Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 – Mistoqsijiet Frekwenti

European Commission - MEMO/13/1004   19/11/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, 19 ta' Novembru 2013

Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 – Mistoqsijiet Frekwenti

Dan il-memorandum jispjega l-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2014-2020. Huwa jwieġeb għall-mistoqsijiet dwar l-elementi li ġie vvutat għalihom illum fil-Parlament Ewropew, l-istruttura ġenerali tiegħu, l-ammonti disponibbli, l-iffinanzjar tal-baġit futur u l-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni. Huwa jipprovdi wkoll tabelli u ċarts utli.

Huwa jikkumplimenta l-istqarrija għall-istampa li tiġbor il-punti ewlenin tal-baġit futur.

X’inhu l-Qafas Finanzjarju Pluriennali?

Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) jistabbilixxi l-ammonti annwali massimi (“limiti massimi”) li l-UE tista’ tonfoq f’oqsma politiċi differenti (‘intestaturi’) fuq perjodu ta’ mhux inqas minn ħames snin. Il-QFP li jmiss ikopri seba' snin: mill-2014 sal-2020.

Il-QFP mhuwiex il-baġit tal-UE għal seba' snin. Huwa jipprovdi qafas għall-ipprogrammar finanzjarju u d-dixxiplina baġitarja, u jiżgura li l-infiq tal-UE jkun prevedibbli. Huwa jippermetti wkoll li l-UE twettaq politiki komuni fuq perjodu ta’ żmien li jkun twil biżżejjed biex jagħmilhom effettivi. Billi jiddefinixxi kif l-UE għandha tinvesti u f’liema oqsma għandha tagħmel dan fuq seba’ snin, il-QFP huwa espressjoni ta’ prijoritajiet politiċi daqs kemm hu għodda ta' ppjanar baġitarju. Il-baġit annwali huwa adottat fi ħdan dan il-qafas u normalment jibqa’ taħt il-limiti massimi ta’ nfiq tal-QFP sabiex tinżamm marġini biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet mhux previsti.

Għal xiex ivvota eżattament il-PE llum?

Illum, il-Parlament Ewropew approva r-Regolament li jistabbilixxi l-QFP u vvota għal numru ta’ kwistjonijiet relatati. Kif meħtieġ fit-Trattat, il-QFP irid jiġi adottat mill-Kunsill b’mod unanimu wara li jkun ġie approvat mill-Parlament Ewropew (billi jikseb maġġoranza assoluta tal-membri kollha tiegħu).

Il-pakket tal-QFP li ġie vvutat għalih illum jiġbor fih id-dokumenti li ġejjin:

  1. Ir-Regolament QFP: Sett ta’ regoli u dispożizzjonijiet li jispeċifikaw l-istruttura u t-tħaddim tal-mekkaniżmu ġenerali tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali

Ara: http://www.consilium.europa.eu/media/2060418/st11655.en13.pdf

  1. Ftehim Interistituzzjonali (FII): L-iskop tal-ftehim, li ġie adottat skont l-Artikolu 295 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), huwa li tiġi implimentata d-dixxiplina baġitarja u jittejjeb it-tħaddim tal-proċedura baġitarja annwali u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet dwar kwistjonijiet baġitarji kif ukoll sabiex jiġi żgurat immaniġġjar finanzjarju sod. Huwa jispeċifika wkoll xi dispożizzjonijiet fir-Regolament QFP, bħall-modalitajiet tal-mobilizzazzjoni tal-Istrumenti ta' Flessibbiltà Speċjali.

http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/13/st11/st11298.en13.pdf

  1. Dikjarazzjonijiet dwar

    • Riżorsi Proprji

    • It-titjib tal-effettività tal-infiq pubbliku fi kwistjonijiet li huma soġġetti għal azzjoni tal-UE

    • L-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi

    • Il-qgħad fost iż-żgħażagħ u t-tisħiħ tar-riċerka

    • Dikjarazzjonijiet nazzjonali ta’ mmaniġġjar

    • Analiżi/reviżjoni tal-QFP

Lil hinn minn dawn l-elementi li ġie vvutat għalihom illum, il-QFP jinkludi wkoll id-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji tal-UE (introjtu għall-baġit tal-UE) u l-bażijiet ġuridiċi għall-programmi ta’ finanzjament individwali li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà u l-kriterji għall-allokazzjoni tal-fondi.

