Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, is-27 ta’ Settembru 2012

Pakkett ta’ Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni

L-Avjazzjoni Ewropea

  • L-avjazzjoni ssostni 5.1 miljun impjieg u tikkontribwixxi EUR 365 biljun jew 2.4% mill-PDG Ewropew1 Hija ta’ kontribuzzjoni vitali għat-tkabbir ekonomiku, ix-xogħol, it-turiżmu, il-kuntatti bejn il-popli kif ukoll għall-koeżjoni reġjonali u soċjali tal-Unjoni. Il-konnettività hija kruċjali għall-kompetittività.

  • L-industrija Ewropea tal-avjazzjoni fis-sħuħija tagħha għadha fuq quddiem nett fil-manifattura tal-avjazzjoni, hubs ta’ ajruporti kif ukoll fir-riċerka u t-teknoloġija tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (inkluż il-programm SESAR). Madankollu, dawn il-pożizzjonijiet jinsabu mhedda minn għadd ta’ sfidi ġodda.

  • It-trasportaturi Ewropej intlaqtu partikolarment ħażin mir-riċessjoni. L-IATA tbassar li l-profitti netti tal-linji tal-ajru kummerċjali Ewropej se jinżlu minn $0.5 biljun fl-2011 għal telf nett ta’ $1.1 biljun fl-2012.

  • Minkejja l-kriżi ekonomika attwali, it-trasport globali bl-ajru, fuq perjodu fit-tul, mistenni jikber b’madwar 5% fis-sena sal-20302, żieda akkumulata ta’ aktar minn 150%.

It-3 sfidi ewlenin li qed jaffaċċja s-settur tal-avjazzjoni Ewropew

1. Bidla fit-tkabbir lejn reġjuni oħra tad-dinja

  • Id-domanda għat-trasport bl-ajru hija primarjament xprunata mit-tkabbir ekonomiku u l-prosperità. B'rata mistennija ta' tkabbir annwali medju tal-PDG għall-Ewropa ta’ 1.9%3 bejn l-2011 u l-2030 – mqabbla, pereżempju, mar-rati ta’ tkabbir għall-Indja u ċ-Ċina ta’ 7.5% u 7.2% rispettivament – it-tkabbir fl-avjazzjoni se jara bidla relattiva għal żoni ’il barra mill-UE, bl-Ażja u l-Lvant Nofsani b’mod partikolari mistennija jsiru l-qofol tal-flussi tat-traffiku internazzjonali bl-ajru.

  • Nofs it-traffiku l-ġdid tad-dinja li se jiżdied matul l-20 sena li ġejjin se jkun għal, minn, jew fir-reġjun Ażja-Paċifiku, li għalhekk sal-2030 se jegħleb lill-Istati Uniti bħala l-mexxej fit-traffiku dinji, u jilħaq sehem fis-suq ta’ 38%.

  • Minħabba rati ta' tkabbir inqas mill-medja, f'ħafna reġjuni t-trasportaturi tal-UE se jkunu qed jitilfu xi sehem mis-suq għal linji tal-ajru mhux tal-UE. Fl-2003, it-trasportaturi tal-UE kellhom sehem mis-suq ta’ 29% tal-kapaċità kollha inter-kontinentali fid-dinja. Sal-2025, dan is-sehem mistenni jinżel għal 20%. Din ix-xejra tfisser li, jekk ma jsir xejn, il-linji tal-ajru Ewropej se jiġġeneraw anqas benefiċċji u tkabbir għall-ekonomija Ewropea.

2. Kompetizzjoni internazzjonali qawwija

It-trasportaturi mhux tal-UE reġgħu saħħew il-pożizzjoni globali tagħhom. Pereżempju, l-aktar tkabbir mgħaġġel tat-traffiku reġjonali fid-dinja mistenni li jseħħ fil-Lvant Nofsani, fejn sal-2030 il-linji tal-ajru tar-reġjuni se jkunu qed jirrappreżentaw 11% tat-traffiku dinji, 'il fuq minn 7% fl-2010.

Kompetizzjoni li mhux dejjem ġusta….

