
Il-Kummissjoni Ewropea
MEMO
Brussell, is-27 ta’ Settembru 2012
Pakkett ta’ Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni
L-Avjazzjoni Ewropea
L-avjazzjoni ssostni 5.1 miljun impjieg u tikkontribwixxi EUR 365 biljun jew 2.4% mill-PDG Ewropew1 Hija ta’ kontribuzzjoni vitali għat-tkabbir ekonomiku, ix-xogħol, it-turiżmu, il-kuntatti bejn il-popli kif ukoll għall-koeżjoni reġjonali u soċjali tal-Unjoni. Il-konnettività hija kruċjali għall-kompetittività.
L-industrija Ewropea tal-avjazzjoni fis-sħuħija tagħha għadha fuq quddiem nett fil-manifattura tal-avjazzjoni, hubs ta’ ajruporti kif ukoll fir-riċerka u t-teknoloġija tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (inkluż il-programm SESAR). Madankollu, dawn il-pożizzjonijiet jinsabu mhedda minn għadd ta’ sfidi ġodda.
It-trasportaturi Ewropej intlaqtu partikolarment ħażin mir-riċessjoni. L-IATA tbassar li l-profitti netti tal-linji tal-ajru kummerċjali Ewropej se jinżlu minn $0.5 biljun fl-2011 għal telf nett ta’ $1.1 biljun fl-2012.
Minkejja l-kriżi ekonomika attwali, it-trasport globali bl-ajru, fuq perjodu fit-tul, mistenni jikber b’madwar 5% fis-sena sal-20302, żieda akkumulata ta’ aktar minn 150%.
It-3 sfidi ewlenin li qed jaffaċċja s-settur tal-avjazzjoni Ewropew
1. Bidla fit-tkabbir lejn reġjuni oħra tad-dinja
Id-domanda għat-trasport bl-ajru hija primarjament xprunata mit-tkabbir ekonomiku u l-prosperità. B'rata mistennija ta' tkabbir annwali medju tal-PDG għall-Ewropa ta’ 1.9%3 bejn l-2011 u l-2030 – mqabbla, pereżempju, mar-rati ta’ tkabbir għall-Indja u ċ-Ċina ta’ 7.5% u 7.2% rispettivament – it-tkabbir fl-avjazzjoni se jara bidla relattiva għal żoni ’il barra mill-UE, bl-Ażja u l-Lvant Nofsani b’mod partikolari mistennija jsiru l-qofol tal-flussi tat-traffiku internazzjonali bl-ajru.
Nofs it-traffiku l-ġdid tad-dinja li se jiżdied matul l-20 sena li ġejjin se jkun għal, minn, jew fir-reġjun Ażja-Paċifiku, li għalhekk sal-2030 se jegħleb lill-Istati Uniti bħala l-mexxej fit-traffiku dinji, u jilħaq sehem fis-suq ta’ 38%.
Minħabba rati ta' tkabbir inqas mill-medja, f'ħafna reġjuni t-trasportaturi tal-UE se jkunu qed jitilfu xi sehem mis-suq għal linji tal-ajru mhux tal-UE. Fl-2003, it-trasportaturi tal-UE kellhom sehem mis-suq ta’ 29% tal-kapaċità kollha inter-kontinentali fid-dinja. Sal-2025, dan is-sehem mistenni jinżel għal 20%. Din ix-xejra tfisser li, jekk ma jsir xejn, il-linji tal-ajru Ewropej se jiġġeneraw anqas benefiċċji u tkabbir għall-ekonomija Ewropea.
2. Kompetizzjoni internazzjonali qawwija
It-trasportaturi mhux tal-UE reġgħu saħħew il-pożizzjoni globali tagħhom. Pereżempju, l-aktar tkabbir mgħaġġel tat-traffiku reġjonali fid-dinja mistenni li jseħħ fil-Lvant Nofsani, fejn sal-2030 il-linji tal-ajru tar-reġjuni se jkunu qed jirrappreżentaw 11% tat-traffiku dinji, 'il fuq minn 7% fl-2010.
Kompetizzjoni li mhux dejjem ġusta….
L-UE tqis is-swieq miftuħa bħala l-aħjar bażi għall-iżvilupp ta’ relazzjonijiet internazzjonali tal-avjazzjoni, u għalhekk tħaddan il-kompetittività. Madankollu huwa vitali li l-kompetizzjoni tkun ġusta u miftuħa. Meta, pereżempju, jintużaw biex ifixklu s-suq sussidji, prattiki inġusti, applikazzjonijiet inkonsistenti jew diskriminatorji tal-oqfsa regolatorji u nuqqas ta’ trasparenza fir-rappurtar finanzjarju ta’ kumpaniji f’ċerti swieq, huwa leġittimu li l-industrija titħares kontra kompetizzjoni inġusta.
