Navigation path

Left navigation

Additional tools

FAQs dwar il-multilingwiżmu u t-tagħlim tal-lingwi

European Commission - MEMO/12/703   25/09/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, il-25 ta' Settembru 2012

FAQs dwar il-multilingwiżmu u t-tagħlim tal-lingwi

IP/12/1005

Xi tfisser il-kelma “multilingwiżmu”?

  • L-abbiltà li titkellem u li jkollok ħakma ta’ bosta lingwi;

  • Politika li titlob li organizzazzjoni, kumpanija jew istituzzjoni jużaw aktar minn lingwa waħda fil-komunikazzjoni interna u/jew esterna tagħhom.

Liema huma l-ilsna uffiċjali tal-UE?

It-23 lingwa uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-UE huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan, u l-Ungeriż.

Min jiddeċiedi l-ilsna uffiċjali tal-UE?

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fejn ikunu rappreżentati l-Istati Membri kollha tal-UE, jiddeċiedi dwar dan b’mod unanimu. Qabel ma jissieħeb fl-UE, kull Stat Membru li jkun se jidħol jistipula liema lingwa jrid juża bħala l-lingwa(i) uffiċjali tiegħu għall-finijiet tal-UE. Kull bidla li tista’ tirriżulta wara dan — iż-żieda ta’ lingwa uffiċjali ġdida jew it-tneħħija ta’ waħda eżistenti — trid tiġi approvata unanimament mill-Istati Membri kollha.

Kemm huma mitkellma lingwi reġjonali fl-Istati Membri?

Hemm madwar 60 lingwa minoritarja u reġjonali mitkellma fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll aktar minn 175 lingwa migranti.

Xi status jokkupaw il-lingwi reġjonali fl-istituzzjonijiet tal-UE?

Il-Kunsill tal-UE qabel li ċerti lingwi li huma rikonoxxuti fil-Kostituzzjoni ta' Stat Membru, anke jekk ma jkunux lingwa(i) uffiċjali tal-UE, jistgħu jintużaw f’laqgħat formali tal-UE u f’dokumenti tal-UE. Bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Gvern Spanjol ġie konkluż ftehim dwar l-użu tal-Bask, il-Katalan u l-Galizju fid-dokumenti. Il-Gvern tar-Renju Unit għandu ftehim simili dwar l-użu tal-Welsh u tal-Galliku Skoċċiż. F'dawn il-każijiet, it-traduzzjonijiet huma pprovduti mill-Gvern tal-Istat Membru konċernat, kif u meta meħtieġa, bi spejjeż tiegħu. L-interpretazzjoni mill-Bask, il-Katalan/il-Valenzjan/il-Baleariku u l-Galizju (iżda mhux lejhom) tiġi pprovduta meta tintalab għal ċerti formazzjonijiet tal-Kunsill mar-rappreżentanti reġjonali, kif ukoll fil-laqgħat plenarji tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. L-ispiża ta’ din l-interpretazzjoni taqa’ fuq l-Istat Membru inkwistjoni. L-awtoritajiet ta' Wales u tal-Iskozja għandhom arranġament simili.

Il-liġi tal-UE tipproteġih l-użu tal-lingwi?

L-obbligi u d-drittijiet tal-UE fir-rigward tal-lingwi huma mħarsa mil-liġi Ewropea. It-Trattat tal-UE (l-Artikolu 3) u l-Istatut tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropa (l-Artikoli 21 u 22) jipprojbixxu d-diskriminazzjoni minħabba l-lingwa u jistqarru li l-Unjoni għandha tirrispetta d-diversità lingwistika.L-ewwel Regolament tal-Komunità, li sar fl-1958, jesiġi li l-istituzzjonijiet tal-Komunità jittraduċu l-leġiżlazzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, kif ukoll li jwieġbu għall-mistoqsijiet miċ-ċittadini fl-istess lingwa tal-mistoqsija (l-Artikolu 2, u l-Artikoli 20 u 24 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea).

L-UE qed tippjana li tnaqqas in-numru ta’ lingwi uffiċjali?