L-UE tqis is-swieq miftuħa bħala l-aħjar bażi għall-iżvilupp ta’ relazzjonijiet internazzjonali tal-avjazzjoni, u għalhekk tħaddan il-kompetittività. Madankollu huwa vitali li l-kompetizzjoni tkun ġusta u miftuħa. Meta, pereżempju, jintużaw biex ifixklu s-suq sussidji, prattiki inġusti, applikazzjonijiet inkonsistenti jew diskriminatorji tal-oqfsa regolatorji u nuqqas ta’ trasparenza fir-rappurtar finanzjarju ta’ kumpaniji f’ċerti swieq, huwa leġittimu li l-industrija titħares kontra kompetizzjoni inġusta.

3. Infrastruttura u Investiment

  • L-Ewropa qed issofri minn nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura tal-hubs tal-ajruporti, u dan qed iwassal biex l-akbar hubs tal-UE jsofru minn konġestjoni dejjem tikber. Din tfixkel il-possibbiltà tal-hubs Ewropej li jikkompetu ma' hubs ġodda ewlenin li qed jiżviluppaw f'partijiet oħra tad-dinja. Għalhekk, il-kriżi tal-kapaċità f’hubs ewlenin Ewropej għandha tiġi indirizzata b’mod effettiv jekk il-kompetittività Ewropea għandha tinżamm. L-investimenti fl-infrastruttura tal-ajruporti u l-iżvilupp tal-hubs, meta jkunu ġustifikati minn domanda qawwija u sostenibbli, huma kruċjali biex jippermettu l-hubs Ewropej jikkompetu ma’ dawk li qed jiżviluppaw f’partijiet oħra tad-dinja. Huwa għalhekk importanti li t-tfixkil għat-tkabbir jiġi identifikat minn stadju bikri u jitneħħa jew għall-anqas jitnaqqas l-impatt negattiv tiegħu billi jintużaw il-mezzi kollha disponibbli għal użu aktar effiċjenti tal-kapaċità skarsa tal-ajruporti.

  • L-investiment fil-linji tal-ajru huwa artifiċjalment limitat. Ħafna mill-pajjiżi għadhom iħaddnu regoli li jistipulaw li l-linji tal-ajru għandhom ikollhom il-maġġoranza tal-ishma f'idejn in-nazzjonali tagħhom u kkontrollati minnhom, u b'hekk dan iċaħħad lit-trasportaturi tal-ajru l-aċċess għal firxa aktar wiesgħa ta' investituri u swieq kapitali. L-effett kien li tiġi imposta struttura ta' industrija artifiċjali fuq is-settur tal-linji tal-ajru li ma teżistix f’industriji oħra. Il-konsolidazzjoni transfruntieri, li ħafna jarawha bħala prerekwiżit għal industrija tal-linji tal-ajru ekonomikament aktar sostenibbli, hija severament ristretta. Għalhekk jinħass bżonn qawwi li ssir riforma fir-regoli antikwati għas-sjieda u għall-kontroll tal-linji tal-ajru.

Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea

Minħabba li qed tħabbat wiċċha ma' dawn l-isfidi, u biex toħloq opportunijiet ġodda ta’ negozju fi swieq emerġenti, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi politika esterna aktar ambizzjuża dwar l-avjazzjoni, waqt li titlob għal approċċ aktar ikoordinat u assertiv biex issaħħaħ il-kapaċità tagħha li tiddefendi l-interessi Ewropej.

Il-Kummissjoni, b’mod partikolari qed tipproponi azzjonijiet fi tliet oqsma ewlenin:

1. Ftehimiet tal-Avjazzjoni ġodda mal-Ġirien u s-Sħab Internazzjonali

Biex tagħti lill-industrija tal-avjazzjoni tal-UE aċċess aħjar għal opportunitajiet tan-negozju fi swieq ġodda, il-Kummissjoni qed tipproponi li:

  • tikkonkludi Ftehimiet dwar it-Trasport bl-Ajru fil-livell tal-UE ma’ sħab tal-avjazzjoni ewlenin u dejjem aktar importanti bħaċ-Ċina, ir-Russja, l-Istati tal-Golf, il-Ġappun, l-Indja, u l-pajjiżi tal-ASEAN4* fix-xlokk tal-Ażja.

