Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Strażburgu/Brussell, id-19 ta' Novembru 2013

Mistoqsijiet Frekwenti dwar Erasmus+

(ara wkoll IP/13/1110)

X'inhu Erasmus+?

Erasmus+ hu programm ġdid tal-Unjoni Ewropea għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, iż-Żgħażagħ u l-Isport għall-2014-2020. Dan jieħu post bosta programmi eżistenti tal-UE li jkopru kull settur tal-edukazzjoni: il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja - Erasmus (l-edukazzjoni ogħla), Leonardo da Vinci (l-edukazzjoni vokazzjonali), Comenius (l-edukazzjoni skolastika), Grundtvig (l-edukazzjoni għall-adulti), il-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni u ħames programmi internazzjonali (Erasmus Mundus, Tempus, Alfa, Edulink u l-programm għal koperazzjoni ma' pajjiżi industrijalizzati). Għall-ewwel darba, Erasmus+ se joffri wkoll l-appoġġ tal-UE għall-isport, b'mod partikolari fil-livell lokali.

Il-programm Erasmus+ iżid ferm il-finanzjament tal-UE (b'40%) għall-iżvilupp tal-għarfien u l-ħiliet, u dan biex l-aġendi tal-politika tal-UE u dawk nazzjonali jixhdu l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Dan għandu l-għan li jsaħħaħ l-iżvilupp personali tan-nies u l-prospetti tal-impjiegi tagħhom.

Il-programm il-ġdid isejjes fuq l-esperjenza u s-suċċess tal-programmi eżistenti fosthom Erasmus, iżda se jħalli impatt akbar. Dan jistrieħ fuq il-premessa li l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ hu s-soluzzjoni biex ma jinħeliex il-potenzjal tan-nies, tkun xi tkun l-età jew l-isfond tagħhom.

Erasmus+, x'se jappoġġa?

Il-programm Erasmus+ għandu l-għan li jżid il-kwalità u r-rilevanza tal-kwalifiki u l-ħiliet. Żewġ terzi tal-finanzjament tiegħu se jipprovdi għotjiet lil aktar minn 4 miljun persuna biex jistudjaw, jitħarrġu, jaħdmu jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom fl-2014-2020 (meta mqabbla ma' 2.7 miljun persuna fl-2007-2013). Il-perjodu barra mill-pajjiż jaf ivarja minn ftit ġranet sa sena.

Erasmus+ hu miftuħ għal studenti, għalliema, apprendisti, voluntiera, mexxejja taż-żgħażagħ u persuni li jaħdmu fl-isport fil-livell lokali. Dan se jagħti finanzjament għal sħubijiet bejn istituzzjonijiet edukattivi, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, intrapriżi, awtoritajiet lokali u reġjonali u NGOs, kif ukoll appoġġ biex isiru l-bidliet fl-Istati Membri li javvanzaw l-edukazzjoni u t-taħriġ u li jħeġġu l-innovazzjoni, l-intraprenditorja u l-impjegabbiltà.

Se jingħata aktar appoġġ għal pjattaformi tal-IT bħall-etwinning, ħalli l-iskejjel u sorsi oħrajn tat-tagħlim jingħaqdu bl-internet.

Il-programm Erasmus+ se jagħti sehmu biex tinħoloq id-dimensjoni Ewropea fl-isport billi jgħin ħalli jingħelbu theddidiet bejn il-fruntieri bħal l-irranġar tal-partiti u d-doping. Barra minn hekk, dan se jappoġġa proġetti transnazzjonali li jinvolvu lil organizzazzjonijiet tal-isport fil-livell lokali, ngħidu aħna jħeġġeġ il-governanza tajba, l-inklużjoni soċjali, il-karrieri doppji u l-attività fiżika għal kull età.

Erasmus+ kif inhu differenti mill-programmi attwali?

Il-programm il-ġdid hu ambizzjuż u strateġiku aktar fin-natura tiegħu u fl-istess waqt għandu l-istess għanijiet ewlenin li jtejjeb il-ħiliet u l-impjegabbiltà, u dan filwaqt li jsostni l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni, it-taħriġ u żgħażagħ.

