Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, it-12 ta' Settembru 2012

Ittra mingħand il-President Barroso lill-President tal-Parlament Ewropew, is-Sur Martin Schulz

"Għażiż President Schulz,

Fid-Diskors tal-Istat tal-Unjoni llum, qed nispjega viżjoni politika ċara għall-futur tal-Unjoni tagħna. L-isfidi li qiegħed insemmi jeħtieġu viżjoni, koerenza u effikaċja min-naħa tal-Istituzzjonijiet tal-UE. Billi tuża d-dritt tagħha ta’ inizjattiva, fix-xhur li ġejjin il-Kummissjoni se tressaq proposti mfassla biex jirrispondu għall-isfidi identifikati fid-diskors tiegħi. F’konformità mal-Ftehim Qafas bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni u b’segwitu għad-djalogu strutturat bejn il-membri tal-Kummissjoni u l-kumitati parlamentari differenti, f’din l-ittra qed nispjega l-elementi ewlenin li qed jigwidaw it-tħejjija tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2013 u lil hinn minnha.

L-imperattiv politiku ġenerali tagħna huwa li nirriformaw l-ekonomija Ewropea biex tipprovdi tkabbir sostenibbli u għani fl-impjiegi. Dan huwa kompitu kbir li jokkonċerna s-setturi kollha tas-soċjetà. Għaldaqstant il-Kummissjoni se tippreżenta l-programm ta' ħidma tagħha li jmiss permezz ta’ serje ta’ objettivi ewlenin li mbagħad se jkunu milħuqa permezz ta' bosta inizjattivi speċifiċi. Dawn l-objettivi jieħdu mir-riflessjonijiet tal-Parlament stess dwar l-azzjonijiet ewlenin għall-futur. Din l-ittra għandha ssostni d-djalogu tagħna li jibqa' għaddej matul il-perjodu qabel ma jkun adottat il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni x-xahar id-dieħel. Il-Programm ta’ Ħidma se jkopri inizjattivi ewlenin li għandhom ikunu proposti fl-2013 - is-Sena Ewropea għaċ-Ċittadini - u fl-2014, sabiex iwassalna sal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’nofs l-2014. Iktar speċifikament, se jkun imfassal biex jiżgura sostenibbiltà akbar u biex ikompli jwassal dak kollu li hu neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020.

Oqsma ta’ prijorità

Dak li jsegwi hija indikazzjoni tax-xogħol li hu għaddej fi ħdan il-Kummissjoni. Huwa wkoll soġġett għal iktar djalogu bejn l-Istituzzjonijiet tagħna. Il-Programm ta' Ħidma se jkun iffinalizzat biss wara l-laqgħa tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati mal-Kummissjoni fit-2 ta’ Ottubru.

Unjoni Ekonomika u Monetarja profonda u ġenwina

Fid-diskors tal-lum dwar l-Istat tal-Unjoni, jien ħabbart l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta pjan komprensiv għal Unjoni Ekonomika u Monetarja profonda u ġenwina. Hemm qbil qawwi li din hija indispensabbli għall-futur tal-ekonomija Ewropea. Il-kumbinament ta' Unjoni Bankarja, Unjoni Fiskali u tal-elementi neċessarji ta’ Unjoni Politika jipprovdi l-pjattaforma sikura meħtieġa biex jinbnew tkabbir sostenibbli, impjiegi u kompetittività.

Aħna diġà qed immexxu din l-aġenda permezz ta’ proposti konkreti għal mekkaniżmu superviżorju waħdieni għall-banek li l-Kummissjoni għadha kemm adottat u li, flimkien mal-proposta eżistenti dwar ir-rekwiżiti tal-kapital bankarju, assigurazzjoni tad-depożiti u r-riżoluzzjoni tal-banek, se jirrikjedu attenzjoni prijoritarja mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fix-xhur li ġejjin. Addizzjonalment nittama li nistgħu niffinalizzaw malajr l-adozzjoni ta’ żewġ pakketti proposti mressqa mill-Kummissjoni s-sena l-oħra.