  • Sal-2015, tikkonkludi ftehimiet tal-avjazzjoni ma' pajjiżi ġirien bħall-Ukranja, l-Azerbajġan, it-Tuneżija, it-Turkija u l-Eġittu. Biex jitħaffef dan il-proċess, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni mandat ġenerali ta' negozjar għall-bqija tal-pajjiżi ġirien.

Il-benefiċċji ekonomiċi totali ta’ dawn il-ftehimiet kollha huma stmati li jlaħħqu t-EUR 12-il biljun fis-sena. Aktar minn 70% ta’ dawn il-benefiċċji huma stmati li ġejjin minn prezzijiet aktar baxxi li jirriżultaw minn żieda fil-kompetizzjoni meta jitneħħew il-limiti għall-aċċess għas-swieq bejn l-UE u dawn il-pajjiżi sħab, li llum il-ġurnata huwa ristrett skont ftehimiet bilaterali bejn Stati Membri individwali tal-UE u l-pajjiżi sħab.

Fil-bidu tal-2013, il-Kummissjoni beħsiebha tressaq lista ta’ prijoritajiet lill-Istati Membri għal mandati ta’ negozzjar tal-UE għal dawn il-ftehimiet.

Ftehimiet Industrijali u Teknoloġiċi. Barra minn hekk, għandhom jiġu ffirmati ftehimiet industrijali u teknoloġiċi ma’ sħab ewlenin u pajjiżi oħra f’oqsma bħall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) – inkluż kooperazzjoni mal-programm tal-UE SESAR - u s-sigurtà, inkluż fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti ajrunawtiċi.

2. Miżuri biex tissaħħaħ il-kompetizzjoni ġusta

L-UE tħaddan il-kompetittività u tqis is-swieq miftuħa bħala l-aħjar bażi għall-iżvilupp ta’ relazzjonijiet internazzjonali tal-avjazzjoni. Din kienet tagħlima fundamentali mill-istorja ta’ suċċess tas-suq intern tal-avjazzjoni tal-UE, iżda l-kompetizzjoni għandha tkun miftuħa u ġusta.

Sabiex tissalvagwardja l-kompetizzjoni ġusta, il-Kummissjoni qed tipproponi li, wara li tikkonsulta mal-partijiet interessati, tiżviluppa strumenti tal-UE aktar effettivi u li jħarsu l-interessi Ewropej kontra l-prattiki inġusti. F’dan ir-rigward, ir-Regolament eżistenti tal-UE (ir-Regolament Nru 860/2004) wera li ma kienx prattikabbli u għalhekk hemm bżonn ta’ strument ġdid li jkun aktar adattat għar-realtajiet tas-settur globali tal-avjazzjoni tal-lum il-ġurnata.

Ir-regolament attwali tfassal wara l-episodju tal-11 ta’ Settembru, fejn kien hemm tħassib li t-trasportaturi tal-ajru se jkunu soġġetti għal dumping fil-prezzijiet tas-suq transatlantiku. L-istrument kien qed isegwi proċeduri kontra d-dumping applikati fil-kummerċ tal-prodotti. Madankollu, intwera li hu prattikament impossibbli li jiġu ssostanzjati prattiki ta’ pprezzar inġusti fl-avjazzjoni internazzjonali, fost l-oħrajn minħabba diffikultajiet fit-tqabbil ta' sistemi kumplessi għall-iffissar tal-prezzijiet applikati minn linji tal-ajru għal “servizzi simili tal-ajru”.

Fis-suq dejjem aktar miftuħ u kompetittiv tal-avjazzjoni internazzjonali tal-lum il-ġurnata, għan ewlieni tal-politika esterna tal-UE dwar l-avjazzjoni huwa l-assigurazzjoni ta’ kompetizzjoni ġusta. F’dan ir-rigward, u biex jintuża biss bħala l-aħħar possibiltà, huwa meħtieġ strument aktar effettiv u ta’ deterrent li jassigura kundizzjonijiet indaqs, u li jissalvagwardja l-kompetizzjoni ġusta. Tali strument għandu jirrifletti aħjar il-karatteristiċi speċifiċi tas-settur internazzjonali tat-trasport bl-ajru u għandu jipprovdi għal proċedura effettiva f’każijiet ġustifikati ta’ kompetizzjoni inġusta.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li tiżviluppa – bl-aktar mod xieraq fil-livell tal-UE – “klawżoli ta’ kompetizzjoni ġusta standard” li jintlaħaq qbil dwarhom u li jiġu inklużi fil-ftehimiet eżistenti tas-servizzi tal-ajru bilaterali bejn Stati Membru tal-UE u pajjiżi li mhumiex fl-UE. L-effett prattiku ta’ dan ikun li fil-ftehimiet bilaterali tagħhom l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi sħab flimkien jistipulaw proċeduri biex jissalvagwardjaw kompetizzjoni ġusta għas-servizzi tal-ajru rispettivi.

