Navigation path

Left navigation

Additional tools

FAQ: L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) f’10 snin

European Commission - MEMO/12/869   16/11/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, is-16 ta' Novembru 2012

FAQ: L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) f’10 snin

Din il-ġimgħa l-EFSA ċċelebrat l-10 anniversarju tagħha. Sabiex tfakkar din l-okkażjoni li taħbat mal-10 snin tal-liġi ġenerali tal-UE dwar l-Ikel, l-EFSA b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea organizzat konferenza ta’ livell għoli f'Parma, l-Italja fit-13 ta’ Novembru 2012, bit-titlu “Lesti għall-isfidi ta’ għada”. Filwaqt li tiġbor esperti internazzjonali f'dan il-qasam, il-konferenza għandha l-għan li timmarka dan l-anniversarju billi tagħraf il-kisbiet tal-passat u se tirrifletti fuq l-aħjar modi biex tittratta l-isfidi li hemm fil-futur.

Għaliex l-UE ddeċidiet li toħloq Aġenzija dwar is-Sigurtà fl-Ikel?

Matul is-snin disgħin, l-UE affaċċjat għadd ta’ kriżijiet marbuta mal-ikel, bħall-BSE, is-Salmonella u d-diossini li xekklu l-kunfidenza tal-konsumatur fis-sistema tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ikel u wrew nuqqasijiet fis-sistema li kienet fis-seħħ dak iż-żmien.

X’kienet it-tweġiba tal-Kummissjoni għal dawn il-kriżijiet tal-ikel?

F'Jannar tas-sena 2000, il-Kummissjoni ppubblikat dokument ta’ politika (White Paper) li identifika firxa wiesgħa ta’ miżuri li kienu meħtieġa biex jirrevedu l-politika dwar is-sigurtà fl-ikel fl-Ewropa. Id-dokument enfasizza żewġ pilastri ewlenin li kienu fil-mira biex terġa' tinkiseb il-kunfidenza pubblika: il-ħolqien ta’ qafas tal-UE għal-liġi ġenerali dwar l-Ikel u Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) indipendenti. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ikel ġiet adottata f'Jannar 2002 u l-EFSA bdiet taħdem f’Mejju 2002.

Ħidmet l-EFSA hija l-istess bħall-attivitajiet tal-aġenziji nazzjonali għall-ikel?

Il-leġiżlazzjoni tal-UE tirrikonoxxi li l-EFSA għandha tibni fuq il-ħiliet tal-Istati Membri permezz ta’ netwerking ta’ organizzazzjonijiet li jaħdmu fl-oqsma b'missjonijiet simili bħal dawk tal-Awtorità. Bħalissa l-EFSA għandha netwerk ta’ aktar minn 1,500 espert estern u aktar minn 300 istituzzjoni xjentifika. Il-persunal tal-EFSA huwa relattivament żgħir b’madwar 450.

X’inhu r-rwol tal-EFSA?

L-EFSA hija inkarigata biex tipprovdi pariri xjentifiċi indipendenti u appoġġ tekniku għall-politika tal-UE fl-oqsma kollha li għandhom impatt dirett jew indirett fuq is-sigurtà tal-ikel u l-għalf. Hija responsabbli wkoll mill-komunikazzjoni tal-kwistjonijiet kollha f’dawn l-oqsma u biex tikkomunika dwar kwalunkwe riskju marbut mal-katina alimentari.

L-EFSA għandha mandat biex tipprovdi pariri xjentifiċi fuq in-nutrizzjoni tal-bniedem meta dawn huma mitluba mill-Kummissjoni. Hija tipprovdi wkoll opinjonijiet xjentifiċi dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti u l-organiżmi ġenetikament modifikati anki meta dawn mhumiex marbuta mas-sigurtà fl-ikel. Fl-attivitajiet tagħha kollha hija għandha taħdem b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ korpi kompetenti fl-Istati Membri li jwettqu xogħlijiet simili għal dawk tal-Awtorità.

L-EFSA hija verament indipendenti?

