Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, is-27 ta' Settembru 2012

L-Isfruttar tal-Potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa – X'inhu eżattament u xi jfisser dan għalija?

Ara wkoll IP/12/1025

X'inhu l-Cloud Computing?

Il-“Cloud computing" huwa l-ħżin, l-ipproċessar u l-użu tad-dejta fuq kompjuters remoti aċċessibbli permezz tal-internet. Bosta nies illum jużaw it-teknoloġija cloud mingħajr lanqas jintnebħu li qed jagħmlu dan. Servizzi bħal posta elettronika bbażata fuq l-internet jew netwerks soċjali jistgħu jkunu bbażati fuq it-teknoloġija cloud. Għal utenti professjonali tal-IT, il-cloud computing ifisser livell għoli ta' flessibbiltà fir-rigward tal-ammont ta' qawwa informatika meħtieġa. Pereżempju, jekk servizz jesperjenza użu akbar, huwa sempliċi ħafna li tiżdiedlu l-kapaċità, xi ħaġa li kellha tieħu ħafna iktar ħin kieku kumpanija kellha tinstalla magna fiżika ġdida fiċ-ċentru tad-dejta tagħha stess.

Kif jaħdem il-cloud computing?

L-utent jikkollega l-kompjuter tiegħu/tagħha mal-pjattaforma cloud permezz ta' software apposta. Fit-teknoloġija cloud, il-qawwa tal-ipproċessar hija pprovduta minn ċentri kbar tad-dejta, b'mijiet ta' servers u sistemi ta' ħżin tad-dejta li kapaċi jimmaniġġaw kwalunkwe software tal-kompjuter (mill-ipproċessar tad-dejta għal logħob tal-kompjuter) li l-klijenti jistgħu jkollhom bżonn jużaw. Xi drabi s-servizzi jkunu offruti b'xejn (pereżempju offerti ta' posta elettronika fuq l-internet), iżda l-biċċa l-kbira tal-klijenti jistgħu jħallsu flessibbilment fuq bażi ta' ħlas skont l-użu jew b'tariffa unika fix-xahar.

Fejn qed tinħażen id-dejta tiegħi meta nuża l-cloud?

F'ċentru tad-dejta x'imkien fil-pjaneta. Jekk fejn tinsab fiżikament id-dejta huwa importanti, l-utenti jistgħu jiżguraw li dan ikun speċifikat fil-kuntratti ta' cloud computing tagħhom. Fir-rigward tad-dejta personali tal-oħrajn, id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tesiġi li d-dejta jew tinħażen fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew f'territorju li għandu liġijiet ekwivalenti dwar il-privatezza.

X'inhuma l-vantaġġi ewlenin tal-cloud computing għall-utenti?

L-utenti la għandhom għalfejn jixtru software jew servers u apparat għall-ħżin tad-dejta għaljin u lanqas ma għandhom għalfejn iħallsu għall-manutenzjoni tagħhom. Dan iwassal għall-iffrankar tal-flus, tal-ispazji tal-uffiċċji u ta’ persunal intern ta' appoġġ għall-IT. L-utenti għandhom ukoll kważi flessibbiltà sħiħa fir-rigward tal-ispazju u l-għodda ta' ħżin li jużaw.

Għalfejn għandna bżonn ta' strateġija tal-UE biex nisfruttaw il-potenzjal tal-cloud computing?

Il-vantaġġi ekonomiċi huma ferm akbar – EUR 160 biljun fis-sena, jew madwar EUR 300 għal kull persuna fis-sena – permezz ta' azzjoni pan-Ewropea. Illum it-taħlita ta' regoli differenti fil-livell tal-Istati Membri żżid l-inċertezza tal-kumpaniji rigward l-obbligi legali tagħhom, u b'hekk qed tiddewwem l-adozzjoni tal-cloud computing. Filwaqt li l-inizjattivi cloud fl-Istati Membri huma milqugħa tajjeb, bħal Andromède fi Franza, G-Cloud fir-Renju Unit u Trusted Cloud fil-Ġermanja, dan mhuwiex biżżejjed u mhuwiex l-aktar mod effiċjenti biex is-suq jikber fl-interess ta' kulħadd.

X'inhuma l-gwadanji ekonomiċi u f’termini ta’ impjiegi mill-istrateġija Ewropea dwar il-cloud computing?

