Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, id-19 ta' Novembru 2013

Il-President Barroso jilqa' il-kunsens tal-Parlament Ewropew dwar il-baġit għall-2014-2020 – Test tal-messaġġ b'filmat tad-19 ta' Novemrbu 2013

"Dan huwa jum importanti għall-Ewropa. Il-Parlament Ewropew ta l-kunsens finali tiegħu għall-baġit Ewropew għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020, biex b'hekk iġib fi tmiem b'suċċess negozjati twal. Issa, il-Kunsill dalwaqt jista' jikkonkludi l-ftehim.

L-Ewropa hija parti mis-soluzzjoni. L-Unjoni Ewropea se tinvesti kważi Triljun Euro fi tkabbir u impjiegi bejn l-2014 u l-2020. Il-baġit modern, u li jħares lejn il-ġejjieni tagħna jista' jagħmel differenza reali għall-ħajjiet tan-nies. Se jgħin biex isaħħaħ u jsostni l-irkupru li għaddej bħalissa fl-Unjoni Ewropea. Hemm il-fondi biex inkunu nistgħu noħolqu mezz li noħorġu mill-kriżi, sostenn finanzjarju għal dawk li huma taħt il-linja tal-faqar jew li qed ifittxu impjieg, opportunitajiet ta' investiment għal kumpaniji żgħar, u assistenza għall-komunitajiet lokali, bdiewa, riċerkaturi u studenti. Dan huwa ftehim li se jgħin lil kull familja madwar l-Ewropa.

Il-forma, id-daqs u l-prijoritajiet tal-baġit il-ġdid tagħna huma ċari. In-negozji, ir-reġjuni, l-ibliet u l-bdiewa jistgħu jippjanaw l-investimenti tagħhom; ir-riċerkaturi jistgħu jwettqu l-proġetti tagħhom, u l-istudenti jistgħu jħejju ruħhom għall-istudju tagħhom barra mill-pajjiż.

Inħeġġeġ lill-Parlament biex jadotta malajr il-programmi ta' fondi individwali li jifdal, ukoll, ħalli l-proġetti jkunu jistgħu jibdew fl-1 ta' Jannar 2014, ħalli l-flus ikunu jistgħu jiġu żborsati fil-ħin, u r-riżultati jkunu jistgħu jinħassu.

Il-baġit tal-UE huwa ta' daqs modest meta mqabbel mal-ġid nazzjonali. Iżda l-baġit ta' sena waħda biss jirrappreżenta aktar flus - bil-prezzijiet tal-lum - mill-pjan Marshall kollu fi żmienu! Huwa għalhekk l-aktar punt importanti għalina li ninvestu fi tkabbir, impjiegi u kompetittività sostenibbli, fis-sikurezza u fis-sigurtà taċ-ċittadini tagħna, u fis-solidarjetà mal-ifqar nies.

Il-baġit futur se jissodisfa dan ir-rwol anki aħjar minn qabel, dan għax iffukajnih aktar minn qatt qabel fuq l-oqsma fejn l-Ewropa żżid il-valur. Immodernizzajna l-politiki tagħna, issimplifikajna il-programmi tagħna, u għamilna enfażi aktar b'saħħitha fuq il-kwalità tal-infiq. U introduċejna strumenti ġodda bħall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, biex ngħinu liż-żgħażagħ fit-triq tagħhom biex isibu impjieg. Ħloqna l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, biex niffinanzjaw u insolvu l-lakuni biex ngħaqqdu l-infrastruttura tal-enerġija u tat-trasport u dik diġitali fis-suq uniku tal-UE; U żviluppajna bonds tal-proġetti, biex il-baġit tal-UE jkun jista' jieħu flus mis-settur privat u jkollna ritorn akbar fuq il-flus li ninvestu.

Illum kuntent ħafna li erġajna konna kapaċi nuru li: L-Ewropa hija parti mis-soluzzjoni."


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website