Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, is-16 ta' Ottubru 2012

Mistoqsijiet frekwenti dwar l-Erasmus u l-baġit tiegħu

Il-programm Erasmus jippermetti lill-istudenti fl-edukazzjoni għolja biex iqattgħu bejn tliet u 12-il xahar f’pajjiż Ewropew ieħor – jew biex jistudjaw jew inkella għal kollokament f'xi kumpanija jew organizzazzjoni oħra. Jistgħu jibbenefikaw minn dan il-programm dawk l-istudenti li huma rreġistrati f'istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja parteċipanti, f'wieħed mit-33 pajjiż tal-Erasmus (l-Istati Membri tal-UE, il-Kroazja, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija). L-Erasmus jagħmel parti mill-Programm ta’ Tagħlim tul il-Ħajja tal-UE u jieħu aktar minn 40% tal-baġit tiegħu. Il-Programm ta’ Tagħlim tul il-Ħajja tal-UE jkopri wkoll il-programm Leonardo da Vinci (edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, mill-inqas 25% tal-baġit), il-programm Comenius (l-edukazzjoni skolastika, mill-anqas 13% tal-baġit) u l-programm Grundtvig (edukazzjoni għall-adulti, mill-inqas 4% tal-baġit).

X'inhu l-għerq tal-problema attwali tal-finanzjamenti għall-Erasmus?

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-baġit globali tal-UE għall-2012 tammonta għal EUR 132.7 biljun. Madankollu, il-baġit finali, li qablu fuqu l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew, kien ta’ EUR 129.1 biljun. Il-baġit tal-2012 kellu jkopri wkoll madwar EUR 5 biljun f'kontijiet mhux imħallsa mill-baġit preċedenti tal-UE għall-2011, liema baġit kien ukoll nieqes mill-fondi. Il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament qablu li jiskrutinizzaw l-implimentazzjoni tal-baġit matul l-2012 biex jaraw jekk hux se jkunu meħtieġa aktar finanzjamenti. It-tliet istituzzjonijiet qegħdin f'kuntatt regolari rigward in-nuqqas ta’ finanzjamenti li qed jaffettwaw diversi programmi, iżda għadhom ma laħqux ftehim. Janusz Lewandowski, il-Kummissarju għall-ipprogrammar finanzjarju u l-baġit, huwa mistenni jipproponi baġit “ta’ emenda” aktar tard dan ix-xahar biex inaqqas id-defiċit.

Hemm xi ċans li sal-aħħar tal-2012 l-Erasmus jispiċċa bla flus?

Le. Il-Kummissjoni Ewropea ttrasferixxiet 70% tal-fondi għall-Erasmus għas-sena akkademika 2012-2013 lill-aġenziji nazzjonali fil-pajjiżi parteċipanti, li jqassmu l-flus lill-universitajiet u l-istudenti. Dan ifisser li matul dan is-semestru, sa tmiem is-sena, ma għandu jkun hemm l-ebda problema biex jingħataw l-għotjiet tal-Erasmus lill-istudenti li se jsiefru għal perjodu ta' studju jew għal kollokament tax-xogħol.

L-istudenti li siefru bejn Jannar u Settembru 2012 irċevewhom l-għotjiet tagħhom?

Iva, jekk huma lestew l-iskambju tagħhom u ppreżentaw rapporti lill-università tagħhom li juru li huma tassew lestew il-perjodu ta’ studju jew ta’ kollokament. F’dan il-każ, huma jkunu rċevew 100% tal-għotjiet tagħhom. Dawn l-għotjiet mhumiex affettwati min-nuqqasijiet attwali tal-baġit billi l-aġenziji nazzjonali, u għalhekk l-universitajiet u l-istituti vokazzjonali, diġà rċevew il-finanzjamenti meħtieġa għas-sena akkademika 2011-2012.

L-istudenti tal-Erasmus li jmorru barra minn pajjiżhom bejn Ottubru 2012 u Frar 2013 se jirċievu għotja iktar baxxa milli huma qed jistennew?

