Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-pakkett tal-infrazzjonijiet ta' Novembru: id-deċiżjonijiet ewlenin

Commission Européenne - MEMO/13/1005   20/11/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE ES NL IT SV PT FI EL CS HU LT LV PL SL RO

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, l-20 ta' Novembru 2013

Il-pakkett tal-infrazzjonijiet ta' Novembru: id-deċiżjonijiet ewlenin

AZZJONI KLIMATIKA

KOMPETIZZJONI

AĠENDA DIĠITALI

IMPJIEGI u affarijiet soċjali

ENERĠIJA

AMBJENT

SAĦĦA

AFFARIJIET INTERNI

INDUSTRIJA U INTRAPRENDITORIJA

SUQ INTERN U SERVIZZI

ĠUSTIZZJA

AFFARIJIET MARITTIMI U SAJD

TASSAZZJONI U UNJONI DOGANALI

TRASPORT

AT

1

1

1

BE

1

1

3

BG

1

1

1

2

1

CY

1

CZ

1

1

DE

1

1

1

1

1

EL

1

1

1

1

ES

1

1

1

1

FI

1

1

1

FR

1

1

HU

1

1

1

IE

1

2

3

1

1

1

1

1

IT

1

LT

1

1

LU

1

LV

1

MT

1

NL

2

1

PL

2

1

1

1

PT

2

1

1

1

RO

1

1

1

SI

1

1

1

1

SV

1

UK

1

1

1

Fil-pakkett ta' deċiżjonijiet dwar l-infrazzjonijiet li jinħareġ kull xahar, il-Kummissjoni Ewropea qed tieħu passi legali kontra xi Stati Membri minħabba li naqsu milli jikkonformaw kif jixraq mal-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-UE. Dawn id-deċiżjonijiet, li jkopru bosta setturi, għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji.

Il-Kummissjoni llum ressqet 248 deċiżjoni, inkluż 58 opinjoni motivata u 12-il rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hawn taħt qed jingħata sommarju tad-deċiżjonijiet ewlenin. Għal aktar informazzjoni dwar il-proċedura ta' ksur, ara l-MEMO/12/12.

Każijiet importanti li jinvolvu lill-Istati Membri

Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jikkonformaw mal-liġi tal-UE meta jirregolaw is-servizzi tal-logħob tal-azzard

Illum il-Kummissjoni Ewropea appellat lil għadd ta' Stati Membri biex jiżguraw li l-oqfsa regolatorji nazzjonali tagħhom dwar is-servizzi tal-logħob tal-azzard ikunu konformi mal-libertajiet fundamentali minquxa fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Fil-prinċipju, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu l-objettivi tal-politiki tagħhom dwar il-logħob tal-azzard onlajn.

Wara konsultazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati, issa ttieħdu deċiżjonijiet dwar l-ewwel serje ta' kawżi pendenti. Illum, b'mod konkret, il-Kummissjoni:

talbet lill-Isvezja tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu tas-servizzi fejn jidħlu r-regolazzjoni u s-superviżjoni tal-monopolju tal-logħob tal-azzard;

għalqet kawża ta' ksur kontra l-Finlandja dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu drittijiet esklużivi biex ikunu jistgħu jiġu offruti servizzi tal-logħob tal-azzard mal-liġi tal-UE;

iddeċidiet li lill-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, il-Polonja u r-Rumanija tibgħatilhom talba uffiċjali għal informazzjoni dwar leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi l-provvista ta' servizzi tal-logħob tal-azzard.

(għal aktar informazzjoni: IP/13/1101, C. Hughes - Tel. +32 2 2964450 - Mobile +32 498 964450)

Każijiet mgħoddija lill-Qorti tal-Ġustizzja

L-Enerġija Rinnovabbli: il-Kummissjoni ttella' lill-Awstrija l-Qorti minħabba li naqset milli tittrasponi regoli tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea qed ittella' lill-Awstrija l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea minħabba li naqset milli tittrasponi d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura sehem ta' 20% f'enerġija rinnovabbli fl-UE sal-2020. Id-Direttiva kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri sal-5 ta' Diċembru 2010.

Il-Kummissjoni tipproponi penali ta’ EUR 40 512 li trid titħallas kull jum. Il-penali proposti jqisu t-tul u l-gravità tal-infrazzjoni. Fil-każ ta' sentenza affermattiva mil-Qorti, il-penali li trid titħallas kull jum tkun trid titħallas minn dakinhar li tingħata s-sentenza sa meta titlesta t-traspożizzjoni. L-ammont finali tal-penali ta' kull jum jiġi deċiż mill-Qorti.

(għal aktar informazzjoni: IP/13/1113- M. Holzner - Tel. +32 229 60196 - Mobile +32 498 98 2280)

Ambjent: Il-Kummissjoni Ewropea terġa' ttella' lill-Greċja l-Qorti minħabba l-ilma mormi

Il-Kummissjoni Ewropea qed terġa' tressaq lill-Greċja l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea minħabba li mhix tittratta biżżejjed l-ilma urban mormi.

In-nuqqas ta’ trattament ifisser li s-saħħa tar-residenti qed titqirgħed f’riskju minħabba li l-ilma mormi mhux trattat jista’ jkun ikkontaminat b’batterji u vajrusis ta' ħsara. L-ilma mormi li ma jiġix trattat fih ukoll nutrijenti bħan-nitroġenu u l-fosfru li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-ambjent tal-baħar billi jippromwovu t-tkabbir eċċessiv ta' algi li joħonqu forom oħra ta' ħajja. It-trattament adegwat tal-ilma mormi huwa meqjus bħala fattur importanti biex tiġi żgurata industrija tat-turiżmu soda, li hija settur ewlieni għall-ekonomija Griega.

Filwaqt li hija konxja għalkollox mis-sitwazzjoni diffiċli li bħalissa qed tiffaċċja l-Greċja, il-Kummissjoni temmen li jekk dan l-investiment ma jsirx issa, il-Greċja se jkollha tħallas prezz ferm ogħla fil-futur.

Il-Kummissjoni b'hekk qed titlob lill-Qorti biex timponi multi, u tissuġġerixxi ammont f'daqqa ta' EUR 11.514.081 miljun, flimkien ma' multa li trid titħallas ta' kuljum. L-ammont finali tal-penali ta' kull jum jiġi deċiż mill-Qorti.

(għal aktar informazzjoni: IP/13/1102, J. Hennon - Tel. +32 229 53593 - Mobile +32 498 95 3593)

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tieħu azzjoni kontra l-Italja minħabba li din naqset milli tirrispetta deċiżjoni tal-Qorti biex tirkupra l-għajnuna illegali

Il-Kummissjoni Ewropea tellgħet lill-Italja l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠE) minħabba li naqset milli timplimenta sentenza preċedenti tal-QĠE li kienet sabet li l-Italja kienet naqset milli timplimenta deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1999, u sabet li ċerti miżuri riparatorji mogħtija mill-Italja minn kontributi tas-sigurtà soċjali f'Venezja u Chioggia kienu għajnuna illegali mill-Istat u li dawn kellhom jiġu rkuprati mill-benefiċjarji. Minħabba li dan huwa t-tieni rinviju fil-qorti minħabba li ma ġietx rispettata sentenza preċedenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li ttella’ lill-Italja l-Qorti għat-tieni darba, li titlob lill-QĠE biex timponi l-ħlas ta’ ammont f’daqqa u ħlas ta’ penali, kif stipulat fl-Artikolu 260 tat-TFUE.

Il-Kummissjoni tipproponi penali li trid titħallas kull jum ta’ EUR 24.578,4 immultiplikata bin-numru ta’ jiem bejn is-sentenza tal-ewwel Qorti u, jew il-konformità sħiħa min-naħa tal-Istat Membru, jew is-sentenza tat-tieni Qorti skont l-Artikolu 260(2) tat-TFUE u tnaqqis penali ta’ EUR 187.264 għal kull jum minn dakinhar tas-sentenza sa meta din tiġi implimentata. L-ammont finali tal-penali ta' kull jum jiġi deċiż mill-Qorti.

(għal aktar informazzjoni: IP/13/1103- A. Colombani – Tel. +32 229 74513 – Mobile +32 460 75 2063)

Dwana: Il-Kummissjoni ttella' lill-Belġju l-Qorti minħabba l-ħinijiet tal-ftuħ u l-miżati tal-uffiċċji doganali

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li ttella' lill-Belġju l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba li dan naqas milli jallinja l-leġiżlazzjoni tiegħu b’konformità mar-regoli tal-UE dwar il-ħinijiet tal-ftuħ u l-miżati amministrattivi tad-Dwana. L-uffiċċji doganali Belġjani mhux biss għandhom ħinijiet tal-ftuħ limitati, imma jitolbu wkoll lill-operaturi jħallsu miżata addizzjonali għas-sahra. Barra minn hekk, anke fil-ħinijiet normali tal-ftuħ, tintalab miżata supplimentari għad-dikjarazzjonijiet ta' validazzjoni, tal-invalidazzjoni u tal-ħatt, kif ukoll għall-immaniġġjar tat-talbiet għal ħlas lura. Il-Kummissjoni tqis li dawn ir-regoli tal-Belġju qed jiksru r-regoli doganali Ewropej. Rigward din il-kwistjoni ntbagħtet Opinjoni Motivata lill-Belġju f’Mejju 2011, iżda fin-nuqqas ta’ tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirreferi l-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

(għal aktar informazzjoni: IP/13/1104- E. Traynor - Tel. +32 229 21548 - Mobile +32 498 98 3871)

Tassazzjoni: Il-Kummissjoni tirrikorri għall-Qorti tal-Ġustizzja rigward żewġ dispożizzjonijiet diskriminatorji fil-liġijiet tal-Belġju

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Belġju l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba l-mod li bih, min-naħa l-waħda jintaxxa ċertu dħul ta' kumpaniji koperattivi u b'finijiet soċjali barranin u, min-naħa l-oħra, jintaxxa ċerti interessi mgħoddija lil kumpaniji barranin.