Diġà ġew adottati l-programmi ġodda ta’ finanzjament kollha?

Le, mingħajr l-adozzjoni finali tar-regolament QFP kien għadu mhux possibbli li jiġu adottati legalment il-Programmi ta’ nfiq individwali minħabba li l-inklużjoni ta’ ammont ta’ referenza finanzjarja finali tiddependi fuq il-ftehim QFP.

Madankollu, diġà ntlaħaq ftehim politiku fuq għadd kbir ta’ programmi waqt in-negozjati paralleli mill-2011.

Għalhekk, f’ħafna każijiet il-programmi l-ġodda qed jistennew biss iċ-ċifri finali. F’xi oħrajn, in-negozjati għadhom għaddejjin.

Għal ħarsa ġenerali lejn l-aħħar status quo dwar negozjati settorjali, jekk jogħġbok żur din il-websajt: http://ec.europa.eu/budget/mff/programmes/index_en.cfm

Ġiet adottata d-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji?

Id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji (DRP) u l-miżuri ta’ implimentazzjoni relatati għadhom qed jiġu nnegozjati. Din se tiġi adottata mill-Kunsill wara li l-PE ikun ta l-opinjoni tiegħu, x'aktarx matul l-2014. Hija se tidħol fis-seħħ biss wara li tiġi rratifikata mill-Istati Membri kollha skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħhom. L-esperjenza turi li dan jista’ jieħu bejn sena u sentejn iżda l-involviment formali tal-parlamenti nazzjonali skont l-Artikolu 311 tat-Trattat huwa rekwiżit indispensabbli minħabba li d-DRP tistabbilixxi drittijiet legalment vinkolanti għall-baġit tal-UE għal perjodu ta’ seba’ snin. Ladarba tkun fis-seħħ, id-Deċiżjoni se tapplika b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2014. Filwaqt li tkopri l-istess perjodu, id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji mhijiex legalment marbuta mar-Regolament QFP.

Il-QFP kurrenti se jibqa' l-istess sal-2020?

It-tħaddim tal-QFP 2014-20 se jiġi analizzat mill-Kummissjoni fl-2016 u se titqies bis-sħiħ is-sitwazzjoni ekonomika attwali kif ukoll l-aħħar tbassir makroekonomiku.

Il-benefiċjarji se jkunu jistgħu jirċievu finanzjament mill-programmi l-ġodda minn Jannar 2014?

L-intenzjoni politika hija li l-programmi l-ġodda jkunu fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun fil-bidu tal-2014. Dan se jiddependi l-aktar fuq l-istat tan-negozjati u l-ispeċifiċitajiet tal-modi ta’ mmaniġġjar ta’ kull programm ta’ finanzjament.

X’inhi l-istruttura tal-QFP u l-kontenut tiegħu?

Il-QFP huwa maqsum f’sitt kategoriji ta’ nfiq ("intestaturi") li jikkorrispondu għal oqsma differenti ta’ attivitajiet tal-UE:

1. Tkabbir Intelliġenti u Inklużiv

1a. Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi: tinkludi r-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ; in-netwerks transEwropej għall-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjonijiet; il-politika soċjali; l-iżvilupp tal-impriżi, eċċ.

1b. Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: tkopri l-politika reġjonali li għandha l-għan li tgħin lill-pajjiżi u lir-reġjuni l-anqas żviluppati tal-UE biex ilaħħqu, issaħħaħ il-kompetittività tar-reġjuni kollha u tiżviluppa l-kooperazzjoni interreġjonali.

2. Tkabbir Sostenibbli: Riżorsi Naturali: tinkludi l-politika agrikola komuni, il-politika komuni tas-sajd, l-iżvilupp rurali u l-miżuri ambjentali.

3. Sigurtà u ċittadinanza: tinkludi l-ġustizzja u l-affarijiet interni, il-ħarsien tal-fruntieri, il-politika dwar l-immigrazzjoni u l-ażil, is-saħħa pubblika, il-ħarsien tal-konsumatur, il-kultura, iż-żgħażagħ, l-informazzjoni u d-djalogu maċ-ċittadini.

