Navigation path

Left navigation

Additional tools

Konċentrazzjoni ġdida tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE għal Impatt Massimu fuq it-Tkabbir u x-Xogħlijiet: Ir-Riforma f'10 punti

European Commission - MEMO/13/1011   19/11/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, id-19 ta' Novembru 2013

This is an updated version of MEMO/13/878 - available in all languages

Konċentrazzjoni ġdida tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE għal Impatt Massimu fuq it-Tkabbir u x-Xogħlijiet: Ir-Riforma f'10 punti

Skont il-baġit tal-UE għall-2014-2020, il-Politika ta' Koeżjoni se tinvesti € 325 biljun fl-Istati Membri tal-Ewropa u r-reġjuni u l-ibliet tagħhom biex twettaq il-miri ta' tkabbir u impjiegi madwar l-UE kollha, kif ukoll biex tittratta l-kambjament fil-klima, id-dipendenza fuq l-enerġija u l-esklużjoni soċjali. Jekk titqies il-kontribuzzjoni nazzjonali tal-istati membri, u l-effett ta' lieva tal-istrumenti finanzjarji, l-impatt ġenerali x'aktarx ikun aktar minn € 500 biljun. Ir-riforma tal-Politika ta' Koeżjoni se tiżgura impatt massimu għal dawn l-investimenti, adattata għall-bżonnijiet individwali tar-reġjuni u l-ibliet. L-elementi prinċipali tar-riforma huma:

1. L-investiment fir-reġjuni kollha tal-UE u l-adattament tal-livell ta' appoġġ u tal-kontribuzzjoni nazzjonali (rata ta' kofinanzjament) għal-livelli tagħhom ta' żvilupp:

  • Reġjuni Inqas Żviluppati (PDG < 75% tal-medja tal-UE-27)

  • Reġjuni ta' Tranżizzjoni (PDG 75% sa 90% tal-medja tal-UE-27)

  • Reġjuni Iktar Żviluppati (PDG > 90 % tal-medja tal-UE-27)

2. Konċentrazzjoni fuq ir-riżorsi f'setturi prinċipali ta' tkabbir: Investimenti taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) se jkunu kkonċentrati fuq 4 prioritajiet prinċipali: l-innovazzjoni u r-riċerka, l-aġenda diġitali, l-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, skont il-kategorija tar-reġjun (Inqas Żviluppat: 50%, ta' Tranżizzjoni: 60%, u Iktar Żviluppat: 80%). Madwar € 100 biljun se jkun ddedikat għal dawn is-setturi, li minnhom tal-inqas € 23 biljun se jappoġġjaw il-bidla għal ekonomija b'anqas emissjonijiet ta' karbonju (effiċjenza enerġetika u enerġiji rinovabbli). Dwar dan, hemm obbligi separati biex jiġu ddedikati riżorsi tal-FEŻR (Inqas Żviluppati: 12%, ta' Tranżizzjoni: 15%, u Iktar Żviluppati: 20%).

Madwar € 66 biljun se jkunu ffokati fuq rabtiet ta' trasport Trans-Ewropej u proġetti ta' infrastruttura ambjentali prinċipali permezz tal-Fond ta' Koeżjoni.

Permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Politika ta' Koeżjoni se tipprovdi kontribuzzjoni sinifikanti għall-prioritajiet tal-UE fil-qasam tal-impjieg, per eżempju permezz ta' taħriġ u tagħlim matul il-ħajja u l-inklużjoni soċjali (minn tal-inqas 20% tal-FSE f'kull Stat Membru se jkollu jiġi użat biex jappoġġja dan l-objettiv). L-allokazzjoni tal-FSE se tiġi stabbilita skont il-bżonnijiet ta' kull Stat Membru, skont minimu predefinit, li tirriżulta f'total ta' minn tal-inqas € 70 biljun. L-Inizjattiva l-ġdida favur l-Impjieg fost iż-Zgħażagħ relatata mal-FSE u b'valur ta' minn tal-inqas 6 biljun € se tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

3. L-istabbiliment ta' miri u objettivi ċari, trasparenti u miżurabbli għal responsabbiltà u riżultati: Pajjiżi u reġjuni se jkollhom iħabbru bil-quddiem x'objettivi jkollhom l-intenzjoni li jilħqu bir-riżorsi disponibbli u jidentifikaw b'mod preċiż kif se jitqies il-progress lejn dawk l-objettivi. Dan se jippermetti monitoraġġ u dibattitu regolari fuq kif jiġu użati r-riżorsi finanzjarji. Se jfisser li fondi addizzjonali jistgħu jkunu disponibbli għal programmi ta' prestazzjoni aħjar (permezz ta' hekk imsejħa "riżerva ta' prestazzjoni") lejn l-aħħar tal-perjodu.