Stimi ġodda jindikaw li d-dħul mill-cloud computing fl-UE jista' jitla' sa kważi EUR 80 biljun sal-2020 jekk l-intervent ta' politika jkun suċċess (u b'hekk it-tkabbir fis-settur ikun iktar mid-doppju). Għalhekk din l-istrateġija tikkonċerna l-kostruzzjoni ta' industrija ġdida, u li nikkompetu b'mod aħjar, partikolarment, mal-Istati Uniti.

B'mod aktar ġenerali, nistgħu nistennew gwadann annwali nett ta' EUR 160 biljun għall-PDG tal-UE sal-2020 (jew gwadann totali ta' kważi EUR 600 biljun bejn l-2015 u l-2020) jekk l-istrateġija sħiħa tal-UE dwar il-cloud computing tkun ġiet stabbilita. Mingħajrha, l-gwadanji ekonomiċi jkunu żewġ terzi anqas.

Dawn il-vantaġġi jirriżultaw l-aktar mill-fatt li n-negozji jkunu jistgħu jiffrankaw il-flus jew jiksbu aċċess għal teknoloġija li tagħmilhom aktar produttivi.

F'termini ta' għadd globali ta' impjiegi, nistennew li naraw 3.8 miljun impjieg iġġenerati wara l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija, meta mqabbel mal-1.3 miljun impjieg f'każ li ma jiġux indirizzati l-ostakli regolatorji u oħrajn ta' politika1.

X'inhi l-iskeda ta' żmien tal-azzjonijiet? Kemm se jkollna nistennew qabel ma jkun hemm bidla konkreta?

Il-Kummissjoni se twettaq l-azzjonijiet ewlenin identifikati fil-Komunikazzjoni fl-2013, partikolarment fir-rigward tal-azzjonijiet dwar l-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni għall-cloud computing, l-iżvilupp ta' termini kuntrattwali sikuri u ġusti u Sħubija Ewropea dwar il-Cloud Computing Rapport dwar il-progress sal-aħħar tal-2013 se juri jekk humiex meħtieġa inizjattivi ulterjuri ta' politika u leġiżlattivi.

Min jista' jibbenefika mill-cloud computing?

L-utenti kollha tal-internet jistgħu jibbenefikaw u l-cloud computing jista' jġib bidla radikali f'bosta oqsma.

L-istħarriġ juri li 80 % tan-negozji li diġà jużaw it-teknoloġija cloud irrappurtaw tnaqqis ta' bejn 10 % u 20 % fl-ispejjeż tal-IT, filwaqt li 20 % minnhom irrappurtaw iffrankar li jitla' sa 30 % jew aktar.

Bosta konsumaturi jużaw cloud computing bażiku (eż. kontijiet tal-posta elettronika bbażati fuq l-internet). Kapaċità kbira ta' ħżin bla ebda spiża jew bi spiża minima, konvenjenti u aċċessibbli minn kullimkien, tnaqqis fl-infiq - dawn huma wħud mill-vantaġġi offruti mit-teknoloġija Cloud.

Il-cloud computing jista' jġib miegħu gwadanji kbar għas-settur pubbliku, billi jagħmilha aktar faċli li jiġu pprovduti servizzi li jkunu integrati, effettivi u li jiswew inqas.

Il-cloud computing jista' jagħti spinta wkoll lir-riċerka billi l-istituzzjonijiet ta' riċerka jkunu jistgħu jikkomplementaw l-infrastrutturi interni tal-informatika tagħhom iddedikati għal dan l-għan b'dawk ta’ fornituri cloud, u b'hekk ikunu jistgħu jżommu ammonti kbar ta' dejta u jipproċessawha aktar malajr, u lill-innovazzjoni, billi ssir aktar faċli u rħas li jiġu ppruvati ideat ġodda għal prodotti jew servizzi tal-IT.

Il-cloud computing kif jista' jgħin fil-ħarsien tal-ambjent?