4. Ewropa Globali: tkopri l-azzjoni esterna kollha ("politika barranija") mill-UE bħall-assistenza għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp jipprovdi wkoll riżorsi finanzjarji għall-"UE bħala attur globali”. Madankollu, mhuwiex parti mill-baġit tal-UE u għaldaqstant ma jaqax taħt il-QFP.

5. Amministrazzjoni: tkopri n-nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet Ewropej, il-pensjonijiet u l-Iskejjel Ewropej kollha.

6. Kumpensi: mekkaniżmu temporanju tal-fluss tal-flus imfassal biex jiżgura li l-Kroazja, li daħlet fl-UE f’Lulju 2013, ma tikkontribwixxix għall-baġit tal-UE aktar milli tibbenefika minnu fl-ewwel sena wara l-adeżjoni tagħha.

X’inhu l-iskop tal-hekk imsejħa “limiti massimi”?

Il-“limiti massimi” huma l-ammonti annwali massimi li jistabbilixxi l-QFP. Huma jillimitaw l-ammonti ta’ flus li jistgħu jintefqu mill-baġit tal-UE f’dawn is-sitt oqsma ta’ politika u b'mod ġenerali matul il-perjodu 2014-20. Hemm żewġ tipi ta’ limiti massimi ta’ nfiq:

1. Limitu annwali għal kull intestatura, espress f’approprjazzjonijiet għall-impenji (wegħdiet legalment vinkolanti li jintefqu flus li mhux neċessarjament jitħallsu fl-istess sena iżda jista’ jsir fuq bosta snin finanzjarji);

2. Limitu annwali totali:

għal approprjazzjonijiet ta’ impenji li jikkorrispondu għas-somma ta’ kull intestatura massima;

għal approprjazzjonijiet ta' ħlasijiet: l-ammonti attwali awtorizzati għal ħlas f’sena partikulari. (Bħala regola, l-ammonti bbaġitjati jikkorrispondu għas-somma tal-ħlasijiet skedati għal kull kategorija). L-approprjazzjonijiet ta' ħlasijiet annwali jridu jkunu koperti kompletament minn dħul annwali totali.

Il-limitu totali huwa wkoll espress bħala perċentwali tal-ING stimat tal-UE. Din il-perċentwali tiġi aġġornata kull sena fuq il-bażi tal-aħħar tbassir disponibbli tal-ING sabiex jiġi vverifikat li l-livell ta' ħlasijiet totali stmat tal-UE ma jkunx jaqbeż l-ammont massimu ta’ riżorsi proprji li l-UE tista’ tiġbor f'sena (1.23 % tal-ING tal-UE).

Kif se tiġi żgurata l-kwalità tal-infiq?

Il-kwalità tal-infiq, pereżempju, se tkun żgurata permezz ta' dawn il-miżuri:

  • L-orjentament lejn ir-riżultati ċar bejn l-oqsma tal-politika se jkun strumentali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija tat-tkabbir Ewropa 2020;

  • Is-simplifikazzjoni ta’ politiki u ta’ programmi se tagħmilhom aktar faċli għall-utenti u anqas suxxettibbli għal żbalji;

  • Il-kontrolli stretti ta' finanzjament tal-UE permezz tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri se jkomplu japplikaw u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE se tiżdied aktar, fosthom permezz tal-OLAF, l-uffiċċju tal-UE kontra l-frodi, u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fil-futur;

  • L-effiċjenza fil-politika ta’ koeżjoni, fl-iżvilupp rurali u fil-fond għas-sajd se tkun marbuta ma’ governanza ekonomika biex iħeġġu l-konformità tal-Istati Membri ma’ rakkomandazzjonijiet tal-UE skont is-Semestru Ewropew;

  • L-Istrumenti Finanzjarji l-ġodda jistgħu jżidu l-impatt tal-finanzjament tal-UE billi jiġbdu kapital privat permezz ta’ effetti ta’ lieva;

  • Ir-Riżerva ta' Prestazzjoni ġdida se tkun ta’ inċentiv għal prestazzjoni eċċellenti ta’ proġetti billi jiġu ppremjati il-politika ta’ koeżjoni, l-iżvilupp rurali u l-fond tas-sajd.