(għal aktar informazzjoni: IP/13/1105- E. Traynor - Tel. +32 229 21548 - Mobile +32 498 98 3871)

Trasport: Il-Kummissjoni ttella' lill-Ġermanja l-Qorti minħabba li din naqset milli tissepara l-flussi finanzjarji bejn l-operaturi ferrovjarji u l-maniġers tal-binarji tal-ferroviji

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li ttella’ lill-Ġermanja l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea minħabba nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-UE dwar it-trasparenza finanzjarja fis-settur ferrovjarju. Dawn ir-regoli mhumiex jiġu rispettati mid-Deutsche Bahn, fejn l-istruttura attwali ma teskludix li jintużaw fondi pubbliċi biex ikun hemm sussidju inkroċjat bejn is-servizzi ferrovjarji kompetittivi tal-passiġġieri u tal-merkanzija.

(għal aktar informazzjoni: IP/13/1097- H. Kearns - Tel. +32 229 87638 - Mobile +32 498 98 7638)

Sigurtà Soċjali: Il-Kummissjoni ttella' lill-Finlandja l-Qorti minħabba li qed tirrestrinġi d-drittijiet ta' persuni li ħadmu fi Stati Membri oħra

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li ttella' lill-Finlandja l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba li qed teħtieġ li l-ħaddiema li japplikaw għall-benefiċċji tal-qgħad iridu jkunu ħadmu fil-Finlandja għal mill-inqas erba’ ġimgħat (jew erba’ xhur fil-każ ta' impjieg għal rashom) bħala kundizzjoni biex jittieħdu inkonsiderazzjoni l-perjodi ta’ assigurazzjoni kontra l-qgħad imħallsa fi Stat Membru ieħor. Dan ir-rekwiżit jiddiskrimina kontra l-ħaddiema li ħadmu fi Stati Membri oħra (kemm dawk Finlandiżi kif ukoll dawk li huma ċittadini ta' Stati Membri oħra) u qiegħed jikser il-liġijiet tal-UE li jiżguraw il-moviment liberu tal-ħaddiema.

Il-Kummissjoni talbet lill-Finlandja biex ittemm din id-diskriminazzjoni kontra ħaddiema minn Stati Membri oħra fl-opinjoni motivata tagħha tat-30 ta’ Mejju 2013 (MEMO/13/470), iżda l-awtoritajiet Finlandiżi rrifjutaw li jieħdu l-miżuri xierqa biex jikkonformaw.

(għal aktar informazzjoni: IP/13/1107, J. Todd - Tel. +32 229 94107 - Mobile +32 498 99 4107)

Il-ħinijiet tax-xogħol: Il-Kummissjoni ttella' lill-Greċja l-Qorti minħabba li mhix tirrispetta r-regoli tal-UE dwar is-servizzi tas-saħħa pubblika

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li ttella' lill-Greċja l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba li mhix tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-limiti tal-ħinijiet tax-xogħol għat-tobba fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa pubblika. B’mod partikolari, il-Greċja mhux qed jirnexxilha tiżgura li dawn it-tobba ma jaħdmux aktar minn 48 siegħa fil-ġimgħa bħala medja, inkluż kwalunkwe sahra li jista' jkun hemm.

Fil-prattika, it-tobba li jaħdmu fl-isptarijiet u fiċ-ċentri tas-saħħa pubbliċi fil-Greċja ħafna drabi jkollhom jaħdmu medja minima ta’ 64 siegħa fil-ġimgħa u f’xi każijiet iktar minn 90 siegħa, mingħajr ma hemm stabbilit limitu massimu legali.

Il-Kummissjoni tqis din is-sitwazzjoni bħala ksur serju tad-Direttiva tal-Ħin tax-Xogħol tal-UE, u li tipperikola mhux biss is-saħħa u s-sigurtà tat-tobba iżda wkoll dik tal-pazjenti tagħhom, u dan minħabba li tobba li ma jiħdux mistrieħ kemm suppost faċli jieħdu żball.

(għal aktar informazzjoni: IP/13/1108, J. Todd - Tel. +32 229 94107 - Mobile +32 498 99 4107)

Il-ħinijiet tax-xogħol: Il-Kummissjoni se ttella' lill-Irlanda l-Qorti minħabba li mhix tirrispetta r-regoli tal-UE dwar il-limiti tal-ħinijiet tax-xogħol fis-servizzi tas-saħħa pubblika

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li ttella' lill-Irlanda l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba li mhix tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-limiti tal-ħinijiet tax-xogħol għat-tobba fis-servizzi tas-saħħa pubblika.

Il-liġi nazzjonali Irlandiża tistipula limiti għall-ħin tax-xogħol tat-tobba, iżda fil-prattika ħafna drabi l-isptarijiet pubbliċi ma japplikawx ir-regoli għat-tobba li jkunu qed jitħarrġu jew għal tobba oħra tal-isptarijiet li ma jkollhomx rwoli ta' konsulenti. Għad hemm bosta każijiet fejn it-tobba żgħażagħ ikollhom jaħdmu, u dan b'mod regolari, xiftijiet kontinwi ta' 36 siegħa, fejn jintalbu jaħdmu iktar minn 100 siegħa fil-ġimgħa, b'medja ta' bejn 70 u 75 siegħa fil-ġimgħa, u fejn jibqgħu jaħdmu mingħajr pawżi adegwati biex jistrieħu jew biex jorqdu.

Il-Kummissjoni tqis din is-sitwazzjoni bħala ksur serju tad-Direttiva tal-UE dwar il-Ħin tax-Xogħol, u waħda li tipperikola s-saħħa u s-sigurtà tat-tobba.

(għal aktar informazzjoni: IP/13/1109, J. Todd - Tel. +32 229 94107 - Mobile +32 498 99 4107)

It-trasport bl-ajru: Il-Kummissjoni tressaq lill-Portugall quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li naqas milli jiggarantixxi l-indipendenza ta' koordinatur tal-islots tal-ajruporti

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li ttella' lill-Portugall il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba li dan qed jonqos milli jirrispetta r-regoli komuni tal-UE dwar l-allokazzjoni tal-islots tal-ajruporti. Il-Kummissjoni tqis li l-koordinatur tal-islots ma jistax jiffunzjona b’mod indipendenti u b’mod awtonomu mill-ANA. Barra minn hekk, s'issa l-ANA kopriet l-ispejjeż kollha tal-koordinaturi tal-islots. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-koordinatur tal-islots mhuwiex finanzjarjament indipendenti mill-ANA u li dan jista’ jippreġudika l-kompetizzjoni ġusta.

(għal aktar informazzjoni: IP/13/1100- H. Kearns - Tel. +32 229 87638 - Mobile +32 498 98 7638)

VAT: Il-Kummissjoni ttella' lill-Isvezja l-Qorti minħabba l-VAT fuq is-servizzi postali

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Isvezja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b'rabta mal-applikazzjoni tagħha tal-VAT fuq is-servizzi postali. L-Isvezja tapplika VAT għal ċerti servizzi li, skont ir-regoli tal-UE, għandhom ikunu eżentati mill-VAT. L-Isvezja mhix teżenta mill-VAT is-servizzi postali. L-operaturi kollha, inkluż dak li jipprovdi s-servizz universali, huma obbligati jitolbu l-VAT fil-prezzijiet tas-servizzi tagħhom. L-Isvezja għaldaqstant naqset milli tapplika eżenzjoni prevista fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

(għal aktar informazzjoni: IP/13/1111- E. Traynor - Tel. +32 229 21548 - Mobile +32 498 98 3871)

Opinjonijiet motivati

Bidla fil-klima: Il-Kummissjoni qed titlob sitt Stati Membri jadottaw miżuri nazzjonali għall-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju b'mod li jitħares l-ambjent

Illum il-Kummissjoni talbet lill-Awstrija, lil Ċipru, lill-Ungerija, lill-Irlanda, lill-Isvezja u lis-Slovenja jadottaw il-miżuri neċessarji biex jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva 2009/31/KE dwar il-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 (l-hekk imsejħa "Direttiva CCS"). Sal-lum, dawn l-Istati Membri għadhom ma nnotifikawx miżuri li jittrasponu d-Direttiva b'mod sħiħ. Għalhekk illum il-Kummissjoni qed titlob lil dawn l-Istati Membri, permezz ta' Opinjoni Motivata (it-tieni stadju fil-proċedura ta' ksur tal-UE), biex josservaw il-liġijiet tal-UE.

