Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, is-7 ta' Novembru 2012

FAQ - L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT)

X'inhu l-EIT?

Il-European Institute of Innovation and Technology (EIT) twaqqaf fl-2008 bl-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u huwa korp awtonomu tal-UE li jistimola fuq livell dinji, l-innovazzjoni, it-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività. Dan jgħaqqad flimkien l-istituzzjonijiet eċċellenti ta' edukazzjoni ogħla, iċ-ċentri ta' riċerka u n-negozji u jimmira li jikseb l-għanijiet tiegħu permezz ta' kunċett pijunier ta' sħubijiet pubbliċi-privati transkonfinali magħrufin bħala l-Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni (Knowledge and Innovation Communities, KICs). L-EIT għandu l-kwartieri ġenerali amministrattivi tiegħu f'Budapest filwaqt li l-KICs joperaw minn 17-il ċentru ta' kolokazzjoni mifruxin mal-Ewropa, minn Barċellona sa Stokkolma u minn Londra sa Krakovja. Sal-lum inħolqu tliet KICs li jiffokaw fuq l-enerġija sostenibbli (il-KIC għall-InnoEnerġija), it-tibdil fil-klima (il-KIC għall-Klima) u s-soċjetà tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (l-ICT Labs tal-KIC).

X'inhi l-viżjoni tal-Kummissjoni għall-EIT?

L-għan huwa li l-EIT jixpruna l-kapaċità tal-innovazzjoni fl-Ewropa billi joħloq l-imprendituri ta' għada u jiżgura li "t-trijangolu tal-għarfien" Ewropew ikun fost l-aqwa fid-dinja. Il-KICs tiegħu jiffokaw fuq l-isfidi ewlenin tas-soċjetà u l-Istitut jaġixxi bħala katalist li jadottaa u jisfrutta teknoloġiji ġodda u riċerka.

L-EIT u l-KICs tiegħu nħolqu b'tali mod li jiżguraw li tonqos kemm jista' jkun il-burokrazija żejda u li jkollhom il-flessibbiltà biex jadattaw ruħhom malajr għal ħtiġijiet u opportunitajiet ġodda jew emerġenti, sabiex ikunu jistgħu jiksbu riżultati effettivi. Il-Kummissjoni trid li l-EIT ikun mudell għas-simplifikazzjoni.

L-istudenti, ir-riċerkaturi u l-imprendituri jinsabu fil-qalba tal-istimolu tiegħu għall-innovazzjoni. Id-dimensjoni edukattiva toħloq opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp tal-karriera u għall-ħolqien ta' pont bejn is-settur akkademiku u dak privat.

L-ewwel KICs tiegħu ilhom joperaw għal perjodu relattivament qasir iżda diġà wrew l-impatt tagħhom. Minn mindu tnedew il-KICs, inħolqu 27 kumpanija ġdida u hemm ippjanati 35 privattiva; aktar minn 800 student gradwat għamlu jew għaddejjin bi programm tal-KIC għal Masters jew Dottorat u rreġistaw fl-iskejjel tas-sajf. Barra minn hekk, l-ewwel tliet KICs ġabu flimkien aktar minn 280 imsieħeb mill-kampijiet tal-edukazzjoni, ir-riċerka u n-negozju.

Sal-2020, il-Kummissjoni tistenna li l-EIT joħloq impetu sabiex jinħolqu sa 600 kumpanija ġdida u sabiex jappoġġa 10,000 student tal-Masters u 10,000 student tad-Dottorat, b'enfasi fuq ix-xjenza u l-intraprenditorija.

X'inhuma l-passi li jmiss?