3. Jingħelbu r-restrizzjonijiet għas-sjieda u għall-kontroll

Jingħelbu r-Restrizzjonijiet Arkajki għas-Sjieda u għall-Kontroll

Ir-restrizzjonijiet attwali għas-sjieda u għall-kontroll, applikati minn ħafna pajjiżi, jiċħdu l-aċċess lit-trasportaturi għal għejun importanti ta' kapital ġdid. Issa wasal iż-żmien biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata b’aktar saħħa u biex jittieħdu l-passi addizzjonali previsti fil-ftehim tat-trasport bl-ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti sabiex is-sjieda u l-kontroll tal-linji tal-ajru jiġu liberalizzati u b’hekk il-linji tal-ajru jkunu jistgħu jikkonsolidaw u jħajru l-investiment li jeħtieġu. Dan għandu jiġi segwit ukoll fil-livell tal-ICAO, inkluż fil-Konferenza tat-Traffiku bl-Ajru tal-ICAO f’Marzu 2013. Il-konsolidazzjoni transfruntieri, li ħafna jarawha bħala prerekwiżit għal industrija tal-linji tal-ajru aktar ekonomikament sostenibbli, hija severament ristretta. Fl-Istati Uniti, pereżempju, is-sjieda barranija tal-linji tal-ajru hija ristretta għal 25% tal-ishma bid-dritt tal-vot. Bħala regola ġenerali, fl-UE, is-sjieda barranijia hija limitata għal 49%. Madankollu, fi ftehimiet bejn l-UE u pajjiż terz jistgħu isiru eċċezzjonijiet għal din ir-regola, u dan huwa dak li qed tipprova tagħmel l-UE ma’ sħab ewlenin.

X’inhuma sa issa l-kisbiet ewlenin tal-politika esterna dwar l-avjazzjoni?

1. Il-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru li l-Istati Membri tal-UE għandhom ma’ pajjiżi mhux tal-UE inġiebu konformi mal-liġi tal-UE:

  • B’kollox kważi 1000 ftehim bilaterali tas-servizzi tal-ajru nġiebu f’konformità legali mal-liġi tal-UE li tirrappreżenta 75% tat-traffiku kollu tal-passiġġieri barra mill-UE. Iċ-ċertezza legali hija importanti sew għat-trasportaturi tal-UE sew għal dawk mhux tal-UE.

  • Madwar 117-il pajjiż mhux tal-UE irrikonoxxew il-prinċipju tan-nomina tal-UE. Minn dawn, 55 pajjiż qablu li jemendaw il-ftehimiet bilaterali kollha tagħhom mal-Istati Membri tal-UE permezz tal-Ftehimiet Orizzontali mal-UE filwaqt li l-bqija tal-pajjiżi għamlu dan fuq bażi bilaterali mal-Istati Membri individwali tal-UE.

  • Il-ħtieġa li tingħata mill-ġdid bażi legali tajba għar-relazzjonijiet tal-avjazzjoni mal-UE ġiet aċċettata mad-dinja kollha; u għalkemm hemm xi ftit eċċezzjonijiet, din ma għadhiex aktar kwistjoni reali.

  • Madankollu, biex l-implimentazzjoni tan-nomina tal-UE titlesta, għad irid isir xi xogħol ma’ xi ftit pajjiżi importanti tal-avjazzjoni. Dawn jinkludu l-Indja, iċ-Ċina, il-Korea t’Isfel u l-Afrika t'Isfel, il-Kenja, in-Niġerja u l-Każakstan ukoll. Minn dawn il-pajjiżi, huma biss l-Afrika t’Isfel, il-Kenja, in-Niġerja u l-Każakstan li għadhom ma rrikonoxxewx il-prinċipju tan-nomina tal-UE.

