Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ewropa Kreattiva: Mistoqsijiet Frekwenti

European Commission - MEMO/13/1009   19/11/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell/Strasburgu, id-19 ta' Novembru 2013

Ewropa Kreattiva: Mistoqsijiet Frekwenti

(ara wkoll IP/13/1114)

X’inhu l-programm Ewropa Kreattiva?

Il-Programm Ewropa Kreattiva jappoġġa ċ-ċinema Ewropea u s-setturi kulturali u kreattivi għax bis-saħħa tiegħu jiżdied il-kontribut tagħhom għall-impjiegi u t-tkabbir. B'baġit ta' €1.46 biljun1 għall-2014-2020, dan il-programm se jappoġġa għexur t'eluf ta' artisti, professjonisti kulturali u awdjoviżivi u organizzazzjonijiet fl-arti tal-ispettaklu, il-fine arts, il-pubblikazzjoni, iċ-ċinematografija, it-televiżjoni, il-mużika, l-arti interdixxiplinari, il-patrimonju u l-industrija tal-logħob kompjuterizzat. Bl-għajnuna ta' finanzjament se jkunu jistgħu joperaw fl-Ewropa, jilħqu udjenzi ġodda u jiksbu l-ħiliet meħtieġa fl-era diġitali. Dan il-programm, filwaqt li se jgħin biex ix-xogħlijiet kulturali Ewropej jilħqu udjenzi ġodda, se jgħin ukoll biex titħares id-diversità lingwistika u kulturali.

L-Ewropa għalfejn teħtieġ programm bħal Ewropa Kreattiva?

Il-kultura taqdi rwol ewlieni fl-ekonomija tal-UE. Studji juru li s-setturi kulturali u kreattivi jikkontribwixxu sa 4.5% tal-PDG tal-UE u kważi 4% tal-impjiegi (8.5 miljun impjieg u ferm aktar jekk jitqies l-impatt tagħhom fuq setturi oħrajn). L-Ewropa hija l-mexxejja dinjija fl-esportazzjonijiet ta' prodotti tal-industrija kreattiva. Sabiex tibqa' f'din il-pożizzjoni, l-Ewropa jeħtiġilha tinvesti fis-setturi biex ikunu kapaċi joperaw bejn il-fruntieri.

Ewropa Kreattiva jieħu ħsieb dan il-bżonn u se jinvesti fejn l-impatt jinħass l-aktar.

Dan il-programm ġdid iqis l-isfidi li jġibu l-globalizzazzjoni u t-teknoloġiji diġitali, li qed jibdlu l-mod kif isiru, jitqassmu u jingħarblu x-xogħlijiet kulturali, u li qed jibdlu l-mudelli kummerċjali u s-sorsi tad-dħul. Dawn l-iżviluppi joħolqu wkoll opportunitajiet għas-setturi kulturali u kreattivi. Il-programm jgħinhom jaħtfu dawn l-opportunitajiet ħalli jibbenefikaw mill-bidla diġitali u jinħolqu aktar impjiegi u karrieri internazzjonali.

Liema pajjiżi jistgħu japplikaw għall-finanzjament ta' Ewropa Kreattiva?

Il-programm Ewropa Kreattiva se jkun miftuħ għat-28 Stat Membru u, jekk jissodisfaw kundizzjonijiet speċifiċi, għall-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera), il-pajjiżi kandidati tal-UE u pajjiżi kandidati potenzjali (il-Montenegro, is-Serbja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-Turkija, l-Albanija, il-Bożnja u Ħerzegovina, il-Kosovo) u l-pajjiżi ġirien (l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Belarus, il-Ġorġja, il-Moldova, l-Ukraina, l-Alġerija, l-Eġittu, il-

Marokk, it-Tuneżija, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Palestina, is-Sirja u l-Iżrael). Il-pajjiżi li mhumiex fl-UE jridu jħallsu parteċipazzjoni biex jieħdu sehem fil-programm. L-ispiża tkun skont id-daqs tal-PDG (il-Prodott Domestiku Gross) tagħhom f'relazzjoni mal-baġit tal-programm.

L-individwi jistgħu japplikaw għal finanzjament?

Il-programm Ewropa Kreattiva mhux se jkun miftuħ għal applikazzjonijiet mingħand individwi, iżda madwar 250,000 artist individwali u professjonist kulturali u awdjoviżiv se jirċievu finanzjament minn proġetti li ressqu organizzazzjonijiet kulturali. Dan hu mod ferm aktar kosteffettiv biex jinkisbu r-riżultati u jitħalla impatt dejjiemi. Il-Kummissjoni tistma li se tilħaq miljuni ta' persuni direttament jew indirettament bil-proġetti se jappoġġa Ewropa Kreattiva.

Ewropa Kreattiva, x'se jappoġġa eżattament?