Jekk in-nuqqas fil-baġit tal-UE għall-2012 jippersisti, iva jista’ jkun hemm problema għall-istudenti li se jkunu msifrin fit-tieni semestru. Il-Kummissjoni tbassar li mill-2012 sal-2013 se jibbenefikaw mill-programm Erasmus madwar 270,000 student.

Il-Kummissjoni kemm tat flus lill-aġenziji nazzjonali sa issa? X'inhu n-nuqqas?

Il-Kummissjoni diġà ttrasferiet madwar 99% tal-baġit 2012 għall-programm ta’ Tagħlim tul il-Ħajja, li jkopri l-Erasmus, il-Leonardo da Vinci, il-Comenius u l-Grundtvig. B'kollox, hija ttrasferiet EUR 980 miljun lill-aġenziji nazzjonali fil-pajjiżi parteċipanti u lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) li tmexxi parti mill-Programm ta’ Tagħlim tul il-Ħajja. Madwar 45% ta' din is-somma hija ddedikata għall-għotjiet tal-Erasmus.

Iżda dan l-ammont ta’ flus mhux l-istess bħall-impenji ta’ għotjiet preċedenti għall-Erasmus u l-programmi imsieħba. Għalhekk, il-Kummissjoni dan l-aħħar kienet imġiegħla titlob EUR 180 miljun aktar mill-baġit tal-UE biex tissodisfa l-impenji tagħha tal-Programm ta' Tagħlim tul il-Ħajja sa tmiem l-2012. In-nuqqas fil-każ tal-Erasmus għal din is-sena jammonta għal madwar nofs din is-somma, jiġifieri EUR 90 miljun.

Id-defiċit fil-baġit tal-2012 ifisser li l-Kummissjoni ma kinitx kapaċi trodd lura total ta’ EUR 118-il miljun f’talbiet għall-ħlas minn aġenziji nazzjonali għall-għotjiet tal-Programm ta' Tagħlim tul il-Ħajja.

It-talbiet ġew ippreżentati mill-aġenziji nazzjonali li ġejjin: L-Awstrija (EUR 6.3 miljun), il-Komunità tal-Belġju li titkellem bil-Franċiż (EUR 3 miljun), il-Komunità tal-Belġju li titkellem bl-Olandiż (EUR 4 miljun), ir-Repubblika Ċeka (EUR 7 miljun), il-Ġermanja (EUR 32 miljun), l-Irlanda (EUR 2.2 miljun), l-Estonja (EUR 2.75 miljun), il-Litwanja (EUR 4.3 miljun), il-Polonja (EUR 29.5 miljun), is-Slovenja (EUR 2.7 miljun), ir-Repubblika Slovakka (EUR 5 miljun) u r-Renju Unit (EUR 19-il miljun).

Il-Kummissjoni qed tistenna wkoll li sal-aħħar tas-sena tirċievi aktar talbiet għall-ħlas li jammontaw għal madwar EUR 100 miljun mil-Latvja, l-Isvezja, il-Belġju (il-komunità li titkellem bil-Ġermaniż), id-Danimarka, Malta, Franza, il-Kroazja, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvizzera, in-Norveġja, ir-Rumanija u l-Greċja. Jekk il-baġit tal-UE ma jingħatax fondi malajr, din mhux se tkun kapaċi tissodisfa dawn it-talbiet għall-ħlas. (Pajjiżi li mhumiex fl-UE li jieħdu sehem fl-Erasmus u fil-programmi msieħba miegħu jħallsu biex ikunu parti mill-iskema).

Il-Kummissjoni x’qed tagħmel biex issolvi l-problema?

Id-defiċit jikkonċerna prattikament l-intestaturi kollha tal-baġit tal-UE. Il-Kummissjoni qed tagħmel milli tista' biex tirranġa din is-sitwazzjoni, anki pproponiet it-trasferiment ta' fondi li mhux se jintużaw x'imkien ieħor. Il-Kummissjoni bħalissa qed tħejji l-hekk imsejħa "proposta ta’ Trasferiment Globali”.