Erasmus+ se joħloq sinerġiji bejn setturi differenti tal-edukazzjoni u mad-dinja tax-xogħol. Programm wieħed se jissimplifika r-regoli u l-proċeduri tal-applikazzjoni, u jevita l-frammentazzjoni u d-duplikazzjoni.

Il-programm fih bosta karatteristiċi ġodda:

Skema ta' garanzija fuq is-self biex lill-istudenti tal-Masters tgħinhom jiffinanzjaw l-istudji tagħhom barra minn pajjiżhom u jiksbu l-ħiliet meħtieġa għal impjiegi b'għarfien intensiv.

Alleanzi ta' Għarfien: sħubijiet bejn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla u intrapriżi ħalli jitrawmu l-kreattività, l-innovazzjoni u l-imprenditorija billi joffru kurrikuli, opportunitajiet tat-tagħlim u kwalifiki ġodda.

Alleanzi ta' Ħiliet Settorjali: sħubijiiet bejn dawk li jipprovdu edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ u l-intrapriża ħalli titħeġġeġ l-impjegabbiltà u tingħeleb l-iskarsezza tal-ħiliet billi jinbnew kurrikuli speċifiċi għas-setturi u modi innovattivi tat-tagħlim vokazzjonali.

Dan jintegra l-programmi separati eżistenti li jindirizzaw id-dimensjoni internazzjonali tal-edukazzjoni ogħla, u jwassal biex il-mobilità fl-edukazzjoni ogħla lejn pajjiżi terzi u anki minnhom, u l-proġetti ta' bini tal-kapaċità ma' istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla f'pajjiżi terzi, isiru lkoll possibbli.

L-istudenti x'se jinbidlilhom b'Erasmus+?

L-aċċess għall-programm se jiżdied b'bosta modi. Ngħidu aħna, Erasmus+ se joffri appoġġ akbar lill-istudenti li jixtiequ jtejbu l-ħiliet lingwistiċi tagħhom qabel imorru l-università jew f'kollokament f'impjieg bħala parti mill-Erasmus. Barra minn hekk, b'użu aħjar tat-teknoloġiji tal-informazzjoni, se jitħeġġeġ it-tagħlim flessibbli, bħat-tagħlim mill-bogħod jew part-time.

L-għotjiet tal-programm Erasmus+ se jkunu mmirati aktar bil-qawwa għal bżonnijiet speċifiċi (bħall-għoli tal-ħajja fil-pajjiż ta' destinazzjoni) u se joffru appoġġ aktar b'saħħtu lil studenti minn familji żvantaġġati, u lil dawk b'diżabbiltà jew li ġejjin minn reġjuni mbiegħda. Il-pajjiżi jistgħu jtejbu l-għotja tal-UE b'għotjiet żejda mill-baġit nazzjonali jew reġjonali tagħhom stess.

Bil-garanzija fuq is-self se jkun jista' jingħata wkoll appoġġ akbar lil studenti li jixtiequ jagħmlu kors tal-Masters sħiħ f'pajjiż Ewropew ieħor. B'mod partikolari, mill-garanzija se jibbenefikaw l-istudenti li ġejjin minn ambjenti inqas sinjuri, li fil-passat waqfu milli jistudjaw barra mill-pajjiż minħabba nuqqas ta' għotjiet nazzjonali jew self.

Karta ġdida ta' Erasmus se tgħin għal esperjenza tat-tagħlim ta' kwalità għolja bi ftehimiet aktar rigorużi bejn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla, għax se tispeċifika l-livell minimu mistenni ta' ħiliet lingwistiċi tal-istudenti u tagħti tagħrif fid-dettall dwar kwistjonijiet ta' akkomodazzjoni u viżi.

Permezz ta' Erasmus+, il-livell tal-għotjiet lill-istudenti f'pajjiżi differenti se jkun armonizzat aktar?

Iva. L-objettiv huwa li jiġu armonizzati aktar il-kriterji li jistabbilixxu l-livell tal-għotja li tingħata lill-istudent mill-UE, u fl-istess ħin se titħalla biżżejjed flessibilità biex jitqies il-livell tad-domanda għall-għotjiet u sorsi oħra ta' finanzjament, li jvarja minn pajjiż għal ieħor. Apparti l-għotja mill-UE, l-istudenti jistgħu jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet oħra mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u dawk lokali.