3. Infrastruttura u Investiment
L-Ewropa qed issofri minn nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura tal-hubs tal-ajruporti, u dan qed iwassal biex l-akbar hubs tal-UE jsofru minn konġestjoni dejjem tikber. Din tfixkel il-possibbiltà tal-hubs Ewropej li jikkompetu ma' hubs ġodda ewlenin li qed jiżviluppaw f'partijiet oħra tad-dinja. Għalhekk, il-kriżi tal-kapaċità f’hubs ewlenin Ewropej għandha tiġi indirizzata b’mod effettiv jekk il-kompetittività Ewropea għandha tinżamm. L-investimenti fl-infrastruttura tal-ajruporti u l-iżvilupp tal-hubs, meta jkunu ġustifikati minn domanda qawwija u sostenibbli, huma kruċjali biex jippermettu l-hubs Ewropej jikkompetu ma’ dawk li qed jiżviluppaw f’partijiet oħra tad-dinja. Huwa għalhekk importanti li t-tfixkil għat-tkabbir jiġi identifikat minn stadju bikri u jitneħħa jew għall-anqas jitnaqqas l-impatt negattiv tiegħu billi jintużaw il-mezzi kollha disponibbli għal użu aktar effiċjenti tal-kapaċità skarsa tal-ajruporti.
L-investiment fil-linji tal-ajru huwa artifiċjalment limitat. Ħafna mill-pajjiżi għadhom iħaddnu regoli li jistipulaw li l-linji tal-ajru għandhom ikollhom il-maġġoranza tal-ishma f'idejn in-nazzjonali tagħhom u kkontrollati minnhom, u b'hekk dan iċaħħad lit-trasportaturi tal-ajru l-aċċess għal firxa aktar wiesgħa ta' investituri u swieq kapitali. L-effett kien li tiġi imposta struttura ta' industrija artifiċjali fuq is-settur tal-linji tal-ajru li ma teżistix f’industriji oħra. Il-konsolidazzjoni transfruntieri, li ħafna jarawha bħala prerekwiżit għal industrija tal-linji tal-ajru ekonomikament aktar sostenibbli, hija severament ristretta. Għalhekk jinħass bżonn qawwi li ssir riforma fir-regoli antikwati għas-sjieda u għall-kontroll tal-linji tal-ajru.
Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea
Minħabba li qed tħabbat wiċċha ma' dawn l-isfidi, u biex toħloq opportunijiet ġodda ta’ negozju fi swieq emerġenti, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi politika esterna aktar ambizzjuża dwar l-avjazzjoni, waqt li titlob għal approċċ aktar ikoordinat u assertiv biex issaħħaħ il-kapaċità tagħha li tiddefendi l-interessi Ewropej.
Il-Kummissjoni, b’mod partikolari qed tipproponi azzjonijiet fi tliet oqsma ewlenin:
1. Ftehimiet tal-Avjazzjoni ġodda mal-Ġirien u s-Sħab Internazzjonali
Biex tagħti lill-industrija tal-avjazzjoni tal-UE aċċess aħjar għal opportunitajiet tan-negozju fi swieq ġodda, il-Kummissjoni qed tipproponi li:
tikkonkludi Ftehimiet dwar it-Trasport bl-Ajru fil-livell tal-UE ma’ sħab tal-avjazzjoni ewlenin u dejjem aktar importanti bħaċ-Ċina, ir-Russja, l-Istati tal-Golf, il-Ġappun, l-Indja, u l-pajjiżi tal-ASEAN4* fix-xlokk tal-Ażja.
Sal-2015, tikkonkludi ftehimiet tal-avjazzjoni ma' pajjiżi ġirien bħall-Ukranja, l-Azerbajġan, it-Tuneżija, it-Turkija u l-Eġittu. Biex jitħaffef dan il-proċess, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni mandat ġenerali ta' negozjar għall-bqija tal-pajjiżi ġirien.