Bħall-avjazzjoni, it-tkabbir rapidu tal-informatika jfisser li hija wieħed mis-sorsi ta' emissjonijiet ta' karbonju li qed jikber l-aktar malajr. Fl-istess waqt, il-cloud computing jista' jkun l-aħjar mod biex tiżdied l-effiċjenza fil-karbonju waqt l-użu tal-informatika. Dan minħabba l-fatt li investimenti relatati mat-teknoloġija cloud ikunu jistgħu jiġu ppjanati b'servers b'użu baxx tal-enerġija u sorsi ekoloġiċi tal-enerġija, u dan b'mod ferm iktar faċli milli kieku kellu jiġi żgurat li mijiet ta' miljun ta' utenti tal-kompjuter jagħmlu għażliet ekoloġiċi. Minbarra dan, l-użu tal-hardware jista' jiġi ottimizzat, b'hekk jitnaqqas l-għadd ta' magni fiżiċi meħtieġa biex jitwettaq sett patikolari ta' kompiti.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tiffinanzja proġett ta' riċerka – il-proġett ta' Eurocloud server – li l-ewwel riżultati tiegħu juru li huwa possibbli li jonqos b'90 % l-użu tal-enerġija miċ-ċentru tad-dejta cloud, dan minbarra l-effiċjenzi diġà miksuba bit-trasferiment minn soluzzjonijiet desktop u fuq servers għal soluzzjonijiet cloud.

Il-cloud computing kif jista' jaffettwa s-settur tal-ICT?

Kieku kellhom jitneħħew l-ostakli għall-cloud computing, studju ta' aktar minn 1000 kumpanija Ewropea juri li:

  • Aktar minn 98 % tal-kumpaniji Ewropej jibdew jużaw it-teknoloġija cloud jew isaħħuha.

  • It-teknoloġija cloud tista' tattira utenti ġodda: 96 % ta' dawk in-negozji tal-UE li mhumiex qed jużaw it-teknoloġija cloud iżda attwalwment qed jaħsbu li jagħmlu dan ikunu lesti li jibdew jinvestu fiha.

  • Żieda fid-domanda għal ħiliet fl-IT mhux biss għall-oqsma fundamentali bħall-ġestjoni taċ-ċentri tad-dejta iżda wkoll, pereżempju, fil-kummerċjalizzazzjoni diġitali, l-iddisinjar tal-applikazzjonijiet, in-netwerking soċjali u s-saħħa finanzjarja.

Id-dettalji rigward s-Sħubija Ewropea dwar il-Cloud Computing (ECP)

X'inhi s-sħubija Ewropea dwar il-Cloud Computing u x'se tagħmel?

Is-sħubija Ewropea dwar il-Cloud Computing (European Cloud Partnership – ECP) tikkonsisti f'uffiċjali ta' akkwist ta' livell għoli minn korpi pubbliċi Ewropej u protagonisti ewlenin mill-industrija tal-IT u t-telekomunikazzjoni. Taħt il-gwida tal-Bord ta' Tmexxija, l-ECP se tiġbor flimkien l-awtoritajiet ta' akkwist pubbliku u konsorzji tal-industrija biex jimplimentaw azzjonijiet ta' akkwisti prekummerċjali. Permezz ta' dan, ikunu jistgħu jidentifikaw ir-rekwiżiti ta' cloud computing tas-settur pubbliku, jiżviluppaw speċifikazzjonijiet għall-akkwisti tal-IT, u jakkwistaw implimentazzjonijiet ta' referenza. B'hekk, ikun jista' jsir avvanz lejn akkwist komuni u saħansitra akkwist konġunt ta' servizzi ta' cloud computing abbażi ta' rekwiżiti tal-utent komuni. L-ECP ma għandhiex l-għan li toħloq infrastruttura fiżika tal-cloud computing. Iżda, permezz ta' rekwiżiti tal-akkwist li se jiġu promossi mill-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi parteċipanti għall-użu madwar l-UE, se jkollha l-għan li tiżgura li l-offerta kummerċjali tal-cloud computing fl-Ewropa, kemm tas-settur pubbliku kif ukoll ta’ dak privat, tkun adattata għall-ħtiġijiet Ewropej.

Kif se taħdem s-Sħubija Ewropea dwar il-Cloud Computing (ECP)?

Bord ta' Tmexxija se jagħti pariri dwar orjentazzjonijiet strateġiċi, partikolarment, fir-rigward tal-adozzjoni mis-settur pubbliku ta' servizzi ta' cloud computing b'mod li s-suq jiġi adattat għall-benefiċċju tal-utenti cloud potenzjali kollha.

