Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

MISTOQSIJIET U TWEĠIBIET FUQ IL-BAĠIT TAL-UE 2013

Commission Européenne - MEMO/12/975   12/12/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, it-12 ta' Diċembru 2012

MISTOQSIJIET U TWEĠIBIET FUQ IL-BAĠIT TAL-UE 2013

Liema huma ċ-ċifri ewlenin għall-baġit tal-UE għall-2013 kif adottat illum?

Il-livell tal-impenn ta’ approprjazzjonijiet (CA, il-valur massimu ta’ impenji biex jitħallsu l-kontijiet fil-ġejjieni – prinċipalment proġetti ffinanzjati mill-UE) huwa stabbilit għal EUR 151 biljun billi l-approprjazzjonijiet totali għall-ħlas (PA, l-ammonti reali għall-ħlas tal-impenji ta’ qabel – prinċipalment proġetti ffinanzjati mill-UE kompluti madwar l-Ewropa) jammontaw għal EUR 132,8 biljun.

Jekk jogħġbok ara t-Tabella fl-Anness (2).

Għaliex il-Kummissarju Lewandowski jiddikjara li l-baġit tal-UE adottat mhux se jkun biżżejjed biex ikopri l-ħtiġijiet kollha fl-2013?

F’termini ta’ ħlasijiet, il-baġit tal-2013 kif miftiehem mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, huwa ta’ EUR 5 biljun taħt l-abbozz tal-baġit tal-Kummissjoni, hu stess ibbażat fuq stimi minn 27 Stat Membru tal-UE għall-2013. Il-parti l-kbira tal-baġit tal-UE (xi 80% minnu) hi ddedikata għal fondi li jmorru lejn Stati Membri; skont l-estimi li ġejjin minn dawk l-Istati Membri, l-UE jkollha bżonn madwar EUR 156 biljun għall-baġit tas-sena d-dieħla (l-aktar ħlasijiet lill-bdiewa, proġetti ffinanzjati mill-UE f’27 Stat Membru, għotjiet tal-edukazzjoni, għotjiet lill-SMEs'…). Bħal fl-imgħoddi dawk l-estimi wrew li huma relattivament preċiżi, wieħed jista’ jantiċipa tnaqqis ta’ EUR 5 biljun f’xi waqt fl-2013. Barra minn hekk, hemm żieda ta’ EUR 3 biljun ta' kontijiet mill-2012 li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu li jiddaħħlu mill-ġdid għall-baġit tal-2013. Fl-aħħar nett, kull sena l-UE tirċievi kontijiet li jiswew mijiet ta’ miljuni ta’ euro lejn l-aħħar tas-sena, tard wisq biex tonora fl-istess sena.

B’kollox, bil-probabbiltà kollha l-baġit tal-UE tal-2013 kif adottat illum mhux se jdum għall-tnax-il xahar sħaħ. Talba għal finanzjament addizzjonali tista’ tkun meħtieġa kmieni minn Settembru 2013.

B’liema mod l-"Abbozz tal-Baġit Emendatorju 6" hu marbut mal-baġit tal-2013?

L-"Abbozz tal-Baġit Emendatorju 6" kien talba mill-Kummissjoni għal aktar fondi biex tħallas EUR 9 biljun ta’ kontijiet u li għalihom il-baġit tal-2012 ma kellhux aktar riżorsi. Dawk il-kontijiet ikkonċentraw l-aktar fuq programmi tat-Tagħlim Tul il-Ħajja bħal Erasmus, fuq ix-xjenza u r-riċerka, l-iżvilupp rurali u l-Politika ta' Koeżjoni. Peress li kien hemm il-possibbiltà li l-Kunsill u l-Parlament jaslu għal qbil li jipposponu l-ħlasijiet ta’ wħud minn dawn il-kontijiet sal-2013, dak l-abbozz tal-baġit emendatorju kellu impatt fuq in-negozjati dwar il-Baġit tal-UE 2013.

X'kien ir-riżultat tan-negozjati dwar l-Abbozz tal-Baġit Emendatorju 6?