Il-benefiċċji ekonomiċi totali ta’ dawn il-ftehimiet kollha huma stmati li jlaħħqu t-EUR 12-il biljun fis-sena. Aktar minn 70% ta’ dawn il-benefiċċji huma stmati li ġejjin minn prezzijiet aktar baxxi li jirriżultaw minn żieda fil-kompetizzjoni meta jitneħħew il-limiti għall-aċċess għas-swieq bejn l-UE u dawn il-pajjiżi sħab, li llum il-ġurnata huwa ristrett skont ftehimiet bilaterali bejn Stati Membri individwali tal-UE u l-pajjiżi sħab.
Fil-bidu tal-2013, il-Kummissjoni beħsiebha tressaq lista ta’ prijoritajiet lill-Istati Membri għal mandati ta’ negozzjar tal-UE għal dawn il-ftehimiet.
Ftehimiet Industrijali u Teknoloġiċi. Barra minn hekk, għandhom jiġu ffirmati ftehimiet industrijali u teknoloġiċi ma’ sħab ewlenin u pajjiżi oħra f’oqsma bħall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) – inkluż kooperazzjoni mal-programm tal-UE SESAR - u s-sigurtà, inkluż fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti ajrunawtiċi.
2. Miżuri biex tissaħħaħ il-kompetizzjoni ġusta
L-UE tħaddan il-kompetittività u tqis is-swieq miftuħa bħala l-aħjar bażi għall-iżvilupp ta’ relazzjonijiet internazzjonali tal-avjazzjoni. Din kienet tagħlima fundamentali mill-istorja ta’ suċċess tas-suq intern tal-avjazzjoni tal-UE, iżda l-kompetizzjoni għandha tkun miftuħa u ġusta.
Sabiex tissalvagwardja l-kompetizzjoni ġusta, il-Kummissjoni qed tipproponi li, wara li tikkonsulta mal-partijiet interessati, tiżviluppa strumenti tal-UE aktar effettivi u li jħarsu l-interessi Ewropej kontra l-prattiki inġusti. F’dan ir-rigward, ir-Regolament eżistenti tal-UE (ir-Regolament Nru 860/2004) wera li ma kienx prattikabbli u għalhekk hemm bżonn ta’ strument ġdid li jkun aktar adattat għar-realtajiet tas-settur globali tal-avjazzjoni tal-lum il-ġurnata.
Ir-regolament attwali tfassal wara l-episodju tal-11 ta’ Settembru, fejn kien hemm tħassib li t-trasportaturi tal-ajru se jkunu soġġetti għal dumping fil-prezzijiet tas-suq transatlantiku. L-istrument kien qed isegwi proċeduri kontra d-dumping applikati fil-kummerċ tal-prodotti. Madankollu, intwera li hu prattikament impossibbli li jiġu ssostanzjati prattiki ta’ pprezzar inġusti fl-avjazzjoni internazzjonali, fost l-oħrajn minħabba diffikultajiet fit-tqabbil ta' sistemi kumplessi għall-iffissar tal-prezzijiet applikati minn linji tal-ajru għal “servizzi simili tal-ajru”.
Fis-suq dejjem aktar miftuħ u kompetittiv tal-avjazzjoni internazzjonali tal-lum il-ġurnata, għan ewlieni tal-politika esterna tal-UE dwar l-avjazzjoni huwa l-assigurazzjoni ta’ kompetizzjoni ġusta. F’dan ir-rigward, u biex jintuża biss bħala l-aħħar possibiltà, huwa meħtieġ strument aktar effettiv u ta’ deterrent li jassigura kundizzjonijiet indaqs, u li jissalvagwardja l-kompetizzjoni ġusta. Tali strument għandu jirrifletti aħjar il-karatteristiċi speċifiċi tas-settur internazzjonali tat-trasport bl-ajru u għandu jipprovdi għal proċedura effettiva f’każijiet ġustifikati ta’ kompetizzjoni inġusta.
Il-Kummissjoni qed tipproponi li tiżviluppa – bl-aktar mod xieraq fil-livell tal-UE – “klawżoli ta’ kompetizzjoni ġusta standard” li jintlaħaq qbil dwarhom u li jiġu inklużi fil-ftehimiet eżistenti tas-servizzi tal-ajru bilaterali bejn Stati Membru tal-UE u pajjiżi li mhumiex fl-UE. L-effett prattiku ta’ dan ikun li fil-ftehimiet bilaterali tagħhom l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi sħab flimkien jistipulaw proċeduri biex jissalvagwardjaw kompetizzjoni ġusta għas-servizzi tal-ajru rispettivi.