X’jiġri jekk ikun hemm sitwazzjonijiet mhux mistennija?

Il-QFP il-ġdid se jippermetti għal aktar flessibilità biex ikun hemm reazzjoni għal sitwazzjonijiet mhux mistennija:

Flessibbiltà għal ħlasijiet: b'ċerti kundizzjonijiet u fil-limiti massimi ġenerali stabbiliti fil-QFP, approprjazzjonijiet u marġini ta' ħlasijiet mhux użati jistgħu jiġu riportati minn sena finanzjarja għal oħra. Aġġustamenti bħal dawn iridu jkunu kkumpensati minn tnaqqis korrispondenti massimu tal-ħlas għas-sena n-1.

Flessibbiltà għal impenji fit-tkabbir u fl-impjiegi: approprjazzjonijiet ta' impenn mhux użati fl-2014-17 se jiffurmaw riżerva għal infiq addizzjonali fl-2016-20 fil-qasam tat-tkabbir u l-impjiegi (b'mod partikulari għall-impjieg taż-żgħażagħ).

Flessibbiltà speċjali għall-impjieg taż-żgħażagħ u r-riċerka: sabiex massimu ta' fondi jiġu kkonċentrati fejn jinħtieġu l-aktar malajr kemm jista' jkun, massimu ta' EUR 2.1 biljun jistgħu jiġu riportati għall-2014-15 għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u masimu ta' EUR 400 miljun għar-riċerka, għall-Erasmus u għall-SMEs.

Flessibbiltà għal għajnuna għall-persuni l-aktar fil-bżonn: fuq bażi volontarja, l-Istati Membri jistgħu jżidu l-allokazzjoni tagħhom għall-għajnuna għall-persuni l-aktar fil-bżonn b'EUR 1 biljun.

Marġini ta' Kontinġenza: dan huwa strument tal-aħħar istanza bħala reazzjoni għal ċirkustanzi mhux previsti u jammonta għal 0.03 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tal-UE.

Bħal fil-passat, il-marġini bejn l-approprjazzjonijiet għall-ħlas ibbaġitjat u l-limitu massimu annwali ta’ ħlas kif ukoll il-marġini bejn l-approprjazzjonijiet għall-impenji bbaġitjati u l-limitu massimu tan-nefqa għal kull intestatura jagħtu lok għal manuvrar fid-dawl ta’ ħtiġijiet u emerġenzi mhux previsti fil-limiti massimi rispettivi tal-QFP.

B’kont meħud tal-esperjenza tal-imgħoddi, twessa' l-kamp ta' applikazzjoni għal intervent għal strumenti speċjali, bħar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza, żdiedet l-allokazzjoni massima u r-riport ta’ ammonti mhux użati għas-sena/snin ta’ wara ġie permess. Il-mekkaniżmi ta’ flessibilità li ġejjin jinżammu barra mill-QFP u l-finanzjament jista' jiġi mobilizzat 'il fuq mil-limiti massimi tal-infiq:

  • Ir-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza (massimu ta’ EUR 280 miljun fis-sena) hija mfassla biex tiffinanzja operazzjonijiet umanitarji u tal-immaniġġjar ċivili tal-kriżijiet u ta' protezzjoni f’pajjiżi mhux tal-UE sabiex jirreaġixxu malajr għal avvenimenti mhux previsti. Pereżempju, ir-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza kienet mobilizzata fl-2012 wara avvenimenti bħat-tifqigħ ta’ kunflitt fis-Sirja, il-kunflitti f’Mali u n-nixfa fis-Saħel.