Le. Is-sistema attwali hija fis-seħħ fl-interess tad-demokrazija, it-trasparenza u r-responsabbiltà. L-ebda Stat Membru mhu lest iċedi l-lingwa tiegħu u l-pajjiżi kandidati jridu jaraw il-lingwa tagħhom miżjuda fil-lista tal-lingwi uffiċjali. L-adozzjoni ta’ lingwa waħda għall-UE ġieli ġiet proposta. Iżda dan ma jkunx demokratiku minħabba li ħafna nies fl-UE jispiċċaw ma jkunux jistgħu jifhmu x'qed isir f'isimhom u dan inaqqas mit-trasparenza.

Għaliex il-Kummissjoni Ewropea tippromwovi l-multilingwiżmu?

Minħabba li tixtieq 1) tippromwovi d-djalogu interkulturali u soċjetà aktar inklużiva; 2) tgħin iċ-ċittadini tas-27 Stat Membru jiżviluppaw sens ta' ċittadinanza Ewropea; 3) tkabbar l-opportunitajiet għal persuni biex jistudjaw u jaħdmu barra minn pajjiżhom u 4) tiftaħ swieq ġodda għan-negozji tal-UE li jikkompetu fil-livell globali.

Fil-qosor, x’inhu l-għan tal-UE dwar il-politiki lingwistiċi?

Il-politiki lingwistiċi tal-UE għandhom l-għan li jħarsu d-diversità lingwistika u li jippromwovu l-għarfien tal-lingwi għal raġunijiet ta' identità kulturali u ta’ integrazzjoni soċjali, u anki għaliex iċ-ċittadini multilingwi huma f’qagħda aħjar li jisfruttaw l-opportunitajiet ta' edukazzjoni u ta’ impjieg fis-Suq Uniku.

L-għan politiku ewlieni huwa Ewropa li fiha kulħadd jitgħallem tal-inqas żewġ lingwi barra lsien art twelidu, u dan minn età żgħira. L-objettiv ta’ "l-ilsien omm +2" twaqqaf mill-kapijiet tal-Istat u tal-Gvern tal-UE fis-Samit ta' Barċellona f’Marzu 2002.

Xi rwol għandhom it-traduzzjoni u l-interpretazzjoni?

Ir-rwol tas-servizzi tat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni tal-Unjoni Ewropea huwa li jsostnu u jsaħħu l-multilingwiżmu fl-Unjoni Ewropea u biex iwasslu l-politiki tal-Unjoni eqreb taċ-ċittadini tagħha. It-twassil tal-informazzjoni liċ-ċittadini, partikolarment dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-UE, u l-komunikazzjoni magħhom fil-lingwi uffiċjali kollha huwa essenzjali għal-leġittimità, it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-effiċjenza tal-UE.

Kull dokument tal-UE jiġi tradott fil-lingwi uffiċjali kollha?

Le. Id-dokumenti jiġu tradotti skont il-prijoritajiet: dawn jiddependu mill-udjenza fil-mira u mill-iskop. Il-leġiżlazzjoni u d-dokumenti ta’ importanza kbira jew interess kbir għall-pubbliku jiġu tradotti fit-23 lingwa uffiċjali. Dokumenti oħra (pereżempju, korrispondenza mal-awtoritajiet nazzjonali u deċiżjonijiet indirizzati lil individwi jew entitajiet partikulari) jiġu tradotti biss fil-lingwi meħtieġa.

Il-Kummissjoni Ewropea tamministra x-xogħol intern tagħha fi tliet lingwi “proċedurali”: l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż. Il-Membri tal-Parlament Ewropew jirċievu d-dokumenti ta' ħidma fil-lingwa tagħhom stess.

U l-websajts?

L-użu tal-internet biex il-pubbliku jinżamm infurmat dwar x'qed tagħmel l-UE u dwar kif jistgħu jibbenefikaw minnha qed isir dejjem iktar importanti. Fir-rigward tal-websajts tal-Kummissjoni, ma hemm ebda obbligu legali biex tiġi tradotta kull paġna fil-lingwi uffiċjali kollha. Madankollu, il-Kummissjoni tipprovdi kemm jista’ jkun informazzjoni, u fl-akbar għadd ta’ lingwi possibbli, fil-websajts tagħha.

X’inhuma l-ispejjeż marbuta mat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni fl-istituzzjonijiet tal-UE?

L-ispiża totali marbuta mat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE (inklużi l-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni) hija madwar EUR 1 biljun fis-sena. Dan ifisser inqas minn 1% tal-baġit tal-UE jew ftit aktar minn EUR 2 għal kull ċittadin. Il-Kummissjoni Ewropea timpjega madwar 3,000 traduttur u interpretu.