3. Jingħelbu r-restrizzjonijiet għas-sjieda u għall-kontroll
Jingħelbu r-Restrizzjonijiet Arkajki għas-Sjieda u għall-Kontroll
Ir-restrizzjonijiet attwali għas-sjieda u għall-kontroll, applikati minn ħafna pajjiżi, jiċħdu l-aċċess lit-trasportaturi għal għejun importanti ta' kapital ġdid. Issa wasal iż-żmien biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata b’aktar saħħa u biex jittieħdu l-passi addizzjonali previsti fil-ftehim tat-trasport bl-ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti sabiex is-sjieda u l-kontroll tal-linji tal-ajru jiġu liberalizzati u b’hekk il-linji tal-ajru jkunu jistgħu jikkonsolidaw u jħajru l-investiment li jeħtieġu. Dan għandu jiġi segwit ukoll fil-livell tal-ICAO, inkluż fil-Konferenza tat-Traffiku bl-Ajru tal-ICAO f’Marzu 2013. Il-konsolidazzjoni transfruntieri, li ħafna jarawha bħala prerekwiżit għal industrija tal-linji tal-ajru aktar ekonomikament sostenibbli, hija severament ristretta. Fl-Istati Uniti, pereżempju, is-sjieda barranija tal-linji tal-ajru hija ristretta għal 25% tal-ishma bid-dritt tal-vot. Bħala regola ġenerali, fl-UE, is-sjieda barranijia hija limitata għal 49%. Madankollu, fi ftehimiet bejn l-UE u pajjiż terz jistgħu isiru eċċezzjonijiet għal din ir-regola, u dan huwa dak li qed tipprova tagħmel l-UE ma’ sħab ewlenin.
X’inhuma sa issa l-kisbiet ewlenin tal-politika esterna dwar l-avjazzjoni?
1. Il-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru li l-Istati Membri tal-UE għandhom ma’ pajjiżi mhux tal-UE inġiebu konformi mal-liġi tal-UE:
B’kollox kważi 1000 ftehim bilaterali tas-servizzi tal-ajru nġiebu f’konformità legali mal-liġi tal-UE li tirrappreżenta 75% tat-traffiku kollu tal-passiġġieri barra mill-UE. Iċ-ċertezza legali hija importanti sew għat-trasportaturi tal-UE sew għal dawk mhux tal-UE.
Madwar 117-il pajjiż mhux tal-UE irrikonoxxew il-prinċipju tan-nomina tal-UE. Minn dawn, 55 pajjiż qablu li jemendaw il-ftehimiet bilaterali kollha tagħhom mal-Istati Membri tal-UE permezz tal-Ftehimiet Orizzontali mal-UE filwaqt li l-bqija tal-pajjiżi għamlu dan fuq bażi bilaterali mal-Istati Membri individwali tal-UE.
Il-ħtieġa li tingħata mill-ġdid bażi legali tajba għar-relazzjonijiet tal-avjazzjoni mal-UE ġiet aċċettata mad-dinja kollha; u għalkemm hemm xi ftit eċċezzjonijiet, din ma għadhiex aktar kwistjoni reali.
Madankollu, biex l-implimentazzjoni tan-nomina tal-UE titlesta, għad irid isir xi xogħol ma’ xi ftit pajjiżi importanti tal-avjazzjoni. Dawn jinkludu l-Indja, iċ-Ċina, il-Korea t’Isfel u l-Afrika t'Isfel, il-Kenja, in-Niġerja u l-Każakstan ukoll. Minn dawn il-pajjiżi, huma biss l-Afrika t’Isfel, il-Kenja, in-Niġerja u l-Każakstan li għadhom ma rrikonoxxewx il-prinċipju tan-nomina tal-UE.
Dawn il-bidliet jirrikonoxxu t-tneħħija tar-restrizzjonijiet nazzjonali tas-sjieda u tal-kontroll tat-trasportaturi tal-UE kif mitlub mil-liġi tal-UE. Riżultat ta’ dan, it-trasportaturi tal-UE jistgħu joffru servizzi minn kwalunkwe Stat Membru għal pajjiżi mhux tal-UE, kemm-il darba d-drittijiet ta' nomina u d-drittijiet tat-traffiku huma disponibbli skont il-ftehimiet bilaterali relevanti tas-servizzi tal-ajru. Barra minn hekk, huma rikonoxxuti l-fużjonijiet bejn trasportaturi tal-UE. Iżda fuq kollox, reġgħet ingħatat lura ċ-ċertezza legali għal ftehimiet bilaterali, fatt relevanti għall-operaturi kollha.