Id-Direttiva tas-CCS kienet ġiet adottata bħala parti mill-pakkett tal-klima u l-enerġija fl-2009. Id-Direttiva tistabbilixxi qafas legali għall-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 b'mod li jitħares l-ambjent, tneħħi l-ostakli legali għall-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 u tistabbilixxi rekwiżiti li jkopru l-ħajja sħiħa tas-sit tal-ħżin. It-teknoloġija għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju, jekk tiġi kummerċjalizzata, titqies bħala wieħed mill-akbar kontributuri lejn tranżizzjoni b'livell baxx ta’ karbonju fl-UE.

(għal aktar informazzjoni: I. Valero Ladron - Tel. +32 229 64971 - Mobile +32 498 96 4971)

Il-Kummissjoni titlob lill-Belġju u lill-Ġermanja biex jimplimentaw id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard (il-kawżi 2013/0206 u 2013/0213)

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Belġju u lill-Ġermanja jaġġornaw il-leġiżlazzjoni tagħhom b’konformità mar-regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv fi tranżazzjonijiet kummerċjali, minħabba li l-ebda pajjiż minnhom ma laħħaq mal-iskadenza tas-6 ta’ Marzu 2013 biex jagħmel dan. Il-ħlas tardiv huwa ostaklu ewlieni għall-moviment ħieles ta’ merkanzija u servizzi fis-suq intern minħabba li dan jimponi piżijiet amministrattivi u finanzjarji fuq il-kumpaniji, ifixkel il-kummerċ transfruntier, u joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv fi tranżazzjonijiet kummerċjali tarmonizza l-perjodu għall-ħlas min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi lin-negozji: l-awtoritajiet pubbliċi jridu jħallsu għall-oġġetti u s-servizzi li jakkwistaw fi żmien 30 jum jew, f'ċirkostanzi verament eċċezzjonali, fi żmien 60 jum. Jekk id-Direttiva ma tiġix trasposta fil-ħin, l-intrapriżi, b’mod partikolari dawk żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), se jibqgħu f’riskju ta’ problemi ta’ likwidità u jistgħu anki jfallu.

Il-Kummissjoni għalhekk ħarġet opinjonijiet motivati li permezz tagħhom talbet lill-Belġju u lill-Ġermanja jaġġornaw il-leġiżlazzjoni tagħhom. Jekk l-Istati Membri kkonċernati ma jgħarrfux lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn bil-miżuri meħuda biex jiżguraw konformità sħiħa mal-obbligi tagħhom skont id-Direttiva, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tressaqhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(għal aktar informazzjoni: C. Corazza - Tel. +32 229 51752 - Mobile +32 498 99 2862)

It-Traffikar tal-Bnedmin Il-Kummissjoni qed titlob lil Ċipru, lil Spanja, lill-Italja lil-Lussemburgu, lil Malta biex jimplimentaw ir-regoli tal-UE dwar it-traffikar tal-bnedmin

Il-Kummissjoni talbet b'mod formali lil Ċipru, lil Spanja, lill-Italja lil-Lussemburgu, lil Malta biex jiżguraw konformità sħiħa mal-obbligi tagħhom skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-traffikar tal-bnedmin (IP/11/332).

Aktar minn 6 xhur wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE, u minkejja l-ittri ta’ notifika formali mibgħuta fid-29 ta’ Mejju 2013, dawn il-pajjiżi s'issa għadhom ma nnotifikawx lill-Kummissjoni bil-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu implimentati r-regoli tal-UE.

Għalhekk il-Kummissjoni qed tibgħat opinjonijiet motivati. Jekk dawn l-Istati Membri ma jikkonformawx mal-obbligu legali tagħhom fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaqhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Id-Direttiva tal-UE dwar it-traffikar tal-bnedmin tista’ tagħmel differenza reali fil-ħajja tal-vittmi, u biex tevita li jkun hemm oħrajn li jaqgħu vittma. Id-Direttiva tkopri azzjonijiet f’oqsma differenti bħad-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali, il-prosekuzzjoni tat-trasgressuri, l-appoġġ lill-vittmi u d-drittijiet tal-vittmi waqt proċedimenti kriminali, il-prevenzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni.

Sal-lum, 18-il pajjiż innotifikaw traspożizzjoni sħiħa (ir-Repubblika Ċeka, l-Isvezja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, il-Finlandja, il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Irlanda, il-Greċja, Franza, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovakkja u r-Renju Unit).

(għal aktar informazzjoni: M. Cercone - Tel. +32 229 80963 - Mobile +32 498 98 2349)

L-Effiċjenza Enerġetika fil-Bini: Il-Greċja u Malta qed jintalbu jadottaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-effiċjenza enerġetika fil-bini

Il-Kummissjoni talbet b'mod formali lil Malta u lill-Greċja jiżguraw konformità sħiħa mal-obbligi tagħhom skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini (id-Direttiva 2010/31/UE). Din id-Direttiva kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri sad-9 ta’ Lulju 2012. S’issa Malta u l-Greċja għadhom ma ttrasponewx bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-UE fil-liġi nazzjonali. Il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lil Malta fejn talbitha tinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri ta’ implimentazzjoni kollha meħtieġa. F'opinjoni motivata oħra, li tikkumplimenta dik li ntbagħtet f'Jannar, il-Kummissjoni fakkret ukoll lill-Greċja li hemm bżonn li d-Direttiva tiġi trasposta bis-sħiħ. Jekk dawn l-Istati Membri ma jikkonformawx mal-obbligu legali tagħhom fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaqhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Skont din id-Direttiva, l-Istati Membri jridu jistabbilixxu u japplikaw rekwiżiti minimi b'rabta mal-prestazzjoni enerġetika fil-bini; jiżguraw li l-prestazzjoni enerġetika fil-bini tiġi ċċertifikata u twettaq spezzjonijiet regolari tas-sistemi tat-tisħin u tal-arja kundizzjonata. Barra minn hekk, id-Direttiva titlob li l-Istati Membri jiżguraw li mill-2021 ’il quddiem, kull bini ġdid ikun bini b'użu ta' enerġija qrib iż-żero. F’Settembru 2012 il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta’ ksur kontra 24 Stat Membru (l-Istati Membri kollha ħlief id-Danimarka, l-Irlanda u l-Isvezja) li ma kinux innotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali. Opinjonijiet motivati kienu diġà ntbagħtu lill-Italja, lill-Greċja, lill-Portugall u lill-Bulgarija f’Jannar 2013, lil Spanja u lis-Slovenja f’April 2013, lill-Belġju, lill-Ġermanja, lill-Finlandja, lil Franza, lil-Latvja, lill-Polonja u lill-Pajjiżi l-Baxxi f’Ġunju 2013 u lill-Awstrija, lil Ċipru, lill-Estonja, lil-Litwanja, lil-Lussemburgu, lill-Ungerija u lir-Renju Unit f’Settembru 2013 u lir-Repubblika Ċeka u lir-Rumanija f’Ottubru 2013. Aktar informazzjoni tinsab hawn: http://ec.europa.eu/energy/efficiency/buildings/buildings_en.htm

(għal aktar informazzjoni: M. Holzner - Tel. +32 229 60196 - Mobile +32 498 98 2280)

Mediċini falsifikati: Il-Kummissjoni titlob erba’ Stati Membri jikkonformaw mar-regoli dwar is-sikurezza tal-pazjenti

Illum, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet talba formali lil l-Italja, lill-Polonja, lis-Slovenja u lill-Finlandja, fejn ħeġġithom jiżguraw konformità sħiħa mad-Direttiva dwar il-Mediċini Falsifikati1. Din id-Direttiva għandha l-għan li tipprevjeni li l-mediċini falsifikati jaslu għand il-pazjenti. Hija tistabbilixxi miżuri ta’ sikurezza u kontroll armonizzati u pan-Ewropej, li jiżguraw li l-mediċini falsifikati jiġu identifikati iktar faċilment, u verifiki u kontrolli aħjar fuq il-fruntieri tal-UE u fiha stess.

Dawn l-erba’ pajjiżi tal-UE għadhom ma ttrasponewx din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom, minkejja l-iskadenza tat-2 ta’ Jannar 2013 biex jagħmlu dan. L-Istati Membri kkonċernati għandhom xahrejn biex jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda biex jiżguraw konformità sħiħa mal-liġi tal-UE. In-nuqqas ta’ notifika ta’ miżuri adegwati jista’ jwassal biex il-Kummissjoni tirreferi l-każijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(għal aktar informazzjoni: F. Vincent - Tel. +32 2 2987166 - Mobile +32 498 987166)

Tassazzjoni: Il-Kummissjoni titlob lil Franza u lil-Latvja jimplimentaw regoli ewlenin tal-UE kontra l-evażjoni tat-taxxa

Illum il-Kummissjoni talbet lil Franza u lil-Latvja jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-liġi nazzjonali. Din id-Direttiva hija fundamentali fil-ġlieda tal-UE kontra l-evażjoni tat-taxxa, minħabba li fiha miżuri biex tiżdied it-trasparenza, biex jittejjeb l-iskambju tal-informazzjoni u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera (ara IP/12/1376). Barra minn hekk, huwa fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva li fil-ġejjieni se jikber b'mod konsiderevoli l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa. L-Istati Membri kienu obbligati bil-liġi japplikaw din id-Direttiva mill-1 ta’ Jannar 2013, iżda Franza u l-Latvja għadhom ma nnotifikawx it-traspożizzjoni sħiħa min-naħa tagħhom tar-regoli l-ġodda. Fin-nuqqas ta’ rispons sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tressaq liż-żewġ pajjiżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Numru ta’ referenza: IN/2013/0036 u IN/2013/0052