Madankollu, din is-sena s-sorsi li jistgħu jiġu trasferiti jammontaw għal anqas minn total ta’ EUR 500 miljun b’kollox għall-oqsma kollha, li mhuwiex biżżejjed. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni trid titlob lill-awtorità baġitarja (il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri) sabiex iżżid b’urġenza ħlasijiet tagħhom fil-baġit tal-2012.

X’jiġri jekk l-Istati Membri jonqsu milli jagħmlu tajjeb għad-defiċit?

L-implimentazzjoni tal-programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja se tkun f'riskju jekk l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew ma jaqblux fuq ħlasijiet addizzjonali fil-baġit. Huwa mistenni li l-ewwel oqsma milquta se jkunu l-proġetti ta’ kooperazzjoni li jinvolvu l-iskejjel, l-adulti u t-taħriġ vokazzjonali, filwaqt li mhux se jkun possibbli għall-istudenti tal-Erasmus u l-apprendisti tal-Leonardo da Vinci li jitħallsu l-ammont ta' għotjiet li kienu qed jistennew. Jekk in-nuqqas ta' finanzjamenti jkompli, jista' jkun li f'ċerti każijiet jintlaqtu wkoll is-salarji tal-persunal fl-aġenziji nazzjonali.

Inizjalment, is-sitwazzjoni se taqleb għall-aħjar fl-2013 meta l-finanzjamenti mill-baġit il-ġdid ta’ kull sena jkunu disponibbli. Il-Kummissjoni pproponiet EUR 1.14 biljun f'pagamenti biex tappoġġa l-Programm ta’ Tagħlim tul il-Ħajja s-sena d-dieħla, li madwar EUR 490 miljun minnhom jintefqu fuq għotjiet tal-Erasmus għall-istudenti u l-persunal fi skambji. Iżda billi parti minn dan il-baġit se tintuża biex jiġi kopert il-bilanċ negattiv ta’ din is-sena (mill-inqas EUR 180 miljun), sa nofs l-2013 dan se jkun ġie użat kollu kemm hu– u għalhekk għandhom ikunu mistennija problemi saħansitra akbar.

Liema parti tal-baġit tal-UE tmur għall-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja?

It-total tal-baġit tal-UE 2007-2013 kien ta' EUR 975 biljun fi prezzijiet attwali. Il-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja huwa ta' EUR 7 biljun li jirrappreżenta 0.71%. It-tnaqqis attwali għall-Programm ta' Tagħlim tul il-Ħajja huwa ta' madwar EUR 180 miljun.

Fil-prezzijiet attwali, it-total propost tal-baġit 2014-2020 tal-UE huwa ta’ EUR 1.156 triljun. Il-baġit propost għall-programm futur Erasmus għal Kulħadd huwa ta’ EUR 19-il biljun, li jirrappreżenta 1.64% ta’ dan it-total.

Kemm tonfoq l-UE fuq il-programm Erasmus u l-flus kif jitqassmu?

Fil-perjodu baġitarju attwali (2007-13) l-UE allokat EUR 3.1 biljun għall-programm Erasmus. Fl-2012 l-allokazzjoni hija ta' EUR 480 miljun u l-istima għall-2013 hija ta’ EUR 490 miljun (ara t-tabella hawn taħt). Dan jirrappreżenta madwar 0.35% tal-baġit tal-UE. Matul is-sena akkademika 2012-2013, l-għadd ta' studenti tal-Erasmus minn kemm ilha li nbdiet l-iskema 25 sena ilu, se jilħaq it-tliet miljuni.