2. L-Iżvilupp ta’ Spazju Komuni tal-Avjazzjoni usa' għall-pajjiżi ġirien:
Sar progress solidu fl-iżvilupp ta’ Spazju Komuni tal-Avjazzjoni aktar wiesgħa għall-pajjiżi ġirien, u ġew iffirmati diġà ftehimiet mal-Balkani tal-Punent5, il-Marokk, il-Ġorġja, il-Ġordan u l-Moldova u nbeda ftehim mal-Iżrael. Għaddejjin negozjati mal-Ukranja u l-Libanu, u dalwaqt mistennija jibdew mat-Tuneżija u l-Azerbajġan, u f'xi stadju mal-Armenja wkoll. Il-benefiċċji ekonomiċi għall-konsumaturi li jirriżultaw mill-ewwel wieħed minn dawn il-ftehimiet (il-Balkani tal-Punent u l-Marokk) kien ikkalkulat li jlaħħqu aktar minn EUR 3.5 biljun bejn l-2006-2011 fil-każ tal-ftehim UE-Marokk, bi tkabbir massiċċ fit-traffiku tal-ajru bejn l-UE u l-Marokk u ħafna rotot u trasportaturi ġodda, li jirriżultaw f'aktar kompetizzjoni, għażla u prezzijiet aktar baxxi. Kien hemm tnaqqis reali fil-passaġġi ta' madwar 40% mill-2005. Bl-istess mod, il-ftehim UE-Balkani tal-Punent (il-ftehim ECAA) iġġenera benefiċċju ekonomiku totali ta' aktar minn €2.4 biljun bejn l-2006 u l-2011.
3. Negozjar ta’ ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru ma’ sħab ewlenin:
L-UE innegozjat ukoll ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru ma' għadd ta' sħab kummerċjali ewlenin (l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Brażil). Dawn il-ftehimiet komprensivi jimmiraw għal tagħqida ta' ftuħ ta' swieq, il-ħolqien ta' kundizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta u miftuħa permezz ta' konverġenza regolatorja, il-liberalizzazzjoni tas-sjieda u l-kontroll tal-linji tal-ajru u r-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet dwar "kif isir in-negozju".
L-ewwel stadju tal-ftehim mal-Istati Uniti ġie iffirmat f’April 2007 u l-ftehim dwar it-tieni stadju f'Ġunju 2010. F'Diċembru 2009 ġie ffirmat ftehim mal-Kanada. F’Marzu 2011 inbeda ftehim komprensiv dwar it-trasport bl-ajru mal-Brażil (il-firma tal-Brażil għadha pendenti).
Il-ftehim UE-US kellu rwol importanti biex imexxi l-ftehimiet internazzjonali tal-avjazzjoni lil hinn minn sempliċiment negozjati ta' aċċess tas-suq. Għall-ewwel darba, ftehim ewlieni internazzjonali rrikonoxxa li l-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni kellhom jiġu indirizzati u armonizzati wkoll biex tiġi assigurata kompetizzjoni ġusta. L-UE u l-Istati Uniti żviluppaw mudell ta’ ftehim ġdid li jiffaċilita r-rwol tal-avjazzjoni.
Sfond: X’inhu ftehim komprensiv dwar l-avjazzjoni?
Tradizzjonalment, il-ftehimiet tal-avjazzjoni kienu jiġu nnegozzjati biss fuq bażi bilaterali bejn żewġ stati u ġeneralment kienu restrittivi ħafna fil-kontroll u l-limitazzjoni tal-għadd tal-linji tal-ajru li jistgħu joperaw bejn żewġ pajjiżi, lejn liema bliet u b’liema frekwenza.
Il-ftehimiet tal-avjazzjoni tal-UE mal-ġirien tagħha, kif ukoll ma’ sħab ewlenin oħra ġew stipulati bil-għan li jiftħu s-suq kompletament (immedjatament jew permezz ta’ proċess gradwali) bejn pajjiż sieħeb u l-UE inġenerali.
Il-ftehimiet mal-pajjiżi ġirien huma bbażati fuq approċċ fuq żewġ binarji ta’ (a) ftuħ gradwali tas-suq ibbażat fuq il-liberalizzazzjoni sħiħa tat-traffiku dirett kollu bejn pajjiż sieħeb u l-UE (u aktar tard it-traffiku permezz tal-punti intermedjarji jew il-punti li jinsabu lil hinn); u (b) proċess gradwali ta’ armonizzazzjoni regolatorja fejn il-pajjiżi ġirien jimpenjaw ruħhom biex gradwalment jimplimentaw ir-regoli u r-regolamenti tal-avjazzjoni tal-UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.
