Navigation path

Left navigation

Additional tools

Brussell, 12 ta' Settembru 2012

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

X’inhu l-għan ta’ din il-proposta?

Il-proposta tal-Kummissjoni timmira li żżid il-viżibilità, ir-rikonoxximent, l-effettività, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi affiljati tagħhom. Għal dan il-għan, hija ttejjeb il-finanzjament u l-qafas regolatorju li fih joperaw.

Hija ma għandha ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE, u lanqas ma tinfluwenza b’xi mod id-deċiżjonijiet futuri dwar l-ammonti globali disponibbli skont il-baġit tal-UE għall-finanzjament tal-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet.

X'inhu r-rwol tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi affiljati?

It-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jirrikonoxxu r-rwol fundamentali tal-partiti politiċi f'livell Ewropew, minħabba li jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni (l-Artikolu 10 tat-TUE u l-Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali).

Il-partiti politiċi fil-livell Ewropew għandhom, bħala membri, partiti nazzjonali u reġjonali mill-Istati Membri u, f’bosta każijiet, jippermettu wkoll sħubija minn ċittadini individwali. Huma atturi prinċipali biex tissaħħaħ id-demokrazija Ewropea, billi huma f'pożizzjoni privileġġata biex jistabbilixxu rabtiet maċ-ċittadini u jimlew il-vojt li jissepara l-livelli politiċi nazzjonali u Ewropej. Billi jippromwovu d-djalogu politiku transkonfinali, huma jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' sfera pubblika Ewropea.

Hemm xi regoli eżistenti għall-partiti politiċi Ewropej?

Sett ta' regoli ilhom fis-seħħ mill-2003 (ir-Regolament 2004/2003), l-aktar biex jittrattaw il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u, wara emenda fl-2007, tal-fondazzjonijiet politiċi affiljati tagħhom. Sal-2012, hemm 13-il partit politiku u 12-il fondazzjoni fil-livell politiku Ewropew, u bejniethom jaqsmu total ta' EUR 31 miljun. Għalkemm il-partiti u l-fondazzjonijiet huma rikonoxxuti fil-livell Ewropew u jirċievu finanzjament mill-baġit tal-UE, dawn huma entitajiet legali nazzjonali.

Huma ġieli jkollhom isem u sħubija simili, iżda l-partiti politiċi Ewropej huma differenti mill-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew.

Għalfejn hemm ħtieġa għal statut legali Ewropew għall-partiti politiċi Ewropej?

Din kienet talba tal-Parlament li ilha pendenti għal żmien twil, imtennija f'riżoluzzjoni abbozzata mill-Membru Parlamentari Ewropew Marietta Giannakou u adottata f’April tas-sena li għaddiet.

Il-partiti politiċi Ewropej saru atturi prinċipali fil-ħajja politika tal-Unjoni. Madankollu, għal varjetà ta’ raġunijiet, inkluż l-istatus legali tagħhom bħala NGOs fis-sistema legali ta’ Stat Membru, sa issa ma kinux f'pożizzjoni li jissodisfaw kompletament ir-rwol mogħti lilhom mit-Trattati.

L-istatut legali Ewropew se jipprovdi lill-partiti politiċi Ewropej bl-għarfien li huma jeħtieġu u jgħinhom biex joperaw b’mod viżibbli u effiċjenti madwar l-Ewropa u lil hinn. Huwa pass sostanzjali 'l quddiem fit-tisħiħ tad-demokrazija fl-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni għandha t-tama li r-regoli l-ġodda jkunu jistgħu jiġu miftiehma malajr mill-koleġiżlaturi, fil-ħin għall-kampanji tal-elezzjonijiet tal-PE fl-2014.

Il-Parlament ilu s-snin jitlob għal Statut Ewropew għall-partiti politiċi f'livell Ewropew. Għaliex il-Kummissjoni stenniet sal-lum biex tipproponi tali statut?

Il-ħolqien ta’ statut legali għall-partiti politiċi Ewropej huwa pass ambizzjuż u potenzjalment kbir, li jeħtieġ analiżi b’attenzjoni.

Fl-2007, meta saru l-aħħar bidliet għar-regoli, il-Kummissjoni kienet taħt pressjoni konsiderevoli ta’ żmien u għalhekk għażlet minflok li tintroduċi bidliet limitati għal-leġiżlazzjoni eżistenti.