Liema lingwa hi l-aktar waħda importanti?

Il-lingwi kollha huma meqjusa importanti, u b’mod indaqs. Il-lingwa tal-UE bl-akbar numru ta’ kelliema nattivi fl-UE hi l-Ġermaniż. Iżda ma tintużax ħafna barra l-Ġermanja u l-Awstrija. Il-lingwi tal-UE l-aktar użati fid-dinja huma l-Ingliż u l-Ispanjol — iżda l-biċċa l-kbira tal-kelliema ma jinsabux fl-Ewropa. L-Ingliż huwa t-tieni lingwa l-aktar magħrufa fl-UE. Madankollu, minn stħarriġ riċenti ħareġ li, sal-lum stess, anqas minn nofs il-popolazzjoni tal-UE tafu biżżejjed b’mod li tista’ tikkomunika bih. Il-Franċiż hu l-lingwa uffiċjali, jew waħda mil-lingwi uffiċjali, ta’ tliet Stati Membri (il-Belġju, Franza u l-Lussemburgu). Hu lingwa mitkellma f’ħafna partijiet fid-dinja u jiġi mgħallem f’ħafna skejjel fl-UE – iżda huwa ħafna iktar magħruf fl-Ewropa t’Isfel u tal-Punent milli fl-Ewropa ta’ Fuq jew tal-Lvant.

Ma tkunx soluzzjoni li jkollok lingwa waħda għal kulħadd?

L-idea li jkun hemm lingwa waħda bħala soluzzjoni għall-ħtiġijiet lingwistiċi kollha hija wisq simplistika. Il-Latin jew l-Esperanto xi kultant jiġu proposti bħala lingwa waħda, pan-Ewropea, li l-UE jmissha tadotta. Madankollu, peress li kważi kulħadd ikollu jitgħallem waħda minn dawn il-lingwi mill-bidu nett, din is-soluzzjoni tkun daqstant ieħor diffiċli u mhux tant utli fejn jidħlu r-relazzjonijiet mal-bqija tad-dinja. Biex tħarreġ għalliema f’lingwa ġdida u biex tgħallimha lil 500 miljun Ewropew jinvolvi ħafna żmien u riżorsi. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni Ewropea timpenja ruħha għal multilingwiżmu li jippromwovi d-diversità minflok l-uniformità.

Kif se nibbenefika jekk nitgħallem il-lingwi?

Fi żmien fejn il-qgħad qiegħed dejjem jiżdied u fejn jeżistu perspettivi ekonomiċi diffiċli, il-kapaċità li nużaw u nifhmu lingwi barranin hija valur miżjud kif ukoll kompetenza ewlenija għall-impjegabbiltà, it-tkabbir u l-impjiegi. Din hija r-raġuni għala l-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern tal-UE fl-2002 iltaqgħu u appellaw biex, sa minn kmieni, it-tfal jiġu mgħallma tal-inqas żewġ lingwi barranin.

L-UE x’tip ta’ sostenn toffri biex tippermetti lin-nies jitgħallmu l-lingwi barra minn Malta?

It-tagħlim tal-lingwi barra mill-pajjiż jista’ jkollu rwol ċentrali fl-irkupru tal-ekonomiji tagħna kif ukoll fl-iżvilupp ta’ soċjetà aktar koerenti fuq skala kontinentali. Iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom ikunu kapaċi jiżviluppaw ħiliet lingwistiċi aktar b’saħħithom, jinfetħu għal kulturi differenti u jiskopru l-opportunitajiet li joffrulhom l-Unjoni u s-suq globali. Il-programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja tal-UE jalloka madwar EUR 50 miljun fis-sena biex titqajjem il-kuxjenza dwar l-importanza tal-ħiliet lingwistiċi, biex jittejjeb l-aċċess għar-riżorsi tat-tagħlim tal-lingwi u biex jiġu żviluppat materjal għat-tagħlim tal-lingwi, kemm għal min jgħallem u kemm għal min jitgħallem. It-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika huma fost il-prijoritajiet tal-programm "Erasmus għal kulħadd" għall-perjodu 2014-2020. Huwa mistenni li l-programm il-ġdid, li bħalissa qed jiġi diskuss fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew, se jżid b’mod sinifikanti l-finanzjament għall-ksib u l-iżvilupp tal-ħiliet lingwistiċi.