Il-komponent ewlieni l-ieħor tal-ECP huwa l-livell ta' implimentazzjoni: baġit inizjali ta' EUR 10 miljun ġie allokat għal proġett ta' akkwist prekummerċjali taħt it-tema dwar l-ICT tal-Programm ta' Riċerka tal-FP72. Dan il-proġett se jesiġi koordinazzjoni mill-qrib u li jingħaqdu l-forzi bejn il-protagonisti differenti tas-settur pubbliku f'bosta Stati Membri sabiex jiġu kkonsolidati r-rekwiżiti tas-settur pubbliku għall-akkwist u l-użu ta' servizzi tal-cloud computing.

X'inhi l-missjoni ewlenija tal-Bord ta' Tmexxija tas-Sħubija Ewropea dwar il-Cloud Computing (ECP)?

Il-missjoni ewlenija tal-Bord ta' Tmexxija tinkludi:

  • li jagħti pariri dwar prijoritajiet strateġiċi għall-pożizzjonament tal-cloud computing fl-Ewropa bħala magna għat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u servizzi pubbliċi kosteffiċjenti permezz tas-Sħubija Ewropea dwar il-Cloud Computing;

  • li jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l-iżvilupp ta' politika għal cloud computing sikur u interoperabbli li jikkontribwixxi għas-Suq Uniku Diġitali Ewropew.

X'inhuma l-arranġamenti operazzjonali tal-Bord ta' Tmexxija tal-ECP?

Il-membri tal-Bord ta' Tmexxija u l-President tiegħu se jinħatru mill-Kummissarju responsabbli mill-Aġenda Diġitali, u se jaġixxu fil-kapaċitajiet personali tagħhom. Il-Bord se jiltaqa' darbtejn jew tliet darbiet fis-sena. Il-Bord ta' Tmexxija jista' jikkonsulta ma' korpi u esperti industrijali, akkademiċi u governattivi.

Il-lagħqa inawgurali tal-Bord ta' Tmexxija hija ppjanata li ssir fl-aħħar trimestru tal-2012.

Protezzjoni tad-dejta, sigurtà, privatezza u drittijiet tal-utent

L-istrateġija kif se tgħinni ninforza d-drittijiet tiegħi bħala utent ta' servizzi tal-cloud computing?

Waħda mill-azzjonijiet ewlenin tal-Istrateġija hija li tiżviluppa mudell ta' termini u kundizzjonijiet kuntrattwali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet mhux koperti mil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ bħal: il-preservazzjoni tad-dejta wara li jintemm il-kuntratt, id-divulgazzjoni u l-integrità tad-dejta, fejn tinsab id-dejta u t-trasferiment tagħha, is-sjieda tad-dejta jew ir-responsabbiltà diretta u indiretta. L-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet konsistenti fil-qasam tat-termini u l-kundizzjonijiet kuntrattwali huma mod kif tiġi inkoraġġuta l-adozzjoni estensiva tas-servizzi tal-cloud computing billi tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur.

Din l-istrateġija kif inhi relatata mal-proposti tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta?

It-tħassib tal-fornituri u l-utenti tal-cloud computing tqiesu b'mod attent matul il-ħidma ta' tħejjija għar-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Dejta proposta mill-Kummissjoni f'Jannar 2012. Ir-Regolament propost jikkostitwixxi bażi ġenerali tajba għall-iżvilupp futur tal-cloud computing.

Billi t-tħassib dwar il-protezzjoni tad-dejta ġie identifikat bħala wieħed mill-ostakli l-aktar serji għall-adozzjoni tal-cloud computing, huwa ferm aktar importanti li l-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew jaħdmu b'pass mgħaġġel favur l-adozzjoni tar-Regolament propost kemm jista' jkun kmieni fl-2013.

Ladarba jkun adottat ir-Regolament propost, il-Kummissjoni se tuża l-mekkaniżmi ġodda biex tiġi pprovduta kwalunkwe gwida addizzjonali meħtieġa dwar l-applikazzjoni tal-liġi Ewropea dwar il-protezzjoni tad-dejta fir-rigward tas-servizzi tal-cloud computing.

X'qed isir b'mod konkret fuq livell globali biex tiġi żgurata regolamentazzjoni konsistenti?

Il-cloud computing huwa attività kummerċjali fil-livell globali li tesiġi djalogu internazzjonali rinfurzat dwar l-użu transfruntier sikur u bla intoppi.

Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem, permezz ta' djalogu internazzjonali dwar il-kummerċ, l-infurzar tal-liġi, is-sigurtà u ċ-ċiberkriminalità biex jiġu riflessi bis-sħiħ l-isfidi ġodda li jinħolqu b’riżultat tal-cloud computing.