L-UE tipprovdi għotjiet annwali lill-aġenziji nazzjonali fit-33 pajjiż parteċipant. L-Aġenziji Nazzjonali huma responsabbli għall-organizzazzjoni ta’ sejħiet għall-proposti u għall-iffirmar ta’ ftehimiet ta’ għotjiet ma’ universitajiet, skejjel, kulleġġi u istituzzjonijiet edukazzjonali oħrajn fil-pajjiż tagħhom. L-istudenti japplikaw għall-għotjiet tal-Erasmus permezz tal-università domestika tagħhom li hija responsabbli li tagħtihom l-għotja miftiehma.

Il-baġit kumplessiv tal-Erasmus għall-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal huwa allokat lil pajjiżi differenti fuq il-bażi tal-fatturi li ġejjin:

  • Il-popolazzjoni: in-numru ta' studenti, lawreati u għalliema fl-edukazzjoni għolja (il-livell 5-6 tal-Istandard internazzjonali tal-klassifikazzjoni tal-edukazzjoni, ISCED). Din id-dejta hija pprovduta mill-Eurostat.

  • L-għoli tal-ħajja u d-distanza bejn l-ibliet kapitali: użati bħala fatturi korrettivi, applikati lill-fattur tal-popolazzjoni.

  • Indikatur tal-prestazzjoni fl-imgħoddi: ikkalkulata fuq il-bażi tal-għadd ta’ studenti u persunal li siefru fuq programmi fl-imgħoddi (bl-użu tal-aktar dejta riċenti disponibbli).

Kważi 90% tal-baġit tal-Erasmus jiġi investit fil-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal. L-Erasmus jappoġġa wkoll proġetti u netwerks multilaterali li jammontaw għal madwar 4% tal-baġit. Dawn huma amministrati ċentralment mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) fi Brussell.

It-tabella ta’ hawn taħt turi t-total tal-fondi għall-Erasmus li ntefqu kull sena sa mill-1988.

Fondi deċentralizzati tal-Erasmus allokati lill-Aġenziji Nazzjonali

Sena

Baġit annwali ta' Erasmus iddedikat

għall-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal f’miljuni ta' EUR

Bidla, sena b’sena

1988

13.00

1989

26.84

106.46%

1990

32.88

22.50%

1991

43.86

33.39%

1992

62.88

43.37%

1993

67.88

7.95%

1994

72.78

7.22%

1995

73.46

0.93%

1996

74.3

1.14%

1997

70.00

-5.79%

1998

100.27

43.24%

1999

100.27

0.00%

2000

111.79

11.49%

2001

116,19

3.94%

2002

121.9

4.91%

2003

142.53

16.92%

2004

168.00

17.87%

2005

200.96

19.62%

2006

245.75

22.29%

2007

372.25

51.48%

2008

416.36

11.85%

2009

415.25

-0.27%

2010

435.03

4.76%

2011

469.64

7.96%

2012

480.22

2.25%

2013(*)

489.82

2.00%

(*) stima

Kif tiġi ddeterminata l-għotja ta’ kull xahar mill-UE?

L-għotjiet tal-Erasmus huma maħsuba biex ikopru parti mill-ispejjeż addizzjonali tal-għajxien barra mill-pajjiż u l-ivvjaġġar. L-istudenti tal-Erasmus ma jħallsux miżati għat-tagħlim fl-istituzzjoni ospitanti tagħhom barra minn pajjiżhom.

F'kull pajjiż, l-aġenziji nazzjonali jallokaw il-fondi li huma jkollhom disponibbli lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja. Aġenzija Nazzjonali tista' tiddeċiedi li tagħti għotjiet ogħla lil għadd anqas ta’ studenti (kif inhu l-każ, pereżempju, fil-Bulgarija, Ċipru u t-Turkija) jew li tagħti għotjiet aktar baxxi lil aktar studenti (bħal pereżempju fi Franza u l-Italja), iżda din trid tirrispetta limitu massimu għall-għotjiet li ġie stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea għal kull pajjiż ta’ destinazzjoni (ara l-Gwida tal-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja).