(għal aktar informazzjoni: E. Traynor - Tel. +32 229 21548 - Mobile +32 498 98 3871)

Ambjent: Il-Kummissjoni qed titlob lill-Italja, lir-Rumanija u lis-Slovenja jippromulgaw ir-regoli tal-UE dwar il-ħżin ta’ merkurju metalliku meqjus bħala skart

Il-Kummissjoni Ewropea qed tħeġġeġ lill-Italja, lir-Rumanija u lis-Slovenja jibagħtu d-dettalji dwar kif il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ħżin ta’ merkurju metalliku meqjus bħala skart qed tiġi promulgata fil-liġi domestika tagħhom. Wara li l-Istati Membri kkonċernati ma rrispettawx l-iskadenza oriġinali tal-15 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta’ avviż formali fejn tat lill-Istati Membri xahrejn biex iwieġbu. Minħabba li ma waslet ebda tweġiba, il-Kummissjoni qed tibgħat opinjoni motivata. Jekk l-Italja, ir-Rumanija u s-Slovenja ma jaġixxux fi żmien xahrejn, il-każ tagħhom jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

(għal aktar informazzjoni: J. Hennon - Tel. +32 229 53593 - Mobile +32 498 95 3593)

L-Effiċjenza Enerġetika fil-Bini: ir-Renju Unit u l- Pajjiżi l-Baxxi qed jiġu mitluba jikkomformaw mal-obbligi tagħhom skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-enerġija enerġetika fil-bini

Il-Kummissjoni talbet lill-Pajjiżi l-Baxxi u lir-Renju Unit jiżguraw li ċ-ċertifikati tar-rendiment jiġu pprovduti kull meta bini jinbiegħ jew jinkera. Il-ħruġ ta' ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija huwa wieħed mir-rekwiżiti prinċipali tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (Direttiva 2010/31/UE). Dan il-ksur jikkonċerna l-implimentazzjoni mhux korretta tar-rekwiżiti għall-ħruġ taċ-Ċertifikati tar-Rendiment tal-Enerġija. Iċ-ċertifikat huwa intiż biex jinforma lix-xerrejja u lill-kerrejja dwar il-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini tagħhom u hija ta' inċentiv biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija fil-bini. Dawn it-talbiet jieħdu l-forma ta’ opinjonijiet motivati skont il-proċedura ta’ ksur tal-UE. Fin-nuqqas ta’ rispons sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tressaq lil dawn iż-żewġ Stati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Il-Kummissjoni bagħtet ukoll opinjoni motivata lill-Pajjiżi l-Baxxi f’Ġunju 2013, u oħra lir-Renju Unit f’Settembru 2013, fejn talbithom jittrasponu d-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini fil-liġi nazzjonali. Aktar informazzjoni tinsab hawn:  http://ec.europa.eu/energy/efficiency/buildings/buildings_en.htm

(għal aktar informazzjoni: M. Holzner - Tel. +32 229 60196 - Mobile +32 498 98 2280)

Ambjent: Il-Kummissjoni titlob lill-Awstrija biex tikkunsidra mill-ġdid l-awtorizzazzjoni tal-impjanti tal-enerġija ħdejn ix-Xmara Schwarze Sulm

Il-Kummissjoni Ewropea qed titlob lill-Awstrija teżamina mill-ġdid awtorizzazzjoni li tat lil impjant tal-enerġija ppjanat għax-xmara Schwarze Sulm fi Styria. Il-Kummissjoni hija mħassba li l-awtorizzazzjoni ngħatat mingħajr ma tqieset tajjeb id-Direttiva qafas dwar l-ilma, u li l-bini ta’ impjant tal-enerġija bla dubju se jwassal biex tiddeterjora l-kwalità naturali għolja tax-xmara. Skont il-liġi tal-UE, il-kwalità tal-ilma tista' titħalla tiddeterjora biss meta jkun hemm xi interess pubbliku aktar importanti, u l-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kundizzjonijiet għal eżenzjoni bħal din ma ġewx issodisfati f’dan il-każ. F’April 2013 intbagħtet ittra ta’ avviż formali, u minħabba li t-tweġibiet mogħtija mill-Awstrija ma jsolvux il-kwistjonijiet kollha mqajma mill-Kummissjoni, issa ntbagħtet ukoll opinjoni motivata. Jekk l-Awstrija tonqos milli taġixxi fi żmien xahrejn, il-każ jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

(għal aktar informazzjoni: M. Holzner - Tel. +32 229 60196 - Mobile +32 498 98 2280)

Ambjent: Il-Kummissjoni titlob lil Ċipru jimplimenta r-regoli tal-UE dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi ta’ riskju fit-tagħmir elettriku u dak elettroniku

Il-Kummissjoni Ewropea qed tappella lil Ċipru biex jibgħat id-dettalji dwar kif qiegħed jippromulga l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi ta’ riskju fit-tagħmir elettriku u dak elettroniku fil-liġi domestika tiegħu. Ċipru naqas milli jadotta miżuri tekniċi fuq l-eżenzjonijiet għal ċertu tagħmir li fih il-kadmju. Id-Direttiva kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sat-2 ta' Jannar 2013. Wara li Ċipru ma rrispettax l-iskadenza oriġinali, fil-21 ta’ Marzu 2013 il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ avviż formali. Minħabba li n-nuqqasijiet għadhom ma ġewx korretti, il-Kummissjoni qed tibgħat opinjoni motivata. Jekk Ċipru jonqos milli jaġixxi fi żmien xahrejn, il-każ jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

(għal aktar informazzjoni: J. Hennon - Tel. +32 229 53593 - Mobile +32 498 95 3593)

Servizzi postali: Il-Kummissjoni titlob lilĊipru japplika r-regoli tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea llum talbet lil Ċipru jimplimenta d-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE fir-rigward tat-tlestija kompleta tas-suq uniku tas-servizzi postali Komunitarji. L-hekk imsejħa Tielet Direttiva Postali kellha tiġi implimentata mill-11-il Stat Membru li kienu nnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jestendu l-iskadenza għall-implimentazzjoni, u dan kellhom jagħmluh sal-31 ta’ Diċembru 2012. Madankollu sal-lum Ċipru għadu ma daħħalx id-dispożizzjonijiet meħtieġa fis-seħħ. It-talba tal-Kummissjoni qed issir f’forma ta' opinjoni motivata skont il-proċeduri ta' ksur tal-UE. Jekk fi żmien xahrejn ma tiġi notifikata l-ebda miżura biex jitwaqqaf il-ksur tal-liġi tal-UE, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tressaq lil Ċipru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Għal aktar tagħrif: http://ec.europa.eu/internal_market/post/index_en.htm

(għal aktar informazzjoni: C. Hughes - Tel. +32 2 2964450 - Mobile +32 498 964450)

Tassazzjoni: Il-Kummissjoni titlob lil Ċipru jittrasponi r-regoli dwar il-fatturat tal-VAT

Il-Kummissjoni talbet b'mod formali lil Ċipru jittrasponi r-regoli tal-UE dwar il-fatturazzjoni tal-VAT fil-liġi nazzjonali. Regoli ġodda li jirregolaw il-fatturazzjoni tal-VAT (id-Direttiva 2010/45/UE) daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013. Dawn joħolqu sistema aktar sempliċi u aktar moderna għall-fatturazzjoni tal-VAT, u jnaqqsu l-burokrazija u l-ispejjeż tal-konformità għall-kumpaniji. L-Istati Membri kienu obbligati li jittrasponu din id-Direttiva sal-bidu tal-2013, iżda Ċipru ma nnotifika lill-Kummissjoni b'ebda miżura li ħa biex iwettaq dan. It-talba hija fil-forma ta’ opinjoni motivata. Fin-nuqqas ta’ rispons sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tressaq lil Ċipru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Numru ta’ referenza: IN/2013/0010

(għal aktar informazzjoni: E. Traynor - Tel. +32 229 21548 - Mobile +32 498 98 3871)

Akkwist Pubbliku: Il-Kummissjoni titlob lill-GREĊJA tirrispetta r-regoli tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea llum talbet lill-Greċja tirrispetta r-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE. Il-leġiżlazzjoni Griega tistabbilixxi sistema ta’ reġistru obbligatorju nazzjonali għall-kumpaniji tal-kostruzzjoni li tiddetermina minn qabel liema operaturi ikunu jistgħu jieħdu sehem f’kull proċedura tal-offerti. Il-kundizzjonijiet tar-reġistru li l-offerenti potenzjali jridu josservaw biex ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċeduri tal-offerti jiksru r-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku. Għalhekk, il-Kummissjoni qed titlob lill-Greċja tirrevoka d-dispożizzjonijiet nazzjonali korrispondenti fi żmien xahrejn. Fin-nuqqas ta’ tweġiba sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Il-liġi Griega tistabbilixxi sistema ta' reġistru li permezz tagħha l-kumpaniji tal-kostruzzjoni domestiċi kollha approvati jinqasmu f’kategoriji, b'kull klassi tikkorrispondi ma' medda minima u massima speċifika ta' baġit. Din is-sistema ta’ reġistru obbligatorju twassal biex jiġu esklużi kumpaniji li għandhom il-kapaċità ekonomika, finanzjarja, professjonali u teknika li jwettqu kuntratt partikolari mill-proċedura tal-offerti relevanti, u dan biss minħabba li l-kapaċità finanzjarja tagħhom hija differenti — normalment ikbar — mill-klassi baġitarja speċifika li tkun permessa għal proċedura speċifika. Sistema daqstant riġida tmur kontra d-Direttiva 2004/18/KE u anki kontra l-prinċipji fundamentali ta’ trattament indaqs u ta’ nondiskriminazzjoni li fuqhom huma msejsa r-regoli dwar l-akkwist pubbliku tal-UE. Għal aktar tagħrif: http://ec.europa.eu/internal_market/publicprocurement/index_en.htm