4. L-introduzzjoni ta' kundizzjonijiet qabel ma l-fondijkunu jistgħu jitqassmu biex jiġu żgurati investimenti aktar effettivi. Per eżempju, strateġiji ta' "speċjalizzazzjoni intelliġenti" biex jiġu identifikati setgħat partikolari u riformi favorevoli għall-intrapriżi, strateġiji tat-trasport, miżuri sabiex jittejbu sistemi ta' akkwist pubbliku, konformità mal-liġijiet ambjentali, strateġiji biex jiġi miġġieled l-impjieg taż-żgħażagħ, it-tluq bikri mill-iskola jew biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nondiskriminazzjoni huma kollha prekundizzjonijiet neċessarji.

5. L-istabbiliment ta' strateġija komuni għal aktar koordinazzjoni u inqas koinċidenza: Qafas Strateġiku Komuni jipprovdi l-bażi għal koordinazzjoni aħjar bejn il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (l-FEŻR, il-Fond ta' Koeżjoni u l-ESF bħala t-tliet fondi taħt il-Politika ta' Koeżjoni kif ukoll il-fondi ta' Żvilupp Rurali u tas-Sajd). Dan jorbot ukoll aħjar ma' strumenti oħrajn tal-UE bħal Horizon 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jew il-Programm għall-Impjieg u l-Innovazzjoni Soċjali.

6. It-tnaqqis tal-burokrazija u s-simplifikazzjoni tal-użu ta' investimenti tal-UE permezz ta' sett ta' regoli komuni għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment kollha kif ukoll regoli ta' kontabbiltà aktar sempliċi, obbligi ta' rappurtaġġ aktar immirati u aktar użu ta' teknoloġija diġitali ("koeżjoni elettronika").

7. It-tkabbir tad-dimensjoni urbana tal-politika billi jiġi ddedikat ammont minimu ta' riżorsi taħt l-FEŻR biex jintefaq fuq proġetti integrati fl-ibliet - minbarra nfiq ieħor f'żoni urbani.

8. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali u l-iffaċilitar tal-istabbiliment ta' proġetti transkonfinali. Kif ukoll jiġi żgurat li strateġiji makroreġjonali bħal dawk tad-Danubju u tal-Baħar Baltiku jiġu appoġġjati minn programmi nazzjonali u reġjonali.

9. Jiġi żgurat li l-Politika ta' Koeżjoni tiġi marbuta aħjar ma' governanza ekonomika tal-UE iktar wiesa': Il-programmi se jkollhom ikunu iktar kunsistenti ma' Programmi ta' Riforma Nazzjonali u għandhom jindirizzaw ir-riformi rilevanti identifikati permezz tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fis-Semestru Ewropew. Jekk ikun hemm bżonn, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri - taħt l-hekk imsejħa klawsola "tal-kondizzjonalità makroekonomika" - biex jimmodifikaw programmi li jappoġġjaw riformi strutturali prinċipali. Bħala l-aħħar għażla, tista' tissospendi l-fondi jekk ir-rakkomandazzjonijiet ekonomiċi jinkisru ripetutament u serjament.

10. L-inkoraġġament ta' aktar użu ta' strumenti finanzjarji biex l-SMEs jingħataw aktar appoġġ u aċċess għall-kreditu: Is-self, il-garanziji u l-kapital ta' riskju u self se jkunu appoġġjati b'fondi tal-UE permezz ta' regoli komuni, it-twessigħ tal-ambitu tal-użu tagħhom u l-provvediment ta' inċentivi (eż. rati ta' kofinanzjar għola). L-enfasi fuq self aktar milli fuq għotjiet għandu jtejjeb il-kwalità tal-proġetti u jiskuraġġixxi d-dipendenza fuq is-sussidji.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website