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu li jdaħħlu ammont ulterjuri ta’ EUR 6 biljun lejn il-baġit tal-2012 biex jitħallsu l-ħtiġijiet l-iktar urġenti, bil-bqija (EUR 2,9 biljun) li jridu jitħallsu fl-2013.

Għall-biċċa l-kbira tal-benefiċjarji bħal studenti u n-negozji, dan ifisser li dak kollu li kellu jitħallas fl-2012 se jitħallas fl-2012. It-EUR 2,9 biljun posposti għall-2013 jkopru kontijiet lill-Istati Membri għal proġetti li għad iridu jiġu ċċekkjati jew tlestew fil-perjodu 2000-2006. Dawk l-Istati Membri qablu li jitħallsu iktar tard (fil-bidu tal-2013).

Kif jista' jispiċċa bla flus il-baġit tal-UE?

Dan huwa minħabba xejra regolari. Għal numru ta' snin, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw il-baġits annwali tal-UE sew taħt l-estimi tal-Kummissjoni minkejja l-fatt li aħna ninsabu fi tmiem il-perjodu finanzjarju attwali 2007-2013 u li għalhekk aktar u aktar proġetti ffinanzjati mill-UE mnedija fil-bidu tal-perjodu madwar l-Ewropa qed jaslu għat-tlestija.

Fil-passat, iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja (il-Kunsill u l-Parlament) ftiehmu li l-ħlas ta’ xi wħud minn dawk il-kontijiet jiġġeddu għas-sena ta' wara. Dan kien ifisser li l-baġit tas-sena ta’ wara jkun diġà mdgħajjef minn dawk il-kontijiet tas-sena preċedenti filwaqt li deher ċar li anke mingħajr dawk il-kontijiet l-ammonti vvutati ma jkunux ikopru l-ħtiġijiet kollha għas-sena.

Fil-qosor, hemm "effett valanga" ta’ baġits annwali mhux suffiċjenti flimkien mal-posponiment ta’ ħlasijiet ta’ kontijiet.

Iżda għaliex il-baġit tal-UE ma jistax jitnaqqas hekk kif l-Ewropa tinsab fi kriżi u l-Istati Membri huma mġiegħla jadottaw miżuri kbar ta' awsterità?

Prinċipalment minħabba b’differenza mill-baġits nazzjonali, il-baġit tal-UE mhuwiex dwar proġetti futuri li jridu jiġu finanzjati iżda proġetti fl-imgħoddi diġà kompluti u mħallsa mill-Istati Membri. L-UE għandha l-obbligu legali li tħallas is-sehem tagħha bbażat fuq kontijiet mibgħutin mill-Istati Membri. Din tista' titqabbel ma' dar li tirċievi l-kontijiet tal-elettriku u tat-telefown: anke fi żmien ta’ awsterità hija sempliċement trid tħallashom hekk kif dawk il-kontijiet jirrelataw ma’ konsum fil-passat, mhux fil-futur.

X’inhi t-tifsira tad-dikjarazzjonijiet konġunti ffirmati mill-Presidenti tat-tliet istituzzjonijiet (il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni)?

Hemm tliet stqarrijiet konġunti relatati mal-baġits 2012 u 2013. (Jekk jogħġbok ara l-Anness (1)).

L-ewwel dikjarazzjoni hija fuq il-ħlasijiet għall-2013. Fiha, il-Kunsill u l-Parlament "jaqblu dwar tnaqqis tal-livell ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-2013 meta mqabbla mal-Abbozz tal-Baġit tal-Kummissjoni. Huma jitolbu lill-Kummissjoni biex tinbeda kwalunkwe azzjoni meħtieġa skont it-Trattat u, b'mod partikolari, biex titlob approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet addizzjonali f'baġit emendatorju jekk l-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit tal-2013 ikunu insuffiċjenti biex ikopru n-nefqa". Barra minn hekk, din tfakkar l-Artikolu 323 tat-Trattat ta’ Lisbona li jiddikjara li “l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jassiguraw li jkun hemm il-mezzi finanzjarji disponibbli sabiex jippermettu li l-Unjoni tissodisfa l-obbligi legali tagħha fir-rigward ta’ partijiet terzi".