(għal aktar informazzjoni: C. Hughes - Tel. +32 2 2964450 - Mobile +32 498 964450)

Il-Kummissjoni titlob lill-Greċja twaqqaf dispożizzjonijiet diskriminatorji dwar it-taxxa fuq il-wirt

Il-Kummissjoni llum bagħtet titlob lill-Greċja biex tbiddel żewġ regoli diskriminatorji marbuta mat-taxxa fuq il-wirt. L-ewwel waħda għandha x'taqsam ma' eżenzjoni mit-taxxa li l-liġi Griega tippermetti fuq il-wirt ta' proprjetà immobbli. L-eżenzjoni tingħata biss lil ċittadini tal-UE li huma residenti fil-Greċja u li m'għandhomx residenza primarja. Il-Kummissjoni tqis li dan jiddiskrimina kontra ċittadini tal-UE u taż-ŻEE li jirrisjedu barra l-Greċja, u li dan hu ostaklu għall-moviment ħieles tal-kapital stabbilit fit-Trattati. It-tieni talba tikkonċerna dispożizzjoni diskriminatorja li biha l-Greċja tippermetti rata ta’ taxxa preferenzjali għal laxxiti lil organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ fi Stati oħrajn tal-UE/ŻEE, fuq il-kundizzjoni esklussiva tar-reċiproċità. Il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni ta’ kundizzjoni ta’ reċiproċità tirriżulta fi trattament diskriminatorju li huwa ostaklu għall-moviment ħieles tal-kapital. It-talbiet tal-Kummissjoni jieħdu l-forma ta’ Opinjonijiet Motivati. Jekk il-Greċja tonqos milli twieġeb fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Numru ta’ referenza: IN/2012/2134

(għal aktar informazzjoni: E. Traynor - Tel. +32 229 21548 - Mobile +32 498 98 3871)

Ambjent: Il-Kummissjoni qed titlob lil Spanja ittejjeb il-ħarsien tan-natura fil-Gżejjer Kanarji

Il-Kummissjoni Ewropea qed titlob lil Spanja ittejjeb id-dispożizzjonijiet maħsuba biex jipproteġu n-natura fil-Gżejjer Kanarji. Skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats, ċerti speċi jeħtieġu sistema ta’ ħarsien strett, ikunu fejn ikunu. Il-Liġi Reġjonali ta’ Spanja 4/2010 tistabbilixxi katalgu ta’ speċi protetti fil-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Kanarji, inkluż kategorija waħda — l-ispeċi “ta’ interessi speċjali għall-ekosistemi tal-gżejjer Kanarji” — li tirċievi biss ħarsien strett jekk iseħħu fil-limiti ta’ żona protetta. Xi wħud mill-ispeċi inkwistjoni, madankollu, jeħtieġu ħarsien strett irrispettivament minn fejn ikunu joqgħodu. Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li l-katalgu ġdid ma jikkonformax mal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Ħabitats. Jekk Spanja tonqos milli taġixxi fi żmien xahrejn, il-każ jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

(għal aktar informazzjoni: J. Hennon - Tel. +32 229 53593 - Mobile +32 498 95 3593)

It-trasport bil-ferrovija: Il-Kummissjoni titlob lil Spanja tittrasponi l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-interoperabbiltà tal-ferroviji

Il-Kummissjoni qed titlob lil Spanja tallinja r-regoli nazzjonali tagħha mal-leġislazzjoni tal-UE dwar l-interoperabbiltà ferrovjarja. Id-Direttiva 2008/57/KE għandha l-għan li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet biex is-sistema tat-trasport ferrovjarju Ewropea tkun waħda interoperabbli bejn il-fruntieri, li jfisser li jkun hemm aktar ferroviji f'qagħda li jaħdmu f’aktar minn pajjiż wieħed. Dan se joħloq aktar kompetizzjoni fis-swieq nazzjonali u għalhekk jippermetti lis-settur ferrovjarju jikkompeti b’mod aktar effettiv ma’ modi oħra ta’ trasport. Il-leġiżlazzjoni kellha tidħol fis-seħħ mid-19 ta’ Lulju 2010. Jekk Spanja ma tagħmilx dan, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Il-Kummissjoni fetħet proċedimenti ta’ ksur kontra Spanja dwar il-kwistjoni f’Marzu ta’ din is-sena, u issa qed tintbagħat opinjoni motivata (it-tieni stadju fi proċedimenti ta’ ksur tal-UE). Spanja għandha xahrejn biex twieġeb lill-Kummissjoni.

(għal aktar informazzjoni: H. Kearns - Tel. +32 229 87638 - Mobile +32 498 98 7638)

Il-Finlandja: implimentazzjoni inadegwata tar-regoli dwar l-assistenza lill-vittmi ta' diskriminazzjoni

Illum, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata lill-Finlandja fit-tieni stadju ta’ proċedimenti ta’ ksur dwar nuqqasijiet fejn jidħol il-korp nazzjonali għall-ugwaljanza bejn ir-razez, korp li l-Istati Membri kollha huma meħtieġa jwaqqfu skont il-liġi tal-UE dwar l-ugwaljanza (id-Direttiva 2000/43/KE). Ir-regoli tal-UE kontra d-diskriminazzjoni jobbligaw lill-Istati Membri jistabbilixxu korp ta’ ugwaljanza nazzjonali bil-kompitu li jipprovdi assistenza indipendenti meta jsiru ilmenti minn vittmi ta’ diskriminazzjoni, kif ukoll biex jimmonitorja u jirrapporta każijiet ta' diskriminazzjoni. Il-korpi nazzjonali responsabbli mill-ugwaljanza huma importanti ferm, b’mod partikolari fejn jidħol l-infurzar adegwat tad-Direttiva u l-iżgurar tal-protezzjoni tal-vittmi ta’ diskriminazzjoni. Huwa essenzjali li l-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza jwettqu tassew il-kompiti kollha meħtieġa mid-Direttiva. Il-liġi Finlandiża fil-preżent qiegħda tonqos milli tidentifika korp tal-ugwaljanza responsabbli biex jindirizza każijiet ta’ diskriminazzjoni razzjali jew etnika fuq ix-xogħol. Il-Kummissjoni għalhekk tappella lill-Finlandja tallinja r-regoli tagħha ma' dak li titlob l-UE biex tiżgura li l-vittmi ta’ diskriminazzjoni jkunu jistgħu jingħataw assistenza xierqa.

(għal aktar informazzjoni: M. Andreeva - Tel. +32 229 91382 - Mobile +32 498 99 1382)

Bidla fil-klima: Il-Kummissjoni titlob lil Franza tikkonforma mal-liġijiet tal-UE dwar il-gassijiet serra fluworinati

Ir-Regolament 842/2006 jitlob li l-kumpaniji jimplimentaw firxa ta’ miżuri biex jitnaqqas it-tnixxigħ minn tagħmir li fih gassijiet fluworinati (gassijiet F) u biex jiġu rkuprati l-gassijiet fi tmiem il-ħajja tat-tagħmir. Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli dwar it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni għall-persunal involut fil-manutenzjoni tat-tagħmir, fit-tikkettar tat-tagħmir li juża l-gassijiet F, fir-rappurtar dwar il-produzzjoni, fl-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-gassijiet F kif ukoll f'ċerti projbizzjonijiet f'ċerti oqsma speċifiċi. Dawn huma miżuri importanti biex jiġu limitati l-emissjonijiet ta’ din il-familja ta’ gassijiet industrijali, li huma wkoll gassijiet serra qawwijin ħafna, u li b'hekk jikkontribwixxu biex jitrażżan kemm jista' jkun it-tisħin globali.

Sal-lum Franza naqset milli tindika lill-Kummissjoni liema huma dawk il-korpi nazzjonali li għandhom jiċċertifikaw kumpaniji li jirkupraw ċerti solventi li fihom gass F mit-tagħmir. Għaldaqstant, il-Kummissjoni llum qed titlob lil Franza, f’Opinjoni Motivata (it-tieni stadju fi proċedimenti ta’ ksur tal-UE), biex tikkonforma ma’ dawn ir-regoli.