  • Dawn il-bidliet jirrikonoxxu t-tneħħija tar-restrizzjonijiet nazzjonali tas-sjieda u tal-kontroll tat-trasportaturi tal-UE kif mitlub mil-liġi tal-UE. Riżultat ta’ dan, it-trasportaturi tal-UE jistgħu joffru servizzi minn kwalunkwe Stat Membru għal pajjiżi mhux tal-UE, kemm-il darba d-drittijiet ta' nomina u d-drittijiet tat-traffiku huma disponibbli skont il-ftehimiet bilaterali relevanti tas-servizzi tal-ajru. Barra minn hekk, huma rikonoxxuti l-fużjonijiet bejn trasportaturi tal-UE. Iżda fuq kollox, reġgħet ingħatat lura ċ-ċertezza legali għal ftehimiet bilaterali, fatt relevanti għall-operaturi kollha.

2. L-Iżvilupp ta’ Spazju Komuni tal-Avjazzjoni usa' għall-pajjiżi ġirien:

  • Sar progress solidu fl-iżvilupp ta’ Spazju Komuni tal-Avjazzjoni aktar wiesgħa għall-pajjiżi ġirien, u ġew iffirmati diġà ftehimiet mal-Balkani tal-Punent5, il-Marokk, il-Ġorġja, il-Ġordan u l-Moldova u nbeda ftehim mal-Iżrael. Għaddejjin negozjati mal-Ukranja u l-Libanu, u dalwaqt mistennija jibdew mat-Tuneżija u l-Azerbajġan, u f'xi stadju mal-Armenja wkoll. Il-benefiċċji ekonomiċi għall-konsumaturi li jirriżultaw mill-ewwel wieħed minn dawn il-ftehimiet (il-Balkani tal-Punent u l-Marokk) kien ikkalkulat li jlaħħqu aktar minn EUR 3.5 biljun bejn l-2006-2011 fil-każ tal-ftehim UE-Marokk, bi tkabbir massiċċ fit-traffiku tal-ajru bejn l-UE u l-Marokk u ħafna rotot u trasportaturi ġodda, li jirriżultaw f'aktar kompetizzjoni, għażla u prezzijiet aktar baxxi. Kien hemm tnaqqis reali fil-passaġġi ta' madwar 40% mill-2005. Bl-istess mod, il-ftehim UE-Balkani tal-Punent (il-ftehim ECAA) iġġenera benefiċċju ekonomiku totali ta' aktar minn €2.4 biljun bejn l-2006 u l-2011.

3. Negozjar ta’ ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru ma’ sħab ewlenin:

L-UE innegozjat ukoll ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru ma' għadd ta' sħab kummerċjali ewlenin (l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Brażil). Dawn il-ftehimiet komprensivi jimmiraw għal tagħqida ta' ftuħ ta' swieq, il-ħolqien ta' kundizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta u miftuħa permezz ta' konverġenza regolatorja, il-liberalizzazzjoni tas-sjieda u l-kontroll tal-linji tal-ajru u r-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet dwar "kif isir in-negozju".

L-ewwel stadju tal-ftehim mal-Istati Uniti ġie iffirmat f’April 2007 u l-ftehim dwar it-tieni stadju f'Ġunju 2010. F'Diċembru 2009 ġie ffirmat ftehim mal-Kanada. F’Marzu 2011 inbeda ftehim komprensiv dwar it-trasport bl-ajru mal-Brażil (il-firma tal-Brażil għadha pendenti).

Il-ftehim UE-US kellu rwol importanti biex imexxi l-ftehimiet internazzjonali tal-avjazzjoni lil hinn minn sempliċiment negozjati ta' aċċess tas-suq. Għall-ewwel darba, ftehim ewlieni internazzjonali rrikonoxxa li l-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni kellhom jiġu indirizzati u armonizzati wkoll biex tiġi assigurata kompetizzjoni ġusta. L-UE u l-Istati Uniti żviluppaw mudell ta’ ftehim ġdid li jiffaċilita r-rwol tal-avjazzjoni.

Sfond: X’inhu ftehim komprensiv dwar l-avjazzjoni?