Illum, il-kundizzjonijiet kollha huma f’posthom għalina biex nippreżentaw proposta ambizzjuża, li tistabbilixxi qafas ġdid sħiħ li fih il-partijiet u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jistgħu jiżviluppaw, jikbru u jadattaw għall-isfidi tal-lum u ta' għada.

X’inhi l-konnessjoni bejn din il-proposta dwar il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi, u l-proposta tal-Kummissjoni ta' Frar 2012 dwar l-Istatut tal-Fondazzjonijiet Ewropej?

Fi Frar il-Kummissjoni adottat proposta leġiżlattiva dwar statut ġenerali għall-Fondazzjonijiet Ewropej. Din il-proposta li tkopri bosta oqsma għandha l-għan li tagħmel aktar faċli l-attivitajiet panEwropej ta’ fondazzjonijiet attivi f’oqsma ta’ benefiċċju pubbliku – bħas-saħħa, l-edukazzjoni, ix-xjenza u d-drittijiet fundamentali. Hija twieġeb id-domanda li ilha pendenti mill-partijiet interessati u mill-Parlament Ewropew fil-qasam tal-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni soċjali.

Il-proposta dwar il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet affiljati tagħhom toffri lil dawn tal-aħħar qafas speċifiku legali, finanzjarju u qafas regolatorju adattat għall-ħtiġijiet tagħhom.

Statut Ewropew huwa propost kemm għall-partiti politiċi Ewropej kif ukoll għall-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Għaliex huma suġġetti għal regoli differenti ta' finanzjament?

In-natura tal-ispejjeż imġarrba mill-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet politiċi huma differenti. In-natura proprja tal-partiti politiċi, li jeħtieġu flessibbiltà biex jaġġustaw u jirreaġixxu għal żviluppi politiċi urġenti jew mhux previsti, jiġġustifikaw reġim speċjali għalihom.

Il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, madankollu, iwettqu kompiti u għandhom tip ta’ nefqa simili għal fondazzjonijiet oħra mhux politiċi jew l-organizzazzjonijiet iffinanzjati permezz tal-programmi tal-UE. Għalhekk mhemm l-ebda ġustifikazzjoni biex dawn jitneħħew mis-sistema kurrenti ta' għotjiet operattivi.

X'se jkunu eżattament il-kriterji għall-aċċess tal-istatus legali Ewropew u għall-finanzjament tal-UE?

Il-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet li jixtiequ li jsiru entitajiet Ewropej billi jirreġistraw fil-livell Ewropew iridu jissodisfaw firxa ta’ kondizzjonijiet. Dawn jinkludu rappreżentazzjoni f'numru kbir biżżejjed tal-Istati Membri tal-UE, rispett għal prinċipji mingħajr skop ta’ qligħ, u r-rispett għall-valuri li fuqhom hija mibnija l-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet għandhom jissodisfaw standards għolja ta' demokrazija interna, governanza, trasparenza u responsabbiltà.

Nittamaw li dawn il-kundizzjonijiet, li jistgħu jkunu faċilment sodisfatti minn alleanzi transnazzjonali organizzati u impenjati ta' partiti politiċi u individwi, jinkoraġġixxu li jitfaċċaw partiti politiċi Ewropej ġodda.

Sabiex jirċievu finanzjament pubbliku tal-UE, ir-reġistrazzjoni bħala partit politiku jew fondazzjoni Ewropea hija l-ewwel pass meħtieġ. Madankollu, minħabba l-ammont limitat ta' flus tal-UE disponibbli għal dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni temmen li partit għandu juri wkoll livell suffiċjenti ta’ ambizzjoni Ewropea, u li għandu appoġġ, u għalhekk jirrappreżenta l-fehmiet u l-opinjonijiet, ta' porzjon suffiċjenti taċ-ċittadini tal-UE. Għalhekk, u b'rikonoxximent tar-rwol li l-Parlament Ewropew għandu direttament f'li jirrappreżenta ċ-ċittadini tal-Unjoni, l-aċċess għall-finanzjament tal-UE jiddependi fuq li partit Ewropew jirbaħ għall-inqas siġġu wieħed fl-elezzjonijiet tal-PE.