L-Aġenzija Nazzjonali talloka fondi lill-istituzzjonijiet applikanti fuq il-bażi ta’ fatturi bħall-ammonti mitluba jew il-prestazzjoni fl-imgħoddi. L-istituzzjoni mbagħad tkun tista' tiddeċiedi dwar il-metodu preċiż tal-għotja fix-xahar li tħallas lill-istudenti (u r-rata ta' kuljum jew ta' kull ġimgħa għall-persunal) f'firxa stabbilita mill-Aġenzija Nazzjonali; din il-firxa tvarja minn pajjiż għall-ieħor.

L-għotja ta' kull xahar tiddependi fuq il-pajjiż destinatarju u t-tip ta' mobbiltà. Pereżempju, kien hemm tendenza li jingħataw għotjiet ogħla għall-kollokamenti tax-xogħol milli għall-istudji barra l-pajjiż. L-aġenziji nazzjonali jistgħu jżidu l-għotja tax-xahar għal studenti żvantaġġati soċjoekonomikament.

Diversi sorsi oħra ta' kofinanzjament minn sorsi nazzjonali, reġjonali u lokali jistgħu jikkomplementaw l-għotja mill-Erasmus mogħtija mill-Unjoni Ewropea.

Fl-2010-11, l-għotja medja ta’ kull xahar għall-mobbiltà tal-istudenti kienet tvarja bejn
EUR 133 għall-istudenti Spanjoli u EUR 653 għall-istudenti minn Ċipru.Il-medja tal-għotja tax-xahar għall-pajjiżi kollha f’daqqa kienet ta’ EUR 250.

Kif jistgħu l-istudenti u l-persunal japplikaw għall-għotjiet tal-Erasmus?

Il-programm Erasmus huwa miftuħ għall-istudenti kollha li jistudjaw f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jħaddnu l-Karta Universitarja tal-Erasmus fit-33 pajjiż parteċipant (is-27 Stat Membru tal-UE, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, it-Turkija, il-Kroazja u l-Isvizzera). Il-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa – aktar minn 4,000 – iffirmaw il-Karta Universitarja tal-Erasmus.

L-ewwel pass li wieħed għandu jagħmel biex japplika għal perjodu ta’ studju jew għal kollokament tax-xogħol tal-Erasmus hu li jikkuntattja l-uffiċċju tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-istituzzjoni lokali u jimla l-ftehim ta’ tagħlim għal studji tal-Erasmus jew il-ftehim ta’ taħriġ għal kollokamenti tal-Erasmus qabel il-perjodu tal-mobbiltà. Dawn il-ftehimiet, li jistabbilixxu l-programm li għandu jiġi segwit mill-istudenti matul il-perjodu tal-istudju jew il-kollokament tagħhom, jeħtieġ li jiġu approvati u ffirmati mill-istituzzjoni lokali, l-istituzzjoni jew il-kumpanija barranija ospitanti, kif ukoll mill-istudent rispettiv. Dan jissimplifika u anki jiżgura r-rikonoxximent akkademiku sħiħ mill-istituzzjoni lokali għal xogħol kompletat b’mod sodisfaċenti matul il-perjodu tal-Erasmus.

L-istudji tal-Erasmus: Dawk li jixtiequ jwettqu parti mill-istudji tagħhom barra mill-pajjiż iridu jkunu mill-inqas fit-tieni sena tagħhom f’istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja.

Il-kollokamenti tax-xogħol tal-Erasmus: l-istudenti jistgħu jipparteċipaw f’kollokament tal-Erasmus sa mill-ewwel sena tal-istudji tal-edukazzjoni għolja.

Il-perjodi barra l-pajjiż – kemm dawk għal studji kif ukoll dawk għal kollokamenti – jistgħu jdumu bejn tliet xhur u 12-il xahar kull wieħed, jew għal total kombinat ta' 24 xahar. Għal studenti f'edukazzjoni vokazzjonali għolja ta’ ċiklu qasir, il-perjodu ta’ żmien minimu għall-kollokamenti huwa ta’ xahrejn.