Il-lingwi huma importanti għan-negozju?

Iva, għax huwa utli li tkun taf il-lingwa tal-klijent tiegħek. Fl-2006 sar studju għal Kummissjoni Ewropea biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż tan-negozji tal-UE li ma kellhomx ħakma ta’ ilsna barranin. L-istudju wera li l-SMEs li jinvestu fil-ħiliet lingwistiċi għall-istaff tagħhom, jew li kellhom xi tip ta’ strateġija lingwistika, il-bejgħ fl-esportazzjoni tagħhom kien 44.5% ogħla minn dawk li ma kienu jagħmlu ebda investiment ta' din ix-xorta.

X'jaħsbu l-Ewropej dwar il-lingwi?

Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar l-attitudnijiet taċ-ċittadini tal-UE lejn il-multilingwiżmu u lejn it-tagħlim ta’ ilsna barranin ppubblikat f’Ġunju 2012, kważi disgħa minn kull 10 ċittadini tal-UE jaħsbu li l-kapaċità li jitkellmu lingwi barranin hija utli ferm, u 98% jgħidu li ħakma tajba tal-lingwi tkun ta’ benefiċċju għall-futur ta' uliedhom. L-Ewropej jafuhom sew il-benefiċċji tal-multilingwiżmu: 72% jaqblu mal-objettiv tat-tagħlim tal-lingwi u 77% jemmnu li għandu jkun prijorità; 53% jużaw il-lingwi f’xogħolhom u 45% jaħsbu li sabu impjieg aħjar f'pajjiżhom grazzi għall-ħiliet tagħhom fil-lingwi barranin.

Kif huma l-Ewropej meta jiġu biex jużaw il-lingwi?

Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2012, l-għadd ta’ Ewropej li jgħidu li jistgħu jikkomunikaw b'lingwa barranija naqas bi ftit, minn 56% għal 54%, u dan mill-aħħar stħarriġ dwar il-multilingwiżmu fl-2005. Studju tal-Kummissjoni Ewropea separat, l-ewwel Stħarriġ Ewropew dwar il-Kompetenzi Lingwistiċi, wettaq testijiet tal-lingwi fost l-istudenti fl-età ta’ bejn it-13 u d-19-il sena f'14-il pajjiż Ewropew; minnu ħareġ li 42% huma kompetenti fl-ewwel ilsien barrani tagħhom u 25% biss huma wkoll fit-tieni wieħed ukoll. Numru sinifikanti, 14% fil-każ tal-ewwel lingwa barranija u 20% fit-tieni, lanqas biss jirnexxilhom jilħqu l-livell ta’ “utent bażiku”. Il-proporzjon ta’ studenti li huma kompetenti fl-ewwel lingwa barranija tagħhom ivarja bejn 82% f'Malta u l-Isvezja (fejn l-Ingliż huwa l-ewwel lingwa barranija) sa 14% fi Franza (li jitgħallmu tal-Ingliż) u 9% fl-Ingilterra (li jitgħallmu l-Franċiż). L-internet ħeġġeġ lin-nies iwessgħu l-ħiliet tal-qari u s-smigħ "passiv" tagħhom f'lingwi barranin. L-għadd ta’ Ewropej li regolarment jużaw il-lingwi barranin fuq l-internet, ngħidu aħna permezz tal-midja soċjali, żdied b’10 punti perċentwali, minn 26% għal 36%. L-iktar pajjiż multilingwi tal-UE huwa l-Lussemburgu, fejn 99% taċ-ċittadini għandhom ħakma tal-inqas ta’ lingwa barranija waħda.

Min hi l-aktar persuna li taf lingwi fil-Kummissjoni Ewropea?

Ioannis Ikonomou, li jaħdem bħala traduttur għall-Kummissjoni Ewropea, jitkellem 32 lingwa. Ioannis twieled Irakleio, Kreta. Studja l-lingwistika fl-Università ta’ Thessaloniki qabel m'għamel MA fil-lingwi u l-kulturi tal-Lvant Nofsani fl-Università ta’ Columbia fl-Istati Uniti. Ioannis has worked for the Commission since 2002. Se jkun wieħed mill-kelliema fil-konferenza ta’ Ċipru bl-isem “Il-Multinlingwiżmu fl-Ewropa”.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website