Il-livell tal-għotja mill-UE l-ewwel ma tiddependi huwa fuq il-pajjiż ta' destinazzjoni.

Il-pajjiżi li jipparteċipaw fl-Erasmus+ se jitqassmu fi tliet gruppi, skont l-għoli tal-ħajja f'dawn il-pajjiżi. L-istudenti li jmorru f'pajjiż ieħor fl-istess grupp (jiġifieri fejn l-għoli tal-ħajja jkun simili) biex jistudjaw jingħataw għotja tal-UE fil-medja ta' bejn il-EUR 200 u l-EUR 450. L-ammont tal-għotja jiġi ddefinit mill-Aġenzija Nazzjonali li timmaniġġja l-għotjiet tal-Erasmus+ f'pajjiżhom. L-Aġenzija Nazzjonali tqis il-livell tad-domanda u sorsi oħrajn ta' finanzjament. Tista', ngħidu aħna, tindika lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla ta' pajjiżha x'għandu jkun il-minimu u l-massimu għall-għotjiet li jridu jingħataw fil-każ li l-kofinanzjament isir biss fi ftit reġjuni jew istituzzjonijiet.

L-istudenti li jmorru f'pajjiż fejn l-għoli tal-ħajja ikun ogħla jingħataw l-ammont medju flimkien ma' EUR 50 (iżda mhux ogħla minn EUR 500). L-istudenti li jmorru f'pajjiż fejn l-għoli tal-ħajja ikun iktar baxx jingħataw l-ammont medju flimkien ma' EUR 50 (iżda mhux ogħla minn EUR 500). L-istudenti minn reġjuni u pajjiżi ultraperiferiċi li jipparteċipaw fil-programm jingħataw għotja ikbar mill-UE.

Il-livell ta' għotja mill-UE tiddependi wkoll fuq jekk student jippjanax li jistudja barra inkella jipparteċipax fi skema ta' taħriġ. L-istudenti fi skema ta' taħriġ jieħdu bejn EUR 100 u EUR 200 apparti l-għotja mill-UE għall-istudju, u dan minħabba li ħafna drabi ma jkollhomx aċċess għal akkomodazzjoni jew restoranti orħos, intiżi għall-istudenti. Fil-każ ta' kofinanzjament reġjonali jew lokali, il-livell se jkun deċiż mill-Awtorità Nazzjonali jew mill-istituzzjoni ta' edukazzjoni ogħla.

Huma previsti wkoll arranġamenti speċjali għall-istudenti ġejjin minn ambjenti bi dħul baxx: l-Awtoritajiet Nazzjonali jistgħu jiddeċiedu, abbażi tas-sostenn diġà mogħti fil-livell nazzjonali għal dan il-grupp speċifiku, li jagħtu bejn EUR 100 u EUR 200 mill-baġit tal-UE, u dan apparti l-għotja normali mill-UE, lil dawk l-istudenti li jmorru jistudjaw f'pajjiż ieħor.

Finalment, l-istudenti bi bżonnijiet speċjali jistgħu jingħataw għotja ogħla mill-UE minħabba l-ispejjeż addizzjonali li jkollhom.

L-istudenti se jkunu jistgħu jipparteċipaw f'Erasmus+ jekk diġà jkunu bbenefikaw minn għotja tal-Erasmus bħala parti mill-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja?

Iva. Issa se jkun possibbli li wieħed jistudja u jitħarreġ barra aktar minn darba, bħala student tal-Erasmus+.

L-istudenti se jkunu jistgħu jistudjaw u/jew jitħarrġu barra sa 12-il xahar f'kull ċiklu ta' studju (baċellerat, master jew dottorat), irrispettivament mit-tip ta' mobilità (studji jew skemi ta' taħriġ) u min-numru ta' perjodi ta' mobilità (pereżempju, 2 perjodi ta' 6 xhur jew 3 perjodi ta' 4 xhur). Madankollu, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla jistgħu jagħtu prijorità lil studenti li jkunu għadhom qatt ma bbenefikaw minn esperjenza ta' mobilità.