Il-prestazzjoni elettorali hija mod oġġettiv li jistabbilixxi kemm l-ambizzjoni Ewropea kif ukoll ir-rikonoxximent ta’ partit politiku Ewropew, u dan ir-rekwiżit addizzjonali għandu jitqies bħala inċentiv biex wieħed jipparteċipa bis-sħiħ fil-ħajja demokratika Ewropea fl-ogħla livell possibbli.

Xi jfisser li wieħed jirrispetta l-valuri li fuqhom hija mibnija l-UE? Il-partiti politiċi ewroxettiċi se jkunu ppenalizzati?

Il-partiti politiċi u fondazzjonijiet Ewropej kollha jridu jirrispettaw id-drittijiet u l-prinċipji fundamentali. Dawn jinkludu r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi.

Ir-regoli attwali jew futuri bl-ebda mod mhuma maħsuba biex jipprevjenu dibattitu b'saħħtu u demokratiku dwar il-futur tal-UE.

Il-partiti politiċi Ewropej jistgħu jipparteċipaw fir-referenda nazzjonali jekk dawn jikkonċernaw kwistjonijiet tal-UE?

Le. Il-finanzjament fir-referenda nazzjonali, anke dak li jikkonċerna kwistjonijiet tal-UE, huwa kwistjoni li trid tiġi indirizzata skont il-liġijiet nazzjonali.

X'passi ttieħdu biex jiżgura liċ-ċittadini tal-UE li l-finanzjament tal-UE u l-finanzjament privat se jintużaw għal skopijiet leġittimi?

Il-Kummissjoni qed tipproponi li żżid b'mod sinifikanti t-trasparenza, il-kontabbiltà u l-qafas ta' kontroll. Ir-regoli l-ġodda għandhom, pereżempju, jobbligaw lill-Parlament Ewropew biex jippubblika informazzjoni dettaljata relatata mar-rikonoxximent u l-proċeduri tal-finanzjament, inklużi rapporti finanzjarji annwali, listi ta' donaturi, il-membri ta' partiti, jew dokumenti u statuti ppreżentati lill-Parlament Ewropew bħala parti mill-proċess ta’ reġistrazzjoni.

Barra minn hekk, il-proposta tipprevedi sistema komprensiva biex tissorvelja kif jiġu rċevuti u minfuqa l-fondi privati u tal-UE. Dan se jinvolvi l-koordinazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-atturi rilevanti tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li toħloq reġim ta' penali robusti, li, skont il-ksur, se jipprovdu għal sanzjonijiet li jvarjaw minn multi minuri għal telf tal-istatus Ewropew.

Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat l-abbuż tar-regoli tal-finanzjament, il-proposta tiċċara li l-MEPs se jingħaddu biss għall-iskop tad-determinazzjoni tal-ammont ta' finanzjament tal-UE lill-partit jekk jibqgħu fil-partit politiku Ewropew li fih huwa affiljat il-partit nazzjonali jew reġjonali. Dan għandu jiżgura wkoll aktar responsabbiltà u trasparenza fir-rigward taċ-ċittadini u l-votanti tal-UE.

L-istatut Ewropew għal partiti politiċi Ewropej se jbiddel il-kondizzjonijiet li taħthom huma impjegati l-persunal tal-partijiet?

Le. La l-liġi tax-xogħol u lanqas il-liġijiet tat-tassazzjoni ma jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 224 tat-TFUE.

Madankollu, f’tentattiv biex jippromwovu l-awtofinanzjament ta' partiti politiċi u fondazzjonijiet Ewropej, il-Kummissjoni qed tipproponi li d-donazzjonijiet transkonfinali jingħataw l-istess benefiċċji tat-trattament fiskali bħal dawk magħmula fi ħdan l-Istati Membri.

Għaliex il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-Istatut qed titkompla b'dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament Finanzjarju? Għalfejn ma għandniex żewġ proposti leġiżlattivi formali?

Ir-Regolament finanzjarju qed ikun rivedut bħalissa. Għalkemm diġà hemm ftehim formali bejn il-koleġiżlaturi, ir-Regolament emendat għadu ma daħalx fis-seħħ u għalhekk ma jistax jerġa' jiġi emendat.

Madankollu, id-dokument ta' ħidma mehmuż mal-proposta ġie approvat mill-Kummissjoni. Dan ser jiġi formalment mibdul fi proposta leġiżlattiva ladarba r-Regolament Finanzjarju rivedut ikun ġie adottat.

Dawn iż-żewġ dokumenti għandhom jitqiesu bħala pakkett.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website