Il-Kummissjoni pproponiet Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni li tistabbilixxi l-prijoritajiet tal-EIT għall-2014-2020. Dawn huma: li jiġu kkonsolidati l-KICs eżistenti, li jiġu stabbiliti sitta ġodda u li jissaħħaħ l-impatt tal-EIT madwar l-Ewropa. Din tipprevedi li taqsam l-għarfien li nkiseb mill-KICs mal-akbar udjenza possibbli permezz, pereżempju, ta' skemi ta' fellowship, netwerk ta' dawk li kienu studenti universitarji u forum tal-partijiet interessati. Dawn il-miżuri jkunu kkumplimentati mill-isforzi biex it-tmexxija tal-EIT issir aktar effiċjenti u billi tiddaħħal fis-seħħ sistema ġdida ta' monitoraġġ biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni tal-EIT u tal-KICs. Bis-saħħa tas-sistema ta' monitoraġġ, l-EIT jkun jista' jevalwa l-prestazzjoni tiegħu meta mqabbla mal-għanijiet tiegħu u l-aqwa prattiċi fil-livell Ewropew u globali.

Kif intgħażlu t-temi għas-sitt KICs ġodda? Xi kriterji ntużaw biex jiġi definit il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom?

Il-Kummissjoni pproponiet li l-EIT għandu jwaqqaf tliet KICs ġodda fl-2014, dwar l-innovazzjoni għal għajxien san u xjuħija attiva; il-materja prima – esplorazzjoni, estrazzjoni, ipproċessar, riċiklaġġ u sostituzzjoni sostenibbli; u l-ikel għall-futur – katina sostenibbli tal-forniment mir-riżorsi sal-konsumatur. Dan se jwaqqaf tlieta oħra fl-2018, dwar il-mobbiltà urbana, il-manifattura ta' valur miżjud, u soċjetajiet siguri intelliġenti. It-temi magħżula jiffokaw fuq l-isfidi ekonomiċi u tas-soċjetà. Il-KICs ġodda se jagħtu sehemhom ukoll għall-għanijiet tal-aġenda ta' Orizzont 2020 u Ewropa 2020 għall-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli.

L-abbozz tal-Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni mressaq lill-Kummissjoni mill-bord ta' tmexxija tal-EIT f'Ġunju 2011 kien is-sies biex intgħażlu t-temi għall-KICs ġodda. B'mod parallel, il-kriterji nħolqu biex jiżguraw valutazzjoni oġġettiva tal-potenzjal tal-innovazzjoni ta' kull tema proposta. Dawn il-kriterji ġew ivvalutati mal-komunità usa' tal-innovazzjoni permezz ta' konsultazzjoni pubblika.

Kemm hu l-finanzjament propost mill-Kummissjoni li se jirċievi l-EIT bejn l-2014 u l-2020?

L-EIT irċieva EUR 308.7 miljun mill-baġit tal-UE mill-2008 għall-fażi inizjali tiegħu. Bħala parti mill-proposta tagħha Orizzont 2020, il-Kummissjoni tipprevedi li żżid konsiderevolment is-sostenn tagħha għall-EIT, b'baġit ta' EUR 3.2 biljun bejn l-2014 u l-2020.

Il-baġit qed jiżdied biex l-ewwel tliet KICs ikunu jistgħu jikkonsolidaw ruħhom u jikbru filwaqt li jwitti t-triq biex sal-2018 jinħolqu sitt KICs ġodda. Bħala medja, l-EIT jikkontribwixxi għal sa 25 % tal-baġit globali tal-KICs. L-ammont maqsum għal kull KIC jaf ivarja billi kull waħda għandha ħtiġijiet baġitarji differenti u u porzjon mill-fondi tal-EIT jinqasam fost il-KIC fuq bażi kompetittiva.

L-EIT kif se jiżgura finanzjament minn sorsi oħra?

Il-mudell ta' finanzjament tal-EIT jibni fuq is-saħħiet u r-riżorsi tal-imsieħba involuti fil-KICs. L-EIT tipprovdi 25 % biss tal-finanzjament lill-KICs; filwaqt li l-bqija jiġi minn sorsi oħra, inklużi l-imsieħba tal-KICs.

L-esperjenza tal-bidu wriet livell għoli ferm ta' impenn mill-imsieħba industrijali. Il-KICs irċivew ukoll finanzjament pubbliku addizzjonali mingħand sorsi nazzjonali u reġjonali. Il-Gvern Ġermaniż pereżempju alloka EUR 50 miljun għal perjodu ta' ħames snin għall-inizjattiva edukattiva "Software Campus" immexxija mill-ICT Labs tal-KIC.