Dawn id-djalogi qed jitkomplew f'fora multilaterali bħall-WTO u l-OECD sabiex jiġu avvanzati għanijiet komuni għas-servizzi tal-cloud computing, u b'mod bilaterali mal-Istati Uniti, il-Ġappun u pajjiżi oħra.

Kif nista' nkun naf jekk id-dejta tiegħi hijiex maħżuna fl-Ewropa jew x'imkien ieħor?

It-termini u l-kundizzjonijiet kuntrattwali għandhom jindirizzaw il-kwistjoni dwar fejn tinsab id-dejta. Madankollu, il-kuntratti standard li jkollok taċċettahom kif inhuma u li jintużaw minn bosta fornituri cloud bħalissa ma jinkludux tali informazzjoni. L-istrateġija tenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat mudell ta' termini u kundizzjonijiet kuntrattwali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet mhux koperti mil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ bħal, inter alia, fejn tinsab id-dejta.

Xi jsir mid-dejta tiegħi jekk tagħlaq il-kumpanija cloud li nkun qed nuża?

Din normalment tkun koperta mit-termini u l-kundizzjonijiet kuntrattwali - il-ħtieġa ta' protezzjoni aktar ċara hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni se tiżviluppa mudell ta' termini u kundizzjonijiet kuntrattwali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet mhux koperti mil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ

Standards, ċertifikazzjoni u kuntratti

Għalfejn ma tistax tikteb inti stess l-istandards meħtieġa, għalfejn għandek tiddependi fuq l-industrija biex dan isir?

L-istandardizzazzjoni taħdem l-aħjar meta tkun proċess immexxi mill-industrija. L-industrija diġà qed tagħmel sforz kbir biex toħloq standards li jżidu l-interoperabbiltà tal-cloud.

L-istandards qed ifeġġu iżda bħalissa mhemmx ftehim komuni fir-rigward ta' liema standards jistgħu jiggarantixxu l-interoperabbiltà, il-portabbiltà tad-dejta u r-riversibbiltà meħtieġa. Il-Kummissjoni tixtieq tidentifika settijiet koerenti ta' standards utli li jagħmluha aktar faċli biex in-naħat tad-domanda u dawk tal-provvista jorganizzaw lilhom infushom.

Meta huwa mistenni li titnieda l-iskema ta' ċertifikazzjoni?

Il-Kummissjoni se taħdem bl-appoġġ tal-ENISA u ta’ korpi rilevanti oħrajn biex tassisti fl-iżvilupp ta' skemi volontarji ta' ċertifikazzjoni mal-UE kollha fil-qasam tal-cloud computing (inkluża l-protezzjoni tad-dejta) u biex tistabbilixxi lista ta' skemi bħal dawn sal-2014.

Jekk is-sistema tkun fuq bażi volontarja, x'se tagħmlu jekk il-kumpaniji sempliċement jiddeċiedu li ma jingħaqdux magħha?

Aħna se nibqgħu naħdmu mal-kumpaniji biex inżidu l-attrattività tal-iskema. Iċ-ċittadini jgħidulna li jixtiequ tali informazzjoni, u għandu jiġi mfakkar li ċertifikazzjoni mhijiex kastig għall-kumpaniji. Sempliċement tagħtihom għodda biex juru l-kwalità u l-konformità tagħhom lil konsumaturi prospettivi.

L-Istrateġija dwar il-Cloud Computing tipprevedi l-kostruzzjoni ta' "Super-Cloud Ewropew"?

Le, l-istrateġija ma tikkonċernax il-ħolqien ta' infrastrutturi fiżiċi. Madankollu, nixtiequ naraw offerti cloud disponibbli għall-pubbliku li jissodisfaw l-istandards Ewropej mhux biss mil-lat ta' termini regolatorji, iżda wkoll mil-lat ta' kompetittività, ftuħ u sigurtà.

U xi ngħidu dwar is-sigurtà fit-teknoloġija cloud?

