Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2012

Il-faqar: Il-Kummissjoni tipproponi Fond għall-Għajnuna Ewropea ġdid għal dawk l-Aktar fil-Bżonn - mistoqsijiet frekwenti

(ara wkoll IP/12/1141)

Il-Fond kif se jaħdem?

Se jkun hemm flessibilità konsiderevoli. L-Istati Membri se jippjanaw il-programmi tagħhom għall-perjodu 2014-2020 fuq il-bażi tas-sitwazzjonijiet u l-preferenzi nazzjonali u reġjonali tagħhom (eż. jekk jippreferux li jqassmu ikel jew oġġetti, jew it-tnejn li huma). Il-Kummissjoni mbagħad tapprova l-programmi nazzjonali u wara dan l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu deċiżjonijiet individwali li jwasslu għall-għoti tal-assistenza permezz tal-organizzazzjonijiet imsieħba (ħafna drabi mhux governattivi). Approċċ simili huwa diġà użat għall-fondi ta’ koeżjoni.

L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jew jixtru l-ikel inkella l-oġġetti nfushom u mbagħad jagħmluhom disponibbli għall-organizzazzjonijiet imsieħba jew inkella jipprovdu lil dawn tal-aħħar b'finanzjament. Jekk l-akkwist tal-ikel jew merkanzija isir minn organizzazzjoni msieħba, din tkun tista’ jew tqassam il-materjal ta’ assistenza hi stess jew tħalli d-distribuzzjoni f’idejn organizzazzjonijiet imsieħba oħra.

Għaliex il-Fond propost jiffoka fuq l-ikel, dawk bla dar u t-tfal foqra materjalment?

Il-Fond propost għandu l-għan li jgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn, dawk bla dar u t-tfal foqra materjalment sabiex dawn joħorġu miċ-ċirku vizzjuż ta' faqar u tiċħid, u b’hekk ikun qed jagħti kontribut konkret lejn il-mira tal-Ewropa 2020 li jitnaqqas in-numru ta' nies fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar b'mill-inqas 20 miljun.

Wieħed mill-fatturi ewlenin ta’ deprivazzjoni materjali huwa l-inabilità għal aċċess ta’ kwantitajiet u kwalità xierqa tal-ikel, xi ħaġa li hija ddefinita bħala ħtieġa bażika mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Forma oħra partikolarment severa ta' faqar estrem u esklużjoni hija l-problema tal-persuni mingħajr dar. Hemm madwar 4.1 miljun persuna bla dar fl-Ewropa tal-lum.

L-istrument il-ġdid se jkun ukoll espliċitament immirat għat-tfal minħabba li huma aktar esposti għall-faqar mill-bqija tal-popolazzjoni u jbatu minn forom ta' deprivazzjoni materjali li twassal għall-probabbiltà li jmorru anqas tajjeb fl-iskola minn sħabhom aktar sinjuri, li jgawdu anqas saħħa tajba u li jirrealizzaw anqas il-potenzjal sħiħ tagħhom bħala adulti.

Il-Fond propost il-ġdid se jiffoka fuq dawn il-forom ta’ deprivazzjoni materjali estrema mhux biss għax huma potenzjalment ta’ periklu għall-ħajja, iżda wkoll għaliex l-ikel insuffiċjenti u n-nuqqas ta' affarijiet bażiċi bħall-ilbies jagħmluha impossibbli li dawk l-aktar affettwati jimirħu lil hinn mill-faqar u mill-esklużjoni. Saħansitra huwa diffiċli għalihom li jieħdu vantaġġ mill-miżuri disponibbli ta' pariri jew taħriġ.

L-organizzazzjonijiet imsieħba kif se jintgħażlu?

L-organizzazzjonijiet imsieħba li jkunu korpi pubbliċi jew organizzazzjonijiet mhux governattivi jintgħażlu mill-Istati Membri fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi u trasparenti.

L-għajnuna passiva kif se tgħin lin-nies joħorġu mill-faqar?

L-ewwel nett, li jiġi żgurat li n-nies ikollhom biżżejjed ikel u oġġetti bażiċi, bħall-ilbies, hija prekundizzjoni biex dawn ikollhom almenu tama li jiksbu impjieg, u b'hekk joħorġu mill-faqar u l-esklużjoni. Dan pereżempju jagħmilha possibbli għalihom li jieħdu sehem fit-taħriġ. It-tieni nett, il-Fond propost huwa aktar minn wieħed ta’ assistenza sempliċiment passiva. Programmi nazzjonali biex jimplimentaw il-Fond ikollhom jinkludi miżuri attivi tal-inklużjoni soċjali u l-Fond propost jista’ jintuża parzjalment biex jiffinanzja dawn il-miżuri.

Il-baġit previst huwa suffiċjenti peress li hemm 40 miljun persuna li qed ibatu minn deprivazzjoni tal-ikel fl-UE?