(għal aktar informazzjoni: I. Valero Ladron - Tel. +32 229 64971 - Mobile +32 498 96 4971)

Il-Kummissjoni titlob lil Franza tneħħi l-ostakli fil-kummerċ tal-kit cars (kawża 2012/4176)

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lil Franza tibdel ir-regoli tagħha għar-reġistrazzjoni ta’ kit cars impurtati li qabel ikunu ġew reġistrati fi Stat Membru ieħor, minħabba li dawn ma jikkonformawx mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija fl-UE u mal-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva tal-UE dwar id-dokumenti għar-reġistrazzjoni tal-vetturi. Il-kit cars jikkonsistu minn sett ta’ parts mibjugħa minn manifattur u li jintużaw mix-xerrej biex jarma karozza. Normalment, is-sistemi mekkaniċi bħalma hi l-magna u t-trażmissjoni ikunu ġejjin minn vetturi donaturi jew inkella jinxtraw ġodda mingħand bejjiegħa oħra. Fil-preżent, l-awtoritajiet Franċiżi qed jirrifjutaw li jirreġistraw ċerti kit cars impurtati minħabba li jsostnu li ċertu elementi ta' dejta fid-dokumenti tar-reġistrazzjoni tal-karozza ma jkunux korretti (bħad-data tar-reġistrazzjoni inizjali tal-vettura), u dan minkejja l-fatt li d-dokumenti ta’ reġistrazzjoni jkunu ngħataw mill-awtoritajiet rilevanti f’pajjiż ieħor tal-UE.

Il-Kummissjoni tqis li d-dokumenti pprovduti mill-Istat Membru ta’ oriġini għandhom jiġu fdati u li t-tħassib ta' Franza għandu jkun iffokat fuq l-aspetti ta’ sikurezza tal-vettura. Biex tkun tista' ssir ir-reġistrazzjoni effiċjenti ta’ karozzi bħal dawn, l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għandhom jikkooperaw u jistabbilixxu djalogu effettiv sabiex jiċċaraw kwalunkwe dejta nieqsa jew inkorretta li jista' jkun hemm, minflok ikomplu jżidu piżijiet amministrattivi oħra fuq l-individwu privat li jixtri l-vettura. Jekk ma jkunx possibbli li jintlaħaq ftehim bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali, għandhom jittieħdu passi oħrajn biex ir-reġistrazzjoni tal-vettura tiġi permessa, pereżempju billi l-awtoritajiet Franċiżi jitħallew jagħżlu data ta' reġistrazzjoni aktar riċenti għall-vettura.

Il-Kummissjoni għalhekk ħarġet opinjoni motivata fejn talbet lil Franza tawtorizza r-reġistrazzjoni ta’ vetturi simili diġà rreġistrati fi Stat Membru ieħor. Jekk Franza ma tinfurmax lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn bil-miżuri meħuda biex tiżgura l-konformità sħiħa mal-obbligi tagħha skont id-Direttiva, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tressaqha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(għal aktar informazzjoni: C. Corazza - Tel. +32 229 51752 - Mobile +32 498 99 2862)

Il-liġi tax-xogħol: Il-Kummissjoni titlob lill-Italja twaqqaf it-trattament diskriminatorju tal-għalliema b’kuntratti b’terminu fiss fi skejjel pubbliċi

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Italja tirrevedi l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-għalliema impjegati fi skejjel pubbliċi b'kuntratti b’terminu fiss.

Il-Kummissjoni Ewropea rċeviet bosta lmenti li jindikaw li l-għalliema li jaħdmu b'kuntratti b’terminu fiss mhumiex qed jiġu trattati l-istess bħall-persunal permanenti f'livell paragunabbli. B’mod partikolari, dawn qed jiġu impjegati b'kuntratti suċċessivi b'terminu fiss tul ħafna snin, u hekk jitħallew f’xogħol prekarju anki jekk dawn, essenzjalment, qed iwettqu kompiti permanenti. Il-liġi nazzjonali ma tipprovdix miżuri effettivi biex ikun hemm prevenzjoni ta' abbużi bħal dawn. Barra minn hekk, dawn jirċievu salarju iktar baxx minn dak li jingħataw impjegati permanenti b’rekord professjonali komparabbli. Il-Kummissjoni Ewropea tqis li din is-sitwazzjoni tmur kontra d-Direttiva tal-UE dwar ix-Xogħol b'Terminu Fiss.

It-talba qed issir fil-forma ta' "opinjoni motivata" skont il-proċeduri ta' ksur tal-UE. L-Italja issa għandha xahrejn żmien biex tinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda biex tiżgura konformità mad-Direttiva. Jekk dan ma jseħħx, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lill-Italja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

(għal aktar informazzjoni: J. Todd - Tel. +32 229 94107 - Mobile +32 498 99 4107)

Saħħa u Sikurezza: Il-Kummissjoni titlob lill-Italja tittrasponi d-Direttiva dwar il-prevenzjoni ta’ korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fis-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa

Il-Kummissjoni talbet lill-Italja tittrasponi f'liġi nazzjonali d-Direttiva tal-UE dwar il-prevenzjoni ta’ korrimenti minn strumenti mediċi li jaqtgħu fis-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa (2010/32/UE). Id-Direttiva timplimenta l-Ftehim Qafas dwar il-prevenzjoni ta’ korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu li ġiet konkluża mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Impjegati fl-Isptarijiet u fil-Kura tas-Saħħa (il-HOSPEEM) u mill-Unjoni tas-Servizzi Pubbliċi Ewropej (l-EPSU). L-għan tagħha huwa li jinkiseb l-aktar ambjent tax-xogħol sikur possibbli għall-ħaddiema fil-kura tas-saħħa u fl-isptarijiet, u dan billi jinġiebu flimkien miżuri b'rabta mal-ippjanar, is-sensibilizzazzjoni, l-informazzjoni, it-taħriġ, il-prevenzjoni u l-monitoraġġ. It-talba tal-Kummissjoni qed issir f’forma ta' opinjoni motivata skont il-proċeduri ta' ksur tal-UE. L-Italja issa għandha xahrejn żmien biex tinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda biex tiżgura konformità mad-Direttiva. Jekk dan ma jseħħx, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lill-Italja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

(għal aktar informazzjoni: J. Todd - Tel. +32 229 94107 - Mobile +32 498 99 4107)

Ambjent: Il-Kummissjoni titlob lill-Italja timplimenta r-regoli tal-UE dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi ta’ riskju fit-tagħmir elettriku u dak elettroniku

Il-Kummissjoni Ewropea qed tappella lill-Italja biex tibgħat id-dettalji dwar kif qiegħda tippromulga l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi ta’ riskju fit-tagħmir elettriku u dak elettroniku (id-Direttiva RoHS) fil-liġi domestika tagħha. L-Italja naqset milli tadotta għadd ta’ miżuri, inkluż it-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva RoHS stess, li kellha tiġi implimentata sat-2 ta’ Jannar 2013, kif ukoll għadd ta' miżuri dwar eżenzjonijiet għal ċertu tagħmir li fih iċ-ċomb u l-kadmju, żewġ Direttivi relatati li kellhom jiġu implimentati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sal-istess data. Wara li Ċipru ma rrispettax l-iskadenza oriġinali, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ avviż formali fil-21 ta’ Marzu 2013. Minħabba li n-nuqqasijiet għadhom ma ġewx korretti, il-Kummissjoni qed tibgħat tliet opinjonijiet motivati. Jekk l-Italja tonqos milli taġixxi fi żmien xahrejn, il-każijiet jistgħu jiġu mgħoddija lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fejn jistgħu jkunu imposti multi għad-Direttiva RoHS.

(għal aktar informazzjoni: J. Hennon - Tel. +32 229 53593 - Mobile +32 498 95 3593)

VAT: Il-Kummissjoni titlob lill-Italja teżamina mill-ġdid ir-regoli tagħha dwar l-ispejjeż anċillari li jeżentaw l-importazzjonijiet mill-VAT

Il-Kummissjoni talbet b'mod formali lill-Italja tallinja r-regoli nazzjonali tat-taxxa għall-ispejjeż anċillari tal-importazzjoni (bħat-trasport, l-assigurazzjoni, eċċ.) mad-Direttiva tal-UE dwar il-VAT. Skont il-liġi tal-UE, l-ispejjeż anċillari marbuta mal-importazzjoni — speċjalment l-ispejjeż tat-trasport — għandhom jiġu inklużi fil-bażi tat-taxxa tal-importazzjoni, u jiġu eżentati mill-VAT sakemm jaslu fl-ewwel destinazzjoni tagħhom. Skont il-liġi Taljana, din l-eżenzjoni mill-VAT għall-ispejjeż anċillari tingħata biss jekk dawn l-ispejjeż ikunu diġà ġew intaxxati fuq il-fruntiera. Dan l-approċċ mhuwiex konformi mar-regoli tal-UE u jista' jiġġenera piż amministrattiv sproporzjonat għat-trasportaturi u n-negozjanti. It-talba hija fil-forma ta’ opinjoni motivata. Fin-nuqqas ta’ rispons sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tressaq lill-Italja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Ref: 2012/2088

(għal aktar informazzjoni: E. Traynor - Tel. +32 229 21548 - Mobile +32 498 98 3871)

Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ferrovija: Il-Kummissjoni titlob lill-Italja tikkonforma mar-regoli tal-UE

Illum il-Kummissjoni talbet lill-Italja tieħdu azzjoni u tiżgura konformità sħiħa mar-regoli tal-UE dwar d-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-ferrovija. L-Italja għadha ma stabbilixxietx korp uffiċjali u awtorizzat biex japplika d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija fit-territorju tagħha, u lanqas ma stabbilixxiet regoli li jissanzjonaw il-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija. Mingħajr dawn iż-żewġ azzjonijiet, li huma meħtieġa daqskemm huma legalment vinkolanti, il-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-ferrovija fl-Italja jew mill-Italja lejn pajjiżi oħra tal-UE ma jistgħux jitolbu d-drittijiet li huma intitolati għalihom kemm-il darba xi ħaġa tmur ħażin waqt il-vjaġġ tagħhom. Ir-Regolament 1371/2007) dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija kellu jiġi implimentat mill-Istati Membri sat-3 ta’ Diċembru 2009. Madankollu, bħalissa l-Italja waqqfet korp temporanju biss, li m'għandux il-kompetenza sħiħa u l-awtorità biex japplika r-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri. Jekk l-Italja ma tikkonformax mal-obbligi legali tagħha fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaqha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Aktar informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-ferrovija.