Ir-Regolament fundamentali tal-EFSA jimponi rekwiżiti stretti fir-rigward tal-indipendenza u l-kunflitti ta’ interess li japplikaw fl-attivitajiet kollha tagħha. Sabiex tkun konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti, l-EFSA stabbilixxiet regoli interni dwar dawn il-kwistjonijiet li hija saħħet b'mod progressiv, l-aktar riċenti f'Diċembru 2011 bl-adozzjoni tal-politika tagħha dwar l-indipendenza u l-proċessi xjentifiċi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Ir-regoli ta’ implimentazzjoni relatati li daħlu fis-seħħ f'Lulju 2012 tejbu l-proċeduri fis-seħħ għall-iskrinjar u l-immaniġġjar tal-interessi ddikjarati minn dawk kollha li kienu involuti fl-attivitajiet tal-EFSA. Dawn jinkludu esperti xjentifiċi, persunal, membri mill-Bord ta' Tmexxija u partijiet terzi inklużi l-kuntratturi. Qabel l-adozzjoni tar-regoli l-ġodda, l-EFSA kkonsultat lill-partijiet interessati b’mod estensiv dwar l-abbozz tar-regoli.

L-EFSA tiddedika riżorsi konsiderevoli biex timplimenta l-politiki u r-regoli l-ġodda tagħha. Hija żviluppat l-għodod tal-IT tagħha stess biex kull sena timmaniġġja aktar minn 8,000 dikjarazzjoni ta’ interess u teżamina 40,000 suġġett fl-aġenda tal-laqgħat u tirrapporta fuq bażi annwali r-riżultati miksuba.

Barra minn hekk, l-indipendenza tal-EFSA hija wkoll assigurata mit-teħid kollettiv tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet xjentifiċi tagħha u l-mod trasparenti tagħha ta' kif taħdem. Dan jinvolvi l-pubblikazzjoni ta’ opinjonijiet xjentifiċi inkluż fejn applikabbli opinjonijiet tal-minoranza, il-pubblikazzjoni ta’ aġendi u minuti tal-laqgħat, pubblikazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ interess ta’ membri tal-Bord tat-Tmexxija u membri tal-Kumitat u l-Bordijiet Xjentifiċi.

Huwa meħtieġ ukoll li jkun hemm distinzjoni bejn li wieħed ikollu interess u li wieħed ikun f’kunflitt ta’ interess. Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jinstab bilanċ bejn il-ħtieġa li jkunu żgurati l-aqwa esperti xjentifiċi tal-Ewropa għal pariri xjentifiċi u li fl-istess waqt ikun żgurat li l-esperti ma jkollhom l-ebda interess finanzjarju jew interessi oħra li jistgħu jfixklu l-imparzjalità tagħhom.

L-allegazzjonijiet ta’ kunflitt ta' interess jistgħu jirriżultaw ukoll minħabba nuqqas ta’ fehim ġenwin tar-regoli fis-seħħ minn partijiet terzi. Dan jista’ jirrifletti b’mod negattiv fuq l-EFSA u jxekkel dik li hija sistema soda. Madankollu, huwa importanti li wieħed jirrikonoxxi li ma hemm l-ebda sistema li hija 100 % ħielsa mill-iżbalji u xi drabi jinqalgħu okkażjonijiet ta' kunflitt ta’ interess potenzjali. F’dawn il-każijiet huwa meħtieġ li wieħed jivvalutahom abbażi ta’ każ b’każ u jieħu azzjoni xierqa kif imfassla fir-regoli tal-EFSA. Fl-okkażjoni rari li jkun hemm kunflitt ta' interess, l-EFSA għandha fis-seħħ proċedura ta’ ksur tal-fiduċja biex tieħu azzjoni xierqa jekk espert jonqos milli jirrapporta kwalunkwe interess.

Wara talba tal-Parlament Ewropew fl-2011, il-Qorti tal-Awdituri wettqet awditjar tal-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess minn Aġenziji tal-UE. Minkejja li l-EFSA ġiet rikonoxxuta li żviluppat waħda mill-aktar politiki u proċeduri avvanzati sabiex jinqabdu l-kunflitti ta' interess, ir-rapport identifika xi nuqqasijiet. Fil-futur qarib, dawn se jiġu indirizzati mill-Kummissjoni flimkien mal-EFSA peress li l-fiduċja f'ħidmet l-Aġenzija għandha importanza tassew kbira.

X’kienu l-kisbiet ewlenin tal-EFSA matul l-aħħar deċennju?