Il-Fond ma jimmirax li jilħaq lill-40 miljun persuna kollha li qed ibatu minn deprivazzjoni tal-ikel fl-Ewropa iżda dawk li jinsabu f’qagħda partikolarment imwiegħra. Jibqa’ f’idejn l-Istati Membri li jiffokaw il-programmi tagħhom fuq dawk l-aktar fil-bżonn. Barra minn hekk, għandu jkun ċar li l-mira ta' żewġ miljuni tirreferi biss għan-numru addizzjonali ta’ persuni li jistgħu jiġu appoġġjati permezz tal-fondi tal-UE. B’kollox, l-għadd ta’ nies assistiti direttament mill-Fond, mill-kofinanzjament mill-Istati Membri u kontribuzzjonijiet in natura minn organizzazzjonijiet imsieħba huwa ta’ madwar erba’ miljuni.

Imnejn se jiġu l-flus? Se jitnaqqsu mill-allokazzjonijiet tal-fond strutturali nazzjonali tal-Istati Membri?

Skont il-proposta, il-qafas finanzjarju multiannwali ta’ Ġunju 2011 (ara IP/11/799) ta’ €2.5 biljun se jiġi ffinanzjat minn intestatura tal-baġit tal-Politika ta’ Koeżjoni. Fi kliem ieħor, l-ammont baġitarju globali propost taħt l-MFF ikopri mhux biss il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali iżda wkoll il-Fond il-ġdid propost għal dawk l-aktar fil-bżonn.

Kif jista’ l-Fond jikkumplimenta l-Fond Soċjali Ewropew (FSE)?

Il-Fond propost għandu jgħin lin-nies sabiex joħorġu miċ-ċirku vizzjuż ta' faqar u deprivazzjoni billi joffri azzjonijiet ta’ rimedju temporanju, jiġifieri jissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi ħafna tan-nies fil-bżonn sabiex dawn ikunu f'pożizzjoni li jsibu x-xogħol jew isegwu kors ta' taħriġ jew jitolbu servizzi ta’ counselling bħal dawk appoġġjati mill-Fond Soċjali Ewropew. Jekk in-nies ma jkollhomx biżżejjed ikel jew x’jilbsu, jew inkella jkollhom nuqqas ta' affarijiet oħra essenzjali, dawn ma jkunux f'pożizzjoni li jsegwu korsijiet ta' taħriġ jew imorru għall-counselling.

Għaliex il-“Programm għad-Distribuzzjoni tal-Ikel għan-Nies l-Aktar Deprivati tal-Komunità” (MDP) li tant irnexxa qed jitwaqqaf?

Il-programm ta’ għajnuna għall-persuni l-aktar deprivati (MDP) inħoloq fl-1987 biex jagħmel użu bis-sens tal-prodotti agrikoli żejda billi jagħmilhom disponibbli għall-Istati Membri li jixtiequ jużawhom bħala għajnuna alimentari għal dawk l-aktar fil-bżonn fil-Komunità. Madankollu, ir-riformi suċċessivi tal-Politika Agrikola Komuni, flimkien ma' żieda simultanja tal-prezzijiet tal-ikel fis-swieq internazzjonali, wasslu biex is-swieq tal-prodotti agrikoli tal-UE huma mistennija li jibqgħu ekwilibrati – bħala medja - matul il-perjodu ta’ perspettiva (2011-2020), mingħajr il-ħtieġa ta’ intervent fis-suq.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fit-13 ta’April 2011 dwar każ imressaq mill-Ġermanja u appoġġjat mill-Isvezja kontra l-allokazzjonijiet monetarji li għandhom jingħataw lill-Istati Membri mill-MDP tal-2009 għal xiri ta' ikel fis-suq.

Fin-nuqqas mistenni ta' ħażniet ta' intervent, l-MDP, għalhekk, tilef ir-razzjonal li kien isostnih u allura se jitwaqqaf wara l-2013.

Għaliex il-Fond il-ġdid jippermetti l-użu ta’ ħażniet ta’ intervent jekk il-programm attwali bbażat fuqhom irid jitwaqqaf?

Għalkemm il-livell ta’ ħażniet agrikoli ta’ intevent tal-UE huma mistennija li jibqgħu baxxi ħafna, is-swieq tal-ikel huma volatili ħafna. Huwa possibbli li f’xi snin, jekk il-prezzijiet tas-suq ta’ ċerti prodotti jaqgħu, jista' jkun li jkun hemm prodotti tal-ikel fil-ħażniet ta' intervent. F'tali każijiet, jista’ jkun ekonomikament vantaġġjuż għall-Fond il-ġdid li jużawhom malli l-prezzijiet jirkupraw. Il-proposta għalhekk tippermetti din il-possibbiltà.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website