It-tieni dikjarazzjoni tiffoka fuq il-ħtiġijiet ta’ ħlasijiet għas-sena 2012; din tirreferi għall-"Abbozz tal-Baġit Emendatorju 6", it-talba tal-Kummissjoni għal fondi addizzjonali fl-2012 biex tkopri kontijiet għal firxa ta’ programmi li jinkludu l-Erasmus, ix-xjenza u r-riċerka, l-iżvilupp rurali u l-Politika ta’ Koeżjoni. Fid-dikjarazzjoni, il-Kunsill u l-Parlament jirrikonoxxu li "l-ħlasijiet addizzjonali tal-approprjazzjonijiet awtorizzati fil-Baġit ta’ Emenda 6/2012 tnaqqsu b'EUR 2,9 biljun fir-rigward tal-ammont propost mill-Kummissjoni, u mhumiex fil-livell tal-ħlasijiet kollha mitluba rċevuti". Din tkompli tistqarr li l-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta baġit ta’ emenda fil-bidu tal-2013 biex tkopri l-ħlasijiet sospiżi ladarba s-sospensjonijiet huma mneħħija.

It-tielet dikjarazzjoni tirrigwarda l-ispejjeż amministrattivi fl-2013.

L-Anness 1

It-test sħiħ tat-tliet dikjarazzjonijiet konġunti

1 Dikjarazzjoni konġunta dwar l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-2013

Filwaqt li jitqiesu l-isforzi ta’ konsolidazzjoni fiskali kontinwi fl-Istati Membri, fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew, filwaqt li tittieħed nota tal-livell tal-ħlasijiet proposti mill-Kummissjoni għall-2013, hemm qbil dwar tnaqqis tal-livell ta’ approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-2013 meta mqabbla mal-Abbozz tal-Baġit tal-Kummissjoni. Huma jitolbu lill-Kummissjoni biex tinbeda kwalunkwe azzjoni meħtieġa skont it-Trattat u, b'mod partikolari, biex titlob approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet addizzjonali f'baġit emendatorju jekk l-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit tal-2013 ikunu insuffiċjenti biex ikopru n-nefqa taħt is-sottointestatura 1a (Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi), is-sottointestatura 1b (Koeżjoni għat-tkabbir u l-impjiegi), it-titolu 2 (il-Preservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali), l-intestatura 3 (Ċittadinanza, libertà, sigurtà u ġustizzja) u l-intestatura 4 (l-UE bħala attur globali).

B'mod partikolari, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew iħeġġu lill-Kummissjoni biex sa mhux aktar tard minn tmiem Ottubru 2013 tippreżenta l-aħħar ċifri aġġornati rigward is-sitwazzjoni attwali u l-estimi rigward l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet taħt is-sottointestatura 1b (Koeżjoni għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi) u l-iżvilupp rurali taħt l-intestatura 2 (Preservazzjoni u ġestjoni tar-riżorsi naturali) u, jekk ikun meħtieġ, tippreżenta abbozz tal-baġit emendatorju. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew huma konxji li abbozz tal-baġit emendatorju jista’ possibbilment ikun meħtieġ sa nofs l-2013. Bil-ħsieb li jiffaċilitaw id-deċiżjoni fuq il-livell tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet fil-kuntest tal-proċedura baġitarja annwali, it-tliet istituzzjonijiet jaqblu li jesploraw kif jistgħu jqabblu aħjar l-estimi tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet taħt ġestjoni kondiviża mal-ħtiġijiet korrispondenti.

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew se jieħdu pożizzjoni dwar kull abbozz tal-baġit emendatorju malajr kemm jista’ jkun bil-għan li jiġi evitat kull nuqqas fl-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet. Barra minn hekk, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jimpenjaw ruħhom li jipproċessaw malajr kull trasferiment possibbli ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet, anke bejn intestaturi tal-qafas finanzjarju, sabiex isir l-aħjar użu possibbli ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet imdaħħla fil-baġit u jiġu allinjati mal-implimentazzjoni u l-ħtiġijiet attwali.