Erasmus għall-persunal: L-għalliema huma meħtieġa jippreżentaw programm ta' tagħlim lill-istituzzjoni jew lill-intrapriża ta’ pajjiżhom bi qbil mal-istituzzjoni ospitanti. Bl-istess mod, il-membri tal-persunal li jixtiequ japplikaw għal għotja għat-taħriġ tal-Erasmus għandu jkollhom qbil bejn l-istituzzjoni lokali tagħhom u l-istituzzjoni jew l-intrapriża ospitanti dwar il-programm tat-taħriġ tagħhom.

Il-pajjiżi l-aktar li jispikkaw fl-Erasmus

Spanja kien il-pajjiż li bgħat l-aktar studenti kemm għal studji kif ukoll għal kollokamenti (36,183), segwit minn Franza (31,747) u l-Ġermanja (30,274).

Spanja kien ukoll l-aktar pajjiż destinatarju popolari b’37,432 student li żaruha, segwita minn Franza (27,722) u mbagħad il-Ġermanja (24,733). L-għadd ta’ studenti li marru r-Renju Unit (24,474) kien id-doppju ta’ dawk li minn dan il-pajjiż marru f’pajjiżi oħra (12,833). Il-maġġoranza tal-pajjiżi bagħtu aktar studenti barra milli ospitaw. L-aqwa bilanċ bejn l-għadd ta’ studenti deħlin u dawk ħerġin ġie rreġistrat fis-Slovenja, segwita minn Spanja u l-Pajjiżi l-Baxxi.

Mat-3,040 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja bagħtu studenti għal skambji ta’ mobbiltà, żieda ta’ 6.6% fuq is-sena preċedenti.

Żieda ta’ 7.2% għall-istudji tal-Erasmus

Matul is-sena akkademika 2010-2011 minn 231,408 student tal-Erasmus, 190,495 siefru għal studji, żieda ta' 7.2% fuq is-sena 2009-10. L-għadd ta' dawk li jsiefru għal studju naqas fi tliet pajjiżi (il-Lussemburgu, l-Ungerija u l-Polonja) filwaqt li 16 irreġistraw żieda ogħla mill-medja. F’termini relattivi, l-ogħla żieda fuq iċ-ċifri tal-2009-10 feġġet fil-Kroazja (96.6%), segwita mil-Liechtenstein (84.2%) u Ċipru (25.1%).

Bħala medja, l-istudenti marru barra pajjiżhom biex jistudjaw għal ftit aktar minn 6.4 xhur u l-għotja medja kienet ta’ EUR 232 (mqabbla ma’ EUR 236 fis-sena preċedenti).

Ix-xjenzi soċjali, l-istudji kummerċjali u l-liġi kienu l-aktar oqsma popolari fost l-istudenti tal-Erasmus (34.7%), segwiti mill-istudji umanistiċi u l-arti (31.5%) u l-inġinerija, il-manifattura u l-kostruzzjoni (12.6%).

Żieda ta' 15% fil-kollokamenti tax-xogħol tal-Erasmus

Mill-2007 sa issa, l-Erasmus offra l-opportunità lill-istudenti biex isiefru ħalli jiksbu esperjenza tax-xogħol f'kumpaniji jew organizzazzjonijiet oħra. Fl-2010-11, student minn sitta tal-Erasmus – 40,913 minn 231,408 – għażlu din l-alternattiva, żieda ta' aktar minn 15% fuq is-sena ta’ qabel. It-tul medju ta’ kollokament kien ta’ 4.3 xhur u bħala medja l-istudenti rċevew kull xahar għotja ta’ EUR 366 (li niżlet minn EUR 386 fl-2009-10) mill-UE.

Bħal fis-snin riċenti, Franza kienet il-pajjiż li l-aktar bagħtet studenti fuq kollokamenti tal-Erasmus (5,958, b’sehem ta’ 14.6%), segwita mill-Ġermanja (5,096, b’sehem ta’ 12.4%) u Spanja (4,756, 11.6%). Ir-Renju Unit kien l-iktar destinazzjoni popolari għall-kollokamenti tal-Erasmus, u laqa 6,970 student (b’sehem ta’ 17%); warajh hemm Spanja (6,852, b’sehem ta’ 16.7%) u l-Ġermanja (5,614, bi 13.7%).

