Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-programm "Orizzont 2020" "jagħti spinta kbira 'l quddiem lir-riċerka fl-Ewropa u lill-imprendituri Ewropej" qalet il-Kummissarju Vassiliou

European Commission - MEMO/13/1021   21/11/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

memo

Brussell, il-21 ta' Novembru 2013

Il-programm "Orizzont 2020" "jagħti spinta kbira 'l quddiem lir-riċerka fl-Ewropa u lill-imprendituri Ewropej" qalet il-Kummissarju Vassiliou

L-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (l-MSCA), li bihom jiġu ffinanzjati boroż ta' studju għar-riċerka, u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (l-EIT) se jieħdu ħafna aktar flus bil-baġit il-ġdid tal-programm "Orizzont 2020" għar-riċerka u l-innovazzjoni, li ġie adottat illum mill-Parlament Ewropew. L-MSCA u l-EIT jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, li ddeskriviet il-vot tal-Parlament bħala "spinta kbira 'l quddiem għar-riċerka Ewropea u għall-imprendituri tal-ġejjieni".

L-MSCA jammontaw għal 8 % tal-baġit ġenerali tal-programm "Orizzont 2020", u għandhom finanzjament ta' aktar minn EUR 6 biljun għall-perjodu mill-2014 sal-2020.1 Dan l-ammont huwa madwar 30 % aktar mill-allokazzjoni attwali ta' EUR 4.7 biljun mogħtija biex jappoġġaw l-Azzjonijiet Marie Curie għall-perjodu mill-2007 sal-2013. Il-baġit il-ġdid se jappoġġa lil aktar minn 65 000 riċerkatur, li minnhom kważi 40 % se jkunu kandidati għad-dottorat. L-EIT se jirċievi EUR 2.7 biljun għall-perjodu mill-2014 sal-20202, jiġifieri 3.5 % mill-baġit globali tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. Dan jirrapreżenta żieda sinifikanti mill-baġit inizjali tal-EIT, li kien ta' madwar EUR 300 miljun għall-perjodu mill-2008 sal-2013. Dawn il-fondi se jsaħħu l-kapaċità ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE u se jikkontribwixxu biex jinħoloq ix-xogħol u jkun hemm it-tkabbir.

"Permezz tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie, l-UE qed iżżid b'mod sinifikanti l-investiment tagħha fin-nies li għandhom l-għarfien u t-talent biex joħolqu l-innovazzjonijiet u jbiddlu l-ħajjiet. Din hija aħbar eċċellenti għall-komunità tar-riċerka u għall-imprendituri tal-ġejjieni appoġġati mill-EIT," qalet il-Kummissarju Vassiliou.

Iż-żieda fil-baġit tenfasizza l-importanza mogħtija lill-MSCA, li se jħarrġu lill-ġenerazzjoni li jmiss ta' riċerkaturi fl-Ewropa. L-MSCA se jappoġġaw ir-riċerkaturi fl-istadji kollha tal-karriera tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom. Ir-riċerkaturi li jaħdmu fl-oqsma kollha, mill-kura tas-saħħa li ssalva ħajjet il-bnedmin sar-riċerka fundamentali se jkunu eliġibbli għall-finanzjament. L-MSCA se jappoġġaw ukoll dottorati industrijali li jgħaqqdu flimkien ir-riċerka akkademika u x-xogħol f'kumpaniji, u taħriġ ieħor innovattiv li jsaħħaħ l-impjegabbiltà u l-iżvilupp tal-karriera.

L-EIT se jkollu rwol importanti biex jippromwovi t-tkabbir dinamiku u innovattiv fl-Ewropa, billi jqarreb lejn xulxin is-settur tal-edukazzjoni għolja, dak tar-riċerka u n-negozji, u billi jappoġġa l-intrapriżi li jkun għadhom kemm fetħu u t-taħriġ speċjalizzat ta' wara li wieħed ikun iggradwa. L-EIT jaħdem permezz ta' Komunitajiet ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (il-KKI), kunċett innovattiv ta' sħubiji transfruntiera bejn is-settur pubbliku u dak privat. Barra mit-tliet KKI eżistenti dwar il-klima, l-ICT u l-enerġija, l-EIT se jniedi ħames KKI ġodda matul il-perjodu mill-2014 sal-2020 fl-oqsma tal-għajxien tajjeb għas-saħħa u t-tixjiħ attiv (fl-2014), il-materja prima (fl-2014), l-ikel għall-ġejjieni (fl-2016), il-manifattura b'valur miżjud (fl-2016) u l-mobbiltà urbana (fl-2018).