Fl-istess waqt, it-tiġdid eknomiku se jirnexxi biss jekk ikun imsejjes fuq sens ta’ ġustizzja u ekwità. Għaldaqstant il-Kummissjoni se jżżid l-isforzi tagħha biex tittratta l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u tiżgura li s-setturi kollha jħallsu kontribuzzjoni xierqa għall-fond pubbliku. Jeħtieġ li l-Kunsill jaqbel urġentament mad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq it-tfaddil u jagħti mandat lill-Kummissjoni li jippermettilha tinnegozja ftehimiet iktar b’saħħithom dwar it-tassazzjoni fuq it-Tfaddil mal-pajjiżi ġirien. Issa huwa ċar li l-proposta għal Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji, li jien ippreżentajtilkom fid-Diskors tiegħi dwar l-Istat tal-Unjoni sena ilu, jeħtieġ li timxi ‘l quddiem taħt koperazzjoni msaħħa. Il-Kummissjoni se tirreaġixxi pożittivament u rapidament għal kwalunkwe talba biex nimxu f’din id-direzzjoni.

Eżempji ta’ miżuri futuri li għandhom jitressqu jistgħu jinkludu:

  • Iktar proposti biex jikkompletaw il-qafas regolatorju għas-servizzi finanzjarji u l-unjoni bankarja, e.g. leġiżlazzjoni biex tindirizza riskji sistemiċi relatati ma' istituzzjonijiet non-bankarji u sistemi ta' banek paralleli u iktar miżuri biex jirrinfurzaw l-identifikazzjonijiet u l-prevenzjoni ta’ riskji fl-attivitajiet bankarji

  • Bħala parti mill-approfondiment li jinsab għaddej tal-governanza ekonomika tal-UE, iktar żvilupp tal-koordinazzjoni ex ante tal-pjanijiet ta’ riforma tal-politika ekonomika tal-Istati Membri u s-sostenn ta’ tali pjanijiet fil-kuntest tas-Semestru Ewropew

  • Azzjoni biex jissaħħaħ il-provvediment ta’ finanzjament fuq terminu twil lill-ekonomija reali

  • Pjan ta' Azzjoni biex jiġġieled il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa

  • Proposti li jittrattaw rifuġji fiskali u pjanar aggessiv tat-taxxa mill-kumpaniji

  • Proposti dwar l-operazzjonijiet bankarji għall-konsumatur inkluż it-trasparenza dwar l-imposti u ż-żieda fil possibbiltà li l-konsumatur ibiddel il-bank

It-tisħiħ tal-impjiegi u t-tkabbir fis-Suq Uniku u politika industrijali ġdida

L-iżvilupp teknoloġiku u l-bidla globali huma żewġ sfidi ewlenin għall-Ewropa llum. Sabiex inbiddluhom f'opportunitajiet għat-tkabbir hija meħtieġa azzjoni biex ittejjeb l-attrazzjoni tal-investiment fl-UE u biex trawwem l-ispirtu intraprenditorjali fi ħdan l-UE sabiex negozji ġodda jkunu jistgħu jinbtu u jirnexxu. Il-Kummissjoni se tkompli tinsisti għal riformi biex is-Suq Uniku joħroġ il-potenzjal sħiħ tiegħu, notevolment permezz ta’ Att ulterjuri dwar is-Suq Uniku li se jkun propost f’Ottubru. F’Ottubru 2012, il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll proposta għal politika industrijali moderna, segwita minn Pjan ta’ Azzjoni biex jikkontribwixxi għal Ewropa iktar intraprenditorjali matul il-ħarifa u inizjattiva fis-settur tal-karozzi sal-aħħar tas-sena. Id-dimensjoni Ewropea teħtieġ li tkun sfruttata bis-sħiħ jekk il-potenzjal ta' innovazzjoni għandu jkun realizzat, biex titneħħa l-istigma ta' falliment fin-negozju, u biex ikun żgurat li jsir l-investiment issa fl-industriji li se jkunu l-pediment tal-ekonomija Ewropea fil-futur.