Biex jappoġġaw il-kollokamenti tal-impjiegi barra minn pajjiżhom, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jistgħu joħolqu konsorzju għall-kollokamenti. Dawn il-konsorzji jikkonsistu f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u organizzazzjonijiet oħra, bħal kumpaniji jew assoċjazzjonijiet. Fl-2010-11, ġew iffinanzjati madwar 74 konsorzju tal-kollokamenti fi 13-il pajjiż. Il-konsorzji tal-kollokamenti sabu opportunitajiet għal aktar minn 14% tal-istudenti kollokati.

L-akbar grupp ta' studenti involut fil-kollokamenti tal-Erasmus feġġ mill-isfond tax-xjenzi soċjali, il-kummerċ u l-liġi (26.6%), li ħadu post l-istudji umanistiċi u l-arti (17.1%) li kellhom l-ikbar sehem fis-sena akkademika preċedenti, segwiti mill-istudenti tal-agrikoltura u l-istudji veterinarji (15.4%), li l-għadd tagħhom kien tmien darbiet aktar dak tas-sena ta’ qabel.

Kemm hemm studenti tal-edukazzjoni għolja (baċċellerat u masters) fil-pajjiżi parteċipanti fl-Erasmus? Kemm minnhom qattgħu parti mill-istudji jew il-perjodu kollu tal-istudji tagħhom barra minn pajjiżhom fl-2010-11?

Mill-popolazzjoni totali tal-istudenti ta' aktar minn 22.5 miljun fit-32 pajjiż parteċipant, madwar 1% minnhom irċevew għotjiet għall-mobbiltà tal-istudenti tal-Erasmus fl-2010/111.

Jekk nassumu li t-tul ta’ żmien medju ta' studju f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja huwa bejn erbgħa u ħames snin (baċellerat u masters), jista' jiġi stmat li madwar 4.5% tal-istudenti kollha Ewropej jirċievu għotjiet tal-Erasmus f'xi stadju matul l-istudji tal-edukazzjoni għolja tagħhom. Fost dawn, 67% huma fil-livell tal-baċellerat, 28% fil-livell tal-masters, 1% fil-livell ta' dottorat, u 4% fi studji ta’ ċiklu qasir. B’kollox, madwar 10% tal-istudenti qattgħu jew qegħdin iqattgħu parti mill-istudji jew l-istudji kollha tagħhom barra minn pajjiżhom bl-għajnuna tal-Erasmus jew mezzi oħra pubbliċi u privati.

Fil-laqgħa tagħhom f'Bukarest (ir-Rumanija) fis-26-27 ta' April 2012 (IP/12/394), il-Ministri tal-Edukazzjoni Għolja adottaw l-Istrateġija ta’ Bologna dwar il-Mobbiltà li tiddikjara li, sal-2020, 20% tal-lawreati Ewropej li jiggradwaw mill-edukazzjoni għolja se jkunu qattgħu parti mill-istudji tagħhom barra minn pajjiżhom, b’konformità mar-referenza Ewropea tal-mobbiltà fl-edukazzjoni għolja li ġiet adottata f'Novembru 2011.

Għal aktar tagħrif

Erasmus hits new record with 8.5% increase in student exchanges (Rekord ġdid għall-Erasmus hekk kif dan jikseb żieda ta’ 8.5% fl-iskambji tal-istudenti) (IP/12/454)

Aktar tagħrif dwar il-programm Erasmus u l-programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja

Fatti u ċifri dwar l-Erasmus [fuljett]

L-istatistika tal-Erasmus

1 :

Fl-2010, il-popolazzjoni totali fl-UE-27 kienet ta’ madwar 18.5 miljun student.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site