L-EFSA għamlet kontribuzzjoni sinifikanti fil-progress li għandu x’jaqsam mal-oqsma kruċjali tas-sigurtà fl-ikel bħat-tnaqqis fis-Salmonella, il-limitazzjoni tal-espożizzjoni għall-pestiċidi u t-twaqqif ta’ livelli sikuri tar-residwi tagħhom u l-evalwazzjoni tal-addittivi fl-ikel u l-għalf. Ħidmitha tiżgura wkoll li l-konsumaturi Ewropej jista' jkollhom fiduċja li d-dikjarazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa fuq it-tikketti tal-ikel tagħhom għandhom bażi xjentifika soda. L-UE kompliet tesperjenza l-ogħla livell ta’ sigurtà fl-ikel u trażżin effettiv tal-ikel marbut ma’ inċidenti matul l-aħħar deċennju, kemm fejn tidħol is-saħħa pubblika kif ukoll l-impatt ekonomiku.

Kooperazzjoni dwar il-kwistjonijiet tas-sigurtà fl-ikel żdiedet, u n-netwerks issa huma mifruxin madwar l-Ewropa biex jaqsmu tagħrif xjentifiku u jikkoordinaw attivitajiet ta’ komunikazzjoni, malajr jekk meħtieġ bi tweġiba għal kwalunkwe tip ta’ emerġenza. Fl-2011, l-EFSA kkoordinat l-investigazzjoni xjentifika dwar it-tifqigħa fil-Ġermanja u Franza tal-Escherichia coli (STEC) li tipproduċi t-tossina-Shiga, li identifikat is-sors komuni tal-kontaminazzjoni u ppermettiet lill-maniġers tar-riskju tal-UE biex jieħdu miżuri ħalli jipproteġu lill-konsumaturi.

L-EFSA tapprova awtorizzazzjonijiet tal-OMĠ sistematikament?

Le, l-EFSA mhijiex responsabbli mill-awtorizzazzjonijiet li huma r-responsabilità ta’ maniġers tar-riskju.

L-applikanti tal-OĠM huma mitluba jipprovdu lill-EFSA studji speċifiċi li għandhom ikunu konformi mal-protokolli tal-istudju tal-UE/OECD u li jridu jitwettqu skont sistema disponibbli ta’ assigurazzjoni tal-kwalità (Prattika Tajba tal-Laboratorju jew ISO) u b’konformita mal-gwida tal-EFSA għall-valutazzjoni tar-riskju tal-OĠM. L-industrija għandha tipprovdi d-dejta tossikoloġija u dejta oħra meħtieġa biex issaħħaħ is-sigurtà tal-OMĠ ikkonċernat. Għall-prodotti kollha regolati bħall-OMĠ, hija prattika aċċettata madwar id-dinja li l-appikanti, li se japprofittaw direttament mill-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott, huma obbligati jwettqu l-istudji meħtieġa sabiex isaħħu l-valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom.

Il-proċedura ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-EFSA hija rigoruża u kważi dejjem teħtieġ li l-applikanti jipprovdu dejta addizzjonali u kjarifika qabel tinħareġ opinjoni. F’għadd żgħir ta’ każijiet, l-applikanti rtiraw l-applikazzjonijiet meta l-industrija tqis li ma jkunx possibbli li tipprovdi t-tagħrif li l-EFSA titlob.

X’inhuma l-isfidi li qed taffaċċja l-EFSA?

Filwaqt li l-EFSA kisbet ħafna fl-ewwel 10 snin tagħha, jeħtieġ li nkunu ħerqana għall-isfidi tal-futur. Mhuwiex possibbli li jitbassru l-kwistjonijiet kollha li l-EFSA se jkollha tikkonfronta fis-snin li ġejjin iżda l-fatturi li jwasslu għalihom qed isiru aktar ċari minn qabel. Dawn jinkludu kwistjonijiet bħall-bidla fil-klima, il-bidliet demografiċi tal-Ewropa u l-espansjoni rapida tal-kummerċ globali. L-EFSA se jkollha tittratta l-isfidi u l-opportunitaujiet tal-innovazzjoni li t-tnejn li huma se jikkontribwixxu biex jindirizzaw uħud minn dawn id-domandi futuri u joħolqu oħrajn ġodda wkoll. Għal dan il-għan, l-EFSA diġà għandha fis-seħħ l-Istrateġija Xjentifika 2012-2016 li tistabbilixxi l-viżjoni dwar kif se tkompli tappoġġja s-sigurtà Ewropea fl-ikel fis-snin li ġejjin.

L-EFSA tista’ tieħu deċiżjonijiet?