Il-ftehimiet ma’ sħab ewlenin oħra jimmiraw għal tagħqida ta' ftuħ ta' swieq, il-ħolqien ta' kundizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta u miftuħa permezz ta' konverġenza regolatorja (iżda mhux armonizzazzjoni sħiħa mar-regoli tal-UE), il-liberalizzazzjoni tas-sjieda u l-kontroll tal-linji tal-ajru u r-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet ta' “kif isir in-negozju”.
X’inhi Żona Komuni tal-Avjazzjoni?
Matul l-aħħar żewġ deċennji, bit-tneħħija tal-ostakli storiċi, l-UE ittrasformat u integrat swieq tal-avjazzjoni nazzjonali frammentati fl-uniku, l-akbar u l-aktar suq tal-avjazzjoni reġjonali miftuħ fid-dinja Is-suq uniku tal-avjazzjoni tal-UE, li huwa bbażat fuq regoli komuni dwar l-aspetti komuni tal-avjazzjoni mal-UE kollha, kien suċċess kbir.
L-UE għalhekk qed tfittex li testendi l-ambitu ġeografiku u l-benefiċċji tas-suq uniku tal-avjazzjoni tal-UE billi tespandi dan is-suq biex tkopri pajjiżi ġirien.
L-UE innegozjat għadd ta' ftehimiet ta' servizzi tal-ajru importanti ma’ pajjiżi ġirien li biż-żmien ser jikkostitwixxu Spazju Komuni tal-Ajru bbażat fuq proċess parallel ta’ ftuħ gradwali tas-swieq u konverġenza regolatorja lejn leġiżlazzjoni u regolamenti tal-avjazzjoni tal-UE, li jkopru madwar 55 pajjiż u biljun (1) abitant, jiġifieri d-doppju tal-popolazzjoni tal-UE.
TABELLI
L-akbar swieq internazzjonali tal-UE
It-traffiku reali ta’ passiġġieri bejn l-UE-27 u pajjiżi mhux tal-UE fl-2010
(Miljuni)
Pajjiż | 2010 |
1. L-Istati Uniti | 47.2 |
2. It-Turkija | 30.1 |
3 L-Iżvizzera | 26.6 |
4 In-Norveġja | 15.0 |
5 L-Eġittu | 14.0 |
6 Ir-Russja | 13.1 |
7 L-Emirati Għarab Magħquda | 11.0 |
8 Il-Marokk | 10.9 |
9 Il-Kanada | 9.1 |
10 It-Tuneżija | 8.3 |
11 L-Iżrael | 6.7 |
12 L-Indja | 5.3 |
13 Iċ-Ċina | 5.2 |
14 Il-Brażil | 4.9 |
15 Il-Ġappun | 4.6 |
16 It-Tajlandja | 4.3 |
17 L-Alġerija | 3.5 |
18 Hong Kong | 3.5 |
19 Il-Kroazja | 3.4 |
20 Singapor | 3.1 |
Sors : Eurostat (Ibbażat fuq l-ammont reali ta’ passiġġieri li ġew ittrasportati)
Varjazzjoni % tal-Aqwa 20 Suq 'il Barra mill-UE
abbażi tas-siġġijiet disponibbli għall-bejgħ
(miljuni)
Pajjiż | 2010 | 2000 | Varjazzjoni % | |
1 | L-Istati Uniti | 70.1 | 67.2 | 4.4% |
2 | It-Turkija | 43.5 | 13.7 | 217.3% |
3 | L-Iżvizzera | 42.1 | 35.8 | 17.7% |
4 | Ir-Russja | 26.9 | 8.8 | 204.9% |
5 | In-Norveġja | 23.9 | 10.4 | 129.0% |
6 | L-Emirati Għarab Magħquda | 18.0 | 4.1 | 336.4% |
7 | Il-Kanada | 15.7 | 9.8 | 59.5% |
8 | Il-Marokk | 14.4 | 4.4 | 224.8% |
9 | Iċ-Ċina | 10.0 | 2.6 | 285.6% |
10 | L-Iżrael | 8.2 | 6.1 | 34.8% |
11 | Il-Kroazja | 8.0 | 1.9 | 324.3% |
12 | It-Tuneżija | 7.2 | 4.6 | 58.4% |