Tradizzjonalment, il-ftehimiet tal-avjazzjoni kienu jiġu nnegozzjati biss fuq bażi bilaterali bejn żewġ stati u ġeneralment kienu restrittivi ħafna fil-kontroll u l-limitazzjoni tal-għadd tal-linji tal-ajru li jistgħu joperaw bejn żewġ pajjiżi, lejn liema bliet u b’liema frekwenza.

Il-ftehimiet tal-avjazzjoni tal-UE mal-ġirien tagħha, kif ukoll ma’ sħab ewlenin oħra ġew stipulati bil-għan li jiftħu s-suq kompletament (immedjatament jew permezz ta’ proċess gradwali) bejn pajjiż sieħeb u l-UE inġenerali.

Il-ftehimiet mal-pajjiżi ġirien huma bbażati fuq approċċ fuq żewġ binarji ta’ (a) ftuħ gradwali tas-suq ibbażat fuq il-liberalizzazzjoni sħiħa tat-traffiku dirett kollu bejn pajjiż sieħeb u l-UE (u aktar tard it-traffiku permezz tal-punti intermedjarji jew il-punti li jinsabu lil hinn); u (b) proċess gradwali ta’ armonizzazzjoni regolatorja fejn il-pajjiżi ġirien jimpenjaw ruħhom biex gradwalment jimplimentaw ir-regoli u r-regolamenti tal-avjazzjoni tal-UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

Il-ftehimiet ma’ sħab ewlenin oħra jimmiraw għal tagħqida ta' ftuħ ta' swieq, il-ħolqien ta' kundizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta u miftuħa permezz ta' konverġenza regolatorja (iżda mhux armonizzazzjoni sħiħa mar-regoli tal-UE), il-liberalizzazzjoni tas-sjieda u l-kontroll tal-linji tal-ajru u r-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet ta' “kif isir in-negozju”.

X’inhi Żona Komuni tal-Avjazzjoni?

Matul l-aħħar żewġ deċennji, bit-tneħħija tal-ostakli storiċi, l-UE ittrasformat u integrat swieq tal-avjazzjoni nazzjonali frammentati fl-uniku, l-akbar u l-aktar suq tal-avjazzjoni reġjonali miftuħ fid-dinja Is-suq uniku tal-avjazzjoni tal-UE, li huwa bbażat fuq regoli komuni dwar l-aspetti komuni tal-avjazzjoni mal-UE kollha, kien suċċess kbir.

L-UE għalhekk qed tfittex li testendi l-ambitu ġeografiku u l-benefiċċji tas-suq uniku tal-avjazzjoni tal-UE billi tespandi dan is-suq biex tkopri pajjiżi ġirien.

L-UE innegozjat għadd ta' ftehimiet ta' servizzi tal-ajru importanti ma’ pajjiżi ġirien li biż-żmien ser jikkostitwixxu Spazju Komuni tal-Ajru bbażat fuq proċess parallel ta’ ftuħ gradwali tas-swieq u konverġenza regolatorja lejn leġiżlazzjoni u regolamenti tal-avjazzjoni tal-UE, li jkopru madwar 55 pajjiż u biljun (1) abitant, jiġifieri d-doppju tal-popolazzjoni tal-UE.

IP/12/1027

TABELLI

L-akbar swieq internazzjonali tal-UE

It-traffiku reali ta’ passiġġieri bejn l-UE-27 u pajjiżi mhux tal-UE fl-2010

(Miljuni)

Pajjiż

2010

1. L-Istati Uniti

47.2

2. It-Turkija

30.1

3 L-Iżvizzera

26.6

4 In-Norveġja

15.0

5 L-Eġittu

14.0

6 Ir-Russja

13.1

7 L-Emirati Għarab Magħquda

11.0

8 Il-Marokk

10.9

9 Il-Kanada

9.1

10 It-Tuneżija

8.3

11 L-Iżrael

6.7

12 L-Indja

5.3

13 Iċ-Ċina

5.2

14 Il-Brażil

4.9

15 Il-Ġappun

4.6

16 It-Tajlandja

4.3

17 L-Alġerija

3.5

18 Hong Kong

3.5

19 Il-Kroazja

3.4

20 Singapor

3.1

Sors : Eurostat (Ibbażat fuq l-ammont reali ta’ passiġġieri li ġew ittrasportati)