Sfond

L-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie tal-UE

L-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie jappoġġaw l-iżvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi u t-taħriġ tagħhom – b'enfasi fuq il-ħiliet innovattivi – fl-oqsma xjentifiċi kollha, abbażi tal-mobbiltà minn pajjiż għall-ieħor u minn settur għall-ieħor.

L-MSCA se jsiru l-programm prinċipali tal-UE għat-taħriġ tad-dottorat u se jappoġġaw 25 000 kandidat. Huma se jinkludu l-finanzjament għal dottorati industrijali, għal dottorati konġunti u għal forom oħra innovattivi ta' taħriġ marbut mar-riċerka li jsaħħu l-impjegabbiltà. Matul il-boroż ta' studju tagħhom, ir-riċerkaturi ta' esperjenza se jkunu mħeġġa jqattgħu xi żmien 'il barra mill-qasam akkademiku, f'intrapriżi u f'organizzazzjonijiet oħra. L-MSCA se jappoġġaw ukoll l-iskambji ta' persunal li jaħdem fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa kollha, fil-qafas ta' sħubiji li jinkludu kemm l-universitajiet u kemm organizzazzjonijiet oħra, kif ukoll skambji madwar id-dinja biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Permezz tal-iskema COFUND, l-MSCA se jżidu wkoll il-finanzjament tal-programmi tat-taħriġ marbut mar-riċerka li jeżistu fil-livell reġjonali, nazzjonali u internazzjonali b'ammont massimu ta' 50 % mill-finanzjament totali. Din l-iskema se tiġi estiża wkoll għar-riċerkaturi li jinsabu fi stadju bikri tal-karriera tagħhom u se ssaħħaħ ir-rabtiet mal-Fondi Strutturali u ta' Investiment tal-UE.

L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija

Il-missjoni ewlenija tal-EIT, li ġie stabbilit fl-2008, hija li jippromwovi l-kompetittività tal-Istati Membri billi jiġbor flimkien l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, iċ-ċentri tar-riċerka u n-negozji ta' livell għoli ħafna biex jiffukaw fuq l-isfidi prinċipali tas-soċjetà. Il-kwartieri ġenerali amministrattivi tal-EIT jinsabu f'Budapest filwaqt li l-KKI jaħdmu minn 17-il sit differenti madwar l-Ewropa.

Attwalment hemm tliet KKI li jieħdu ħsieb it-tibdil fil-klima (il-KKI tal-Klima), l-enerġija sostenibbli (il-KKI tal-"InnoEnergy") u t-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (il-Laboratorji tal-EIT tal-ICT) u flimkien dawn jiġbru aktar minn 350 sieħeb fost l-aqwa universitajiet, negozji u ċentri tar-riċerka Ewropej. L-EIT diġà pprovda taħriġ intraprenditorjali għal aktar minn 1 000 student u kkontribwixxa għall-ħolqien ta' aktar minn 100 intrapriża li tkun għadha kemm fetħet. Tnedew madwar 90 prodott, servizz jew proċess ġdid u bħalissa fil-KKI qed jiġu żviluppati aktar minn 400 idea għan-negozju.

Mill-2014 'il quddiem, l-EIT u l-KKI tiegħu se jkomplu jikkondividu l-approċċ il-ġdid tagħhom għall-innovazzjoni permezz ta' attivitajiet tat-tixrid u tal-komunikazzjoni. B'mod partikolari, l-Iskema ta' Innovazzjoni Reġjonali se trawwem l-innovazzjoni fl-Unjoni kollha billi tippermetti lis-sħubiji bejn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, organizzazzjonijiet tar-riċerka, kumpaniji u partijiet oħra interessati fl-innovazzjoni jaħdmu mill-qrib mal-KKI.

Għal aktar tagħrif

IP/13/1133

L-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie

Ħarsa ħafifa lejn l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija

Il-Kummissjoni Ewropea: L-edukazzjoni u t-taħriġ

Is-sit elettroniku ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter: @VassiliouEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

1 :

EUR 6.16 biljun meta titqies l-inflazzjoni stmata. Dan huwa ekwivalenti għal EUR 5.45 biljun fi prezzijiet fissi/kostanti tal-2011.

2 :

EUR 2.4 biljun fi prezzijiet tal-2011.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website