Għall-istudenti li jkunu diġà bbenefikaw minn skambju tal-Erasmus bħala parti mill-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja (PTT), dan jittieħed kont tiegħu fl-Erasmus+ jekk japplikaw għal għotja fl-istess ċiklu ta' studju. Pereżempju, jekk student diġà jkun għamel skambju tal-Erasmus ta' sitt xhur fil-livell ta' Master bħala parti mill-PTT, hu jkun jista' jibbenefika minn għotja ta' mobilità tal-Erasmus+ fil-livell ta' Master sa 6 xhur. Madankollu, jekk l-istess student ikompli għal dottorat, hu jkun jista' jingħata sostenn sa 12-il xahar fl-Erasmus+ minħabba li jkun f'ċiklu ta' studju ogħla.

Esperjenzi oħra ta' mobilità fl-imgħoddi, bħalma hi l-iskema ta' taħriġ Leonardo da Vinci bħala parti mill-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja jew il-volontarjat fis-Servizz Volontarju Ewropew bħala parti mill-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni, mhux se jittieħed kont tagħhom meta jiġi kkalkulat perjodu ta' 12-il ahar għal kull ċiklu ta' studju għal studji fl-edukazzjoni ogħla jew skemi ta' taħriġ bħala parti mill-Erasmus+.

Il-mobilità se tibqa' għan ewlieni għal Erasmus+?

Dażgur: il-mobilità se tibqa' tieħu l-akbar sehem (żewġ terzi) mill-baġit ta' Erasmus+. Filwaqt li tibqa' ssir enfasi qawwija fuq il-mobilità tal-istudenti, l-appoġġ għal għalliema, ħarrieġa u ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ se jissaħħaħ minħabba l-effett multiplikatur li għandu — aktarx li meta jerġgħu lura fl-istituzzjonijiet tagħhom, dawn jistgħu aktar iħallu impatt meta jwettqu fil-prattika dak li jkunu tgħallmu barra mill-pajjiż.

Erasmus+, kif se jindirizza l-qgħad fost iż-żgħażagħ?

Il-programm Erasmus+ se jgħin biex jingħeleb il-qgħad fost iż-żgħażagħ billi liż-żgħażagħ jgħinhom itejbu l-ħiliet ewlenin bħall-ħakma ta' lingwa barranija, il-komunikazzjoni, l-adattabbiltà jew it-tagħlim dwar kif wieħed jgħix u jaħdem ma' nies ta' nazzjonalitajiet u kulturi differenti.

Il-programm se jiffaċilita koperazzjoni aħjar bejn l-universitajiet u l-impjegaturi ħalli jiżgura li l-istudenti jibbenefikaw minn kurrikuli rilevanti għall-ħiliet meħtieġa fid-dinja tax-xogħol. Barra minn hekk, dan se jgħin sabiex l-istituzzjonijiet edukattivi u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jibnu rabtiet eqreb mal-intrapriżi. Dan se jappoġġa wkoll ir-riforma politika f'oqsma ta' prijorità, bħalma huma tal-ħiliet diġitali u ż-żieda fir-rilevanza tas-suq tax-xogħol għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

Erasmus+ jisħaq ukoll dwar l-importanza tat-tagħlim informali. L-evidenza turi li l-impjegaturi japprezzaw il-ħiliet li jinkisbu b'esperjenzi ta' tagħlim informali bħalma hu l-volontarjat. Infatti, 75% tal-parteċipanti fis-Servizz Volontarju Ewropew qalu li l-prospetti tal-karriera tagħhom tjiebu bis-saħħa ta' din l-esperjenza.

Xi studji juru wkoll li l-istudenti li jagħmlu parti mill-istudji tagħhom barra minn pajjiżhom, aktarx jiksbu impjieg barra minn pajjiżhom meta jidħlu fis-suq tax-xogħol.

Il-Kummissjoni x'qed tagħmel aktar biex iżżid il-mobilità tal-istudenti u ż-żgħażagħ?

Il-finanzjament huwa importanti, iżda l-flus biss mhumiex biżżejjed biex il-mobilità ssir opportunità reali għal kulħadd. Jeħtiġilna ukoll inneħħu x-xkiel fil-livelli nazzjonali u reġjonali, billi ngħidu aħna ntejbu l-aċċess għall-iinformazzjoni, niżguraw li s-self jew l-għotjiet nazzjonali jistgħu jintużaw għal studji internazzjonali u ntejbu r-rikonoxximent tar-riżultati tal-istudju u t-taħriġ li jinkisbu barra mill-pajjiż.