Waqt li jibni fuq dawn il-proposti ewlenin il-Programm ta' Ħidma jista jinkludi wkoll inizjattivi biex:

  • Jinħolqu regoli ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni

  • Ikun intensifikat ix-xogħol fuq standards, ċertifikazzjoni u tikketti

  • Ikun immodernizzat l-approċċ tagħna għad-drittijiet ta' propjetà intellettwali

  • Ikun stimulat u megħjun l-investiment privat kif ukoll l-aċċess għall-kapital, notevolment għall-SMEs

  • Jiżvilippaw approċċ ġdid għall-falliment tan-negozju u l-insolvenza

L-iżgurar ta’ koeżjoni soċjali permezz ta’ investiment fin-nies

L-UE trid tkompli tieħu passi fuq livell Ewropew li jistgħu jgħinu biex ikun indirizzat il-qgħad iffaċċat minn miljuni illum. Attenzjoni partikolari trid tkompli tingħata liż-żagħżagħ, li huma partikolarment affettwati mis-sitwazzjoni tal-qgħad. Fl-approċċ tagħna rridu nqisu l-isfida fuq terminu twil ta’ soċjetà li qed tixjieħ u l-bżonn li l-Ewropej ikunu mgħammra bil-kompetenzi globali li se jkunu kritiċi għall-iżvilupp tan-negozju u għalhekk għall-ħolqien ta’ impjiegi u l-prosperità futura tagħna. It-tħejjija tas-suq tax-xogħol Ewropew biex isaħħaħ l-impjegabbiltà se tkun vitali għall-varar mill-ġdid tat-tkabbir, bl-immodular tal-azzjoni biex ikunu indirizzati gruppi differenti bħall-vulnerabbli jew dawk b’kompetenzi għoljin u biex jittieħed vantaġġ minn innovazzjoni iktar b’saħħitha fl-edukazzjoni u fis-sistemi ta’ taħriġ u s-servizzi tal-impjiegi.

Eżempji ta’ miżuri futuri li jistgħu jkunu inklużi fil-Programm ta’ ħidma huma inizjattivi biex:

  • Iwasslu pakkett ta’ investiment soċjali

  • Jiffaċilitaw il-moviment ħieles tal-ħaddiema

  • Itejbu l-aċċess għas-suq tax-xogħol għall-gruppi vulnerabbli

  • Jespandu l-inizjattiva Żgħażagħ dwar l-impjiegi u l-mobilità

Netwerking tal-Ewropa

Netwerks effettivi se jkunu ċentrali għall-prospetti futuri tal-Ewropa u dan huwa qasam fejn id-dimensjoni Ewropea hija partikolarment essenzjali għas-suċċess. L-investiment f’infrastruttura moderna u l-ekonomija diġitali jiftħu l-bibien għal tkabbir madwar is-suq uniku kollu kemm hu. Industriji tan-netwerks fl-Ewropa jeħtieġ li jkunu reżiljenti, sikuri u kompetittivi, u jisfruttaw bi sħiħ l-innovazzjoni. Il-Kummissjoni qed taħdem biex tiżgura li l-Ewropej ikunu jistgħu jidħlu onlajn fi kwalunkwe post, fi kwalunkwe ħin u permezz ta’ kwalunkwe apparat sal-2015 u li sal-2020 l-UE tkun interkonnessa kompletament bejn il-konfini u n-netwerks. Jeħtieġ li nkunu “konnessi biex nikkompetu” u li nagħmlu iktar biex noħolqu żona vera ta’ trasport Ewropew b’regoli Ewropej. Il-Kummissjoni se tkompli tibni sistema ta’ trasport kompetittiva, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u inteliġenti, partikolarment permezz ta’ pakkett ġdid għall-ferroviji u inizjattiva dwar it-trasport nadif li għandha tkun adottata sa tmiem din is-sena. Se nkomplu wkoll nibnu fuq il-politika marittima integrata tagħna. Il-Programm ta' Ħidma jista’ jinkludi miżuri biex:

  • Tintuża teknoloġija biex jitkissru l-ostakoli bejn in-netwerks, tiżgura siġurtà aħjar tan-netwerks u ttejjeb l-għażla tal-konsumatur

  • Tkun illiberata bandwidth permezz ta’ politika attiva ta’ spectrum tal-UE u jinħoloq qafas xieraq biex ikun esplorat il-potenzjal sħiħ tal-cloud computing

  • Tkun varata fażi ġdida tal-Ajru Uniku Ewropew

  • Ikunu allinjati s-sistemi tal-VAT biex ikunu prevenuti distorsjonijiet u iffaċilitat in-negozju fil-kummerċ elettroniku.

Użu sostenibbli u effiċjenti tar-riżorsi

L-Ekonomija futura Ewropea teħtieġ li tuża r-riżorsi eżistenti b’mod iktar effiċjenti u li tnaqqas l-emmissjonijiet tal-gass b’effet ta’ serra. Il-mixja f'din id-direzzjoni tista’ wkoll tillibera potenzjal għall-innovazzjoni u għaldaqstant tkabbir b'impatt dirett fuq il-prosperità u l-impjiegi.

Il-Programm ta’ Ħidma jista’ jinkludi inizjattivi biex:

  • Tkun inkwadrata l-politika dwar il-klima u l-enerġija biex tingħata perspettiva fuq terminu twil għall-investiment lil hinn mill-2020

  • Ikunu ggalvanizzati l-opportunitajiet teknoloġiċi biex isaħħu l-effiċjenza tal-enerġija fis-settur tat-trasport

  • Ikunu reveduti d-direttivi dwar il-kwalità tal-arja

  • Ikun permess l-iżvilupp ta’ grilji inteliġenti tal-enerġija u qari inteliġenti tal-konsum

  • Segwitu ta’ Rio +20

Ewropa Sikura

L-UE hija mibnija fuq pedamenti sodi ta' drittijiet fundamentali u stat tad-dritt. Waħda mill-ikbar kisbiet tal-UE hija l-libertà li toffri liċ-ċittadini tagħna sabiex jgħixu , jivvjaġġaw, jaħdmu u jagħmlu negozju fi Stati Membri oħra tal-UE. Meta aħna effettivi fl-immaniġġar tal-kriminalità jew il-korruzzjoni jew meta nikkontrollaw il-konfini esterni tagħna b’mod effettiv, aħna qed niproteġu dawn id-drittijiet u l-libertajiet. Għandna wkoll responsabilitajiet – li nsaħħu l-istrumenti biex niffaċċaw sitwazzjonijiet potenzjalment diffiċli relatati mal-migrazzjoni, biex nissalvagwardjaw is-saħħa u s-sigurtà alimentari, biex nirreaġixxu b’mod effettiv għal diżastri kkawżati mill-bniedem jew dawk naturali, u biex noffru refuġju sikur lil dawk li jiffaċċaw persekuzzjoni.

Azzjonijiet li għandhom ikunu spjegati fil-Programm ta’ Ħidma jistgħu jinkludu miżuri biex:

  • Ikunu miġġielda l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu

  • Tittejjeb iċ-ċirkolazzjoni ta’ informazzjoni dwar rekords kriminali

  • Ikun Stabbilit Uffiċċju Ewropew ta’ Prosekutur Pubbliku biex ikunu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni

  • Tkun reveduta d-direttva tas-sigurtà nukleari u jsiru proposti dwar ir-responsabbilta u l-assigurazzjoni nukleari, u dwar il-preparatezza u r-reazzjoni għal emerġenza nukleari

  • U rapport dwar iċ-ċittadinanza li jissottolinja l-ħtieġa għall-azzjoni iktar b’saħħitha biex jitneħħew l-ostakoli li jipprevjenu liċ-ċittadini milli jgawdu mill-benefiċċji li tofri s-sħubija fl-UE.