13 | L-Alġerija | 7.2 | 3.6 | 101.6% |
14 | L-Eġittu | 7.1 | 3.6 | 94.9% |
15 | Il-Brażil | 6.8 | 3.9 | 77.3% |
16 | Il-Ġappun | 6.6 | 6.6 | 0.4% |
17 | L-Indja | 6.5 | 3.3 | 96.5% |
18 | L-Ukrajna | 5.8 | 1.7 | 243.7% |
19 | Singapor | 5.5 | 4.4 | 26.3% |
20 | Il-Qatar | 5.0 | 0.3 | 1560.3% |
Sors : Skedi tal-OAG (N.B. Ibbażati fuq sits disponibbli għall-bejgħ)
L-Aqwa 25 Linja tal-Ajru fid-Dinja abbażi tal-RPK* (biljuni)
Linja tal-ajru | 2011 | 2000 | Varjazzjoni % | |
1 | Delta Air Lines | 310 | 180 | 72.2% |
2 | United Airlines | 292 | 203 | 44.1% |
3 | Air France KLM | 217 | 153 | 41.7% |
4 | American Airlines | 203 | 187 | 9.0% |
5 | IAG Group | 169 | 161 | 4.5% |
6 | Southwest Airlines | 167 | 68 | 145.4% |
7 | Emirates Airline | 153 | 20 | 676.3% |
8 | Lufthansa | 141 | 89 | 59.3% |
9 | China Southern | 122 | 21 | 479.1% |
10 | Qantas Group | 107 | 64 | 68.1% |
11 | Cathay Pacific | 102 | 47 | 115.9% |
12 | US Airways | 98 | 76 | 29.1% |
13 | Ryanair | 94 | 4 | 2268.8% |
14 | Air China | 93 | 18 | 414.4% |
15 | Singapore Airlines | 86 | 71 | 21.5% |
16 | Air Canada | 84 | 72 | 17.0% |
17 | China Eastern | 79 | 14 | 483.6% |
18 | Japan Airlines | 65 | 89 | -27.1% |
19 | Korean Air | 65 | 40 | 60.1% |
20 | easyJet | 63 | 4 | 1307.9% |
21 | Qatar Airways | 62 | 3 | 2147.1% |
22 | ANA | 60 | 58 | 3.1% |
23 | Turkish Airlines | 59 | 17 | 242.1% |
24 | TAM | 57 | 7 | 683.4% |
25 | Thai Airways Int’l. | 55 | 41 | 34.8% |
Sors : Air Transport World, Flightglobal
*) RPK = Revenue-Passenger-Kilometers, li huwa l-għadd ta’ passiġġieri li jħallsu u li jiġu ttrasportati fuq titjiriet skedati immultiplikat bl-għadd ta’ kilometri li tali siġġijiet għamlu fl-ajru
Il-Linji tal-Ajru Ewropej Ewlenin (Nazzjonali u Internazzjonali)
Xejriet Riċenti ta’ Tkabbir
Biljuni fi Dħul għal kull Passiġġier/Kilometru (RPK)*
Linja tal-ajru | 2000 | 2010 | varjazzjoni % 00/10 |
1 Lufthansa | 94 | 130 | 37.5 |
2 Air France | 92 | 125 | 36.1 |
3 British Airways | 119 | 106 | -11.6 |
4 KLM | 60 | 76 | 26.1 |
5 Ryanair | 3 | 72 | 2031.4 |
6 Easyjet | 5 | 56 | 1086.6 |
7 Iberia | 40 | 51 | 28.0 |
8 Turkish Airlines | 17 | 47 | 167.5 |
9 Air Berlin | 8 | 45 | 479.1 |
10 Virgin Atlantic | 29 | 38 | 29.5 |
11 Alitalia | 41 | 33 | -19.4 |
12 SWISS | 3 | 30 | 748.1 |
13 TAP | 10 | 24 | 127.1 |
14 SAS | 23 | 23 | 2.5 |
15 Austrian Airlines | 9 | 16 | 81.0 |
16 Finnair | 7 | 16 | 112.7 |
17 Aer Lingus | 9 | 14 | 56.1 |
18 Spanair | 10 | 9 | -3.9 |
19 Brussels Airlines | 2 | 7 | 211.6 |
20 LOT | 6 | 7 | 14.6 |
Sors : Diversi sorsi tal-industrija tal-linji tal-ajru