Riskji ta' sigurtà speċifiċi għat-teknoloġija cloud huma relatati mal-preżenza ta' aktar minn utent wieħed u l-karatteristika ta' riżorsi kondiviżi tal-cloud computing (li jfisser li l-istess infrastruttura fiżika ta' spiss tkun qed isservi bosta klijenti ta' fornitur cloud). Fit-teknoloġija cloud, il-klijent iċedi, sa ċertu punt, il-kontroll fuq is-sigurtà lill-fornitur tas-servizz, għalhekk huwa importanti li jkun jista' jiġi vvalutat jekk il-fornitur tas-servizz cloud huwiex qed jikkonforma mar-rekwiżiti ta' sigurtà. Dan juri għaliex l-iskemi ta' ċertifikazzjoni se jkollhom rwol importanti peress li se jgħinu lill-fornituri jindikaw il-konformità tagħhom lil utenti prospettivi b'mod affidabbli. Min-naħa l-oħra, għal dawk li mhumiex esperti fis-sigurtà tal-IT, li l-kwistjonijiet ta' sigurtà jitħallew f'idejn il-professjonisti tal-IT li jaħdmu għall-fornitur ta' servizz cloud jista' fil-fatt iżid is-sigurtà.

Il-clouds huma interoperabbli? Huwa possibbli li wieħed jibdel faċilment il-fornitur tas-servizz cloud tiegħu?

Bħalissa, offerti cloud differenti mhumiex interoperabbli daqs kemm jistgħu jkunu. Fornituri cloud jistgħu jużaw sistemi operattivi jew interfaċċi ta' applikazzjonijiet differenti li mhumiex interoperabbli, li jfisser li s-software żviluppat biex jaħdem ma' fornitur cloud wieħed ma jistax jitħaddem faċilment ma' ieħor. Dan jista' jwassal għal dipendenza akbar fuq fornitur ta' servizz wieħed, billi mhuwiex neċessarjament faċli li tiġi ttrasferita d-dejta minn cloud għal ieħor ("saturazzjoni").

L-istrateġija dwar il-cloud computing tindirizza l-kwistjonijiet usa' tas-sigurtà?

L-istrateġija, minnha nnifisha, ma tindirizzax il-kwistjonijiet ta' sigurtà relatati mal-internet u l-ambjent online. Fix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni se tindirizza l-isfidi ġenerali taċ-ċibersigurtà fl-Istrateġija tagħha dwar iċ-Ċibersigurtà. Din l-istrateġija li jmiss se tindirizza l-fornituri kollha tas-soċjetà tal-informazzjoni, inklużi l-fornituri tas-servizzi tal-cloud computing. Din se tindika, inter alia, il-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa li għandhom jittieħdu biex jiġu mmaniġġjati r-riskji għas-sigurtà. Din se tistabbilixxi wkoll obbligi ta' rapportar ta' inċidenti sinifikanti lill-awtoritajiet kompetenti.

L-istrateġija dwar il-computing biħsiebha tostakola l-attivitajiet ta' fornituri cloud internazzjonali fl-Ewropa?

Le. L-istrateġija għandha l-għan li tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-Ewropa fit-tkabbir globali tal-cloud computing billi: jiġu rieżaminati l-klawżoli kuntrattwali standard applikabbli għat-trasferiment ta' dejta personali lil pajjiżi terzi u jiġu adattati, skont il-ħtieġa, għas-servizzi cloud; u billi l-awtoritajiet nazzjonali ta' protezzjoni tad-dejta jiġu mistiedna japprovaw ir-Regoli Korporattivi Vinkolanti għall-fornituri cloud3. Minbarra dan, il-Kummissjoni se tibni wkoll fuq id-djalogi internazzjonali tagħha li għaddejjin bħalissa mal-Istati Uniti, il-Ġappun u pajjiżi oħra, fir-rigward tat-temi cloud ewlenin.

1 :

Ara: Studju tal-IDC "Quantitative Estimates of the demand for Cloud Computing in Europe and the likely barriers to take-up", Frar 2012.

2 :

Ara l-Għan 11.3 ta' http://cordis.europa.eu/fp7/ict/docs/ict-wp2013-10-7-2013.pdf

3 :

L-opinjonijiet rilevanti tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Artikolu 29 (Ara: WP 195 u WP 153) se jservu bħala bażi għall-abbozz tal-Kummissjoni. Ir-Regoli Korporattivi Vinkolanti huma mezz wieħed biex jiġu permessi trasferimenti internazzjonali legali tad-dejta: dawn jirregolaw, b'mod li jista' jiġi infurzat, kif il-partijiet differenti ta' korporazzjoni jimmaniġġaw id-dejta personali irrispettivament mill-post internazzjonali tagħhom.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site