L-Ewropa bħala attur globali

L-UE għandha firxa wiesgħa ta' objettivi globali, mit-tfittxija li nilħqu l-valuri tagħna, għat-tfittxija biex niksbu l-interessi ekonomiċi tagħna, għall-promozzjoni tal-iżvilupp. UE magħquda, li titkellem u taġixxi bħala waħda, hija l-aktar mod effettiv biex ikunu segwiti dawn l-interessi.

Matul il-perjodu kopert mill-Programm ta’ ħidma, il-Kummissjoni se tkun qed taħdem fuq:

  • Li timplimenta l-istrateġija multidirezzjonali tagħna (assistenza finanzjarja, kummerċ u mobilità) biex tappoġġa riformi politiċi u ekonomiċi fil-viċinat tagħna

  • Kummerċ u investiment imtejba ma’ msieħba strateġiċi, kif ukoll koperazzjoni multisettorjali

  • It-tħejjija ta’ xogħol ulterjuri fuq il-kisba tal-Għanijiet għall-Iżvilupp tal-Millenju u t-teħid ta’ rwol attiv fid-dibattitu internazzjonali fuq l-għanijiet għall-iżvilupp globali wara l-2015

  • Il-Pakket għat-Tkabbir annwali li jmiss

  • Il-varar ta' Ċentru għal Rispons ta' Emerġenza li se jgħin lill-Istati Membri tagħna biex jiffaċċaw diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem u jsaħħaħ ulterjorment ir-rispons Ewropew fil-pajjiżi terzi

Investiment għall-futur: naqblu dwar QFP li jħares 'il quddiem u nimplimentawh

Ix-xogħol tal-Kummissjoni matul is-sena li ġejja se jkun ukoll sostanzjalment xprunat minn xogħol biex tidħol fis-seħħ il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ investiment mill-baġit tal-UE u mit-tħejjija tal-implimentazzjoni tal-QFP li jmiss li għad irid ikun adottat din is-sena. Ir-rwol tal-Parlament li jiżgura baġit u riżorsi proprji li jissodisfaw il-kompitu se tkun il-punt kruċjali biex ikun massimizzat il-potenzjal tal-baġit tal-UE li jirnexxi u l-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Parlament biex tikkonkludi l-leġiżlazzjoni settorjali kollha li tippermetti lill-UE timplimenta baġit pluriennali favur it-tkabbir, li jimmodernizza. L-appoġġ tal-Parlament għall-adozzjoni ta’ inizjattivi bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u Orizzont 2020 se jkollu rwol importanti f’dan il-kuntest, addizzjonalment fuq l-appoġġ kontinwu tiegħu għal politika agrikola komuni u koeżjoni b’saħħithom.

Rinfurzar tar-responsabbiltà demokratika fl-Unjoni Ewropea

Integrazzjoni aktar profonda teħtieġ iktar integrazzjoni politika u livell għoli ta’ responsabbiltà demokratika. Jeħtiġilna li niggarantixxu sorveljanza demokratika effettiva u li nassiguraw liċ-ċittadini li dan il-proġett huwa l-proġett tagħhom – mhux sempliċiment proġett tal-elit ekonomiku u politiku. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar l-Istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej – adottata llum – hija pass importanti fil-ħolqien ta’ spazju politiku ġenwin Ewropew. Ħafna jista’ u għandu jsir f’dan ir-rigward. F’konformità mad-diskors tal-lum, il-Kummissjoni tixtieq tidħol għal riflessjoni mal-Parlament Ewropew dwar il-miżuri xierqa, kemm dwar l-iskrutinju parlamentari u r-responsabbiltà tat-tfassil politiku attwali u fid-dawl tal-qafas xieraq għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jmiss.