(għal aktar informazzjoni: H. Kearns - Tel. +32 229 87638 - Mobile +32 498 98 7638)

Il-komunikazzjonijiet elettroniċi: il-Kummissjoni tinsab imħassba dwar id-dewmien tal-analiżi ta' swieq ta' prodotti u servizzi rilevanti fis-settur tat-telekomunikazzjoni elettronika fil-Lussemburgu

Illum il-Kummissjoni Ewropea ħarġet opinjoni motivata lil-Lussemburgu minħabba li dan mhuwiex qed jimxi b'mod konformi mal-Qafas Regolatorju tal-UE tal-2009 għall-Komunikazzjoni Elettronika. Skont l-Artikolu 16(6) tad-Direttiva Qafas, ir-regolaturi nazzjonali għandhom iwettqu analiżi tas-suq rilevanti sabiex jiżguraw li huwa kompetittiv biżżejjed u li jagħti b'mod effettiv lill-konsumaturi u lill-kumpaniji l-benefiċċji mistennija minn swieq kompetittivi f’termini ta’ għażla, prezzijiet u innovazzjoni. Ir-regolaturi għandhom imbagħad jinnotifikaw l-abbozz ta’ miżura korrispondenti lill-Kummissjoni fi żmien tliet snin mill-miżura ta’ qabel. Madankollu, bl-eċċezzjoni tan-notifika tard ta' tlieta minn sebgħa swieq li kellhom jiġu analizzati, il-Lussemburgu ma nnotifikax lill-Kummissjoni b'xi analiżi tas-suq mill-2008 — jew saħansitra mill-2006 skont is-swieq ikkonċernati. Barra minn hekk, il-Lussemburgu la talab estensjoni tal-iskadenza u lanqas talab l-għajnuna mill-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC), kif stipulat fl-Artikolu 16(7) tad-Direttiva ta’ Qafas.

Il-Lussemburgu issa għandu xahrejn żmien biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jikkonforma ma’ din l-opinjoni motivata.

(għal aktar informazzjoni: R. Heath – Tel. +32 229 61716 - Mobile +32 460 75 0221)

Ħut tal-akkwakultura: Il-Kummissjoni titlob lill-Polonja tikkonforma mar-regoli dwar ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura

Il-Kummissjoni Ewropea llum bagħtet talba formali lill-Polonja fejn tappellalha biex tikkonforma b'mod sħiħ mad-Direttiva 2012/31 dwar is-saħħa tal-ħut tal-akkwakultura. Din id-Direttiva għandha l-għan li ttejjeb il-leġiżlazzjoni eżistenti applikabbli għall-annimali tal-akkwakultura. B'mod partikulari, id-Direttiva tindirizza (i) il-marda eżotika Epizootic Ulcerative Syndrome (EUS) li m'għadhiex titqies bħala li hi marda detrimentali potenzjali minħabba ma kien hemm ebda tifqigħa tal-EUS fl-Unjoni; (ii) iż-żieda tal-ispeċi tal-ħuta Olive flounder (Paralichtlys olivaceus) fil-lista tal-ispeċi suxxettibbli għall-Viral Haemorrhagic Septicaemia minħabba li tifqigħat kliniċi ta' dik il-marda ġew ikkonfermati f'ċerti reġjuni fl-Asja.

Il-Polonja għadha ma ttrasponietx din id-Direttiva f'liġi nazzjonali, għalkemm kienet mitluba tagħmel dan sal-1 ta’ Jannar 2013. Il-Polonja għandha xahrejn biex tinforma lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda biex tiġi żgurata l-konformità sħiħa mal-liġijiet tal-UE. In-nuqqas ta’ notifika ta’ miżuri adegwati jista’ jwassal biex il-Kummissjoni tirreferi l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(għal aktar informazzjoni: F. Vincent - Tel. +32 2 2987166 - Mobile +32 498 987166)

Il-liġi tax-xogħol: Il-Kummissjoni titlob lill-Portugall iwaqqaf it-trattament diskriminatorju tal-għalliema b’kuntratti b’terminu fiss fi skejjel pubbliċi

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Portugall biex jirrevedi l-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ għalliema impjegati fi skejjel pubbliċi b'kuntratti b’terminu fiss.

Il-Kummissjoni Ewropea rċeviet bosta lmenti li jindikaw li l-għalliema li jaħdmu b'kuntratti b’terminu fiss mhumiex qed jiġu trattati l-istess bħall-persunal permanenti f'livell paragunabbli. B’mod partikolari, dawn qed jiġu impjegati b'kuntratti suċċessivi b'terminu fiss tul ħafna snin, u hekk jitħallew f’xogħol prekarju anki jekk dawn, essenzjalment, qed iwettqu kompiti permanenti. Il-liġi nazzjonali ma tipprovdix miżuri effettivi biex ikun hemm prevenzjoni ta' abbużi bħal dawn. Barra minn hekk, dawn jirċievu salarju iktar baxx minn dak li jingħataw impjegati permanenti b’rekord professjonali komparabbli. Il-Kummissjoni Ewropea tqis li din is-sitwazzjoni tmur kontra d-Direttiva tal-UE dwar ix-Xogħol b'Terminu Fiss.

It-talba qed issir fil-forma ta' "opinjoni motivata" skont il-proċeduri ta' ksur tal-UE. Il-Portugall issa għandu xahrejn żmien biex jinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda biex jiżgura konformità mad-Direttiva. Jekk dan ma jseħħx, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lill-Portugall quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

(għal aktar informazzjoni: J. Todd - Tel. +32 229 94107 - Mobile +32 498 99 4107)

Saħħa u Sikurezza: Il-Kummissjoni titlob lill-Portugall japplika b’mod sħiħ id-Direttiva għall-ħaddiema tas-settur pubbliku

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Portugall japplikaw bis-sħiħ id-Direttiva tal-UE li tistabbilixxi regoli bażiċi dwar il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema (89/391/KEE) fis-settur pubbliku. Id-Direttiva tistipula li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri biex jeliminaw u jnaqqsu r-riskji ta’ inċidenti u mard fuq ix-xogħol. Din tobbliga lil min iħaddem iwettaq valutazzjoni tar-riskju u jżommha dokumentata, kif ukoll joħloq servizzi protettivi u preventivi b'rabta mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fil-kumpanija u/jew fl-istabbiliment. Madankollu, il-Portugall naqas milli jissodisfa dawn l-obbligi. Barra minn hekk, id-Direttiva teżiġi wkoll li l-Istati Membri jiżguraw li min iħaddem, il-ħaddiema u r-rappreżentanti tal-ħaddiema jimplimentaw ir-regoli, iżda l-leġiżlazzjoni Portugiża ma tipprovdix għal sanzjonijiet kontra l-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fir-rigward tas-settur pubbliku. It-talba qed issir fil-forma ta' "opinjoni motivata" skont il-proċeduri ta' ksur tal-UE. Il-Portugall issa għandu xahrejn żmien biex jinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda biex jiżgura konformità mad-Direttiva. Jekk dan ma jseħħx, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lill-Portugall quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Ambjent: Il-Kummissjoni titlob lill-Portugall inaddaf skart tossiku f'Gondomar

Il-Kummissjoni Ewropea qed titlob lill-Portugall inaddaf kwantitajiet kbar ta’ skart tossiku mormi fil-minjieri magħluqa ta’ São Pedro da cova f’Gondomar, ħdejn Porto. Bejn l-2001 u l-2002, madwar 320 000 tunnellata ta’ skart perikoluż oriġinarjament minn dak li kien il-bini tal-kumpanija Oporto National Steel intremew fil-minjieri, u dan minkejja li s-sit kien liċenzjat biss għal 97.5 tunnellata ta’ skart inert, xi ħaġa li wasslet biex l-ilma lokali ta’ taħt l-art issa m'għadux tajjeb għax-xorb. Il-Portugall irrikonoxxa l-kobor tal-problema u adotta programm ta’ rkupru, iżda minkejja ittra ta’ avviż formali li ntbagħtet qabel u minkejja djalogu regolari mal-awtoritajiet Portugiżi, il-Kummissjoni tinsab imħassba dwar id-dewmien fl-operazzjoni tat-tindif, li għadha ma bdietx. Għalhekk intbagħtet opinjoni motivata. Jekk il-Portugall jonqos milli jaġixxi fi żmien xahrejn, il-każ jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

(għal aktar informazzjoni: J. Hennon - Tel. +32 229 53593 - Mobile +32 498 95 3593)