F'Ġunju 2011, il-Ministri tal-Edukazzjoni tal-UE impenjaw ruħhom li jneħħu x-xkiel għall-istudju jew it-taħriġ barra minn pajjiżhom. Sabiex tissorvelja l-progress dwar din l-aġenda, il-Kummissjoni, mal-Istati Membri, ħolqot "Tabella ta' Valutazzjoni għall-Mobilità", li ssegwi pass pass il-prestazzjoni ta' kull Stat Membru tal-UE. Ir-riżultati se joħorġu fil-ftit ġimgħat li ġejjin.

L-Istati Membri qablu wkoll dwar miri tal-mobilità għal studenti tal-edukazzjoni ogħla u tat-taħriġ vokazzjonali. Sal-2020 mill-inqas 20% tal-gradwati tal-edukazzjoni ogħla tal-UE jridu jkunu qattgħu perjodu ta' studju jew taħriġ barra minn pajjiżhom li jkun relatat mal-edukazzjoni ogħla. Fis-settur vokazzjonali, sal-2020, aktar minn 6% tal-persuni bejn it-18 u l-34 sena bi kwalifika bażika ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali jridu jkunu għamlu perjodu ta' studju jew taħriġ barra minn pajjiżhom.

Għaliex neħtieġu strateġija ġdida tal-UE għall-edukazzjoni u t-taħriġ?

Minn meta nħolqu l-programmi eżistenti, id-dinja nbidlet ferm. L-UE tinsab fil-proċess li tirkupra minn wieħed mill-aktar perjodi ekonomiċi diffiċli ta' żmienna. Fl-UE, kważi 6 miljun żagħżugħ m'għandhomx xogħol, iżda 36% tal-impjegaturi qed isibuha diffiċli biex isibu n-nies bil-ħiliet li jeħtieġu. L-iskarsezza tal-ħiliet fl-Ewropa hi allarmanti, fosthom għax madwar 20% taż-żgħażagħ ta' 15-il sena m’għandhomx ħiliet biżżejed fil-qari u 73 miljun adult għandhom ftit kwalifiki tal-edukazzjoni jew m'għandhom l-ebda kwalifika.

Is-suq tax-xogħol Ewropew qed jinbidel ukoll. L-għadd ta' impjiegi li jitolbu ħiliet għoljin qed jiżdied filwaqt li l-għadd ta' impjiegi b'ħiliet baxxi qed jonqos. Hu stmat li sal-2020 kważi 35% tal-impjiegi kollha se jkunu jeħtieġu ħiliet għoljin (jiġifieri kwalifiki fil-livell ta' lawrja). Waħda mill-miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 hi li jiżdiedu l-kisbiet tal-edukazzjoni ogħla b'40% (minn kważi 36% kif inhi bħalissa) fost iż-żgħażagħ. Il-programm Erasmus+ jista’ jgħin lin-nies biex itejbu l-ħiliet tagħhom bi studju u taħriġ barra minn pajjiżhom u jista' jgħin lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni.

Mira edukattiva ewlenija oħra hi li jonqos is-sehem ta' dawk li jitilqu kmieni mill-iskola minn 12.7% kif inhu bħalissa għal inqas minn 10%. Biex tintlaħaq din il-mira, Erasmus+ se jappoġġa l-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi l-edukazzjoni skolastika, mill-infanzja sal-livell sekondarju u l-ewwel livelli tat-taħriġ vokazzjonali. It-tagħlim informali se jkun appoġġat bi skambji taż-żgħażagħ u l-volontarjat.

Il-koperazzjoni u s-sħubijiet ma' intrapriżi jaf jegħlbu wkoll l-iskarsezza tal-ħiliet billi jiżguraw li l-kurrikuli jkunu rilevanti. Għalhekk il-programm il-ġdid se jħeġġeġ sħubijiet transsettorjali ffukati fuq din il-kwistjoni.

X'se jiġri fl-edukazzjoni għall-adulti bil-programm il-ġdid?