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ikel tissepara r-rwoli tal-valutazzjoni tar-riskju u l-immaniġġjar tar-riskju. EFSA bħala Aġenzija indipendenti tal-UE hija responsabbli mill-valutazzjoni tar-riskju jew fi kliem ieħor mill-pariri xjentifiċi filwaqt li l-immaniġġjar tar-riskju jew it-teħid ta' deċiżjoni huwa r-responsabilità tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew. Dan ifisser li l-EFSA ma tiħux deċiżjonijeit dwar awtorizzazzjoni għal OĠM, pestiċidi, addittivi fl-ikel u prodotti oħra regolati relatati mal-katina alimentari iżda tivvaluta r-riskji potenzjali għall-konsumaturi, l-annimali u l-ambjent li jippermettu lill-maniġers tar-riskju, f'dan il-każ il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jieħdu deċiżjonijiet filwaqt li jikkunsidraw il-parir xjentifiku.

Kif tiffunzjona l-EFSA?

Il-Bord tat-Tmexxija - l-EFSA għandha Bord tat-Tmexxija magħmul minn 15-il membru u maħtur mill-Kunsill Ewropew b’konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew wara sejħa għal espressjoni ta’ interess. Il-membri tal-Bord tat-Tmexxxija huma indipendenti u ma jirrappreżentawx gvernijiet jew interessi settorjali u huma maħtura biex jaġixxu fl-interess pubbliku. Il-Bord jistabbilixxi l-baġit tal-EFSA, japprova l-programm ta' ħidma annwali u huwa responsabbli biex jiżgura li l-EFSA taħdem b'mod effettiv u tikkoopera b'suċċess mal-organizzazzjonijiet imsieħba madwar l-UE u lil hinn.

Id-Direttur Eżekuttiv - Id-Direttur Eżekuttiv tal-EFSA huwa maħtur mill-Bord tat-Tmexxija. Id-Direttur Eżekuttiv huwa appoġġat b’madwar 450 persunal u huwa r-rappreżentant legali tal-Awtorità responsabbli mill-kwistjonijiet operattivi kollha, il-kwistjonijiet tal-persunal u biex tfassal il-programm ta’ ħidma annwali f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri tal-UE.

Il-Bord Xjentifiku u l-Kumitat Xjentifiku tal-EFSA - Il-Kumitat u l-Bordijiet Xjentifiċi tal-EFSA huma responsabbli biex jipprovdu opinjonijiet xjentifiċi u huma magħmula minn xjentisti indipendenti bi kwalifiki għoljin li huma magħżula wara sejħa għal espressjoni ta’ interess. Bħalissa hemm għaxar Bordijiet Xjentifiċi li jittrattaw oqsma skont is-suġġetti bħall-addittivi tal-ikel, is-saħħa tal-pjanti, organiżmi modifikati ġenetikament, in-nutrizzjoni, is-saħħa u l-benessri tal-annimali eċċ.

Il-Kumitat Xjentifiku huwa magħmul mill-Presidenti tal-Bordijiet Xjentifiċi u sitt xjenzjati oħra tal-esperjenza li mhumiex parti minn xi Bord iżda huma magħżula wara sejħa għal espressjoni ta’ interess. Il-Kumitat Xjentifiku huwa responsabbli mill-koordinazzjoni u l-konsistenza ta’ kwistjonijiet multisettorjali fost il-Bordijiet kif ukoll kwistjonijiet xjentifiċi ta’ natura orizzontali. Il-Kumitat Xjentifiku kien responsabbli mill-opinjonijiet, bħal dawk li jittrattaw metodoloġiji innovattivi tal-valutazzjoni tar-riskju u opinjonijiet li għandhom l-għan li jiżguraw trasparenza u jtejbu l-kwalità ta’ komponenti speċifiċi tal-valutazzjoni tar-riskju.

Forum Konsultattiv - Il-Forum Konsultattiv tal-EFSA jiżgura r-rabta bejn l-awtoritajiet nazzjonali dwar is-sigurta fl-ikel tas-27 Stat Membru tal-UE, l-Islanda u n-Norveġja bl-Isvizzera u l-Pajjiżi Kandidati bħala osservaturi. Dan huwa magħmul minn rappreżentanti minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jwettqu ħidmiet simili għal dawk tal-Awtorità. Dan għandu rwol ewlieni biex jiżgura koordinazzjoni effettiva bejn il-ħidma tal-EFSA u dak tal-Istati Membri biex b’hekk jimmassimizza l-użu tar-riżorsi.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website