Varjazzjoni % tal-Aqwa 20 Suq 'il Barra mill-UE

abbażi tas-siġġijiet disponibbli għall-bejgħ

(miljuni)

Pajjiż

2010

2000

Varjazzjoni %

1

L-Istati Uniti

70.1

67.2

4.4%

2

It-Turkija

43.5

13.7

217.3%

3

L-Iżvizzera

42.1

35.8

17.7%

4

Ir-Russja

26.9

8.8

204.9%

5

In-Norveġja

23.9

10.4

129.0%

6

L-Emirati Għarab Magħquda

18.0

4.1

336.4%

7

Il-Kanada

15.7

9.8

59.5%

8

Il-Marokk

14.4

4.4

224.8%

9

Iċ-Ċina

10.0

2.6

285.6%

10

L-Iżrael

8.2

6.1

34.8%

11

Il-Kroazja

8.0

1.9

324.3%

12

It-Tuneżija

7.2

4.6

58.4%

13

L-Alġerija

7.2

3.6

101.6%

14

L-Eġittu

7.1

3.6

94.9%

15

Il-Brażil

6.8

3.9

77.3%

16

Il-Ġappun

6.6

6.6

0.4%

17

L-Indja

6.5

3.3

96.5%

18

L-Ukrajna

5.8

1.7

243.7%

19

Singapor

5.5

4.4

26.3%

20

Il-Qatar

5.0

0.3

1560.3%

Sors : Skedi tal-OAG (N.B. Ibbażati fuq sits disponibbli għall-bejgħ)

L-Aqwa 25 Linja tal-Ajru fid-Dinja abbażi tal-RPK* (biljuni)

Linja tal-ajru

2011

2000

Varjazzjoni %

1

Delta Air Lines

310

180

72.2%

2

United Airlines

292

203

44.1%

3

Air France KLM

217

153

41.7%

4

American Airlines

203

187

9.0%

5

IAG Group

169

161

4.5%

6

Southwest Airlines

167

68

145.4%

7

Emirates Airline

153

20

676.3%

8

Lufthansa

141

89

59.3%

9

China Southern

122

21

479.1%

10

Qantas Group

107

64

68.1%

11

Cathay Pacific

102

47

115.9%

12

US Airways

98

76

29.1%

13

Ryanair

94

4

2268.8%

14

Air China

93

18

414.4%

15

Singapore Airlines

86

71

21.5%

16

Air Canada

84

72

17.0%

17

China Eastern

79

14

483.6%

18

Japan Airlines

65

89

-27.1%

19

Korean Air

65

40

60.1%

20

easyJet

63

4

1307.9%

21

Qatar Airways

62

3

2147.1%

22

ANA

60

58

3.1%

23

Turkish Airlines

59

17

242.1%

24

TAM

57

7

683.4%

25

Thai Airways Int’l.

55

41

34.8%

Sors : Air Transport World, Flightglobal

*) RPK = Revenue-Passenger-Kilometers, li huwa l-għadd ta’ passiġġieri li jħallsu u li jiġu ttrasportati fuq titjiriet skedati immultiplikat bl-għadd ta’ kilometri li tali siġġijiet għamlu fl-ajru

Il-Linji tal-Ajru Ewropej Ewlenin (Nazzjonali u Internazzjonali)

Xejriet Riċenti ta’ Tkabbir

Biljuni fi Dħul għal kull Passiġġier/Kilometru (RPK)*

Linja tal-ajru

2000

2010

varjazzjoni % 00/10

1 Lufthansa

94

130

37.5

2 Air France

92

125

36.1

3 British Airways

119

106

-11.6

4 KLM

60

76

26.1

5 Ryanair

3

72

2031.4

6 Easyjet

5

56

1086.6

7 Iberia

40

51

28.0

8 Turkish Airlines

17

47

167.5

9 Air Berlin

8

45

479.1

10 Virgin Atlantic

29

38

29.5

11 Alitalia

41

33

-19.4

12 SWISS

3

30

748.1

13 TAP

10

24

127.1

14 SAS

23

23

2.5

15 Austrian Airlines

9

16

81.0

16 Finnair

7

16

112.7

17 Aer Lingus

9

14

56.1

18 Spanair

10

9

-3.9

19 Brussels Airlines

2

7

211.6

20 LOT

6

7

14.6

Sors : Diversi sorsi tal-industrija tal-linji tal-ajru

*) RPK = Revenue-Passenger-Kilometers, huwa l-għadd ta’ passiġġieri li jħallsu u li jiġu ttrasportati fuq titjiriet skedati immultiplikat bl-għadd ta’ kilometri li tali siġġijiet għamlu fl-ajru