  • Il-Fond ta’ Solidarjetà (massimu ta’ EUR 500 miljun fis-sena) għandu l-għan li jirrilaxxa għajnuna finanzjarja f'emerġenza wara diżastru maġġuri fi Stat Membru jew f'pajjiż kandidat, bħat-terremot fl-2009 fir-reġjun Taljan ta’ Abbruzzo jew l-għargħar fl-2012 fil-Ġermanja. L-għajnuna hija mmaniġġjata mill-pajjiż benefiċjarju, u għandha tintuża biex terġa' tibni infrastruttura bażika, tiffinanzja servizzi ta’ emerġenza, akkomodazzjoni temporanja jew operazzjonijiet ta’ tindif, jew tiġġieled kontra riskji immedjati għas-saħħa.

  • L-Istrument ta’ flessibbiltà (massimu ta’ EUR 471 miljun fis-sena) jipprovdi finanzjament għal spejjeż identifikati b’mod ċar li ma jistgħux jiġu koperti mill-baġit tal-UE mingħajr ma jinqabeż l-ammont annwali massimu għan-nefqa stabbiliti fil-QFP. L-istrument ta’ Flessibbiltà, pereżempju, intuża fl-2009 biex jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ proġetti tal-enerġija fil-kuntest tal-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku u d-dekummissjonar ta’ impjant tal-enerġija nukleari fil-Bulgarija.

  • Il-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni (massimu ta’ EUR 150 miljun fis-sena) għandu l-għan li jgħin lill-ħaddiema li jintegraw ruħhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol wara li jkunungħataw is-sensja bħala riżultat ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji (jiġifieri d-delokalizzazzjoni, kriżi finanzjarja u ekonomika). Pereżempju, huwa appoġġja lill-ħaddiema Belġjani wara li l-impjant ta' General Motors f'Antwerp għalaq.

Riżorsi Proprji

Kif se jiġi ffinanzjat il-QFP tal-futur?

Fi Frar 2013, il-Kunsill Ewropew qabel dwar xi tibdil fis-sistema tar-riżorsi proprji għall-perjodu 2014-20. Madankollu, is-sistema kurrenti tibqa’ fis-seħħ sakemm tiġi adottata u ratifikata formalment Deċiżjoni tal-Kunsill ġdida dwar ir-riżorsi proprji. B’mod ġenerali, u mingħajr preġudizzju għall-eżitu tal-proċedura leġiżlattiva li għaddejja, il-prinċipji li ġejjin se jiġu applikati skont id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji li jmiss:

Is-sistema finanzjarja kurrenti prinċipalment se tkun "maqluba"

l-ispejjeż tal-ġbir (dak li l-Istati Membri jżommu) għal riżorsi proprji tradizzjonali (dazji doganali) se jitnaqqsu għal 20 % minn 25 % li jfisser li 80 % tal-ammont li jinġabar se jkun dħul mill-baġit tal-UE;

razzjonalizzazzjoni msaħħa – iżda limitata ħafna – tas-Sistema ta' Korrezzjonijiet Finanzjarji

Barra minn hekk, qiegħed jitwaqqaf grupp ta’ livell għoli sabiex janalizza s-sistema ta’ riżorsi proporji. Fuq il-bażi tar-riżultati ta’ din il-ħidma, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk għandux ikun hemm riforma ġdida għas-sistema tar-riżorsi proprji.

Ir-riżorsi proprji tal-UE huma d-dħul tal-UE. In-nefqa annwali trid tkun kompletament koperta minn dħul annwali. Il-baġit tal-UE ma jistax jippreżenta defiċit. It-tipi differenti ta’ riżorsi proprji u l-metodu kif jiġu kkalkulati huma stipulati f’Deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-riżorsi proprji. Huwa jillimita wkoll l-ammonti annwali massimi ta’ riżorsi proprji li l-UE tista’ tiġbor f'sena għal 1.23 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING)tal-UE. Hemm tliet tipi ta’ riżorsi proprji:

Riżorsi proprji tradizzjonali: jikkonsistu prinċipalment f’dazji doganali fuq importazzjonijiet minn barra l-UE u imposti fuq iz-zokkor. L-Istati Membri tal-UE jżommu 25 % tal-ammonti bħala spejjeż tal-ġbir.

Ir-riżorsi proprji bbażati fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT): rata uniformi ta' 0.3 % hija imposta fuq il-bażi tal-VAT armonizzata ta' kull Stat Membru.