Programm ta’ Ħidma li jirnexxi

Dawn l-objettivi ewlenin se jinkwadraw it-traduzzjoni tal-viżjoni usa’ f’azzjonijiet konkreti matul is-snin li ġejjin. Fil-finalizzazzjoni tal-inizjattivi individwali għall-Progrann ta’ Ħidma tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni se:

  • Tressaq il-quddiem il-miżuri bl-ikbar impatt fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Hija se tipprijoritizza inizjattivi li jistgħu jiksbu riżultati malajr, waqt li b’mod parallel tlesti l-pedamenti għas-sostenibbiltà fuq terminu twil. Se tingħata prijorità lill-implimentazzjoni tal-Patt għat-Tkabbir maqbul riċentament.

  • Tfittex li tiżgura li l-UE u l-livelli nazzjonali jaġixxu flimkien biex jiżguraw l-ikbar benefiċċji. Huwa għalhekk li l-approfondiment tal-approċċ tal-Ewropa 2020 huwa daqstant importanti biex ikunu segwiti b’suċċess it-tkabbir u l-impjiegi.

Bħal dejjem il-miżuri sottolinjati fil-Programm ta' Ħidma jkopru biss parti mix-xogħol tal-Kummissjoni. L-Istituzzjonijiet kollha se jkunu magħsura biex jagħtu prijorità lill-finalizzazzjoni tal-proposti li diġà jinsabu fuq il-mejda u biex jgħinu biex ikun żgurat li l-miżuri maqbula jkunu implimentati b’mod effettiv. Għall-Kummissjoni, dan ifisser l-iffukar tar-riżorsi tagħna fuq proposti li fuqhom jista’ jintlaħaq qbil politiku qabel nofs l-2014, waqt li jkunu applikati l-ogħla standards tar-regolamentazzjoni inteliġenti. F’dan il-kuntest, nixtieq nieħu l-opportunità biex ninfurmak bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirtira l-proposta tagħha għal Regolament dwar l-eżerċizzju tad-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva fil-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jkun provdut servizz ('Monti II').

Id-dibattitu tal-lum dwar l-Istat tal-Unjoni se jkun element kostitwenti ieħor importanti fid-djalogu tagħna biex nagħtu forma lil din il-prijoritizzazzjoni. Nistenna bil-ħerqa li nilqa’ t-tielet laqgħa bejn il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati u l-Kulleġġ fit-2 ta’ Ottubru. Il-Kummissjoni se teżamina wkoll bir-reqqa r-reżoluzzjoni dwar il-prijoritajiet tal-Parlament għall-2013, li kienet adottata din il-ġimgħa. Jien nikkunsidraha indikazzjoni importanti tal-prijoritajiet konverġenti tagħna li l-Kummissjoni qiegħda attwalment attivament taħdem fuq għadd konsiderevoli tal-inizjattivi li dwarhom il-Parlament u l-kumitati tiegħu kienu qed jirriflettu fuqhom. Huwa previst li wħud minn dawn se jkunu adottati mill-Kummissjoni iktar tard din is-sena.

Fis-snin li għaddew, l-UE ppruvat li hi attur indispensabbli fil-ġlieda biex tkun iffaċċata l-kriżi. Flimkien, ipprovdejna soluzzjonijiet immirati għal urġenzi immedjati. U żammejna l-iffukar fuq l-isfidi fuq terminu twil tal-Ewropa. Daħħalna fis-seħħ sistema ġdida ta’ governanza ekonomika, fassalna mill-ġdid is-sistema tagħna ta’ regolamentazzjoni u superviżjoni finanzjarja, u żammejna t-tkabbir u l-impjiegi fil-qalba tax-xogħol tagħna. Is-sħubija mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet tagħna diġà tat ir-riżultati. Issa rridu nkomplu nimxu ‘l quddiem, bil-bilanċ xieraq bejn finanzi pubbliċi sodi, riforma strutturali u investiment immirat. Nistenna ħerqan li naħdem mal-Parlament biex inwasslu programm effettiv għal azzjoni matul is-sena li ġejja.

José Manuel BARROSO"


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website