Virtwalment, kull proġett li se jirċievi appoġġ se jkollu dimensjoni transfruntiera. Ħafna mill-baġit se jintuża f'għotjiet għal proġetti individwali. Madankollu, il-programm se jappoġġa wkoll inizjattivi b'għanijiet simili bħal Kapitali Ewropej tal-Kultura, iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew, il-Jiem tal-Patrimonju Ewropew u ħames premjijiet tal-Unjoni Ewropea (il-Premju tal-UE għall-Patrimonju Kulturali/il-Premjijiet Europa Nostra, il-Premju tal-UE għall-Arkitettura Kontemporanja, il-Premju tal-UE għal-Letteratura, il-Premjijiet Ewropej "Border Breakers", u l-Premju MEDIA tal-UE).

Xi sfidi qed jindirizza l-programm?

Bħalissa s-setturi kulturali u kreattivi mhumiex jisfruttaw bis-sħiħ is-Suq Uniku. Waħda mill-akbar sfidi li għandu s-settur hija l-frammentazzjoni tas-suq, marbuta ma' tradizzjonijiet kulturali u lingwi differenti: l-Unjoni Ewropea għandha 24 lingwa uffiċjali, tliet alfabetti, u madwar 60 lingwa reġjonali u ta' minorità li huma uffiċjalment rikonoxxuti. Din id-diversità hi parti mill-możajk għani tal-Ewropa iżda tfixkel lill-awturi milli jaslu f'idejn qarrejja ta' pajjiżi oħra, lil min imur iċ-ċinema jew it-teatru milli jara xogħlijiet barranin, u lill-mużiċisti milli jilħqu semmiegħa ġodda.

Ix-xahar li għadda, stħarriġ tal-Ewrobarometru (IP/13/1023) wera li 13% biss tal-Ewropej imorru jaraw kunċert ta' artisti minn pajjiż Ewropew ieħor, u 4% biss imorru jaraw xogħol teatrali minn pajjiż Ewropew ieħor. Jekk tingħata attenzjoni akbar lill-appoġġ biex jinħolqu l-udjenzi u lis-setturi biex ikunu kapaċi jinteraġixxu ma' udjenzi b'mod aktar dirett, ngħidu aħna b'inizjattivi tal-litteriżmu medjatiku jew b'għodod interattivi onlajn ġodda, ikun hemm il-potenzjal ta' aktar ftuħ biex xogħol minn barra l-pajjiż jasal għand il-pubbliku.

Ewropa Kreattiva, kif inhu differenti mill-programmi attwali Kultura, MEDIA u MEDIA Mundus? Dawn l-ismijiet se jgħibu?

Il-Programm Ewropa Kreattiva se jgħaqqad il-bosta mekkaniżmi ta' appoġġ għas-setturi kulturali u awdjoviżivi fl-Ewropa, f'mekkaniżmu wieħed li jistgħu jużawh is-setturi kulturali u kreattivi kollha. Madankollu, dan se jibqa' jieħu ħsieb il-ħtiġijiet partikolari tal-industrija awdjoviżiva u s-setturi kulturali u kreattivi l-oħra permezz tas-sottoprogrammi speċifiċi tiegħu Kultura u MEDIA. Dawn se jibnu fuq is-suċċess tal-programmi attwali Kultura u MEDIA u se jadattaw għall-isfidi tal-futur. Il-programm MEDIA Mundus li jappoġġa l-koperazzjoni bejn il-professjonisti Ewropej u internazzjonali u d-distribuzzjoni internazzjonali tal-films Ewropej, se jingħaqad mas-sottoprogramm MEDIA.

Programm Qafas uniku se jimmassimizza s-sinerġiji bejn is-setturi differenti u jtejjeb l-effiċjenza.

Ewropa Kreattiva se jkollu taqsima transettorjali. X'se jkun fiha?

Din it-taqsima se jkollha żewġ partijiet: il-Faċilità ta' Garanzija Finanzjarja, li se jmexxiha l-Fond Ewropew tal-Investiment u li se titħaddem mill-2016, se tagħmilha aktar faċli biex l-operaturi ż-żgħar ikunu jistgħu jaċċessaw is-self mill-banek. It-taqsima transettorjali se tagħti wkoll appoġġ għal studji, analiżi u ġbir aħjar tad-dejta ħalli titjieb il-bażi tal-evidenza għat-tfassil tal-politika, il-finanzjament għal proġetti esperimentali li jħeġġu l-koperazzjoni bejn is-settur awdjoviżiv u setturi kulturali u kreattivi oħra, u l-finanzjament għall-punti ta' kuntatt ta' Ewropa Kreattiva biex jassistu lill-applikanti.

Ewropa Kreattiva, kif se jitmexxa?

Il-programm Ewropa Kreattiva se jkun vetrina aktar sempliċi, faċilment rikonoxxibbli u aċċessibbli għal professjonisti kulturali u kreattivi Ewropej, tkun xi tkun id-dixxiplina artistika tagħhom u se joffri appoġġ għal attivitajiet internazzjonali fl-UE u barra mill-UE. Dan il-programm se juża s-sistema ta' mmaniġġjar attwali, jiġifieri mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

1 :

€1.46 biljun meta titqies l-inflazzjoni stmata. Dan hu ekwivalenti għal €1.3 biljun fi prezzijiet "fissi" tal-2011.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website