Għalfejn iċ-ċentri ta' kolokazzjoni huma tassew ġeografikament konċentrati?

Iċ-ċentri ta' kolokazzjoni, u – fil-każ tal-KIC għall-Klima, l-implimentazzjoni reġjonali u ċ-ċentri tal-innovazzjoni (regional implementation and innovation centres, RICs) – jinsabu mifruxin madwar l-Ewropa. Barra minn hekk, l-operazzjonijiet tal-KICs u l-imsieħba tagħhom huma mifruxin aktar minn kemm jistgħu jissuġġerixxu s-siti taċ-ċentri ta' kolokazzjoni. Pereżempju, iċ-ċentru ta' kolokazzjoni tal-KIC għall-InnoEnerġija "Iberia" għandu s-sede tagħha f'Barċellona, iżda l-attivitajiet u l-imsieħba tiegħu jkopru reġjuni oħra ta' Spanja kif ukoll tal-Portugall.

L-EIT beda jiffunzjona biss dan l-aħħar, u malli l-attivitajiet tiegħu jikbru, dan se jkompli jinfirex madwar l-Ewropa. Permezz tal-EIT, il-Kummissjoni hija determinata li tippromwovi rabtiet bejn istituzzjonijiet eċċellenti, ikunu fejn ikunu fl-Ewropa. Din hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin spjegati fl-Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni.

X'qed isir biex l-EIT ikun aktar attraenti għan-negozji, speċjalment għall-SMEs?

Filwaqt li żżomm il-flessibbiltà meħtieġa tal-EIT, il-Kummissjoni pproponiet miżuri biex tħeffef il-proċeduri tal-EIT għat-teħid ta' deċiżjonijiet u għall-implimentazzjoni. It-temi għal KICs ġodda ntgħażlu skont il-potenzjal tagħhom biex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' negozju.

L-involviment tan-negozji fl-EIT u fil-KICs tiegħu diġà huwa sinifikanti u qed jiżdied. Sal-lum, il-KICs għandhom kważi aktar minn 280 imsieħeb, li 113 minnhom (kważi 40 %) huma organizzazzjonijiet tan-negozju. Il-KIC għall-Klima, ngħidu aħna, jinvolvi għadd kbir ta' SMEs reġjonali. L-imsieħba industrijali jikkontribwixxu għal madwar terz tal-baġit tal-KIC għall-InnoEnerġija, jiġifieri għal total ta' EUR 290 miljun. Fil-każ tal-ICT Labs tal-KIC, is-sehem baġitarju mill-imsieħba industrijali huwa 20 %.

Il-kumpaniji – kemm il-multinazzjonali kbar kif ukoll l-SMEs – huma attirati mill-approċċ tal-EIT għall-innovazzjoni li huwa orjentat lejn in-negozji u fit-tul, kif ukoll mill-enfasi li l-EIT jagħti lill-flessibbiltà u lill-isforzi ħalli jkunu żgurati regoli aktar sempliċi u aktar ċari.

X'inhu r-rwol tal-EIT f'Orizzont 2020?

F'Orizzont 2020, l-EIT se jaqdi rwol importanti biex irawwem l-innovazzjoni billi jgħaqqad l-edukazzjoni, ir-riċerka u n-negozji. L-EIT jixħet l-edukazzjoni fil-qalba tal-innovazzjoni u l-KICs se jixprunaw netwerk mifrux mal-Ewropa ta' "ekosistemi" li lill-intrapriżi jagħtihom iċ-ċans isarrfu l-ideat ġodda fi prodotti u servizzi kummerċjabbli.

L-EIT jilħaq l-għan ta' Orizzont 2020 li "jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà", u dan jikkumplimenta inizjattivi oħra bħala parti mill-istrateġija usa'. Dan se jikkontribwixxi wkoll għal "tmexxija industrijali u oqfsa kompetittivi" billi jistimola r-riċerka mmirata lejn ir-riżultati u jrawwem il-ħolqien ta' SMEs innovattivi b'potenzjal ta' tkabbir kbir. L-EIT jikkontribwixxi wkoll biex tinħoloq "bażi eċċellenti ta' xjenza" billi jrawwem il-mobbiltà fost id-dixxiplini, is-setturi u l-pajjiżi.