Ir-riżorsi proprji bbażati fuq l-ING: kull Stat Membru jittrasferixxi perċentwali standard tal-ING tiegħu lill-UE. Għalkemm maħsuba sempliċiment biex tkopri l-bilanċ tan-nefqa totali li mhijiex koperta mir-riżorsi proprji l-oħra, din is-sistema saret l-akbar sors ta’ dħul tal-baġit tal-UE.

Sorsi oħra ta’ dħul (madwar 1 %) jinkludu t-taxxa u tnaqqis ieħor minn remunerazzjonijiet tal-persunal tal-UE, mgħax bankarju, kontribuzzjonijiet minn pajjiżi li mhumiex fl-UE għal ċerti programmi, mgħax fuq ħlasijiet tard u multi.

Mekkaniżmi ta’ korrezzjoni finanzjarja

Il-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni finanzjarja tfasslu biex jikkoreġu l-kontribuzzjonijiet minn ċerti Stati Membri li jitqiesu bħala eċċessivi meta mqabbla mal-ġid nazzjonali tagħhom. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda se jipprovdu razzjonalizzazzjoni tas-sistema kurrenti ta’ korrezzjonijiet finanzjarji. Is-sistema tal-istatus quo se tibqa' tapplika sal-adozzjoni finali u r-ratifika tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji (DRP). Ladarba tiġi adottata, l-Istati Membri rispettivi li jkollhom id-dritt għal korrezzjonijiet se jitħallsu lura b'mod retrospettiv mill-1 ta’ Jannar 2014.

Mekkaniżmi ta’ korrezzjoni kurrenti (DRP 2007-2013):

ir-rifużjoni tar-Renju Unit: ir-Renju Unit se jieħu lura 66 % tad-differenza bejn il-kontribuzzjoni tiegħu u dak li rċieva lura mill-baġit. Il-kost tar-Rifużjoni tar-Renju Unit huwa maqsum fost l-Istati Membri tal-UE skont is-sehem li jikkontribwixxu għall-ING tal-UE. Madankollu, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u l-Isvezja, li qiesu l-kontribuzzjonijiet relattivi tagħhom għall-baġit bħala għoljin wisq, iħallsu 25 % biss mis-sehem finanzjarju normali tagħhom tal-korrezzjoni tar-Renju Unit;

ħlasijiet ta' ammont f'daqqa: il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja jibbenefikaw minn tnaqqis gross fil-kontribuzzjoni annwali tal-ING tagħhom ta' EUR 605 miljun rispettivament;

rati ta' ġbir tal-VAT imnaqqsa għall-Awstrija (0.225 %), il-Ġermanja (0.15 %), il-Pajjizi l-Baxxi u l-Isvezja (0.1 %).

Mekkaniżmi ta’ korrezzjoni futuri (DRP 2014-2020) soġġetti għal approvazzjoni:

ir-rifużjoni tar-Renju Unit se tkompli tapplika;

id-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja se jibbenefikaw minn tnaqqis gross fil-kontribuzzjoni tal-ING annwali tagħhom ta' EUR 130 miljun, EUR 695 miljun u EUR 185 miljun rispettivament. L-Awstrija se tibbenefika minn tnaqqis gross fil-kontribuzzjoni tal-ING annwali tagħha ta’ EUR 30 miljun fl-2014, EUR 20 miljun fl-2015 u EUR 10 miljun fl-2016;

rati ta' ġbir tal-VAT imnaqqsa għall-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja se jiġu ffissati għal 0.15 %.

Għal aktar tagħrif:

Aqra l-istqarrija għall-istampa tal-lum: http://europa.eu/rapid/press-release_IP-13-1096_mt.htm

Żur il-websajt dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 u l-programmi ta’ finanzjament tal-UE individwali

Kun af aktar dwar iċ-ċifri għal kull programm fi prezzijiet attwali u tal-2011

Kun af aktar dwar l-allokazzjonijiet nazzjonali skont il-Politika Agrikola Komuni u l-Politika ta’ Koeżjoni

Aqra MEMO/13/1006 bit-test sħiħ tal-filmat tal-messaġġ tal-President Barroso

Aqra MEMO/13/79 dwar il-QFP


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website