Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Mistoqsijiet frekwenti dwar l-Azzjonijiet Marie Curie

Commission Européenne - MEMO/12/830   05/11/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, il-5 ta' Novembru 2012

Mistoqsijiet frekwenti dwar l-Azzjonijiet Marie Curie

Il-programm lil min jiffinanzja?

L-Azzjonijiet Marie Curie jagħtu għotjiet għar-riċerka Ewropea, irrispettivament min-nazzjonalità jew mill-qasam tar-riċerka. Apparti l-appoġġ għall-fellowships, il-programm jippermetti lir-riċerkaturi li jiksbu esperjenza internazzjonali li jgawdi minnha l-individwu kif ukoll il-komunità tar-riċerka Ewropea kollha kemm hi.

L-UE għalfejn tiffinanzja r-riċerka Ewropea?

Filwaqt li r-riċerkaturi Ewropej spiss huma mgħammra sew għas-suq akkademiku tax-xogħol, huma anqas preparati biex jaħdmu f’negozji jew bi sħab magħhom. L-Unjoni Ewropea trid tattira u żżomm aktar mill-aqwa riċerkaturi – hemm ukoll il-ħtieġa urġenti li jiġi żgurat li r-riċerkaturi jkollhom il-ħiliet meħtieġa għall-impjiegi tal-futur.

L-Azzjonijiet Marie Curie (MCA) ilaqqgħu t-tliet naħat tat-trijangolu tal-għarfien - ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni – u jgħaqqdu r-riċerka eċċellenti u t-taħriġ tal-ogħla kwalità li jrawwem l-innovazzjoni. Huma jagħmlu dan billi jagħmluha eħfef għar-riċerkaturi li jiċċaqalqu internazzjonalment u bejn setturi differenti bħala parti mit-taħriġ tagħhom. Dan mhux biss jippromwovi standards professjonali għoljin fil-karrieri ta’ riċerka, iżda jattrezza wkoll lir-riċerkaturi bil-ħiliet meħtieġa fl-ekonomija moderna.

Kif jintgħażlu l-benefiċjarji ?

L-applikazzjonijiet għall-għotjiet tal-Marie Curie huma evalwati minn bord indipendenti ta' xjentisti Ewropej u internazzjonali magħrufa. Il-valutazzjoni hija msejsa fuq il-kwalità xjentifika tal-proġett u fuq l-impatt li din x'aktarx tħalli fuq il-kompetittività Ewropea, kif ukoll fuq l-eċċellenza tal-programm ta’ taħriġ, tal-istituzzjoni li tospita u tar-riċerkatur. L-aħjar proġetti biss ikunu ffinanzjati. Ir-riċerkaturi tal-Marie Curie jirċievu kuntratti ta' impjieg sa massimu ta' tliet snin, kopertura sħiħa tas-sigurtà soċjali u kontribuzzjoni fil-fondi tal-pensjonijiet.

X'inhu l-impatt tal-azzjonijiet Marie Curie?

Dawn jippermettu lil għadd kbir ta' riċerkaturi li jirċievu taħriġ inizjali ta’ kwalità għolja. 40% tal-baġit tal-MCA huwa allokat għat-taħriġ inizjali tar-riċerkaturi; l-MCA se jiffinanzjaw madwar 10,000 dottorat bejn l-2007 u l-2013. Qed issir enfasi fuq it-taħriġ intersettorjali, interdixxiplinari u internazzjonali, u b'hekk qed jiżdiedu l-ħiliet innovattivi u l-impjegabbiltà.

L-MCA jagħtu spinta lill-kooperazzjoni bejn l-industrija u l-akkademja. Il-kumpaniji huma ferm involuti fin-Netwerks ta' Taħriġ Inizjali (ITN) u s-Sħubiji u l-Mogħdijiet bejn l-Industrija u l-Akkademja (IAPP) li jirċievu nofs il-baġit tal-programm. Il-kumpaniji jirrappreżentaw 12% tal-parteċipanti ITN u 38% tal-parteċipanti IAPP, li 50% minnhom huma SMEs. Barra minn hekk, l-MCA jappoġġaw id-Dottorati Industrijali Ewropej (EID), li jesponu lir-riċerkaturi għas-settur industrijali għal mill-inqas 50% tat-tul tad-Dottorat tagħhom.

L-iskema tappoġġa kundizzjonijiet tax-xogħol attraenti għar-riċerkaturi, b’benefiċċji soċjali sħaħ u liv tal-maternità, skont il-prinċipji tal-"Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u l-Kodiċi ta' Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi". Il-loġika hija sempliċi: bit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istatus tar-riċerkaturi, aktar nies jiġu attirati aktar lejn din il-professjoni fl-Ewropa.

L-MCA jfittxu wkoll li jinkoraġġixxu l-bilanċ bejn is-sessi. 38% tar-riċerkaturi tal-MCA huma nisa (il-mira tal-UE hija ta’ 40%).

Hemm xi restrizzjonijiet marbuta man-nazzjonalità biex isir riċerkatur tal-Marie Curie?

L-azzjonijiet Marie Curie huma miftuħa għar-riċerkaturi ta' kwalunkwe nazzjonalità u jistgħu jieħdu sehem organizzazzjoni ta’ riċerka minn kwalunkwe pajjiż . Dan jagħmilhom strument ewlieni tal-UE biex l-aqwa riċerkaturi mid-dinja kollha jiġu attirati lejn l-Ewropa. Sal-lum, kien hemm riċerkaturi ta’ 130 nazzjonalità differenti u organizzazzjonijiet ospitanti f'aktar minn 80 pajjiż li rċevew appoġġ mill-MCA.

L-iskema għaliex ser tingħata l-isem ġdid Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie?

L-isem tal-Azzjonijiet Marie Curie ser jinbidel għal Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie biex jiġu onorati l-għeruq Pollakki ta’ din ix-xjentista straordinarja u ispiranti.

X’se jkunu l-bidliet ewlenin previsti taħt l-inizjattiva Orizzont 2020 għall-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie?

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-ġejjieni tal-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie tipprevedi t-titjib, is-simplifikazzjoni u t-tisħiħ tat-taħriġ dottorali. L-MCA xorta waħda se jinvolvu lis-settur privat, bħala attur prinċipali u se jżommu dimensjoni internazzjonali b'saħħitha. Il-prinċipju ta’ kofinanzjament se jiġi estiż biex ixerred l-aħjar prattiki madwar l-Ewropa.

L-Azzjonijiet Marie Curie jgħinuhom lir-riċerkaturi fl-iżvilupp tal-karriera tagħhom?

Iva. Ir-riċerkaturi tal-Marie Curie huma f’pożizzjoni aħjar biex jieħdu l-aħjar impjiegi, bis-saħħa tat-taħriġ tagħhom u l-esponiment għas-settur privat. Barra minn hekk, eks riċerkaturi tal-Marie Curie ikollhom rati ta’ suċċess ogħla mill-medja fil-ksib ta ’għotjiet mill-Kunsill tar-Riċerka Ewropea.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site