Il-mobilità ta' apprendisti adulti individwali mhix se tibqa' appoġġata, għajr bħala parti minn sħubija strateġika.

Madankollu l-għalliema u l-persunal involuti fl-edukazzjoni għall-adulti se jibqgħu jgawdu esperjenzi trasfruntieri individwali tat-tagħlim (kemm għal żmien qasir kif ukoll fit-tul). It-tliet azzjonijiet tal-mobilità tal-persunal li hemm bħalissa (it-taħriġ intern, l-assistentati, u ż-żjarat u l-iskambji) se jinġabru f'azzjoni waħda. Is-sħubijiet strateġiċi se jgħinu biex jiġu modernizzati l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni għall-adulti.

U se titnieda Pjattaforma Elettronika ġdida tat-Tagħlim għall-Adulti fl-Ewropa (EPALE)

X'inhu r-rekwiżit il-ġdid ta' Aċċess Miftuħ?

Ir-rekwiżit ta' Aċċess Miftuħ se jiżgura li l-materjal edukattiv kollu li jsir b'finanzjament minn Erasmus+ ikun aċċessibbli bla ħlas għal kulħadd, bil-prinċipju li kulma jitħallas minn flus il-poplu jgawdih il-poplu. Kull meta xi benefiċjarju ta' Erasmus+ joħloq materjal edukattiv, dan jeħtieġ jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku bil-Liċenzi Miftuħin u permezz tar-Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OER).

Liema pajjiżi jistgħu jieħdu sehem f'Erasmus+?

L-Istati Membri tal-UE

Il-pajjiżi aderenti, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali li jibbenefikaw minn strateġija ta' qabel l-adeżjoni

Il-pajjiżi taż-Żona Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma parti mill-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)

Il-Konfederazzjoni Żvizzera, diment li din tkun iffirmat ftehim internazzjonali speċifiku

Il-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, meta jkun sar ftehim bilaterali.

B'mod awtomatiku, l-Istati Membri tal-UE huma pajjiżi tal-programm Erasmus+. Il-pajjiżi l-oħra fil-lista t'hawn fuq jistgħu jsiru 'pajjiżi tal-programm' diment li dawn ikunu jissodisfaw kundizzjonijiet amministrattivi speċifiċi u joħolqu Aġenzija Nazzjonali li tmexxi l-programm.

Il-bqija tal-pajjiżi dinjin huma 'pajjiżi sħab' u jistgħu jieħdu sehem f'ċerti azzjonijiet jew skont kundizzjonijiet speċifiċi.

Iċ-ċifri ewlenin: Erasmus+ (2014-2020)

Il-baġit totali

EUR 14.7 biljun1

Min jibbenefika

Aktar minn 4 miljun persuna

L-edukazzjoni ogħla

2 miljun student

L-istudenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u apprendistati

650,000 student

Il-mobilità tal-persunal

800 lettur, għalliem, ħarrieġ, persunal tal-edukazzjoni u ħaddiem żagħżugħ

L-iskemi tal-iskambju tal-voluntiera u ż-żgħażagħ

Aktar minn 500 000 żagħżugħ

L-iskema ta' garanzija fuq is-self għal Masters

200,000 student

Masters Konġunti

Aktar minn 25 000 student

Sħubijiet Strateġiċi

25,000 li jgħaqqdu 125,000 skola, istituzzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, istituzzjoni tal-edukazzjoni ogħla u għall-adulti, organizzazzjoni taż-żgħażagħ u intrapriża

Alleanzi ta' Għarfien

Aktar minn 150, stabbiliti minn 1 500 istituzzjoni tal-edukazzjoni ogħla u intrapriża

Alleanzi ta' Ħiliet Settorjali

Aktar minn 150, stabbiliti minn 2,000 fornitur u intrapriża tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

Skejjel

Aktar minn 200,000 għalliem li jaħdmu id f'id onlajn u li jinvolvu aktar minn 100,000 skola permezz tal-e-twinning

1 :

Se jitwarrbu fondi oħra biex jiffinanzjaw l-azzjonijiet ma' pajjiżi terzi (pajjiżi sħab), iżda aktarx id-deċiżjoni se tittieħed fl-2014.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website