Orizzont 2020 jissimplifika u jagħti l-flessibbiltà meħtieġa biex ikun żgurat li l-EIT jista' jisfrutta b'mod sħiħ il-potenzjal tiegħu tal-innovazzjoni, juri approċċi ġodda u jattira l-komunità tan-negozju. Dan iħeġġeġ lill-EIT biex juża b'mod sħiħ l-awtonomija tiegħu ħalli jkun jista' jwieġeb malajr għall-ħtiġijiet ġodda jew emerġenti.

X'suċċessi rnexxielu jikseb l-EIT mit-tnedija tiegħu?

Il-KIC għall-Klima u Naked Energy

Naked Energy, negozju li għadu kemm fetaħ fir-Renju Unit, ħoloq panelli solari ibridi li jiġġeneraw l-elettriku u s-sħana. Il-KIC għall-Klima identifikat il-prodott bħala innovazzjoni fit-teknoloġija solari u ħadmet ma' Naked Energy biex tippreżenta t-teknoloġija lil għadd magħżul ta' msieħba li jinkludi l-isptarijiet, l-iskejjel u l-ħwienet li jbigħu bl-imnut. Dawn il-laqgħat wasslu għal ftehim ma' Sainsbury's, supermarket ewlieni, biex jibda skema pilota. Fl-2011 il-kumpanija rebħet il-kompetizzjoni tal-KIC għall-Klima, u fl-2012 kisbet il-Premju għall-Intraprenditorija.

L-ICT Labs tal-EIT u Trifense

Trifense, spin-off mill-Università Teknika ta' Berlin, ifittex li jipproteġi kumpanija jew organizzazzjoni minn theddidiet għas-sigurtà ċibernetika. Trifense rebaħ il-Premju tal-ICT Labs tal-EIT u issa qed jaħdem mal-KIC fuq waħda mil-linji tematiċi ta' azzjoni, "il-midja u t-twassil tal-kontenut fil-ġejjieni". Ir-riżultati qed jissarrfu f'soluzzjonijiet innovattivi tas-sigurtà. Il-koperazzjoni mal-KIC għenet lil Trifense biex jistabbilixxu firxa wiesgħa ta' rabtiet ġodda ta' negozji u riċerka.

Il-KIC għall-InnoEnerġija u NOEM – Think Co2

Noem – Think Co2 ħareġ b'kunċett ta' dar modulari prefabbrikata u effiċjenti għall-enerġija li tista' tinbena fi ftit jiem u bi prezz anqas minn EUR 2,000 għal kull metru kwadru. Il-binjiet jistgħu jiżżarmaw aktar malajr biex jitmexxew lejn post ieħor, u jistgħu jitkabbru jekk ikun hemm bżonn aktar spazju. Il-kumpanija tinsab Barċellona (Spanja) u rebħet il-Premju tal-EIT għall-Intraprenditorija għall-Enerġija Sostenibbli u bħalissa qed taħdem id f'id mal-KIC għall-InnoEnerġija ħalli joħolqu prodott u jikkummerċjalizzawh.

Il-HULT Global Case Challenge

Tim li jirrappreżenta lill- European Institute of Innovation and Technology u l-KIC għall-InnoEnerġija rebaħ it-tieni premju fil-finali ta' waħda mill-kompetizzjonijiet tan-negozji ewlenin fid-dinja, il-HULT Global Case Challenge, f'April tal-2012.

It-tim ta' ħamsa, li ppreżenta proġett immirat biex jiżdied l-użu tal-qawwa solari fl-Afrika, kien għaddej b'kors ta' Masters sponsorjat mill-Unjoni Ewropea u mill-KIC għall-InnoEnerġija. Eluf ta' studenti, li jirrappreżentaw aktar minn 130 pajjiż u sitt kontinenti, ikkompetew f'ħamest ibliet u onlajn biex jaslu sal-finali, li saret fil-Librerija Pubblika ta' New York fil-preżenza ta' dak li kien il-President tal-Istati Uniti, Bill Clinton u r-rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi, Muhammad Yunus.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website