*) RPK = Revenue-Passenger-Kilometers, huwa l-għadd ta’ passiġġieri li jħallsu u li jiġu ttrasportati fuq titjiriet skedati immultiplikat bl-għadd ta’ kilometri li tali siġġijiet għamlu fl-ajru
L-Aqwa 20 Ajruport Ewropew
Miljuni ta’ passiġġieri
Klassifikazzjoni | Ajruport | 2000 | 2009 | 2010 | Varjazzjoni 09/10 |
1 | LONDON HEATHROW | 64.3 | 65.9 | 65.7 | -0.2% |
2 | PARIS/CHARLES-DE-GAULLE | 49.7 | 57.7 | 58.0 | 0.5% |
3 | FRANKFURT/MAIN | 48.9 | 50.6 | 52.6 | 4.1% |
4 | MADRID/BARAJAS | 32.7 | 48.0 | 49.8 | 3.8% |
5 | AMSTERDAM/SCHIPHOL | 39.3 | 43.5 | 45.1 | 3.7% |
6 | ROMA/FIUMICINO | 25.9 | 33.4 | 36.0 | 7.6% |
7 | MUNICH | 22.9 | 32.6 | 34.5 | 6.0% |
8 | LONDON/GATWICK | 32.0 | 32.4 | 31.3 | -3.1% |
9 | BARCELONA | 19.4 | 27.3 | 29.2 | 6.9% |
10 | PARIS/ORLY | 23.8 | 25.1 | 25.2 | 0.3% |
11 | KØBENHAVN/KASTRUP | 18.1 | 19.6 | 21.4 | 9.1% |
12 | PALMA DE MALLORCA | 19.3 | 21.2 | 21.1 | -0.4% |
13 | WIEN/SCHWECHAT | 5.9 | 18.0 | 19.6 | 8.7% |
14 | DUSSELDORF | 15.9 | 17.7 | 18.9 | 6.7% |
15 | MILANO/MALPENSA | 20.6 | 17.3 | 18.7 | 7.9% |
16 | LONDON/STANSTED | 11.9 | 19.9 | 18.6 | -7.0% |
17 | DUBLIN | 13.7 | 20.5 | 18.4 | -10.1% |
18 | MANCHESTER/INTL | 18.3 | 18.6 | 17.7 | -5.2% |
19 | BRUXELLES/NATIONAL | 21.6 | 16.8 | 17.0 | 1.2% |
20 | STOCKHOLM/ARLANDA | 18.6 | 16.1 | 17.0 | 5.6% |
Sors : Eurostat
L-Aqwa 20 Ajruport fid-Dinja abbażi tal-Għadd ta’ Passiġġieri fl-2011
Miljuni ta’ passiġġieri
Ajruport | 2011 | Klassifikazzjoni fl-2000 |
1 Atlanta | 92.4 | 1 |
2 Beijing | 77.4 | Mhux fost l-Aqwa 20 |
3 London Heathrow | 69.4 | 4 |
4 Chicago | 66.6 | 2 |
5 Tokyo / Haneda | 62.3 | 6 |
6 Los Angeles | 61.8 | 3 |
7 Paris CDG | 61.0 | 8 |
8 Dallas | 57.8 | 5 |
9 Frankfurt (Main) | 56.4 | 7 |
10 Hong Kong | 53.3 | Mhuxfost l-Aqwa 20 |
11 Denver | 52.7 | 11 |
12 Jakarta | 52.4 | Mhux fost l-Aqwa 20 |
13 Dubai | 51.0 | Mhux fost l-Aqwa 20 |
14 Amsterdam / Schiphol | 49.8 | 10 |
15 Madrid / Barajas | 49.6 | 20 |
16 Bangkok | 47.9 | Mhux fost l-Aqwa 20 |
17 New York (JFK) | 47.9 | Mhux fost l-Aqwa 20 |
18 Singapore / Changi | 46.5 | Mhux fost l-Aqwa 20 |
19 Guangzhou | 45.0 | Mhux fost l-Aqwa 20 |
20 Las Vegas | 41.5 | 12 |
Sors : Il-Kunsill Internazzjonali tal-Ajruporti
L-aktar 25 Ajruport fid-Dinja li qed jikbru b’Rata Mgħaġġla fl-2010
(B’aktar minn 5 miljun passiġġier)

Sors : Il-Kunsill Internazzjonali tal-Ajruporti
"Aviation: Benefits Beyond Borders", Rapport imħejji minn Oxford Economics għal ATAG, f’Marzu 2012
Airbus "Delivering the Future: Global Market Forecast 2011-2030"
Bombardier/Global Insight
Ftehim multilaterali ffirmat mas-sħab li ġejjin: L-Albanija, il-Bosnija-Ħerzegovina, il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u l-UNMIK