Investiment kollettiv: Il-Kummissjoni titlob lill-Portugall japplika r-regoli tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Portugall jimplimenta b'mod sħiħ fil-liġi nazzjonali d-Direttiva 2009/65/KE dwar impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u d-Direttiva 2010/43/UE ta' implimentazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti organizzazzjonali, li kellhom jiġu implimentati fl-Istati Membri kolha tal-UE sat-30 ta' Ġunju 2011. Madankollu, il-Portugall implimenta biss parti mid-dispożizzjonijiet meħtieġa. Skont it-tieni stadju tal-proċedimenti ta’ infrazzjoni tal-UE, it-talba tal-Kummissjoni tieħu l-forma ta’ żewġ opinjonijiet motivati li jħeġġu lill-Portugall jimplimenta, fi żmien xahrejn mill-wasla tagħhom, l-artikoli nieqsa. Id-dispożizzjonijiet li l-Portugall naqas milli jimplimenta fis-sistema legali nazzjonali tiegħu jikkonċernaw primarjament l-obbligi li jirrigwardaw kumpaniji tal-maniġment, id-depożitarju, u l-informazzjoni li għandha tingħata lill-investituri, kif ukoll kunflitti ta’ interess, it-tmexxija tan-negozju u l-immaniġġjar tar-riskju. Jekk il-Portugall jonqos milli jwieġeb fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Għal aktar tagħrif: http://ec.europa.eu/internal_market/investment/index_en.htm

(għal aktar informazzjoni: C. Hughes - Tel. +32 2 2964450 - Mobile +32 498 964450)

MARE: Il-Kummissjoni titlob lir-Rumanija tiżgura l-iskambju elettroniku dirett ta’ informazzjoni rilevanti dwar is-sajd ma’ Stati Membri oħra

Il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Rumanija minħabba nuqqas ta’ konformità mal-obbligi li jiżguraw l-iskambju elettroniku dirett ta’ informazzjoni rilevanti dwar is-sajd ma’ Stati Membri oħra.

Skont ir-Regolament tal-UE dwar il-Kontroll tas-Sajd (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri huma marbuta li jistabbilixxu l-infrastruttura meħtieġa biex iħaddmu sistema ta' dejta elettronika għall-iskambju ta’ dejta dwar is-sajd. In-nuqqas ta’ tali sistema għandu mnejn itellef lil bastimenti ta’ Stati Membri oħra milli jħottu jew ibigħu l-ħut fir-Rumanija. Bl-istess mod, bastimenti tas-sajd Rumeni jistgħu jinżammu milli jħottu f’portijiet ta’ Stati Membri oħra. Is-sistema għandu jkollha tagħrif bħalma hi dejta dwar is-sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti, informazzjoni tal-logbook tas-sajd, il-ħatt l-art u dikjarazzjonijiet oħra.  Dawn ir-rekwiżiti ilhom mandatorji mill-1 ta' Jannar 2010, għall-Istati Membri kollha. L-applikazzjoni sħiħa u korretta tar-regoli tas-sajd tal-UE hija prijorità għall-Kummissjoni u għandha l-għan li tiżgura prattiki ta' sajd sostenibbli fl-UE kollha.

Jekk ir-Rumanija tonqos milli twieġeb fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tressaq każ kontriha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(għal aktar informazzjoni: O. Drewes - Tel. +32 229 92421 - Mobile +32 498 98 0081)

Kontrolli uffiċjali: Il-Kummissjoni titlob lir-Rumanija biex temenda s-sistema ta’ kontroll tagħha rigward l-importazzjoni tal-melħ

Il-Kummissjoni llum bagħtet talba formali (opinjoni motivata) lir-Rumanija fejn talbitha temenda s-sistema ta’ kontrolli uffiċjali għall-importazzjoni ta’ melħ minn pajjiżi li mhumiex fl-UE bħall-Ukraina u l-Belarus. Is-sistema ta’ kontroll tinvolvi kontrolli fiżiċi sistematiċi (100%) u l-ħtieġa għal ċertifikat ta’ analiżi dwar il-livelli ta' kontaminazzjoni radjuattiva (li tikkonferma li r-radjuattività tkun fi ħdan ċertu limiti) bħala kundizzjoni sabiex tkun tista' ssir bis-sħiħ il-proċedura tal-importazzjoni ta' kull vagun, fin-nuqqas ta’ valutazzjoni xierqa tar-riskju, tmur kontra l-obbligi stipulati fl-Artikoli minn 3(1) sa (d), l-Artikolu 3(2), l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 dwar il-kontrolli uffiċjali.

Tabilħaqq, il-Kummissjoni tinnota li r-Rumanija għadha ma pprovdietx evidenza ta’ kontaminazzjoni radjuattiva fil-melħ importat (ebda riżultat pożittiv fil-kampjuni) u li l-valutazzjoni tar-riskju li wettqet ir-Rumanija mhijiex waħda adegwata. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li kontroll fiżiku sistematiku tal-melħ impurtat mill-istess post tal-oriġini fl-Ukraina u l-Belarus huwa sproporzjonat u ma jistax jiġi ġġustifikata skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004. Għalhekk hemm bżonn lil-livell tal-frekwenza tal-kontrolli jiġi adattat.

Ir-Rumanija għandha xahrejn żmien biex tinforma lill-Kummissjoni li tkun allinjat il-leġiżlazzjoni tagħha mal-Liġi tal-Unjoni, inkella l-Kummissjoni tista’ tirreferi l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(għal aktar informazzjoni: F. Vincent - Tel. +32 2 2987166 - Mobile +32 498 987166)

Ambjent: Il-Kummissjoni titlob lir-RUMANIJA biex timplimenta regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-annimali użati għal għanijiet sperimentali xjentifiċi

Il-Kummissjoni Ewropea qed tħeġġeġ lil r-Rumanija ddaħħal fis-seħħ il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-annimali użati għal għanijiet sperimentali xjentifiċi fil-liġi nazzjonali tagħha. Id-Direttiva inkwistjoni għandha l-għan li tnaqqas l-użu ta’ annimali fl-esperimenti, u teħtieġ li, fejn ikun possibbli, għandu jkun hemm alternattivi oħra x'jintużaw, filwaqt li għandu jiġi żgurat li r-riċerka fl-UE tibqa’ tal-ogħla kwalità. Id-Direttiva kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sal-10 ta’ Novembru 2012. Billi r-Rumanija ma rrispettatx l-iskadenza, fit-30 ta’ Jannar 2013 intbagħtet ittra ta’ avviż formali. Ir-Rumanija wieġbet li l-implimentazzjoni kienet imminenti, iżda l-Kummissjoni għadha ma rċeviet l-ebda notifika uffiċjali li l-leġiżlazzjoni ġiet adottata. Għalhekk il-Kummissjoni qed tibgħat opinjoni motivata u jekk ir-Rumanija ma jirnexxilhiex taġixxi fi żmien xahrejn, il-każ jista’ jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fejn jistgħu jiġu imposti penali finanzjarji.

(għal aktar informazzjoni: J. Hennon - Tel. +32 229 53593 - Mobile +32 498 95 3593)

Ambjent: Il-Kummissjoni titlob lill-ISVEZJA ttejjeb l-implimentazzjoni f'livell domestiku tal-leġiżlazzjoni tagħha dwar l-iskart tal-minjieri

Il-Kummissjoni Ewropea qed titlob l-Isvezja temenda t-test leġiżlattiv tad-Direttiva dwar l-Iskart tal-Minjieri fil-leġiżlazzjoni domestika tagħha. Id-Direttiva inkwistjoni kellha tidħol fis-seħħ f'Mejju 2008, u filwaqt li l-Isvezja adottat leġiżlazzjoni ġdida li solviet għadd ta’ kwistjonijiet, il-Kummissjoni ssostni li hemm xi nuqqasijiet f’uħud mid-dispożizzjonijiet tekniċi. Kwistjonijiet ta’ tħassib jinkludu l-użu mill-ġdid jew ir-reklamazzjoni tal-iskart mill-estrazzjoni, u l-ħtieġa għall-fażi ta’ wara l-għeluq li għandha tiġi kkunsidrata meta jkunu qed jiġu ddisinjati l-minjieri. F’Settembru 2011 ntbagħtet ittra ta’ avviż formali, u minħabba li t-tweġibiet mogħtija mill-Isvezja ma jsolvux il-kwistjonijiet kollha mqajma mill-Kummissjoni, issa ntbagħtet ukoll opinjoni motivata. Jekk l-Isvezja tonqos milli taġixxi fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tirreferi l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

(għal aktar informazzjoni: J. Hennon - Tel. +32 229 53593 - Mobile +32 498 95 3593)

Għeluq:

Il-Kummissjoni Ewropea tagħlaq il-proċedura ta' ksur dwar l-irtirar furzat tal-Imħallfin Ungeriżi

Il-Kummissjoni Ewropea llum għalqet b'mod formali l-proċeduri legali li nbdew kontra l-Ungerija fis-17 ta’ Jannar 2012 rigward l-irtirar kmieni u furzat fil-pajjiż ta’ madwar 274 imħallef u prosekutur pubbliku (IP/12/24).

Il-Kummissjoni issa tinsab sodisfatta li l-Ungerija ġabet il-leġiżlazzjoni tagħha konformi mal-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni segwiet mill-qrib l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni l-ġdida fil-prattika.

(għal aktar informazzjoni: IP/13/1112- M. Andreeva - Tel. +32 229 91382 - Mobile +32 498 99 1382)

1 :

Id-Direttiva 2011/62/UE dwar il-prevenzjoni tad-dħul fil-katina legali tal-provvista ta’ prodotti mediċinali falsifikati: http://ec.europa.eu/health/files/eudralex/vol-1/dir_2011_62/dir_2011_62_en.pdf


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site