L-Aqwa 20 Ajruport Ewropew

Miljuni ta’ passiġġieri

Klassifikazzjoni

Ajruport

2000

2009

2010

Varjazzjoni 09/10

1

LONDON HEATHROW

64.3

65.9

65.7

-0.2%

2

PARIS/CHARLES-DE-GAULLE

49.7

57.7

58.0

0.5%

3

FRANKFURT/MAIN

48.9

50.6

52.6

4.1%

4

MADRID/BARAJAS

32.7

48.0

49.8

3.8%

5

AMSTERDAM/SCHIPHOL

39.3

43.5

45.1

3.7%

6

ROMA/FIUMICINO

25.9

33.4

36.0

7.6%

7

MUNICH

22.9

32.6

34.5

6.0%

8

LONDON/GATWICK

32.0

32.4

31.3

-3.1%

9

BARCELONA

19.4

27.3

29.2

6.9%

10

PARIS/ORLY

23.8

25.1

25.2

0.3%

11

KØBENHAVN/KASTRUP

18.1

19.6

21.4

9.1%

12

PALMA DE MALLORCA

19.3

21.2

21.1

-0.4%

13

WIEN/SCHWECHAT

5.9

18.0

19.6

8.7%

14

DUSSELDORF

15.9

17.7

18.9

6.7%

15

MILANO/MALPENSA

20.6

17.3

18.7

7.9%

16

LONDON/STANSTED

11.9

19.9

18.6

-7.0%

17

DUBLIN

13.7

20.5

18.4

-10.1%

18

MANCHESTER/INTL

18.3

18.6

17.7

-5.2%

19

BRUXELLES/NATIONAL

21.6

16.8

17.0

1.2%

20

STOCKHOLM/ARLANDA

18.6

16.1

17.0

5.6%

Sors : Eurostat

L-Aqwa 20 Ajruport fid-Dinja abbażi tal-Għadd ta’ Passiġġieri fl-2011

Miljuni ta’ passiġġieri

Ajruport

2011

Klassifikazzjoni fl-2000

1 Atlanta

92.4

1

2 Beijing

77.4

Mhux fost l-Aqwa 20

3 London Heathrow

69.4

4

4 Chicago

66.6

2

5 Tokyo / Haneda

62.3

6

6 Los Angeles

61.8

3

7 Paris CDG

61.0

8

8 Dallas

57.8

5

9 Frankfurt (Main)

56.4

7

10 Hong Kong

53.3

Mhuxfost l-Aqwa 20

11 Denver

52.7

11

12 Jakarta

52.4

Mhux fost l-Aqwa 20

13 Dubai

51.0

Mhux fost l-Aqwa 20

14 Amsterdam / Schiphol

49.8

10

15 Madrid / Barajas

49.6

20

16 Bangkok

47.9

Mhux fost l-Aqwa 20

17 New York (JFK)

47.9

Mhux fost l-Aqwa 20

18 Singapore / Changi

46.5

Mhux fost l-Aqwa 20

19 Guangzhou

45.0

Mhux fost l-Aqwa 20

20 Las Vegas

41.5

12

Sors : Il-Kunsill Internazzjonali tal-Ajruporti

L-aktar 25 Ajruport fid-Dinja li qed jikbru b’Rata Mgħaġġla fl-2010

(B’aktar minn 5 miljun passiġġier)

Sors : Il-Kunsill Internazzjonali tal-Ajruporti

1 :

"Aviation: Benefits Beyond Borders", Rapport imħejji minn Oxford Economics għal ATAG, f’Marzu 2012

2 :

Airbus "Delivering the Future: Global Market Forecast 2011-2030"

3 :

Bombardier/Global Insight

4 :

5 :

Ftehim multilaterali ffirmat mas-sħab li ġejjin: L-Albanija, il-Bosnija-Ħerzegovina, il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u l-UNMIK


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website