Skont il-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja soda, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew ifakkru l-bżonn li jiġi żgurat, fid-dawl tal-implimentazzjoni, progressjoni ordnata tal-approprjazzjonijiet totali għal ħlasijiet b’rabta mal-approprjazzjonijiet għall-impenji, sabiex jiġi evitat kwalunkwe evoluzzjoni anormali ta’ impenji pendenti ("RAL").

Il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni ser jissorveljaw attivament l-istat ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-2013, matul is-sena kollha, u se jiffokaw fuq l-implimentazzjoni tal-ħlas, it-talbiet għal rimborż irċevuti u l-previżjonijiet riveduti, fuq il-bażi ta’ tagħrif dettaljat mogħti mill-Kummissjoni.

F'kull każ, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jfakkru r-responsabbiltà komuni tagħhom, kif stabbilit fl-Artikolu 323 tat-TFUE, li “l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jassiguraw li jkun hemm il-mezzi finanzjarji disponibbli sabiex jippermettu li l-Unjoni tissodisfa l-obbligi legali tagħha fir-rigward ta' partijiet terzi".

2 Dikjarazzjoni konġunta dwar il-ħtiġijiet tal-ħlasijiet għall-2012

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew innotaw li l-livell ta’ ħlasijiet, proposti mill-Kummissjoni fl-abbozz tal-baġit tal-2013 tagħha, kienu bbażati fuq is-suppożizzjoni li l-ħtiġijiet għall-ħlas fl-2012 kienu ġew indirizzati mal-approprjazzjonijiet disponibbli fil-baġit tal-2012. Madankollu, l-approprjazzjonijiet tal-ħlasijiet addizzjonali awtorizzati fil-Baġit Emendatorju 6/2012 tnaqqsu b'EUR 2,9 biljun fir-rigward tal-ammont propost mill-Kummissjoni, u mhumiex fil-livell tal-ħlasijiet kollha mitluba rċevuti.

Għalhekk, il-Kummissjoni timpenja ruħha li tippreżenta fi stadju bikri fis-sena 2013 abbozz tal-baġit emendatorju ddedikat għall-iskop ewlieni li jkopri t-talbiet sospiżi tal-2012 hekk kif jitneħħew is-sospensjonijiet, u l-obbligi legali oħra pendenti mingħajr preġudizzju għall-implimentazzjoni tajba tal-baġit 2013.

Biex jiżguraw baġitjar sod u preċiż tal-UE, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew se jieħdu pożizzjoni fuq dan l-abbozz tal-baġit emendatorju malajr kemm jista’ jkun sabiex ikopru kwalunkwe differenza pendenti.

3 Dikjarazzjoni konġunta dwar l-Intestatura 5 u l-aġġustament tas-salarji u l-pensjonijiet

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jaqblu li ma jinkludux f'dan l-istadju l-impatt baġitarju tal-aġġustament fis-salarji tal-2011 fil-baġit tal-2013. Mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Kunsill fil-każijiet c-66/12, c-63/12, c-196/12 u c-453/12, huma flimkien jitolbu lill-Kummissjoni, jekk il-Qorti taqtagħha favur il-Kummissjoni u malli tagħmel hekk, biex tissottometti abbozz tal-baġit emendatorju ddedikat għall-finanzjar, kif meħtieġ, tal-impatt ta’ aġġustament 2011 għall-istituzzjonijiet, inklużi l-effett retroattiv fuq snin preċedenti u interessi possibbli fit-tard.

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew għalhekk jimpenjaw ruħhom biex japprovaw tali abbozz tal-baġit emendatorju mill-aktar fis possibbli u biex jipprovdu l-approprjazzjonijiet addizzjonali meħtieġa mingħajr ma jikkompromettu l-prijoritajiet politiċi.

Anness 2

Il-Baġit tal-UE għall-2012 u l-2013 għal kull titolu f’EUR miljun

(CA = Impenn ta’ approprjazzjonijiet: PA = Approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site