni soċjali: Għajnuna lill-Istati Membri biex ikomplu jużaw il-Fond Soċjali Ewropew fejn tidħol l-inklużjoni soċjali: fil-perjodu tal-ipprogrammar 2014-2020, mill-ammont li jalloka l-FSE għal kull Stat Membru, tal-inqas 20% (b'kuntrast mas-17% li hemm stabbilita bħalissa) jridu jintefqu fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u fil-ġlieda kontra l-faqar u kull forma ta' diskriminazzjoni. Barra minn hekk, l-FSE se jkun jista' wkoll jiffinanzja l-bini tal-kapaċità fil-każ tal-partijiet interessati kollha, fil-livell nazzjonali, reġjonali u dak lokali. Biex ikunu jistgħu jiżviluppaw programmi ta' inklużjoni soċjali b'appoġġ mill-FSE, lill-Istati Membri se tingħatalhom orjentazzjoni politika, kemm fejn tidħol l-oriġini u kemm fejn tidħol id-destinazzjoni taċ-ċittadini mobbli tal-UE. Il-Kummissjoni se tibqa' impenjata li tgħin lill-awtoritajiet lokali jibnu l-kapaċità tagħhom billi jużaw b'mod effiċjenti l-fondi Ewropej għall-istruttura u l-investiment.

  • L-awtoritajiet lokali jiġu inkoraġġiti jiskambjaw l-aħjar prassi: Il-Kummissjoni se tgħin lill-awtoritajiet lokali jaraw l-aħjar prassijiet li jkunu żviluppaw awtoritajiet lokali oħrajn fl-Ewropa biex jimplimentaw ir-regoli tal-moviment liberu u biex jindirizzaw l-isfidi marbuta mal-inklużjoni soċjali. Sa tmiem l-2013, il-Kummissjoni se toħroġ studju li jevalwa l-impatt tal-moviment liberu f'sitt ibliet prinċipali. Fi Frar tal-2014 se tistieden lis-sindki biex jiddiskutu l-isfidi li jiltaqgħu magħhom u biex jiskambjaw l-aħjar prassijiet.

  • Tiġi żgurata l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu: il-Kummissjoni se tistabbilixxi modulu ta' taħriġ onlajn biex tgħin lill-istaff fl-awtoritajiet lokali jifhem u japplika sew id-drittijiet tal-moviment liberu fl-UE. Il-Kummissjoni pproponiet li fl-Istati Membri kollha jitwaqqfu korpi li jipprovdu appoġġ legali u informazzjoni lill-ħaddiema mobbli tal-UE (ara IP/13/372) u se tipproponi li l-EURES, in-netwerk tas-servizzi Ewropej tal-impjiegi, jiġi mmodernizzat biex jissaħħaħ ir-rwol u l-impatt tas-servizzi tal-impjiegi fil-livell nazzjonali, tittejjeb il-koordinazzjoni tal-mobbiltà tal-ħaddiema fl-UE u biex il-EURES isir għodda Ewropea u waħda tassew żviluppata għal min qed ifittex xogħol. Illum 47% taċ-ċittadini tal-UE jgħidu li l-problemi li jiltaqgħu magħhom meta jmorru jgħixu f'pajjiż ieħor tal-UE jinħolqu meta l-uffiċjali tal-amministrazzjonijiet lokali ma jkunux familjari biżżejjed mad-drittijiet tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE.

Aktar informazzjoni

Studju tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impatt ta’ ċittadini mobbli tal-UE mhux attivi fuq is-sigurtà soċjali:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=89&langId=mt

Il-Kummissjoni Ewropea — il-moviment liberu tal-UE

http://ec.europa.eu/justice/citizen/move-live/index_en.htm

Tagħrif dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=849

Il-paġna ewlenija tas-sit ta' Viviane Reding, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Il-paġna ewlenija tal-Kummissarju responsabbli għall-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni, László Andor:

http://ec.europa.eu/andor

Sewgi lill-Viċi President Reding fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Sewgi lill-Kummissarju Andor fuq Twitter: @LaszloAndorEU

Anness

Anness 1: Il-Moviment Liberu huwa l-aktar dritt għażiż

Sors: L-Ewrobarometru Standard 79, ir-Rebbiegħa 2013

Anness 2: Il-perċezzjoni pubblika dwar il-moviment liberu

Sors, L-Ewrobarometru Flash 365 dwar "iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea", p. 44

Anness 3: Kemm hemm ċittadini tal-UE mobbli?

Ir-rata annwali ta' mobbiltà transfruntiera fl-UE b'kuntrast ma' dik fl-Istati Uniti u dik fl-Awstralja

Sors: L-Istħarriġ tal-OECD dwar l-Ekonomija fl-UE – 2012

Anness 4: Huwa aktar probabbli li ċ-ċittadini attivi ekonomikament ikunu ċittadini mobbli tal-UE milli nazzjonali tal-Istati Membri

Il-grafika hi organizzata skont l-għadd ta' ċittadini tal-UE fl-età tax-xogħol (15-64) li jirrisjedu fil-pajjiż.

Sors: Eurostat, EU Labour Force Survey (table lfsa_argan). Nota: fil-grafika jidhru biss il-pajjiżi li qed ikunu destinazzjoni ewlenija għaċ-ċittadini mobbli tal-UE. Dawn is-17-il Stat Membru, fl-2012 laqgħu 99% taċ-ċittadini mobbli tal-UE.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website